Language of document : ECLI:EU:F:2016:123

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tat-2 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑41/10 RENV

Moises Bermejo Garde

vs

Il-Kumitat ekonomiku u socjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku – Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali wara annullament – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Uffiċjal vittma ta’ fastidju – Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – Uffiċjal informatur – Talba għal assistenza – Ċaħda – Dritt għall-protezzjoni – Kundizzjonijiet – Ċaħda – Konsegwenzi – Talba għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Moises Bermejo Garde essenzjalment talab l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), minn naħa, ċaħad it-talba għal assistenza li tressqet abbażi ta’ fastidju psikoloġiku mġarrab u rrifjuta li jitressaq ilment quddiem l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), u min-naħa l-oħra, temm il-funzjonijiet preċedenti tiegħu u ordna li jiġi assenjat xogħol ġdid, u jitlob ukoll li l-KESE jiġi kkundannat biex iħallsuh id-danni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2010 li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti ta’ Moises Bermejo Garde bħala kap ta’ diviżjoni tas-servizz legali u tat-13 ta’ April 2010 dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu huma annullati. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa kkundannat iħallas lil M. Bermejo Garde s-somma ta’ EUR 25 000. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn M. Bermejo Garde fil-Kawżi F‑41/10, T‑530/12 P u F‑41/10 RENV.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Senjalazzjoni ta’ fatti fil-kuntest tal-Artikolu 12a u fil-kuntest tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – Kundizzjonijiet – Bona fide tal-uffiċjal – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet iċċitat iktar ’il fuq – Osservanza ta’ obbligi oħra li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11, 12a u 22a)

2.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha – Rekwiżit ta’ natura intenzjonali ta’ aġir – Persuna li kkawżat il-fastidju tkun aġixxiet taħt il-pressjoni ta’ membru tal-Istituzzjoni – Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 22a)

3.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Vittma ta’ fastidju – Protezzjoni speċjali

4.      Uffiċjali – Uffiċjal informatur – Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – Senjalazzjoni ta’ fatti fil-kuntest tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – Evalwazzjoni tal-fatti – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

1.      Huwa stabbilit li, kemm fil-każ tal-uffiċjal li jħossu vittma ta’ fastidju fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fil-każ ta’ uffiċjal li, taħt l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, jinforma lill-ġerarkija tal-Istituzzjoni tiegħu jew direttament lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi dwar fastidju jew fatti oħra li jistgħu jwasslu sabiex tiġi preżunta attività possibbilment illegali li taf tkun ta’ dannu għall-interessi tal-Unjoni fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-fatti allegati għandhom fi kwalunkwe każ ikunu kkomunikati lill-Istituzzjoni kkonċernata fl-osservanza tal-obbligi ta’ ordni ġenerali li jirriżultaw mill-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, l-uffiċjali li jkunu qed jaġixxu taħt dawn l-artikoli huma wkoll suġġetti għall-obbligi ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità li huma imposti fuqhom, bl-obbligu li titħares id-dinjità tal-funzjoni tagħhom u mad-dmir tagħhom ta’ lealtà kif ukoll mal-obbligu li jiġu osservati l-unur u l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-persuni kkonċernati.

Għaldaqstant, meta uffiċjal jikkomunika informazzjoni taħt l-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ma jistax jeħles mill-obbligi u mid-dmirijiet l-oħra tiegħu. Għal kuntrarju, huwa għandu juri li aġixxa bi prudenza, sabiex ma jippreġudikax inutilment lill-kollegi tiegħu jew il-funzjonament tajjeb tas-servizz tiegħu. Issa, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li ma hijiex vera jew ta’ fatti li ma għandhom l-ebda bażi jista’ jkollha tali effetti dannużi.

(ara l-punti 55 u 56)

2.      Ma jistax jintlaqa’ l-argument li prattikament jafferma li ma kien hemm l-ebda fastidju psikoloġiku meta l-persuna li allegatament kkawżat il-fastidju, fil-konfront tal-uffiċjal ikkonċernat, taġixxi taħt il-pressjoni ta’ membru tal-Istituzzjoni u għaldaqstant bħala intermedjarju ta’ dan tal-aħħar.

Fil-fatt, tali argument, fl-ewwel lok jinjora l-istess kunċett ta’ fastidju li sabiex ikun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed li l-aġir tal-persuna li allegatament kkawżat il-fastidju, meta dan ikun twettaq intenzjonalment kellha “oġġettivament” l-għan li tiskredita l-vittma ta’ dan l-aġir u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha.

Fit-tieni lok, l-argument imsemmi iktar ’il fuq fl-aħħar mill-aħħar jawtorizza lil segretarju ġenerali ta’ istituzzjoni, jiġifieri l-ogħla awtorità amministrattiva fi ħdanu, sabiex ma josservax huwa nnifsu r-regoli tal-persunal li għandu josserva, pereżempju għal dak li jirrigwarda r-reklutaġġ imparzjali tal-persunal jew ir-rispett tad-dinjità tal-kariga mwettqa minn uffiċjal jew ta’ osservanza tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal – li, fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) jirregola wkoll b’mod espliċitu l-każ ta’ nuqqas serju imwettaq “min-naħa ta’ Membru ta’ istituzzjoni” – u dan sempliċement minħabba l-fatt li jkun aġixxa taħt pressjoni eżerċitata indebitament fil-konfront tiegħu minn membru tal-istituzzjoni tiegħu.

Fit-tielet lok, l-argument fuq imsemmi imur kontra l-kliem tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li ma jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar l-oriġini tal-fastidju psikoloġiku inkwistjoni, b’tali mod li, skont dan l-artikolu, meta hija debitament adita, l-Istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tirreaġixxi wkoll fil-każ fejn “l-allegat awtur tal-fastidju psikoloġiku huwa membru ta’ din l-Istituzzjoni” u li għalhekk jassumi, f’dan il-qasam, ir-responsabbiltajiet speċifiċi li huma tiegħu.

(ara l-punti 69 sa 72)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 51

3.      Għandu jiġi kkunsidrat li kull ilment ta’ fastidju ikkawżat minħabba f’fastidju psikoloġiku jew sesswali li jikkonċerna superjur ġerarkiku, fil-parti l-kbira tal-każijiet, iwassal għal ksur tar-rabta ta’ fiduċja fil-konfront tal-amministrazzjoni bejn l-uffiċjali kkonċernati. Madankollu, huwa eżattament sabiex issir ġlieda effettiva kontra dawn il-fenomeni ta’ fastidju li l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-uffiċjal vittma ta’ dan “protezzjoni speċjali” billi jipprovdi li dan l-uffiċjal, meta jressaq ilment taħt dan l-artikolu u fl-osservanza tal-obbligi ta’ ordni ġenerali previsti fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala prinċipju, ma għandux isostni xi dannu minħabba fl-Istituzzjoni tiegħu, speċjalment meta r-relazzjoni ta’ fiduċja fil-konfront tal-amministrazzjoni li għandu jkun hemm bejnu u l-persuna li allegatament kkawżat il-fastidju ma għadhiex teżisti, b’mod partikolari minħabba li dan tal-aħħar huwa s-superjur ġerarkiku dirett tal-vittma.

(ara l-punt 76)

4.      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeħtieġx li l-uffiċjal informatur jistabbilixxi “preżunzjoni ta’ illegalità serja jew ta’ nuqqas gravi”, li hija azzjoni ġuridikament pjuttost kumplessa u għalhekk mhux kull uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni jkun kapaċi jwettaq. Fil-fatt, dan l-artikolu jillimita ruħu biss sabiex jipprevedi li kull uffiċjal li għandu għarfien tal-fatti “li joħolqu supposizzjoni” tal-eżistenza ta’ kondotta li “[tista’ t]ikkostitwixx[i] nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi” li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jinforma “mingħajr dewmien” lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu. Huma sussegwentement is-superjuri ġerarkiċi tal-informatur li għandhom l-obbligu taħt l-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li jikkomunikaw “mingħajr dewmien” lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi “kull evidenza” li jaħsbu li jkollhom dwar l-eżistenza tal-irregolaritajiet irriferuti lilhom.

L-evalwazzjoni magħmula mill-uffiċjal dwar il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm ksur, prima facie, serju, li jirriżulta f’dannu serju għall-interessi tal-Unjoni, għandu fl-ewwel lok isir b’mod li jkun “relata[t] mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali” eżerċitati minn dan l-uffiċjal.

(ara l-punti 83 u 84)