Language of document : ECLI:EU:C:2023:894

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis-16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C671/22

T GmbH

vs

Bezirkshautpmannschaft Spittal an der Drau

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(1)(a) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligi tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jista’ jipprovoka deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp ta’ ilma – Il-punt 1.2.2 tal-Anness V –Klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-element ta’ kwalità bijoloġika ‘fish fauna’”






 Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill‑Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) fil‑qafas ta’ rikors ippreżentat mill-kumpannija T GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) wara ċ-ċaħda tat-talba tagħha sabiex tikseb l‑awtorizzazzjoni li tibni boat yard fuq lag li jinsab fil-Land ta’ Kärnten (l-Awstrija), minħabba li l-istat tal-ilmijiet ta’ dan il-lag ma kienx jidher li jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt tal-Unjoni, minħabba l‑ġestjoni ħażina tar-riżorsi tas-sajd.

2.        Din il-kawża twassalna sabiex jiġi stabbilit jekk, għall-finijiet tad‑definizzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag skont il-kriterji indikati fit‑Tabella 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE (2), għandhomx jiġu kkunsidrati biss “impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżikokimika”, bl-esklużjoni ta’ impatti antropoġeniċi oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistipula:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta' l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:

a)      jipprevjeni aktar deterjorazzjoni u jipproteġi u jżid l-istatus tal‑ekosistemi akkwatiċi u, bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom ta’ l-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi;

[...]”

4.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1)      ‘ilma tal-wiċċ’: ifisser ilmijiet interni, barra ilma ta’ taħt l-art; ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, minbarra fejn jirrigwarda stat kimiku li għali għandhom ikunu inklużi ukoll ilmijiet territorjali;

[...]

10)      ‘Korp ta’ ilma tal-wiċċ’: ifisser element diskret u sinifikanti ta’ ilma tal-wiċċ bħal lag, reservoir, ilma kurrenti, xmara jew kanal, parti minn ilma kurrenti, xmara jew kanal, ilma transizzjonali jew tul ta’ ilma kostali;

[...]

17)      ‘Stat ta’ l-ilma tal-wiċċ’: hija l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu;

18)      ‘stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ’: ifisser l-istat milħuq mill-korp ta’ l‑ilma tal-wiċċ meta l-istat ekoloġiku u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas ‘tajbin’;

[...]

21)      ‘Stat ekoloġiku’: hija espressjoni tal-kwalità ta’ struttura u funzjoni ta’ ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ l-ilma tal-wiċċ, klassifikati skond l-Anness V;

22)      ‘Stat ekoloġiku tajjeb’ huwa l-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, kif klassifikat skond l-Anness V;

[...]”

5.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jistipula:

“1.      Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

a)      għall-ilma tal-wiċċ

i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafu 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl‑Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

[...]”

6.        Il-punt 1.2 tal-Anness V tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku”, jistipula:

“Tabella 1.2.      Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta

It-test segwenti jagħti definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika. Għall‑finijiet tal-klassifikazzjoni, il-valuri tal-elementi ta’ kwalità tal‑istat ekoloġiku ta’ kull kategorija ta’ ilma tal-wiċċ huma dawk indikati fit-tabelli 1.2.1 sa 1.2.4 segwenti.

Elementi

Stat għoli

Stat tajjeb

Stat moderat

Ġenerali

Mhemmx, jew hemm biss ftit alterazzjonijiet antropoġeni, għall‑valuri ta’ l‑elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fisiko-kimika tat‑tip ta’ korp ta’ l‑ilma tal-wiċċ minn dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati.

Il-valuri tal‑elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it-tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma juru l-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri.

Dawn huma l‑komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip-speċifiku.

Il-valuri tal‑elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw mi[ll-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss minn] dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati.

Il-valuri tal‑elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati. Il‑valuri juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb.


Ilmijiet li jiksbu stat inqas minn moderat iridu jiġu kklassifikati bħala fqar jew ħżiena.

Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjoni maġġuri għall-valuri ta’ elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta' l-ilma tal-wiċċ u fejn il‑komunitajiet bioloġiċi relevanti joħorġu sostanzjalment minn dawk assoċjati normalment mat-tip ta' korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixkla, iridu jiġu klassifikati bħala fqar.

Ilmijiet li juru evidenza ta’ alterazzjonijiet kbar għall-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta' korp ta' l-ilma tal-wiċċ u fejn partijiet kbar tal-Komunitajiet bioloġiċi relevanti normalment assoċjati mat-tip ta' korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux imfixxkla huma nieqsa, iridu jiġu klassifikati bħala ħżiena.”

7.        Wara din id-definizzjoni ġenerali prevista fil-punt 1.2 tad‑Direttiva 2000/60 isegwu definizzjonijiet speċifiċi tal-“istati ekoloġiċi tax-xmajjar” (punt 1.2.1), tal-“lagi” (punt 1.2.2), tal‑“ilmijiet temporanji” (punt 1.2.3) u tal-“ilmijiet tal-kosta” (punt 1.2.4) (3). F’kull waħda minn dawn l-erba’ kategoriji, l-evalwazzjoni ta’ dan l-istat ekoloġiku hija bbażata fuq tliet elementi, jiġifieri l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika, b’kull wieħed minn dawn l-elementi jinkludu lista twila ta’ parametri.

8.        F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-lagi, it-tabella 1.2.2 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, intitolata “Definizzjonijiet għal stat ekoloġikament moderat għoli u tajjeb f’lagi”, tistipula:

“Elementi ta’ kwalità bioloġika

Element

Stat għoli

Stat tajjeb

Stat moderat

[...]

[...]

[...]

[...]

Fish fauna

Kompożizzjoni u abbundanza tal‑ispeċi tikkorrispondi totalment jew kważi totalment ma’ kundizzjonijiet mhux disturbati.

L-ispeċi ta’ disturbanza-sensittiva u ta’ tip-speċifiku kollha huma preżenti.

L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjal żgħir ta’ disturbanza antropoġenika u mhumiex indikattivi ta’ nuqqas fil‑produzzjoni jew żvilupp ta’ xi speċi partikolari.

Hemm ftit bdil f’kompożizzjoni u abbundanza tal‑ispeċi mil‑komunitajiet tat-tip-speċifiku attribwibbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimika.

L-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjali ta’ disturbanzi attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromorfoloġika jew fiżiko-kimika, u, fi ftit mumenti, huma indikattivi minn nuqqas fir‑riproduzzjoni u żvilupp ta’ speċi partikolari, għall‑estent ta’ xi wħud mill‑klassijiet tal‑età jistgħu ikunu neqsin.

Il-kompożizzjoni u abbundanza ta’ speċi tal-ħut jinbidlu moderatament mill‑komunitajiet tat-tip speċifiku attributabbli għal impatti antropoġeniċi fuq elementi ta’ kwalità idromofoloġikali jew fiżiko-kimiku

L-istruttura tal-età tal-komunitajiet tal-ħut turi sinjali maġġuri ta’ disturbanzi antropoġeniċi, għall-estent li parti moderata tal-ispeċi tat-tip-speċifiku huma nieqsa jew ta’ abbundanza vera baxxa.

[...]

[...]

[...]

[...]


Elementi ta’ kwalitá idromorfoloġika

Element

Stat għoli

Stat tajjeb

Stat moderat

[...]

[...]

[...]

[...]


Elementi ta’ kwalità fiżiko-kimiku

Element

Stat għoli

Stat tajjeb

Stat moderat

[...]

[...]

[...]

[...]

[...]”

 Iddritt Awstrijak

9.        L-Artikolu 30a(1) tal-Wasserrechtsgesetz 1959 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ilma tal‑1959), tas‑16 ta’ Ottubru 1959 (4), fil-verżjoni tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2018 (5), jistipula, essenzjalment, li l-ilmijiet tal-wiċċ għandhom jiġu protetti, imtejba u msaħħa sabiex l-istat tagħhom ma jiddeterjorax. L-aħjar stat ta’ ilma tal-wiċċ jintlaħaq meta l-korp ta’ ilma tal-wiċċ ikollu stat ekoloġiku u stat u stat kimiku għall-inqas tajjeb.

10.      L-Artikolu 104a(1)(1)(b) tal-WRG jistipula, essenzjalment, li l‑proġetti li minħabba fihom, minħabba bidliet fil-karatteristiċi idromorfoloġiċi ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew bidliet tal-livell ta’ ilma ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, huwa probabbli li l-istat ta’ korp ta’ ilma tal‑wiċċ jew ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jiddeterjora, huma fi kwalunkwe każ proġetti li jista’ jkollhom effetti fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

11.      L-Artikolu 105(1) tal-WRG jistipula, essenzjalment, li talba għal awtorizzazzjoni ta’ proġett tista’ tiġi miċħuda fl-interess pubbliku b’mod partikolari meta jista’ jkun hemm bħala konsegwenza deterjorazzjoni sinjifikattiva tal-istat ekoloġiku tal-ilmijiet jew meta jkun ikkonstatat preġudizzju sostanzjali għall-għanijiet li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

 Ilkawża prinċipali, id-domandi preliminari u lproċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Fis‑7 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ressqet quddiem il‑Bezirkshauptmannshaft Spittal an der Drau (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Spittal an der Drau, l-Awstrija), talba sabiex tikseb l‑awtorizzazzjoni sabiex tibni boat yard (iktar ’il quddiem il-“proġett”), li huwa korp ta’ ilma qiegħed ta’ oriġini naturali b’daqs ta’ 6.53 km², li jinsab fil-Land ta’ Kärnten (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“lag”).

13.      Peress li din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il‑Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten, l-Awstrija), li, permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Frar 2020, ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Skont din il-qorti, il‑kwalità tal-fish fauna u, konsegwentement, l-istat ġenerali tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-lag kien “fqir”, minħabba ġestjoni ħażina tar-riżorsi tas‑sajd (6). Għalhekk, il-proġett kellu jkun ipprojbit, fid-dawl tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat, skont id-Direttiva 2000/60, li jadotta miżuri sabiex jinkiseb “stat tajjeb” tal-ilmijiet tal-wiċċ u tkun ipprojbita kwalunkwe miżura li tista’ tostakola dan jew li ma għandhiex l-għan li tikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità ta’ dawn l-ilmijiet (7).

14.      Adita mir-rikorrenti, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-qorti tar-rinviju tqis li d‑Direttiva 2000/60 ma timponix li għandha tiġi miċħuda l‑awtorizzazzjoni ta’ proġetti “newtrali” – jiġifieri proġetti li ma jikkontribwixxux għall-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ, jekk ma jwasslux għal deterjorazzjoni tal-istat ta’ korpi ta’ ilma – iżda biss li għandha tiġi miċħuda l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li għandu impatti sinjifikattiv fuq l-istat tal-korpi ta’ ilma kkonċernati.

15.      Skont il-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi evalwat jekk il‑proġett jikkawżax preġudizzju b’mod sinjifikattiv għall-miżuri previsti jew rikjesti sabiex jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ (8), u dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-istat ekoloġiku tal-lag għandux jiġi kklassifikat f’livell inqas minn “tajjeb”, li jwassal għall-obbligu ta’ titjib fis-sens tad‑Direttiva 2000/60. F’dan ir-rigward, din il-qorti għandha dubji dwar jekk, essenzjalment, kundizzjoni disturbata tal-fish fauna dovuta biss minħabba miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd u mhux minħabba impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika, għandhiex impatti fuq il-klassifikazzjoni tal-istat ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, fil-punt 1.2.2 tal-Anness V tad‑Direttiva 2000/60, bħala “għoli”, minn naħa waħda, u bħala “tajjeb” jew “moderat”, min-naħa l‑oħra.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti dommandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-punt 1.2.2 (Definizzjonijiet ta’ stat ekoloġiku għoli, tajjeb u moderat fil-lagi) tal-Anness V tad-[Direttiva 2000/60] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘kundizzjonijiet disturbati’ fit-tabella ‘Elementi ta’ kwalità bioloġika’, fil-linja ‘Fish fauna’, fil-kolonna “Stat għoli” għandhom jinftiehmu esklużivament bħala kundizzjonijiet antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi‑kimiċi u idromorfoloġiċi?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

2)      Id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis‑sens li bidla minn stat għoli għall-element ta’ kwalità bioloġika “fish fauna”, li hija dovuta għal kundizzjonijiet disturbati li ma humiex influwenzi antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiċi‑kimiċi u idromorfoloġiċi, twassal sabiex l-element ta’ kwalità bijoloġika għal ‘fish fauna’ ukoll ma jistax jiġi kklassifikat bħala ta’ ‘stat tajjeb’ jew ta’ ‘stat moderat’?”

17.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal‑Ġustizzja mir-rikorrenti, il-Gvern Awstrijak u dak Irlandiż, u mill‑Kummissjoni Ewropea.

 Analiżi

18.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, għall‑finijiet tad-definizzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag (bħala “għoli”, “tajjeb” u “moderat”) fir-rigward tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” li jinsab fit-Tabella 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 (iktar ’il quddiem, id-“definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna”), għandhomx jiġu kkunsidrati biss “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”, bl-esklużjoni ta’ impatti antropoġeniċi oħra, bħal dawk li jirriżultaw minn miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorski tas-sajd (9).

19.      Id-dubji ta’ din il-qorti jirrigwardaw il-fatt li, fid-definizzjoni tal‑istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli”, din it-tabella b’mod partikolari tirreferi biss għall-assenza ta’ kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi mingħajr ebda preċiżjoni, filwaqt li, fid-definizzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat”, l-imsemmija tabella tirreferi b’mod partikolari għall-preżenza, ftit jew wisq sinjifikattiva, ta’ sinjali ta’ kundizzjonijiet disturbati minħabba impatti antropoġeniċi fuq lelementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika.

20.      Fil-punti segwenti, wara xi riflessjonijiet preliminari dwar ir‑rilevanza tad-domandi preliminari, ser neżamina l-portata tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni filwaqt li jiġu kkunsidrati, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-kliem tagħhom kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti u, f’dan il-każ, l-oriġini ta’ din il‑leġiżlazzjoni (10).

 Osservazzjonijiet preliminari

21.      Ma hemmx dubju li l-effetti ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas‑sajd, bħar-riġenerazzjoni ta’ lag bi speċi mhux indiġeni ta’ ħut, jikkostitwixxu “impatti antropoġeniċi”, jiġifieri effetti kkawżati mill‑attivitajiet tal-bniedem (11).

22.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-miżuri ta’ ġestjoni tar‑riżorsi tas-sajd inkwistjoni, minkejja li huma miżuri li għandhom impatti antropoġeniċi, ma jikkostitwixxux miżuri li għandhom tali impatti fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (12). Ir‑rikorrenti kif ukoll il-Gvern Awstrijak u dak Irlandiż jaqblu ma’ dan l‑approċċ (13), filwaqt li, skont il-Kummissjoni, miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd jista’ jkollhom impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (14).

23.      Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, mill-etimoloġija stess tat-terminu “idromorfoloġiku” jirriżulta li dan jinkludi kull miżura li tista’ taffettwa l-istat tal-ilmijiet, inkluż il‑miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd (15). B’mod iktar partikolari, inqis li kundizzjoni disturbata tal-fish fauna tipproduċi fiha nnifisha kundizzjonijiet disturbati fuq l-elementi ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika ta’ korp ta’ ilma (16).

24.      Issa, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm din l-interpretazzjoni, id‑domandi preliminari ma jibqgħux rilevanti peress li l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, miżuri li għandhom impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika u għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-definizzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna tal-lag.

25.      Minkejja dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi relatati mal‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess (17), u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (18).

26.      Għalhekk, fil-punti segwenti, ser nipproponi risposta għad‑domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jirrigwardaw, essenzjalment, dwar jekk impatti antropoġeniċi fuq elementi differenti minn dawk ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika humiex rilevanti wkoll għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku ta’ lag fir-rigward tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, skont id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna.

 Fuq l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet rilevanti

27.      Id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tinkludi tliet kategoriji (“għoli”, “tajjeb” u “moderat”) li l-kriterji tagħhom huma fformulati b’mod kumpless, saħansitra inkoerenti.

28.      Minn naħa waħda, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli” tirrikjedi li jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet segwenti:

–        l-ewwel waħda tirrikjedi li l-kompożizzjoni u abbundanza tal-ispeċi tikkorrispondi totalment jew kważi għal “kundizzjonijiet mhux disturbati”;

–        it-tieni tistipula li l-ispeċi karatteristiċi sensittivi għall-kundizzjonijiet disturbati kollha jkunu preżenti (19);

–        it-tielet tirrikjedi li l-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut juru sinjal żgħir ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi” (biss) u ma jiżvelawx problemi fir‑riproduzzjoni jew fl-iżvilupp ta’ speċi partikolari (20).

29.      Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat” tirreferi għal żewġ kundizzjonijiet, li jikkoinċidu mal-ewwel u mat-tielet tal-“istat għoli”, iżda li huma ddefiniti b’mod kompletament differenti, jiġifieri:

–        l-ewwel waħda tistipula li l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi jippreżentaw ftit bidliet meta mqabbla mal-komunitajiet karatteristiċi (“stat tajjeb”) jew huma moderatament differenti minn dawk ta’ dawn il-komunitajiet (“stat moderat”), minħabba impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika;

–        it-tieni waħda tistabbilixxi li l-istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal‑ħut jindikaw kemm sinjali ta’ disturb minħabba impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika u, f’ċerti każijiet, jiżvelaw problemi fir-riproduzzjoni jew fl-iżvilupp ta’ speċi partikolari, fis-sens li ċerti klassijiet ta’ età jista’ ma jkollhomx (“stat tajjeb”) kemm sinjali sinjifikattivi ta’ kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi, fis-sens li proporzjon moderat tal-ispeċi karatteristika jkun nieqes jew skars ħafna (“stat moderat”) (21).

30.      Għalhekk, skont il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun fis-sens, minn naħa, li, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli” ma hijiex relatata biss ma’ kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” u, min-naħa l-oħra, li, il-klassifikazzjonijiet tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat” jirreferu biss għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfo loġika” (22).

31.      Madankollu, il-formolazzjoni kumplessa, impreċiża u kontradittorja tad-definizzjonijiet eżaminati tagħmel estremament diffiċli l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u timplika l-ħtieġa li dawn id-diffikultajiet jiġu rrimedjati permezz ta’ interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika fid-dawl ukoll tal-oriġini tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

 Fuq linterpretazzjoni kuntestwali taddispożizzjonijiet rilevanti

32.      Id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tinsab fil-punt 1.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Definizzjonijiet normattivi ta’ klassifikazzjonijiet ta’ stat ekoloġiku”.

33.      It-tabella 1.2 ta’ dan l-Anness, intitolata “Definizzjoni ġenerali għal xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta” (iktar ’il quddiem id-“definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika”), tagħti b’mod partikolari definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tax-xmajjar, lagi, ilmijiet temporanji u ilmijiet tal-kosta, u warajha jiġu definizzjonijiet speċifiċi tal-istati ekoloġiċi tax-xmajjar (punt 1.2.1), tal-lagi (punt 1.2.2), tal-ilmijiet temporanji (punt 1.2.3) u tal-ilmijiet tal-kosta (punt 1.2.4) (23). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ ilma tal-wiċċ, għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-istat ekoloġiku, l-Istati Membri għandhom jibbażaw ruħhom fuq tliet kategoriji ta’ elementi ta’ kwalità, jiġifieri l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u l-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika, b’kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ kwalità jkollu parametri speċifiċi (24).

34.      Għaldaqstant, bħala regola l-istat ekoloġiku ta’ dawn it-tliet elementi ta’ kwalità huwa ddefinit b’mod indipendenti, peress li l-fish fauna hija analizzata fil-kuntest tal-element ta’ kwalità bijoloġika u mhux f’dak tal-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimika. Madankollu, id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna, filwaqt li taqa’ fil-qafas ta’ elementi ta’ kwalità bijoloġika, tirreferi fiha nnifisha, fir-rigward tal-kategoriji “stat tajjeb” u “stat moderat ” (iżda mhux għall‑kategorija “stat għoli”), għal elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (25).

35.      F’dan il-kuntest, inqis li huwa opportun li d-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tkun interpretata fid-dawl tad-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tal-ilmijiet tal-wiċċ.

36.      F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, f’dak li jirrigwarda l‑kategorija “stat għoli”, id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tirreferi għall-fatt li “[il]-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għal korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jirriflettu dawk normalment assoċjati ma’ dak it‑tip taħt kundizzjonijiet mhux disturbati, u li ma juru l-ebda evidenza jew tfixkil, jew huma minuri” u tispjega li “[d]awn huma l-komunitajiet u kundizzjonijiet ta’ tip-speċifiku” (26). Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l‑elementi ta’ kwalità bijoloġika, din id-definizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għall-bidliet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika.

37.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-kategoriji “stat tajjeb” u “stat moderat”, din id-definizzjoni tirrikjedi, rispettivament, li “[i]l-valuri tal-elementi ta’ kwalità bioloġika għat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ juru livelli baxxi ta’ tfixkil li jirriżultaw mi[ll-attività umana, iżda li joħorġu ftit biss] minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal‑wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” (kategorija “stat tajjeb”) u li dawn il-valuri “joħorġu moderatament minn dawk normalment assoċjati mat-tip ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ taħt kundizzjonijiet mhux disturbati” u “juru sinjali moderati ta’ tfixkil li jirrizulta minn attività umana u huma sinifikament aktar disturbati minn taħt kundizzjonijiet ta’ stat tajjeb” (kategorija “stat moderat”).

38.      Għalhekk, id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika tal‑ilmijiet tal-wiċċ ma tirreferix għal kundizzjonijiet disturbati marbuta ma’ kawżi speċifiċi, bħall-bidliet antropoġeniċi t al-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (27).

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il‑kategorija “stat għoli”, jidhirli li l-espressjonijiet użati kemm fid‑definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika kif ukoll fid-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna ma jippermettux li l-evalwazzjoni tkun limitata għal kundizzjonijiet disturbati jew tfixkil ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika (28).

40.      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kategoriji “stat tajjeb” u “stat moderat ”, nirrimarka, qabelxejn, li d-definizzjoni ġenerali tal‑kwalità ekoloġika u dik tal-istati ekoloġiċi jsemmu, fl-opinjoni tiegħi, b’mod mhux distint u aċċidentali, kemm l-eżistenza ta’ “impatti antropoġeniċi” jew ta’ “tfixkil li jirriżulta mill-attività umana” kif ukoll l-eżistenza ta’ “kundizzjonijiet disturbati” jew ta’ “tfixkil” biss (mhux marbuta, bħala regola, mal-attività umana). Issa, filwaqt li nifhem id‑diffikultà sabiex dawn il-formulazzjonijiet impreċiżi u inkoerenti jiġu interpretati, jidhirli, qabelxejn, li, jekk dawn ir-riferimenti kollha jirreferu (espliċitament jew impliċitament) għal intervent uman (29), dan huwa dovut għall-fatt li l-kundizzjonijiet disturbati inkwistjoni huma normalment ikkawżati minn attività umana u mhux mill-intenzjoni tal-leġiżlatur tal‑Unjoni li jillimita din l-evalwazzjoni għal interventi umani. Sussegwentament, inqis li r-riferimenti għall-impatti antropoġeniċi fuq lelementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika huma użati, b’mod mhux eżawrjenti, sabiex jiġu inklużi l-interventi umani kollha, għaliex normalment huma dawn l-impatti (ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika) li huma fl-oriġini ta’ bidliet tal-elementi ta’ kwalità bijoloġika u għalhekk tal-fish fauna (30). Finalment, peress li l-istati “tajjeb” u “moderat” huma ddefiniti abbażi tal-istess indikaturi bħal l-istat “għoli” (skont id-differenza kkonstatata), ikun kontradittorju, fl-opinjoni tiegħi, li tiġi kkunsidrata kull kundizzjoni disturbata fl-evalwazzjoni ta’ din tal‑aħħar u li ma jiġux ikkunsidrati uħud minn dawn il-kundizzjonijiet meta għandha titkejjel id-differenza bejn l-imsemmi stat u l-istati “tajjeb” u “moderat”.

41.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu sabiex nirrispondi għad‑domandi preliminari fis-sens li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal‑istati ekoloġiċi tal-fish fauna, għandhom jiġu kkunsidrati kull kundizzjoni disturbata jew bidla antropoġenika.

 Fuq loriġini taddispożizzjonijiet rilevanti

42.      Fir-rigward tal-oriġini tad-dispożizzjonijiet rilevanti, nosserva li r‑redazzjoni tad-Direttiva 2000/60, u b’mod iktar partikolari tal‑Anness V tagħha, qajmet ħafna diskussjonijiet.

43.      Fil-fatt, l-ewwel proposti ta’ direttiva tal-Kummissjoni (31) kienu jibbażaw id-definizzjonijiet tal-istati ekoloġiċi fuq elementi deskrittivi, mingħajr ma jitolbu impatti speċifiċi (32). Ir-riferimenti għall-“impatti antropoġeniċi” u, b’mod iktar partikolari, għall-“impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” ġew introdotti matul il-proċedura leġiżlattiva (33). Madankollu, peress li r‑raġuni tal-eżistenza ta’ tali bidliet ma kinitx espliċita, jidhirli li ma jistgħux jiġu misluta konsegwenzi partikolari minn tali ċirkustanza (34).

44.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, studju tal-oriġini tad‑dispożizzjonijiet rilevanti ma jagħti l-ebda indikazzjoni utli sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq linterpretazzjoni teleoloġika taddispożizzjonijiet rilevanti

45.      Id-Direttiva 2000/60 hija direttiva qafas adottata abbażi tal‑Artikolu 175(1)KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). Hija tistabbilixxi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinazzjoni, l-integrazzjoni kif ukoll, fuq perijodu itwal, l‑iżvilupp ta’ prinċipji ġenerali u ta’ strutturi permanenti li jippermettu l‑protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni stabbiliti minnha għandhom jiġu żviluppati iktar mill-Istati Membri permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri partikolari konformement mat-termini previsti f’din id-direttiva. Madankollu, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (35).

46.      Skont l-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art, li jipprevjeni kull deterjorazzjoni addizzjonali, jipproteġi u jtejjeb l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi kif ukoll, f’dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuqhom (36).

47.      L-għanijiet ambjentali li l-Istati Membri huma obbligati jilħqu fir-rigward tal-ilmijiet tal-wiċċ huma spjegati fl-Artikolu 4(1)(a) tal‑imsemmija direttiva, dispożizzjoni li, kif spjegat il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, timponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm marbutin intrinsikament. Minn naħa waħda, skont l-Artikolu 4(1)(a)(i) tal‑istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ (obbligu li tiġi prekluża d-deterjorazzjoni). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii) tad-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ bil-ħsieb li jinkiseb “stat tajjeb” mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) (37). Kemm l-obbligu ta’ titjib kif ukoll l-obbligu li tiġi prekluża d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi ta’ ilma huma intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l‑preservazzjoni u t-tisħiħ ta’ stat tajjeb, ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ. (38).

48.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar ta’ ġestjoni, iżda jipproduċi effetti vinkolanti, ladarba jiġi stabbilit l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma, f’kull stadju tal-proċedura mitluba minn din id-direttiva. Għalhekk din id‑dispożizzjoni ma tinkludix biss obbligi ta’ prinċipju iżda tikkonċerna wkoll proġetti partikolari (39).

49.      Matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma obbligati, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax iwassal għal effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni u ta’ titjib tal-istat tal‑korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art (40).

50.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li, kif issostni l-Kummissjoni, ikun diffiċli għall-inqas li tiżgura l-protezzjoni sħiħa (preservazzjoni u titjib) tal-istat ta’ ekosistemi akkwatiċi jekk, matul l-evalwazzjoni tal-istat tal‑fish fauna tal-lagi, ikunu injorati l-kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi (fil-kompożizzjoni u fl-abbundanza tal-ispeċi ta’ ħut jew oħrajn) li ma humiex ikkawżati minn bidla tal-elementi ta’ kwalità fiżiko‑kimika u idromorfoloġika (41).

51.      Barra minn hekk, kif sostna l-Gvern Awstrijak, interpretazzjoni stretta, li d-definizzjoni tal-istat “għoli” applikata għall-istat ekoloġiku tal-fish fauna ma għandhiex tikkunsidra ċerti bidliet antropoġeni, tidher li tagħmel irrilevanti l-element “fish fauna” stess (42). Fil-fatt, fid-dawl tal‑għanijiet tad-Direttiva 2000/60, ikun diffiċli li jiġi aċċettat li ċertu deterjorazzjoni tal-fish fauna (bħal, jekk ikun il-każ, id-deterjorazzjoni tal-istocks tal-ħut) ma taffettwax il-klassifikazzjoni tal-kwalità tal-fish fauna skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness V ta’ din id‑direttiva.

52.      Għalhekk, jidhirli li interpretazzjoni teleoloġika tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tikkonferma li, għall-finijiet tad‑definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna, għandhom jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet disturbati fil-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tas-sajd kollha kif ukoll fl-istrutturi tal-età ta’ dawn il‑komunitajiet ta’ ħut.

 Kunsiderazzjonijiet konklużivi

53.      Insostni l-pożizzjoni tiegħi li miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom jiġu kklassifikati bħala li għandhom impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika. Din l‑interpretazzjoni tagħmel id-domandi preliminari mingħajr rilevanza, fis-sens li dawn il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd jaqgħu fi kwalunkwe każ fid-definizzjoni ta’ “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” u għandhom jiġu kkunsidrati għad-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi kollha tal-fish fauna.

54.      Minkejja dan, u filwaqt li jitħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti tar‑rinviju l-kompitu li tiddefinixxi l-qafas fattwali rilevanti, jiena għafast fuq il-kwistjoni, iktar ġenerali, dwar jekk id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna tirrikjedix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull miżura li għandha impatti antropoġeniċi, peress li r-riferiment għall-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika ma għandux jiġi interpretat bħala li jillimitaw ir-rilevanza ta’ kull miżura oħra li għandha impatti antropoġeniċi.

55.      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li d-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna bħala “stat għoli”, “stat tajjeb” u “stat moderat” għandha tiġi interpretata fis-sens li “kundizzjoni disturbata antropoġenika” għandha tinftiehem bħala kull kundizzjoni disturbata li għandha bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut.

 Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) bil‑mod segwenti:

Id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” bħala “stat għoli”, “stat tajjeb” u “stat moderat” li jinsabu fit‑tabella 1.2.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam ta l-politika tal-ilma,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

“kundizzjoni disturbata antropoġenika” għandha tinftiehem bħala kull kundizzjoni disturbata li għandha bħala oriġini attività umana, inkluż kull bidla li tista’ taffettwa l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi tal-ħut.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275; rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).


3      Kategorija partikolari (punt 1.2.5) tirrigwarda, finalment, il-“korpi ta’ l-ilma modifikati ħafna jew artifiċjali”.


4      BGBl., 215/1959.


5      BGBl. I, 73/2018, iktar ’il quddiem il-“WRG”.


6      B’mod iktar partikolari, l-istat tal-element ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna” tal-lag kellu jkun ikklassifikat bħala “fqir”, minħabba l-fatt li l-kompożizzjoni u l‑abbundanza tal-ispeċi tal-ħut tal-lag kienet differenti mill‑komunitajiet tal-ħut karatteristiċi. Mit-tmiem speċi inizjali ta’ ħut, sitta biss kienu għadhom preżenti, filwaqt li ngħaqdu magħhom disa’ speċi mhux indiġeni, minħabba ġestjoni ħażina tal-popolazzjonijiet tal-ħut.


7      Filwaqt li ma kienx ser iġib bidla fl-istat ġenerali tal-lag, il-bini ta’ boat yard lanqas ma kien ser iġib miegħu titjib fl-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ, peress li din il-kostruzzjoni, li kienet tinsab qrib il-kosta, iċċaqlaq il-postijiet fejn ibid il-ħut.


8      L-evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri kellha ssir, skont il-qorti tar-rinviju, mil‑Landesverwaltungsgericht Kärnten (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Kärnten).


9      Peress li dawn il-miżuri kienu responsabbli, f’dan il-każ, għad-deterjorazzjoni tal‑fish fauna tal-lag.


10      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Fil-fatt, il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw termini li jindikaw b’mod ġeneriku, raġuni li hija fl-oriġini ta’ intervent tal-bniedem kwalunkwe, mingħajr distinzjoni, bħall-aġġettivi “antropogen” fil-verżjoni Ġermaniża u “anthropogénique” fil-verżjoni Franċiża, komposti mill-kliem Griegi “άνθρωπος” (raġel) u “γένος” (oriġini).


12      Fi kliem ieħor, ġewwa l-kategorija ġenerali ta’ miżuri li għandhom impatti antropoġeniċi hemm, minn naħa waħda, miżuri li għandhom impatti fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika u, min-naħa l-oħra, miżuri li għandhom impatti oħra, bħall-miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd.


13      Dawn il-partijiet jesprimu, madankollu, pożizzjonijiet differenti dwar id-domanda jekk impatti antropoġeniċi li ma jikkonċernawx l-elementi ta’ kwalità fiżiko‑kimika u idromorfoloġika (fosthom il-miżuri ta’ ġestjoni ta’ riżorsi tas-sajd) għandhomx jiġu kkunsidrati fil-klassifikazzjoni tal-istat ta’ kwalità bijoloġika “fish fauna”, bil-Gvern Awstrijak jipproponi risposta fl-affermattiv filwaqt li r-rikorrenti u l-Gvern Irlandiż jipproponu risposta fin-negattiv.


14      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssemmi diversi studji xjentifiċi.


15      Nirrimarka li l-terminu “idromorfoloġiku” jikkonċerna l-konfigurazzjoni tal-korpi tal-ilma, peress li din il-kelma hija komposta mit-termini Griegi “ύδωρ” (ilma), “μορφή” (forma) u “λόγος” (studju).  Kif jirriżulta mis-sit internet “WISE‑Freshwater”, ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) “hydromorphology refers to the hydrological, morphological and river continuity conditions of rivers, lakes, estuaries and coastal waters in undisturbed state”. Dan id‑dokument jista’ jiġi kkonsultat (fil-lingwa Ingliża biss) fl-indirizz segwenti: https://water.europa.eu/freshwater/europe-freshwater/freshwater-themes/hydromorphology.


16      Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, jekk il-popolazzjoni tal-ħut tinbidel, essenzjalment, fir‑rigward tan-numru tagħhom, l-età tagħhom u l-ispeċi preżenti f’korp ta’ ilma, dan jinkludi inevitabbilment bidliet ta’ elementi ta’ natura fiżiko-kimika u idromorfoloġika tagħha. Dan il-bdil jaffettwa, mill-inqas, is-sorsi ta’ ikel tal-ħut, il‑phytoplancton, il-phytobenthos u l-benthic fauna, b’effett fuq il-kwalità tal‑ilmijiet, anki meta dawn il-bidliet ma humiex dovuti għall-attività umana iżda għal kawżi naturali bħal, pereżempju, mard tal-ħut.


17      Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju, bħala l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, li għandha teżamina jekk il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas‑sajd inkwistjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri (antropoġeniċi) li għandhom effetti fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” (Xogħol ta’ bil-lejl) (C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21, EU:C:2023:374, punt 57)).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord (C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punti 52 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill‑qorti tar-rinviju, mingħajr ma tkun tista’ tikkontestaha jew tivverifika l‑eżattezza tagħha, peress li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar‑realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha.


19      Barra minn hekk, mingħajr ma nixtieq nintervjeni fil-kompetenzi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-każ inkwistjoni, nistaqsi jekk il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. F’dan il-każ, dawn il-miżuri jkunu rilevanti fil-klassifikazzjoni tal-fish fauna bħala li qegħda “fi stat tajjeb ħafna”, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk jaqgħux taħt kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi u, b’mod iktar partikolari, bħala impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika.


20      Essenzjalment, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet (“kompożizzjoni, abbundanza u preżenza ta’ speċi”) jidhirli li huma marbuta mal-kwantità tal-ispeċi preżenti u t-tielet kundizzjoni (“stutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut”) mal-kwalità tagħhom.


21      Il-qorti tar-rinviju u l-partijiet ikkonċernati jagħtu interpretazzjoni iktar sempliċi, iżda impreċiża, tad-definizzjonijiet tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna, inkwantu jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa waħda, il-klassifikazzjoni tal-istat tal-fish fauna bħala “għoli”, ibbażata fuq l-assenza ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi” (biss) u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjonijiet tal-istat tal-fish fauna bħala “tajjeb” u “moderat” ibbażati fuq l-eżistenza ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”.


22      Madankollu, jekk toqgħod b’mod rigoruż ad litteram mad-definizzjonijiet, is‑soluzzjoni hija iktar ikkumplikata. Fil-fatt, qabelxejn, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “għoli” ma hijiex dovuta biss għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” iżda wkoll minħabba “kundizzjonijiet disturbati” (biss), f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi, u fir-rigward ta’ “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi”, f’dak li jirrigwarda l-istrutturi tal-età tal‑komunitajiet tal-ħut. Sussegwentament, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal‑fish fauna bħala “tajjeb” tirreferi għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”, f’dak li jirrigwarda kemm il-kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi kif ukoll l‑istrutturi tal-età tal-komunitajiet tal-ħut (u f’dan l-aħħar każ, tirreferi wkoll għall‑preżenza ta’ problemi fir-riproduzzjoni jew fl-iżvilupp ta’ speċi partikolari). Finalment, il-klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-fish fauna bħala “moderat” tirreferi għal kundizzjonijiet disturbati minħabba “impatti antropoġeniċi fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”, f’dak li jirrigwarda l‑kompożizzjoni u l-abbundanza tal-ispeċi u għal “kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi” (biss), f’dak li jirrigwarda l-istrutturi tal-età tal‑komunitajiet tal-ħut.


23      Kategorija partikolari (punt 1.2.5) tirrigwarda, finalment, il-korpi tal-ilma modifikati ħafna jew artifiċjali, li huma suġġetti għal approċċ simili iżda mhux identiku.


24      Pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-elementi ta’ kwalità bijoloġika, dawn ikunu l‑estimi tal-phytoplancton, tal-macrophytes u tal-phytobenthos, tal-benthic invertebrate fauna u tal-fish fauna. Kif josserva l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 47), l-istat ekoloġiku ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-istruttura u tal-funzjonament tal-ekosistemi akkwatiċi assoċjati ma’ din il-massa tal-ilma. Dan huwa ddeterminat permezz ta’ mekkaniżmu ta’ natura xjentifika bbażat fuq elementi ta’ kwalità, jiġifieri, bijoloġika (speċi ta’ pjanti u ta’ annimali), idromorfoloġika u fiżiko-kimika, bl-imsemmija elementi jiġu evalwati skont indikaturi (pereżempju l-preżenza ta’ invertebrati jew ta’ ħut fi xmara).


25      Minkejja dan, u mingħajr ma nixtieq nidħol fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali, jidhirli li diffiċli li wieħed jaħseb f’kundizzjonijiet disturbati antropoġeniċi tal-kwalità ekoloġika ta’ lag (u b’mod partikolari tal-fish fauna) li ma humiex ta’ natura fiżiko-kimika jew idromorfoloġika. Barra minn hekk, l-istess definizzjonijiet tal-elementi ta’ kwalità idromorfoloġika u fiżiko-kimika jirreferu minnhom infushom għal diversi drabi għall-“valuri indikati [...] għall-elementi ta’ kwalità bijoloġika”, li juri li dawn l-elementi jikkoinċidu.


26      Id-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika ssemmi wkoll l-assenza jew il‑preżenza limitata ferm ta’ “bidliet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġiku applikabbli għat-tip ta’ korp tal-ilma tal‑wiċċ meta mqabbel mal-valuri normalment assoċjati ma’ dan it-tip f’kundizzjonijiet mhux disturbati”. Madankollu, dan ir-riferiment ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, għaliex jirreferi b’mod ċar, fl-opinjoni tiegħi, għall-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika, li huma ddettaljati fit-taqsimiet speċifiċi tat-tabella 1.2.2 tal‑Anness V tad-Direttiva 2000/60 u li ma jikkonċernawx id-definizzjoni tal-“fish fauna”, li hija rregolata fit-taqsima ta’ din it-tabella li tirrigwarda l-element ta’ kwalità bijoloġika.


27      Nirrimarka li r-riferiment għal bidliet antropoġeniċi tal-valuri tal-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika huwa nieqes ukoll fir-rigward tal-kategoriji “fqir” u “ħażin”. Dawn il-kategoriji huma ddefiniti b’mod uniku fid-definizzjoni ġenerali tal-kwalità ekoloġika u huma nieqsa mill-istati ekoloġiċi tal-fish fauna. Barra minn hekk, differenti mid-definizzjoni tal-fish fauna, id-definizzjonijiet ta’ elementi oħra ta’ kwalità bijoloġika għal-lagi (bħall-phytoplancton, il-macrophytes u phytobenthos u l-benthic invertebrate fauna) ma fihom l-ebda restrizzjoni għat-tipi ta’ kawżi inkwistjoni (pereżempju, għall-bidliet antropoġeniċi). Madankollu, din il‑konstatazzjoni ma hijiex rilevanti f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-fish fauna, peress li ma huwiex eskluż, kif issostni l-Kummissjoni, li l-leġiżlatur ried jagħmel differenza bejn il-fish fauna u l-element ta’ kwalità bijoloġika l-oħra.


28      Għall-kuntrarju, jidhirli li l-formulazzjonijiet użati fiż-żewġ definizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati bħala li jmorru lil hinn anki mill- kundizzjonijiet disturbati “antropoġeniċi”, sabiex jinkludu kull kundizzjoni disturbata, li madankollu ma huwiex rilevanti fil-każ inkwistjoni, peress li l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd mingħajr dubju għandhom natura antropoġenika.


29      Fil-fatt, anki meta t-termini “kundizzjonijiet disturbati” jew “tfixkil” huma użati mingħajr ebda riferiment ieħor, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għal interventi umani, għas-sempliċi raġuni li, fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet, huma tali interventi li huma l-bidu tad-degradazzjoni tal-kwalità ekoloġika tal-lagi.


30      B’mod iktar ġenerali, jidhirli evidenti li l-elementi differenti ta’ kwalità jinteraġixxu fl-ekosistema akkwatika. Dan huwa iktar evidenti jekk jiġi kkunsidrat li l-istess tabelli (speċifiċi) li jinsabu fil-punt 1.2.2 tal-Anness V dwar l-elementi ta’ kwalità fiżiko‑kimika u idromorfoloġika (għalhekk elementi differenti mill-element bijoloġiku) jirreferu huma stess, diversi drabi, għall-valuri indikati mill-elementi ta’ kwalità bijoloġika (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


31      Ara l-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma (COM(97)49 final (ĠU 1997, C 184, p. 20)); proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma (COM(97)614 final (ĠU 1998, C 16, p. 14)] u proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma [COM(98)76 finali (ĠU 1998, C 108, p. 94)).


32      Ara, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-lagi, id-definizzjoni tal-istati ekoloġiċi tal-fish fauna (“tajjeb ħafna”, “tajjeb” u “passabbli”) tat-Tabella 1.1.2.2 tal-Anness V tal-proposta emendata tad-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma [COM(98)76 finali].


33      Sakemm m’inix żbaljat, ir-riferimenti għall-“impatti antropoġeniċi” u għall-“impatti antropoġeniċi fuq l-elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika” dehru għall-ewwel darba fl-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 251(2)(c) tat-Trattat KE fuq l-elementi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar il-Proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ilma [COM(2000) 219 final].


34      Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, ma naħsibx li jista’ jiġi konkluż li l‑leġiżlatur tal-Unjoni ried jevita kunflitti mal-politika tas-sajd, kif tikkunsidra l-qorti tar-rinviju u r-rikorrenti ssostni. Fil-fatt, il-politika tas-sajd, li, barra minn hekk, ma ssemmietx bħala li hija fl-oriġini ta’ dawn il-formulazzjonijiet, għandha hija stess tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet neċessarji għall-protezzjoni tal-ambjent u tar‑riżorsi tas-sajd. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti r-riferiment ġeneriku, fil‑premessa 16 tad-Direttiva 2000/60, għall-ħtieġa li jiġu integrati iktar il‑protezzjoni u l-ġestjoni ekoloġika vijabbli tal-ilmijiet fil-politiki l-oħra tal‑Komunità, bħal, b’mod partikolari, dik tas-sajd. Li kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur, dan ma kienx jirnexxielu, fid-dawl tan-natura insinjifikattiva tad‑differenza introdotta bejn l-“impatti antropoġeniċi” biss u l-“impatti antropoġeniċi fuq l‑elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika u idromorfoloġika”.


35      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni Ewropea vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Jääskinen, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 39), irrileva li d-Direttiva 2000/60 għandha bħala għan aħħari l-konformità tal‑kriterju ta’ “stat tajjeb” tal-ilmijiet kollha tal-wiċċ u ta’ taħt l-art tal-Unjoni sas‑sena 2015 (ara wkoll il-premessa 25 ta’ din id-direttiva).


37      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39). F’din is-sentenza (punt 40), il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat ukoll li l-oriġini ta’ dawn iż-żewġ għanijiet tirriżulta mix‑xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/60. Fir-rigward b’mod partikolari, tal‑obbligu li tiġi prekluża d-deterjorazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fl-ewwel verżjoni tagħhom, setgħu jfissru li ladarba tiġi adottata d‑Direttiva 2000/60, il-korpi tal-ilma kklassifikati f’kategorija ogħla mill-kategorija “stat tajjeb” setgħu jiddegradaw sal-punt li jaqgħu f’din il-kategorija “stat tajjeb”. Huwa għal din ir-raġuni li l-Parlament Ewropew ippropona emenda li tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-obbligu li jintlaħaq “stat tajjeb” u dak li tiġi prekluża kull deterjorazzjoni billi jiġi introdott inċiż ġdid fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi b’mod distint dan l-aħħar obbligu.


38      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 41), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Sweetman (C‑301/22, EU:C:2023:697, punt 52).


39      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 26). Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ilmijiet, li jieħdu inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuqhom, sakemm ma jkunx manifest li tali impatti, min-natura tagħhom, għandhom biss ftit effett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati u li ma jistgħux iwasslu għal “deterjorazzjoni” tiegħu, fis-sens tal‑Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw li dan jista’ jipprovoka tali deterjorazzjoni, dan il-programm jew dan il-proġett jista’, anki jekk din id‑deterjorazzjoni tkun ta’ natura temporanja, jiġi awtorizzat biss jekk il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva jkunu ssodisfatti (ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, Association France Nature Environnement (Impatti temporanji fuq l-ilmijiet tal-wiċċ) (C‑525/20, EU:C:2022:350, punt 45)) F’dan ir-rigward, ikun hemm deterjorazzjoni ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal‑Anness V, jiddegrada b’klassi waħda, anki jekk din id-degradazzjoni ma tiġix tradotta f’degradazzjoni tal-klassifikazzjoni, fl-intier tagħha, tal-korp tal-ilma tal‑wiċċ. Madankollu, jekk l-element ta’ kwalità kkonċernat fis-sens ta’ dan l-anness jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull deterjorazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal‑Artikolu 4(1)(a)(i) (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 69).


41      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-obbligu ta’ projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma jikkonserva l-effett utli kollu tiegħu, bil‑kundizzjoni li jkun jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2000/60 (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 100).


42      Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw termini jindikaw il-ħut kollu li jgħammar f’wiċċ ta’ ilma, bħal “Fischfauna” fil-verżjoni Ġermaniża u “ichtyofaune” fil-verżjoni Franċiża.