Language of document : ECLI:EU:C:2023:905

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(3)(b) TFUE – Suq Svediż tat-trasport bl-ajru – Skema ta’ għajnuna kkomunikata mir-Renju tal-Isvezja – Garanziji għal self intiż li jsostni l-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Qafas temporanju tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà li jiġu provduti servizzi”

Fil-Kawża C‑209/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑1 ta’ April 2021,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn V. Blanc, F.-C. Laprévote u E. Vahida, avocats, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros, u D. Pérez de Lamo u S. Rating, abogados,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn A.‑L. Desjonquères, P. Dodeller, T. Stéhelin u N. Vincent sussegwentement minn A.-L. Desjonquères, T. Stéhelin u N. Vincent, u fl-aħħar nett minn A.-L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat inizjalment minn O. Simonsson, H. Eklinder, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, A. M. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson u H. Shev, sussegwentement minn O. Simonsson, H. Eklinder, C. Meyer-Seitz, A. M. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson u H. Shev, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn, C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u L.S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Ryanair DAC titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ Frar 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑238/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:91), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2366 final, tal‑11 ta’ April 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56812 (2020/N) – L-Isvezja – COVID-19: skema ta’ garanziji għal self lill-kumpanniji tal-ajru (ĠU 2020, C 269, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u ddeċiżjoni kontenzjuża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3        Fit‑3 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja kkomunika lill-Kummissjoni Ewropea miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ skema ta’ garanziji għal self lil ċerti kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”). L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha tippermetti li l-kumpanniji tal-ajru li jkollhom liċenzja maħruġa minn dan l-Istat Membru (iktar ’il quddiem il-“liċenzja Svediża”), li jikkontribwixxu “għall-konnettività” tat-territorju Svediż, ikollhom biżżejjed likwidità sabiex jevitaw li d-disturb ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 jikkomprometti l-vijabbiltà tagħhom u sabiex tiġi ppreżervata l-kontinwità tal-attività ekonomika matul u wara l-kriżi attwali. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha tibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru kollha li għandhom, fl‑1 ta’ Jannar 2020, il-liċenzja Svediża sabiex jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fil-qasam tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), bl-eċċezzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li l-attività prinċipali tagħhom tikkonsisti fl-operat ta’ servizzi mhux regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. L-ammont massimu tas-self iggarantit taħt din l-iskema kien ta’ 5 biljun krona Svediża (SEK) (madwar EUR 455 miljun). Il-garanziji, li jirrigwardaw krediti għall-investiment u krediti ta’ kapital operatorju, setgħu jingħataw sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020, għal perijodu massimu ta’ sitt snin.

4        Fil‑11 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha, wara li kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fid-dawl tal-Komunikazzjoni tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (C(2020) 1863, ĠU 2020, C 91 I, p. 1), u emendata bil-Komunikazzjoni tagħha tat‑3 ta’ April 2020 (C(2020) 2215, ĠU 2020, C 112 I, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Qafas temporanju”).

5        F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li, konformement mar-Regolament Nru 1008/2008, il-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellhom il-“post prinċipali tan-negozju” tagħhom fl-Isvezja u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kienet regolarment ikkontrollata mill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-għoti tal-liċenzji. Barra minn hekk, hija qieset li l-operat ta’ servizzi regolari ta’ trasport ta’ passiġġieri mill-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni seta’ jkollu rwol importanti fil-“konnettività” tal-pajjiż u li, konsegwentement, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal din l-iskema kienu rilevanti sabiex jiġu identifikati l-kumpanniji tal-ajru li għandhom rabta mal-Isvezja u li jikkontribwixxu għall-“konnettività” tagħha, konformement mal-għan tal-imsemmija skema. It-tieni nett, hija qieset li l-imsemmija iskema ta’ għajnuna kienet neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Svediża u li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti fil-punt 3.2 tal-Qafas temporanju intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ garanziji fuq is-self”.

6        Għalhekk hija kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, għaldaqstant, ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tagħha.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Mejju 2020, Ryanair ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

8        Insostenn tar-rikors tagħha, Ryanair qajmet erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu tal-ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, it-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura kkomunikata mas-suq intern u, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

9        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel, it-tieni u raba’ motiv invokati minn Ryanair bħala infondati. Fir-rigward tat-tielet motiv, hija qieset, b’mod partikolari fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda tal-ewwel żewġ motivi tar-rikors, li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

 Ittalbiet talpartijiet quddiem ilQorti talĠustizzja

10      Permezz tal-appell tagħha, Ryanair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, lir-Repubblika Franċiża u lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż jew, sussidjarjament;

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u tirriżerva l-ispejjeż.

11      Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

12      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

 Fuq lappell

13      Insostenn tal-appell tagħha, Ryanair tinvoka ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet l-ewwel motiv tar-rikors ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti fl-eżami tal-motiv ta’ dan ir-rikors ibbażat fuq il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-applikazzjoni tal-kriterju tal-ibbilanċjar tal-effetti benefiċi u tal-effetti negattivi tal-iskema ta’ għajnuna. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li ma teżaminax il-fondatezza tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

14      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jinkludi erba’ partijiet u li jirrigwarda l-punti 25 sa 57 tas-sentenza appellata, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

15      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali ma applikatx debitament il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, li huwa prinċipju essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Minkejja li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà, jiġifieri ż-żamma ta’ liċenzja Svediża, hija qieset b’mod żbaljat li tali diskriminazzjoni kellha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, minħabba li din id-dispożizzjoni kienet tikkostitwixxi dispożizzjoni partikolari prevista fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għall-impriżi tat-trasport bl-ajru li għandhom liċenzja Svediża hija ekwivalenti għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità peress li, sabiex tikseb tali liċenzja, kumpannija tal-ajru għandu neċessarjament ikollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Isvezja.

16      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk tali diskriminazzjoni kinitx iġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE, jew, fi kwalunkwe każ, jekk din kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati.

17      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 32 u 33 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod partikolari, hija żbaljat meta qieset li l-għan ta’ din l-iskema kien limitat sabiex tiġi żgurata l-“konnettività” tal-Isvezja, jew li kienet konformi mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, filwaqt li mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta b’mod ċar li dan l-għan kien li tiġi żgurata likwidità suffiċjenti għall-kumpanniji tal-ajru “li għandhom liċenzja Svediża”.

18      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żnaturament manifest tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 38 sa 44 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li minnha jibbenefikaw biss il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, billi interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 1008/2008 u billi kkompletat illegalment il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, qieset b’mod żbaljat, l-ewwel nett, li Stat Membru li jkun ħareġ liċenzja lil kumpannija tal-ajru jista’ jikkontrolla l-mod kif l-għajnuna tintuża mill-benefiċjarji, it-tieni nett, li dan l-Istat Membru jista’ jiżgura ruħu li l-kumpannija tal-ajru li għandha l-liċenzja tonora s-self mogħti, b’tali mod li jnaqqas ir-riskju li l-garanzija tiġi invokata, u, it-tielet nett, li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva għandhom rabta eqreb mal-ekonomija tal-Istat Membru li ħareġ din il-liċenzja. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda differenza, f’termini ta’ kontrolli eżerċitati mill-Istat Membru li jkun ta l-għajnuna, ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ rimbors tas-self u tar-rabtiet mal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru, bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja operattiva maħruġa mill-imsemmi Stat Membru u dawk li għandhom liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru ieħor.

19      Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tinvoka, essenzjalment, żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 45 sa 54 tas-sentenza appellata, li l-iskema kkontestata kienet proporzjonata.

20      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddikjarat, fil-punti 45 u 51 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżit ta’ liċenzja Svediża kien “l-aħjar mod li tiġi żgurata n-natura perenni tal-preżenza ta’ kumpannija tal-ajru [fit-]territorju [Svediż]” u li “l-post prinċipali tan-negozju”, il-post li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet amministrattivi u finanzjarji, kien “partikolarment importanti f’dan il-każ sabiex jiġi żgurat li l-konnettività tal-Isvezja ma tiġix interrotta minn ġurnata għal oħra”. Din ir-rabta kawżali bejn l-obbligu li tinżamm liċenzja Svediża u l-garanzija ta’ servizz fit-territorju Svediż hija totalment ipotetika u kontradetta mid-data li Ryanair ipprovdiet lill-Qorti Ġenerali.

21      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddikjarat, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli “jikkontribwixxu, kumplessivament, b’mod ewlieni għas-servizz regolari pprovdut lill-Isvezja”. Dan huwa żnaturament manifest tal-fatti peress li, abbażi taċ-ċifri pprovduti mill-Qorti Ġenerali stess fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża kienu jirrappreżentaw minoranza tas-servizzi tal-ajru regolari fl-Isvezja fi tnejn mit-tliet segmenti ta’ dawn is-servizzi, jiġifieri t-titjiriet fi ħdan l-Unjoni, b’sehem mis-suq flimkien ta’ 49 %, u t-titjiriet barra mill-Unjoni, b’sehem mis-suq flimkien ta’ 35 %. Barra minn hekk, dan il-motiv huwa wkoll ivvizzjat bi żball ta’ liġi, u b’mod iktar preċiż minn applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħall-motiv imsemmi fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża kienu jirrappreżentaw 98 % tat-traffiku intern tal-passiġġieri u 84 % tat-trasport intern tal-merkanzija u li dan kien “jikkostitwixxi ammont kruċjali fid-dawl tal-portata u tas-sitwazzjoni ġeografika” tal-Isvezja. Skont dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa l-proporzjon tat-traffiku intern mit-traffiku totali tal-Isvezja.

22      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset, fis-sentenza appellata, milli tevalwa l-effett kompetittiv tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għall-finijiet tal-kriterju tal-proporzjonalità. Issa, tali evalwazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat, skont il-kliem stess tal-Qorti Ġenerali, jekk l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tmurx “lil hinn minn dak li huwa neċessarju” sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tagħha.

23      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iġġustifikat, fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata, il-kriterji ta’ eliġibbiltà diskriminatorji u l-inkoerenza li tirriżulta mill-għan allegat tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, billi ddikjarat li l-kumpanniji ż-żgħar kienu joperaw “b’mod partikolari” titjiriet b’għan speċifiku, li l-appellanti kienet naqqset il-preżenza tagħha fl-Isvezja għal bażi waħda b’ajruplan wieħed u li s-sehem mis-suq tagħha kien naqas qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk hija injorat l-importanza tas-sehem mis-suq ta’ 5 % ta’ Ryanair. L-appellanti tikkontesta wkoll id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “r-riżorsi li jistgħu jiġu allokati mill-Istat Membru kkonċernat ma humiex infiniti u għalhekk għandhom jissodisfaw ċerti prijoritajiet”.

24      Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li teżamina xenarju ieħor ta’ għajnuna minħabba li l-Kummissjoni ma setgħetx “teżamina kull miżura alternattiva possibbli”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq is-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni (T‑135/17, EU:T:2019:287), li minnha jirriżulta biss li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dmir li teżamina l-miżuri alternattivi kollha fil-motivazzjoni tagħha.

25      Barra minn hekk, il-motiv indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-miżura alternattiva ipotetika, li tikkonsisti fl-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għal kumpanniji mhux stabbiliti fl-Isvezja, ma kinitx tippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ “konnettività” bl-istess mod huwa bbażat, permezz ta’ riferiment għall-punti 40 sa 44 ta’ din is-sentenza, fuq l-ipoteżi legali żbaljata li, skont ir-Regolament Nru 1008/2008, il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minn Stat Membru ieħor jistgħu jinterrompu iktar faċilment ir-rotot tagħhom lejn u mill-Isvezja.

26      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

27      Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑208/16 P, EU:C:2018:506, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Huwa għalhekk fid-dawl ta’ miżuri li għandhom tali karatteristiċi u li għandhom tali effetti, sa fejn dawn jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jippreġudikaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li l-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

29      B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE jippreżupponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-vantaġġ ekonomiku, f’sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari jkun ta’ vantaġġ speċifiku għal impriża waħda jew iktar. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura kkonċernata tintroduċi distinzjonijiet bejn l-impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed lil ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jipprevedi ċerti derogi mill-prinċipju ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, imsemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, dwar l-għajnuna maħsuba sabiex “tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”. Għaldaqstant, hija kompatibbli jew tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat mogħtija għall-finijiet u skont ir-rekwiżiti previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet derogatorji, minkejja l-fatt li din għandha l-karatteristiċi u tipproduċi l-effetti msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

31      Minn dan isegwi li, ħlief biex l-imsemmija dispożizzjonijiet derogatorji jiġu mċaħħda minn kull effett utli, għajnuna mill-Istat li tingħata b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri għall-finijiet ta’ għan irrikonoxxut fihom u fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju u proporzjonat għat-twettiq ta’ dan l-għan, ma tistax titqies inkompatibbli mas-suq intern unikament fid-dawl tal-karatteristiċi jew tal-effetti, imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jew effetti li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, jiġifieri, b’mod partikolari, għal raġunijiet marbuta mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalhekk, għajnuna ma tistax titqies li hija inkompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet li huma marbuta biss mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew toħloq distorsjoni jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 108).

33      Madankollu, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, li permezz tagħha Ryanair tinvoka żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma applikatx, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, iżda eżaminat il-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, IlKummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 96, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, , C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 109).

34      Madankollu, f’dak li jirrigwarda speċifikament l-Artikolu 18 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li dan l-artikolu huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25, u tat‑28 ta’ Settembru 2023, , C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 110).

35      Peress li, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jipprevedi derogi mill-prinċipju, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, u għalhekk jirrikonoxxi, b’mod partikolari, differenzi fit-trattament bejn l-impriżi, bil-kundizzjoni li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti previsti minn dawn id-derogi, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala “dispożizzjonijiet partikolari” previsti mit-Trattati, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 111).

36      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE kien jikkostitwixxi tali dispożizzjoni partikolari u li kellu jiġi eżaminat biss jekk id-differenza fit-trattament ikkawżata mill-miżura inkwistjoni kinitx permessa taħt din id-dispożizzjoni.

37      Minn dan jirriżulta li d-differenzi fit-trattament li ġġib magħha l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma għandhomx jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-motivi stabbiliti fl-Artikolu 52 TFUE, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

39      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 32 u 33 tas-sentenza appellata, identifikat b’mod żbaljat l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża, u li din, b’mod żbaljat, qieset li dan l-għan kien jikkonsisti fil-preżervazzjoni tal-“konnettività” tal-Isvezja.

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, irrilevat li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien, konformement mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, billi tiġi żgurata l-“konnettività” tal-Isvezja.

41      Din id-deskrizzjoni tal-għan imfittex minn din l-iskema hija konformi ma’ dik esposta fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fil-premessi 8 u 43 tagħha, iċċitati fis-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Kummissjoni, minn naħa, stabbilixxiet l-għan li tiġi żgurata l-“konnettività” tat-territorju Svediż u, min-naħa l-oħra, evalwat ir-rilevanza ta’ dan l-għan għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għall-kuntrarju, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li ż-żamma ta’ liċenzja Svediża kienet tikkostitwixxi għan fih innifsu tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, iżda li tali żamma kienet tikkostitwixxi pjuttost, kif essenzjalment qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza appellata, kriterju ta’ eliġibbiltà għal din l-iskema.

42      Sa fejn, permezz ta’ din it-tieni parti, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti sottomessi lilha, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex jiġu kkonstatati l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu evalwati dawn il-fatti (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tal-imsemmija parti, Ryanair ma tippreċiżax il-provi li l-Qorti Ġenerali żnaturat fid-determinazzjoni tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u, a fortiori, ma turix kif dawn il-provi ġew żnaturati.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

47      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti meta ddeċidiet, fil-punti 38 sa 44 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sa fejn kienet tibbenefika biss lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, bl-esklużjoni ta’ dawk li joperaw servizzi mhux regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

48      F’dan ir-rigward, Ryanair issostni, permezz tal-ewwel ilment, essenzjalment, li billi ddikjarat, b’mod partikolari fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li ż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-Istat Membru li tagħti l-għajnuna kienet tippermetti li jiġi kkontrollat il-mod kif din tintuża mill-benefiċjarji tagħha, il-Qorti Ġenerali ressqet ġustifikazzjoni li ma kinitx inkluża fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’tali mod li ssostitwixxiet il-motivi tagħha għal dawk adottati mill-Kummissjoni insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

49      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċertament jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fl-Isvezja u huma hemmhekk suġġetti għal monitoraġġ regolari tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirrispondi għall-argument tal-appellanti msemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li tispjega l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod iktar partikolari, li tislet ċerti indikazzjonijiet mill-elementi li jinsabu fiha, mingħajr madankollu ma ssostitwixxiet il-motivi ta’ din id-deċiżjoni.

50      Fir-rigward tat-tieni lment imressaq fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punti 40 sa 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li, billi llimitat il-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni biss għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża u li għandhom, għaldaqstant, il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fl-Isvezja, ir-Renju tal-Isvezja kien leġittimament fittex, essenzjalment, li jiżgura l-eżistenza ta’ rabta perenni bejnu u l-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji tal-garanzija tiegħu, u, fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kriterju ta’ eliġibbiltà marbut maż-żamma ta’ tali liċenzja kien għalhekk xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru.

51      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 1008/2008, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, biss sabiex tistabbilixxi l-ispeċifiċità u l-istabbiltà tar-rabta li tgħaqqad kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat mal-Istat Membru li jkun ħareġ din il-liċenzja, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirregola r-relazzjonijiet tagħhom u, b’mod partikolari, il-kontrolli finanzjarji li jeżerċitaw l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru fuq dawn il-kumpanniji tal-ajru. Issa, bħala tali, huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni ta’ din ir-rabta, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji ta’ eliġibbiltà humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-fatt li dawn il-kontrolli ma jirrigwardawx speċifikament l-użu tal-għajnuna mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, jew li kontroll tal-użu ta’ din l-għajnuna jista’ jsir ukoll fir-rigward ta’ kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Svediża, kif issostni Ryanair.

52      Għalkemm, it-tieni nett, Ryanair tallega żnaturament tal-fatti f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali wettqet tali żnaturament, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

54      Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti sa fejn qieset, fil-punti 45 sa 54 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet proporzjonata.

55      F’dan ir-rigward, sa fejn l-appellanti tikkontesta, permezz tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ lment ta’ din il-parti, ċerti affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu, b’mod partikolari, fil-punti 45 u 46 kif ukoll fil-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata u stabbiliti fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-appellanti għalhekk għandha l-intenzjoni, fir-realtà, li tikkontesta l-evalwazzjoni sovrana tal-fatti u tal-provi li l-Qorti Ġenerali wettqet sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

56      Min-naħa l-oħra, għalkemm, fil-kuntest tat-tieni lment, l-appellanti invokat żnaturament tal-fatti li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-punt 45 tas-sentenza appellata, sa fejn l-affermazzjoni ta’ din tal-aħħar li l-kumpanniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni “jikkontribwixxu, kumplessivament, b’mod ewlieni għas-servizz regolari pprovdut lill-Isvezja” ma tirriżultax mill-informazzjoni li użat il-Qorti Ġenerali stess, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma turi ebda evalwazzjoni manifestament żbaljata li tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti.

57      Fil-fatt, fid-dawl tal-perċentwali tant għolja tas-sehem mit-traffiku intern tal-passiġġieri (98 %) u tal-merkanzija (84 %) żgurata mill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, peress li din id-data hija ta’ natura kruċjali sabiex jiġi żgurat l-għan imfittex mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li, bħala tali, ma ġiex ikkontestat mill-appellanti, kif ukoll tal-perċentwali sinjifikattiv f’dak li jirrigwarda s-sehem ta’ dawn il-kumpanniji mit-traffiku tal-ajru ta’ passiġġieri kemm intern (49 %) kif ukoll estern (35 %) għall-Unjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żnaturament ta’ dawn il-fatti, tiddikjara li, b’mod ġenerali, il-kumpanniji tal-ajru eliġibbli jikkontribwixxu kumplessivament, b’mod ewlieni għas-servizz regolari pprovdut lill-Isvezja kemm fir-rigward tal-merkanzija kif ukoll tat-trasport tal-passiġġieri, li jikkorrispondi għall-għan li tiġi żgurata l-“konnettività” tal-Isvezja, kemm fir-rigward tar-rotot tal-ajru fl-Isvezja, mill-Isvezja jew lejn l-Isvezja.

58      Konsegwentement, l-ewwel, it-tieni u r-raba’ lment tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati.

59      Fir-rigward tal-ħames ilment ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, intiż kontra l-punt 53 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss għal finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dan il-punt 53, li l-Kummissjoni ma kellhiex tiddeċiedi dwar il-miżuri alternattivi kollha għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li, fi kwalunkwe każ, il-miżuri alternattivi proposti mill-appellanti ma kinux jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex minn din l-iskema. Għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-punti 40 sa 44 tal-imsemmija sentenza, li, kif jirriżulta mill-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza, ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi.

60      Dan l-ilment għalhekk għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, dan l-aggravju kollu kemm hu, bla ħsara għall-eżami tat-tielet ilment tar-raba’ parti tiegħu, imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li jingħaqad mal-argument imressaq fil-kuntest tat-tielet aggravju u li huwa eżaminat flimkien miegħu, fil-punti 84 sa 90 ta’ din is-sentenza.

 Fuq ittieni aggravju

 Largumenti talpartijiet

62      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti meta ċaħdet it-tielet parti tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li permezz tagħha hija invokat ksur tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.

63      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 63 tas-sentenza appellata, hija kienet invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, ksur tar-Regolament Nru 1008/2008, billi sostniet li l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru kien ġie miksur. Billi ċaħdet l-argumenti tagħha għar-raġuni żbaljata li “r-rikorrenti ma tallega ebda ksur ta’ dan ir-regolament”, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u ma mmotivatx is-sentenza tagħha b’mod suffiċjenti fid-dritt.

64      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, b’mod kontradittorju u żbaljat, li hija ma stabbilixxietx kif l-esklużjoni tagħha mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ natura li tiddisswadiha milli tipprovdi servizzi minn u lejn l-Isvezja. Il-fatt li kumpanniji tal-ajru huma esklużi minn vantaġġ irriżervat għal dawk li din issejjaħ il-“kumpanniji tal-ajru Svediżi” huwa fil-fatt biżżejjed sabiex juri li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija skoraġġuta, mingħajr ma hija meħtieġa ebda prova oħra. Barra minn hekk, il-fatt li l-appellanti naqqset progressivament l-attività tagħha fis-suq Svediż ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iskema inkwistjoni tillimitax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

65      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi naqset milli teżamina l-elementi importanti pprovduti mill-appellanti fir-rigward tal-effett restrittiv tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u billi ffokat fuq kunsiderazzjonijiet irrilevanti dwar l-iżviluppi fil-passat tas-sehem mis-suq tal-appellanti.

66      Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, Ryanair issostni li, fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-effetti restrittivi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma kinux iġġustifikati.

67      Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx din ir-restrizzjoni b’mod korrett fid-dawl tal-kriterji rilevanti tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità. Barra minn hekk, l-appellanti pproduċiet diversi provi li juru li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li kienu inutli, mhux xierqa u sproporzjonati fid-dawl tal-għan tal-imsemmija skema, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-“konnettività” tal-Isvezja. Barra minn hekk, hija semmiet, f’dan il-kuntest, kriterju alternattiv ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna, ibbażat fuq l-ishma mis-suq, li kien ikun inqas ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, hija semmiet espressament dan il-kriterju f’korrispondenza indirizzata, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, lill-Prim Ministru Svediż u lill-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-kompetizzjoni, li hija annettiet mar-rikors fl-ewwel istanza.

68      Issa, skont Ryanair, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata din il-miżura alternattiva fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa u proporzjonata tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwistjoni.

69      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

70      Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żbalji ta’ liġi, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, sa fejn hija eżaminat biss il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ benefiċċju biss għal dawk li din issejjaħ “kumpanniji tal-ajru Svediżi”, jiġifieri l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża, unikament fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 107 TFUE, minflok ma vverifikat jekk din il-miżura kinitx iġġustifikata fid-dawl tal-motivi previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Issa, Ryanair ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali punti ta’ fatt u ta’ liġi li juru ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

71      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għaldaqstant, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

72      Madankollu, minn naħa, l-effetti restrittivi li miżura ta’ għajnuna tagħti fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jikkostitwixxux madankollu restrizzjoni pprojbita mit-Trattat, sa fejn jista’ jkun hemm effett inerenti għan-natura stess ta’ għajnuna mill-Istat, bħan-natura selettiva tagħha (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, punt 132).

73      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-modalitajiet ta’ għajnuna jkunu tant indissolubbilment marbuta mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li dawn jiġu evalwati b’mod iżolat, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kollha kemm hi mas-suq intern għandu neċessarjament jiġi evalwat permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi , 74/76, EU:C:1977:51, punt 14, tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 97, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 133).

74      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, għalkemm iż-żamma ta’ liċenzja Svediża ma kinitx tikkostitwixxi fiha nnifisha l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, iżda kriterju ta’ eliġibbiltà għal din l-iskema, dan il-kriterju kien bħala tali indissolubbilment marbut mal-għan tal-imsemmija skema, li kien li jiġi rrimedjat id-disturb serju tal-ekonomija Svediża kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, billi tiġi żgurata l-“konnettività” tal-Isvezja. Minn dan isegwi li l-effett li jirriżulta minn dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fis-suq intern ma jistax ikun is-suġġett ta’ eżami separat minn dak tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura ta’ għajnuna, kollha kemm hi, mas-suq intern permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE.

75      Mill-motivi preċedenti u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, essenzjalment, li sabiex jiġi stabbilit li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi, minħabba li kienet tibbenefika biss lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża u mhux, b’mod partikolari lil Ryanair, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-appellanti kellha turi, f’dan il-każ, li din il-miżura kienet tipproduċi effetti restrittivi li kienu jmorru lil hinn minn dawk li huma inerenti għal għajnuna mill-Istat mogħtija konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 135).

76      Issa, l-argument imressaq minn Ryanair insostenn tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju huwa intiż, fl-intier tiegħu, sabiex jikkritika l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sa fejn huma biss il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Svediża li kienu eliġibbli għal din l-iskema u l-effetti restrittivi ta’ dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minkejja li tali effetti huma inerenti għan-natura selettiva tal-imsemmija skema.

77      Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li din żnaturat dawn il-provi.

78      Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

79      Fl-aħħar nett, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, sa fejn hija intiża li tikkontesta l-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-motivi tiegħu huma ta’ natura superfluwa meta mqabbla ma’ dawk esposti fil-punt 64 ta’ din is-sentenza. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

80      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 68 u 69 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sabiex, meta hija teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Dan l-aggravju għandu jitqabbel mat-tielet ilment tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li permezz tiegħu l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-effett antikompetittiv tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

81      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39) sabiex tiddeċiedi li l-kundizzjoni li l-għajnuna ma taffettwax b’mod eċċessiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ tapplika għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE iżda mhux għal dik imsemmija fil-paragrafu 3(b) ta’ dan l-artikolu. L-ewwel nett, l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, applikat minn din is-sentenza, jirreferi biss għall-effett tal-għajnuna fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ, u mhux għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni mhux distorta li, kif ammettiet il-Qorti Ġenerali, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-għajnuna. It-tieni nett, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx fid-dettall l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. It-tielet nett, l-obbligu li jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi tal-għajnuna u l-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta jirriżulta wkoll mill-prinċipji li japplikaw b’mod ġenerali għall-għajnuna kollha li taqa’ taħt l-Artikolu 107(3) TFUE.

82      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 68 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru ma għandhiex tippermetti li jiġi preżunt li l-effetti pożittivi ta’ għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha, iżda għandha, għall-kuntrarju, tagħti lok għal viġilanza partikolari fl-ibbilanċjar ta’ dawn l-effetti, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna.

83      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

84      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 20 tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat id-differenzi bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, u rrilevat, b’mod partikolari, li hija biss l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li kienet tistabbilixxi l-kundizzjoni li l-għajnuna inkwistjoni kellha ssegwi għan ta’ interess komuni. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma kienx jissuġġetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna għal tali kundizzjoni.

85      Għal motiv simili bbażat fuq il-paragun tal-formulazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, kif essenzjalment iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, fl-assenza ta’ riferiment għall-Artikolu 107(3)(b) TFUE sabiex tiġi pprovata assenza ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni u, għaldaqstant, in-neċessità li jitwettaq ibbilanċjar tal-effetti benefiċi u tal-effetti negattivi tal-għajnuna, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata, b’differenza għall-Artikolu 107(3)(c) TFUE, bħala li teħtieġ li l-Kummissjoni twettaq tali bbilanċjar sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

86      Kif irrilevat, ġustament, ir-Repubblika Franċiża fir-risposta tiegħu, din id-differenza fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE u ta’ dik imsemmija fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE hija spjegata min-natura partikolari tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jsegwu għanijiet ta’ natura eċċezzjonali u ta’ piż partikolari li jikkonsistu jew fil-promozzjoni tat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew, jew hija intiża sabiex jiġi rrimedjat disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Il-miżuri ta’ għajnuna li jikkontribwixxu għal wieħed minn dawn l-għanijiet, sakemm dawn ikunu meħtieġa u proporzjonati, jistgħu għalhekk jitqiesu bħala li jiżguraw bilanċ ġust bejn l-effetti benefiċi tagħhom u l-effetti negattivi tagħhom fis-suq intern, b’tali mod li jissodisfaw l-interess komuni tal-Unjoni.

87      Għaldaqstant, peress li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jirrifletti l-ibbilanċjar tal-effetti tal-għajnuna mill-Istat imsemmija minn din id-dispożizzjoni mwettqa mill-awturi tat-Trattat, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq ibbilanċjar ġdid ta’ dawn l-effetti meta hija teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna li l-għoti tagħha huwa previst abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

88      Barra minn hekk, għalkemm id-deroga mill-prinċipju ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandha tiġi interpretata b’mod strett, il-kliem użat sabiex tiġi ddefinita din id-deroga ma għandux madankollu jiġi interpretat b’mod li jirrestrinġi indebitament il-portata tagħha jew li jċaħħadha mill-effetti tagħha. Fil-fatt, deroga għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-għanijiet tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40).

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li tibbilanċja l-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta.

90      Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq irraba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

91      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn iddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 77 sa 81 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

92      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, ikkaratterizzat mill-fatt li seħħet il-pandemija tal-COVID-19 u d-diffikultajiet li din il-pandemija setgħet ħolqot għat-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, seta’ jiġġustifika li ċerti elementi kruċjali ma jkunux preżenti fil-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, minkejja li dawn l-elementi kienu neċessarji għaliha sabiex hija tkun tista’ tifhem ir-raġunament wara l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. L-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li tat il-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ċċaħħad l-obbligu ta’ motivazzjoni minn kull effett utli.

93      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

94      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95      Meta, b’mod iktar partikolari, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni, meħuda skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li tali deċiżjoni, li tittieħed f’termini qosra, għandha tinkludi biss, ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jipprevedi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296TFUE, sa fejn juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm tali diffikultajiet, peress li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma hijiex suġġetta għal dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 199 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96      Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

97      F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, naqqset ir-rekwiżiti relatati mal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 li fih kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li, billi rreferiet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, għall-kuntest li fih id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata, jiġifieri dak ta’ pandemija u tal-urġenza estrema li fiha l-Kummissjoni kienet adottat il-Qafas Temporanju, eżaminat il-miżuri li kienu kkomunikati lilha mill-Istati Membri, b’mod partikolari b’applikazzjoni ta’ dan il-qafas, u adottat id-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn il-miżuri, fosthom din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali, ġustament, kif teżiġi l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, ħadet inkunsiderazzjoni elementi rilevanti sabiex tiddetermina jekk, bl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonformatx ruħha mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

98      Min-naħa l-oħra, sa fejn Ryanair issemmi elementi speċifiċi li fuqhom il-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, ma ddeċidietx jew ma evalwatx fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħall-konformità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-effett tagħha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni kif ukoll l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha, mill-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li dawn l-elementi jew ma kinux rilevanti għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, jew li kien b’mod suffiċjenti fid-dritt li sar riferiment għalihom fl-imsemmija deċiżjoni sabiex ir-raġunament tal-Kummissjoni jinftiehem f’dan ir-rigward.

99      Issa, ma jidhirx li, permezz ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, peress li din il-motivazzjoni tippermetti, f’dan il-każ, lil Ryanair tkun taf il-ġustifikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħha, kif jirriżulta barra minn hekk mis-sentenza appellata.

100    Barra minn hekk, sa fejn l-argument imressaq fil-kuntest tar-raba’ aggravju huwa intiż fir-realtà sabiex juri li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata abbażi ta’ evalwazzjoni insuffiċjenti jew ġuridikament żbaljata tal-Kummissjoni, dan l-argument, li jirrigwarda l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni pjuttost milli r-rekwiżit ta’ motivazzjoni bħala formalità essenzjali, għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza.

101    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 77 sa 81 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

102    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat punti ta’ fatt, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, meta eżaminat ir-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

103    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ilħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

104    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Ryanair issostni li, billi kkonstatat, fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tagħha tar-rikors fl-ewwel istanza, dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kien imċaħħad mill-għan intiż tagħha minħabba ċ-ċaħda tal-ewwel żewġ motivi ta’ dan ir-rikors u kien nieqes minn kontenut awtonomu meta mqabbel ma’ dawn iż-żewġ motivi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti.

105    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, dan it-tielet motiv kien jippreżenta kontenut awtonomu meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tar-rikors fl-ewwel istanza. L-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa differenti minn dak dwar l-iżball ta’ liġi jew dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami fil-mertu tal-miżura ta’ għajnuna. L-eżistenza ta’ diffikultajiet serji tista’ għalhekk tiġi kkonstatata minkejja li, kuntrarjament għal dak li l-appellanti kienet sostniet permezz tal-ewwel żewġ motivi tagħha fl-ewwel istanza, l-eżami mill-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni la huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas minn żball ta’ liġi.

106    Bl-istess mod, it-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ma ġiex imċaħħad mill-għan intiż tiegħu, peress li l-prova tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni hija totalment differenti minn dik tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, Ryanair qajmet argumenti awtonomi għal dan l-għan, li juru, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma kellhiex data tas-suq fuq il-“konnettività” bl-ajru tal-Isvezja, li kienu ta’ importanza kruċjali sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-għan allegat tagħha. Quddiem il-Qorti Ġenerali, Ryanair kienet identifikat lakuni preċiżi fl-informazzjoni tal-Kummissjoni, li wrew diffikultajiet serji li jagħtu lill-motiv tagħha kontenut awtonomu meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tar-rikors.

107    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

108    Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, b’tali mod li tikser id-drittijiet proċedurali tagħha. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu jintlaqa’, rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura kkomunikata, kien imissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 108 TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għalhekk, huwa l-awtur ta’ talba għal annullament ta’ deċiżjoni li ma jqajjimx oġġezzjonijiet li għandu juri li kienu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Tali prova għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll fil-kontenut tagħha, minn sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

110    B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-fatt li din l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kkomunikata mas-suq intern, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021,Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, qabelxejn, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien nieqes minn kontenut awtonomu, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu, kif sostniet Ryanair fl-appell tagħha, li kieku l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, kienet ġiet ipprovata, id-deċiżjoni kontenzjuża setgħet tiġi annullata għal din ir-raġuni biss, anki jekk ma kienx ġie stabbilit, barra minn hekk, li l-evalwazzjonijiet magħmula fuq il-mertu mill-Kummissjoni kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 66).

112    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ diffikultajiet simili tista’ titfittex, b’mod partikolari, f’dawn l-evalwazzjonijiet u tista’, bħala prinċipju, tiġi stabbilita permezz ta’ motivi jew argumenti mressqa minn rikorrent sabiex jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, anki jekk l-eżami ta’ dawn il-motivi jew ta’ dawn l-argumenti ma jwassalx għall-konklużjoni li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-mertu huma żbaljati fil-fatt jew fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni (C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punti 63 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Ryanair kien ibbażat, essenzjalment, fuq in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura tal-eżami preliminari u fuq l-evalwazzjoni differenti tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li għaliha kienet tkun waslet il-Kummissjoni li kieku kienet iddeċidiet tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, minn dan ir-rikors jirriżulta wkoll li, insostenn ta’ dan il-motiv, l-appellanti, essenzjalment, irriproduċiet b’mod konċiż l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv tal-imsemmi rikors, dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, jew irreferiet direttament għal dawn l-argumenti.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tqis, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien “nieqes minn kontenut awtonomu” meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tiegħu, fis-sens li, peress li eżaminat fil-mertu dawn l-aħħar motivi, inklużi l-argumenti bbażati fuq in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, hija ma kinitx obbligata tevalwa l-fondatezza tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors b’mod separat, dan iktar u iktar peress li, kif il-Qorti Ġenerali, ukoll ġustament, irrilevat f’dan il-punt 83, Ryanair ma kinitx, permezz ta’ dan l-aħħar motiv, enfasizzat elementi speċifiċi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ eventwali diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

115    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta ddeċidiet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien ta’ natura sussidjarja u li kien imċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

116    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat provi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

117    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

118    Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

119    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, metal-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

120    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

121    Konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkundannah għall-ispejjeż rispettivi tiegħu. Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja intervenjenti fl-ewwel istanza u li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.