Language of document : ECLI:EU:C:2023:915

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑23 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C801/21 P

LUffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

vs

Indo European Foods Ltd

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Ċaħda tal-oppożizzjoni – Rikors għal annullament – Suġġett tar-rikors – Interess ġuridiku – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Indo European Foods vs EUIPO – Chakari (Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice) (T‑342/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:651), li permezz tagħha din tal-aħħar laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Indo European Foods Ltd kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑2 ta’ April 2020 (Każ R 1079/2019‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva Abresham Super Basmati Selaa Grade One World’s Best Rice.

2.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tiċċara l-kwistjoni tat-tmiem fil-mori tal-kawża tad-dritt li fuqu kienet ibbażata talba għal oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni.

3.        B’mod iktar partikolari, tqum il-kwistjoni tal-effett proċedurali ta’ tali tmiem, billi l-appell jirrigwarda esklużivament l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal oppożizzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt internazzjonali

4.        L-ewwel, ir-raba’ u t-tmien paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2), li ġie adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jiddikjaraw:

“Filwaqt li jikkunsidraw li fid‑29 ta’ Marzu 2017 ir-[Renju Unit], wara l-eżitu ta’ referendum li sar fir-Renju Unit u d-deċiżjoni sovrana tiegħu li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-[Unjoni] [...] skont l-Artikolu [50 TUE] [...],

[...]

Filwaqt li jfakkru li, skont l-Artikolu [50 TUE] [...] u soġġett għall- arranġamenti stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni [...] jieqaf japplika fl-intier tiegħu għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim,

[...]

Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu [...] id-dritt tal-Unjoni [...] jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) dwar ir-relazzjonijiet futuri.”

5.        L-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tar-[Renju Unit] mill-[Unjoni] [...]”

6.        Skont l-Artikolu 126 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.”

7.        L-Artikolu 127 tal-istess ftehim, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 3 u 6 tiegħu:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[...]

3.      Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni.

[...]

6.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit.”

8.        Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-ħruġ:

“It-Tieni u t-Tielet Partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19, l-Artikolu 34(1), l-Artikolu 44, u l-Artikolu 96(1), kif ukoll it-Titolu I tas-Sitt Parti u l-Artikoli minn 169 sa 181, għandhom japplikaw minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.”

B.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament Nru 207/2009

9.        Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 (3) ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016 (5).

10.      Il-premessi 2 sa 4, 6 u 7 tar-Regolament Nru 207/2009 jiddikjaraw:

“(2)      Ikun tajjeb illi wieħed jippromwovi [fl-Unjoni] kollha l-iżvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi kif ukoll espansjoni kontinwa u bilanċata permezz tal-ksib ta’ suq intern li jiffunzjona sew u li joffri kundizzjonijiet simili għal dawk ta’ suq nazzjonali. Sabiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip li jkun dejjem iżjed suq waħdieni, hemm bżonn li mhux biss jitneħħew kull ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u li jsiru arranġamenti li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix ostakolata, imma wkoll, li jinħolqu kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-impriżi jaddattaw l-attivitajiet tagħhom għall-iskala tal-[Unjoni], kemm fil-manufattura u fid-distribuzzjoni ta’ beni kif ukoll fil-provvediment ta’ servizzi. Għal dawn l-għanijiet, fost l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tal-impriżi għandu jkun hemm trade marks li jippermettu li l-prodotti u s-servizzi ta’ dawn l-istess impriżi jintgħarfu b’mod identiku [fl-Unjoni] kollha, irrispettivament mill-fruntieri.

(3)      Sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tal-istess [Unjoni], jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti [tal-Unjoni] għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark [tal-Unjoni Ewropea] taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod [fl-Unjoni] kollha. Jinħtieġ li l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], espress f’dan is-sens, japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

(4)      L-ostakoli tat-territorjalità tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarji ta’ trade marks mil-liġijiet tal-Istati Membri ma jistgħux jitneħħew bl-approssimazzjoni tal-liġijiet. Sabiex attività ekonomika libera fis-suq intern kollu tintfetaħ għall-benefiċċju tal-impriżi, jinħtieġ li t-trade marks ikunu regolati b’mod uniformi minn liġi [tal-Unjoni] li tkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

[...]

(6)      Madankollu l-liġi [tal-Unjoni] dwar trade marks ma tissostitwix il-liġi tal-Istati Membri dwar trade marks. Ma jidhirx li huwa ġustifikat li l-impriżi jkunu meħtieġa li japplikaw għar-registrazzjoni tat-trade marks tagħhom bħala trade marks [tal-Unjoni Ewropea]. It-trade marks nazzjonali jibqgħu meħtieġa għal dawk l-impriżi li ma jkunux jixtiequ l-protezzjoni tat-trade marks tagħhom fil-livell [tal-Unjoni].

(7)      Id-drittijiet fuq trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma għandhomx jinkisbu ħlief b’reġistrazzjoni, u tali reġistrazzjoni għandha tiġi miċħuda b’mod partikolari meta t-trade mark [...] tmur kontra drittijiet preċedenti.”

11.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “It-trademark tal-Unjoni Ewropea”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“It-trademark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

12.      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kif tinkiseb trademark tal-UE”, jipprovdi:

“Trademark tal-UE tinkiseb permezz ta’ reġistrazzjoni.”

13.      L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“[M]al-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal- leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

(a)      id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE;

(b)      dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta' trade mark suċċessiv.”

14.      L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi li kwalunkwe parti terza, mingħajr ma jkollha l-kunsens tiegħu, tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

[...]

(b)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża relattivament għal oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

[...]”

15.      Skont l-Artikolu 9b tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Data li minnha jipprevalixxu drittijiet kontra partijiet terzi”:

“1.      Id-drittijiet li jirriżultaw minn trademark tal-UE għandhom jipprevalu kontra partijiet terzi mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trademark.

2.      Jista’ jintalab kumpens raġonevoli għal atti li jiġru wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trademark tal-UE, jekk wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trademark, dawk l-atti jkunu pprojbiti bis-saħħa tal-istess pubblikazzjoni.

3.      Qorti li tismal-każ ma għandhiex tiddeċiedi dwar il-merti ta’ dak il-każ qabel ma tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni.”

2.      IrRegolament (UE) 2017/1001

16.      Ir-Regolament (UE) 2017/1001 (6) emenda u ssostitwixxa r-Regolament Nru 207/2009 b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017 (7). Il-premessa 12 tiegħu tiddikjara:

“Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u konsistenza sħiħa mal-prinċipju ta’ prijorità, li taħtu trademark preċedenti rreġistrata tieħu preċedenza fuq trademarks irreġistrati iktar tard, jeħtieġ li jiġi stipulat li l-infurzar tad-drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji miksuba qabel id-data tal-applikazzjoni jew tal-prijorità tat-trademark tal-UE. [...]”

17.      L-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oppożizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Fi żmien perjodu ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal trademark tal-UE, notifika ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tista’ tingħata fuq il-bażi li ma tistax tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 8:

[...]

(c)      mill-proprjetarji ta’ marki jew sinjali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(4) u minn persuni awtorizzati biex jeżerċitaw dawn id-drittijiet taħt il-liġi nazzjonali relevanti;

[...]”

18.      L-Artikolu 47 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Jekk l-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni tikxef li t-trade mark ma tistax tiġi reġistrata fir-rigward ta’ xi ftit mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal trademark tal-UE, jew fir-rigward ta’ kollha, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi. F’każ kuntrarju l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda.”

19.      L-Artikolu 51 tal-istess regolament, intitolat “Reġistrazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[...] [M]eta kull oppożizzjoni notifikata tkun waqgħet b’mod finali permezz ta’ rtirar, rifjut jew dispożizzjoni oħra, it-trademark u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 111(2) għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru. Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi ppubblikata.”

20.      L-Artikolu 66 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Id-deċiżjonijiet soġġetti għal appell”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe każ ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 159 [...]. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ biss mid-data tal-iskadenza tal-perijodu ta’ appell imsemmija fl-Artikolu 68. Ir-rikors għal appell għandu jkollha effett sospensiv.”

21.      L-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjonijiet dwar appelli”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jidħlu fis-seħħ biss mid-data tal-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 72(5) jew, jekk tkun infetħet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien dak il-perijodu, mid-data ta’ meta tiġi miċħuda dik il-kawża jew ta’ kwalunkwe appell ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.”

22.      L-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, 3 u 6 tiegħu:

“1      Jistgħu jitressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell rigward l-appelli.

2.      Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-TFUE, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3.      Il-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

[...]

6.      L-Uffiċċju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell kontra dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja.”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

23.      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fid-dettall fis-sentenza appellata, li għaliha qiegħed isir riferiment f’dan ir-rigward (8). L-elementi essenzjali u neċessarji għall-komprensjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

24.      Fl‑14 ta’ Ġunju 2017, Hamid Ahmad Chakari ppreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO. L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 169/2017, tas‑6 ta’ Settembru 2017.

25.      Fit‑13 ta’ Ottubru 2017, Indo European Foods ressqet oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq trade mark verbali preċedenti mhux irreġistrata, użata fir-Renju Unit. Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001. Indo European Foods sostniet, essenzjalment, li hija setgħet, abbażi tad-dritt applikabbli fir-Renju Unit, tipprekludi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tal-forma msejħa “estiża” tal-azzjoni għal abbuż ta’ denominazzjoni (action for passing off).

26.      Fil‑5 ta’ April 2019, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, minħabba li l-provi prodotti minn Indo European Foods ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti kienet intużat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali qabel id-data rilevanti u fit-territorju inkwistjoni.

27.      Fis‑16 ta’ Mejju 2019, Indo European Foods ippreżentat appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

28.      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell bħala infondat minħabba li Indo European Foods ma kinitx uriet li l-forma msejħa “estensiva” tal-abbuż ta’ denominazzjoni kienet tippermettilha tipprojbixxi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-Renju Unit.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

29.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ġunju 2020, Indo European Foods ippreżentat rikors intiż għall-annullament u għar-riforma tad-deċiżjoni kontenzjuża.

30.      Insostenn tar-rikors tagħha, Indo European Foods invokat motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

31.      Fir-risposta tiegħu, l-EUIPO sostna, b’mod partikolari, li, sa fejn l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq trade mark preċedenti mhux irreġistrata fir-Renju Unit, għalkemm il-protezzjoni mogħtija lil din tal-aħħar mid-dritt tar-Renju Unit kienet għadha rilevanti matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”), il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kienu madankollu mċaħħda mis-suġġett tagħhom mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Barra minn hekk, l-EUIPO sostna li, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma setax iktar ikun ta’ benefiċċju għal Indo European Foods, din ma kienx għad għandha interess ġuridiku fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

32.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors kien ammissibbli u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. F’dak li jirrigwarda l-argumenti dwar l-ammissibbiltà mqajma mill-EUIPO, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 17 sa 23 ta’ din is-sentenza, li ma jistax jitqies li s-suġġett tat-tilwima jintemm meta jseħħ avveniment fil-mori tal-kawża li sussegwentement għalih trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, b’mod partikolari wara l-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni motivi li feġġew wara d-deċiżjoni kontenzjuża li ma humiex intiżi li jaffettwaw il-fondatezza tagħha. Min-naħa l-oħra, fil-punti 24 sa 27, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-EUIPO intiżi li jipprovaw it-tmiem tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods billi ddeċidiet li ma jistax jiġi sostnut li, fil-każ ta’ annullament tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikollu jiċħad l-appell, minħabba nuqqas ta’ trade mark preċedenti protetta mid-dritt ta’ Stat Membru, peress li l-Bord tal-Appell għandu jqiegħed lilu nnifsu, għall-evalwazzjoni tal-fatti, mhux fil-mument tad-deċiżjoni l-ġdida, iżda fl-istadju li fih kien jinsab l-appell qabel id-deċiżjoni kontenzjuża.

V.      Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

33.      Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ April 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet dan l-appell, billi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell imressqa mill-EUIPO turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-appell kien iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

34.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2022 tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tal-EUIPO.

35.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 2022, it-talba għal intervent ta’ Walsall Conduits Ltd insostenn ta’ Indo European Foods ġiet miċħuda.

36.      Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddikjara li ma hemmx lok li tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat minn Indo European Foods kontra d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lil Indo European Foods għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

37.      Permezz tar-risposta tagħha, Indo European Foods titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

38.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni t-talbiet tal-EUIPO.

39.      L-EUIPO u Indo European Foods instemgħu waqt is-seduta li nżammet fl‑14 ta’ Settembru 2023.

VI.    Analiżi

40.      Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni dwar il-persistenza ta’ interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, l-EUIPO jafferma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi fixklet il-kunċett ta’ “stħarriġ tal-legalità” u r-rekwiżit awtonomu tal-persistenza tal-interess ġuridiku. Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u mmotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod insuffiċjenti billi ma evalwatx, in concreto, il-persistenza ta’ interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tat-trade marks. Permezz tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, l-EUIPO jsostni li mill-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali jirriżulta obbligu għall-EUIPO li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti legali tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

41.      Ser nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, billi nispeċifika r-raġunijiet għalfejn jidhirli li din għandha tiġi miċħuda (A). Sussegwentement ser nuri li, fil-fehma tiegħi, Indo European Foods għandha interess ġuridiku quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li t-tieni u tielet parti tal-aggravju uniku għandhom ukoll jiġu miċħuda u ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata (B u C).

A.      Fuq lewwel parti talaggravju uniku: issuġġett tarrikors quddiem ilQorti Ġenerali

42.      Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jsostni li, fil-punti 15 sa 21 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ffokat, sabiex tiddetermina jekk l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods baqax jippersisti, fuq il-kwistjoni jekk it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni setax ikollu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-mument li fih ġiet adottata. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali fixklet l-istħarriġ tal-legalità u r-rekwiżit tal-persistenza tal-interess ġuridiku.

43.      Madankollu jidhirli li dawn l-argumenti jirriżultaw minn qari żbaljat tas-sentenza appellata u tal-ġurisprudenza li hija ċċitata fiha.

44.      Fil-fatt, nirrileva li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 15 sa 21 tas-sentenza appellata, ma eżaminatx il-kwistjoni tal-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods jew dik tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda dik tat-tmiem tas-suġġett tar-rikors, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tat‑2 ta’ April 2020 li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba għal oppożizzjoni mressqa minn Indo European Foods.

45.      Is-suġġett ta’ rikors u l-interess ġuridiku tal-persuna li tippreżentah huma żewġ kwistjonijiet distinti. Is-suġġett ta’ rikors għal annullament huwa element oġġettiv, jiġifieri l-att li jintalab l-annullament tiegħu. L-interess ġuridiku huwa element suġġettiv, intiż li jiġi stabbilit jekk ir-rikors jistax, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (9).

46.      Huwa minnu li dawn iż-żewġ elementi huma sikwit marbuta, b’mod partikolari sa fejn l-eżistenza ta’ interess ġuridiku hija evalwata “fid-dawl tal-iskop [tas-suġġett] tar-rikors” (10) u sa fejn it-tmiem tas-suġġett tar-rikors iwassal neċessarjament għat-tmiem tal-interess ġuridiku. Madankollu, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent jista’ wkoll jintemm minkejja li s-suġġett tar-rikors jibqa’ jeżisti (11).

47.      Il-persistenza tas-suġġett ta’ rikors għal annullament tippreżupponi li d-deċiżjoni kkonċernata minnu tibqa’ tipproduċi l-effetti tagħha. Għaldaqstant, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li t-tmiem tas-suġġett tar-rikors jista’ b’mod partikolari joriġina mill-irtirar jew mis-sostituzzjoni tal-att fil-mori tal-kawża (12). Bl-istess mod, rikors li jirrigwarda deċiżjoni tal-EUIPO dwar talba għal oppożizzjoni jitqies li jkun tilef is-suġġett tiegħu meta din it-talba għal oppożizzjoni tkun ġiet irtirata wara ftehim bejn il-partijiet (13), meta t-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni tkun ġiet iddikjarata nulla (14), jew meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li parti kienet opponiet għaliha tkun hija stess ġiet irtirata (15).

48.      Nirrileva li, f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-suġġett ta’ rikors għal annullament kien intemm meta, fil-mori tal-kawża, seħħ avveniment li pproduċa effetti ex tunc, b’mod li d-deċiżjoni kkonċernata kellha titqies li qatt ma eżistiet.

49.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex inwieġeb għall-argument tal-EUIPO dwar it-tmiem tas-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kellha teżamina jekk, wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u fil-mori tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, it-tmiem tad-dritt preċedenti li fuqu kienet ibbażata t-talba għal oppożizzjoni inkwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża setax ikollu effett fuq it-tilwima li tirrigwarda ċ-ċaħda tat-talba, bl-effett li din it-tilwima kellha titqies li qatt ma eżistiet.

50.      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali impenjat ruħha sabiex tiddetermina mhux jekk it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni setax ikollu effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda biss jekk tali element kellux effett fuq il-persistenza tas-suġġett tar-rikors.

51.      F’dan ir-rigward, mill-punti 20 u 21 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-tmiem tad-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata t-talba għal oppożizzjoni minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jista’ jkollu effett fuq l-eżitu tat-talba għal oppożizzjoni meta jseħħ fil-mori tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO, ir-rikors quddiemha, għall-kuntrarju, ma jistax jitlef is-suġġett tiegħu sempliċement minħabba li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tkun saret invalida fil-mori tal-proċeduri quddiemha.

52.      Skont l-EUIPO, għalkemm huwa ċar li, fil-każ li t-tmiem tad-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata t-talba għal oppożizzjoni jseħħ fil-mori tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO qabel id-deċiżjoni kontenzjuża, ikollu jiġi konkluż li s-suġġett tar-rikors huwa assenti minħabba d-dekadenza ta’ din id-deċiżjoni, mill-fatt li d-dritt preċedenti ntemm biss wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma jistax awtomatikament jiġi dedott li r-rikors iżomm is-suġġett tiegħu. B’mod partikolari, l-EUIPO jsostni li l-possibbiltà għad-dritt preċedenti li jifforma l-bażi ta’ oppożizzjoni fil-passat ma tindikax li r-rikorrent jibbenefika minn interess ġuridiku konkret, attwali u reali.

53.      Madankollu, kif indikajt fil-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li, permezz ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet mhux dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku, iżda biss dwar dik dwar il-persistenza tas-suġġett tat-tilwima, b’mod li jidhirli li l-argument imressaq mill-EUIPO huwa ineffettiv.

54.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma fiha ebda żball ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali twettaq distinzjoni ġġustifikata bejn is-suġġett tat-talba għal oppożizzjoni quddiem l-EUIPO u s-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Is-suġġett tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO huwa t-talba għal oppożizzjoni, ibbażata fuq dritt tar-Renju Unit. Għalhekk din it-talba, teoretikament, tista’ titlef is-suġġett tagħha fil-każ li jintemm fil-mori tal-proċedimenti d-dritt preċedenti li fuqu hija kienet ibbażata. Għall-kuntrarju, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jirrigwarda d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, fil-mument li fih id-dritt li fuqu kienet ibbażata t-talba kien għadu validu.

55.      F’dan ir-rigward, kif tirrileva ġustament il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni motivi li jkunu feġġew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża meta dawn il-motivi ma jkollhomx effetti fuq il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li l-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali hija l-aħħar stadju tagħhom (16).

56.      Issa, it-tmiem tad-dritt preċedenti minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, meta dan iseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, ma jistax ikollu effett fuq il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, peress li dan ma jistax jitqies li jtemm id-dritt preċedenti b’mod li jitqies li qatt ma eżista. Kif tirrileva Indo European Foods, xejn fil-Ftehim dwar il-ħruġ ma jippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jwassal għat-tmiem ex tunc tad-drittijiet preċedenti. Għall-kuntrarju, minn dan il-ftehim joħroġ b’mod ċar li, sat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni jibqa’ applikabbli fir-Renju Unit. Għalhekk, il-ħruġ ta’ dan l-Istat Membru mill-Unjoni għandu jiġi analizzat mhux fis-sens li jfisser li dan qatt ma kien membru tal-Unjoni u li, konsegwentement, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bbażati fuq id-dritt nazzjonali qatt ma kellhom kwalunkwe rilevanza fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda biss fis-sens li jfisser li dawn id-drittijiet ma għadx għandhom, mit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, l-effetti previsti mir-Regolament 2017/1001.

57.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet li r-rikors quddiemha żamm is-suġġett tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

B.      Fuq ittieni parti talaggravju uniku: ilpersistenza ta’ interess ġuridiku

58.      Permezz tat-tieni parti tal-aggravju uniku, l-EUIPO jsostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx in concreto l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods u billi llimitat ruħha li tiċħad l-argumenti tal-EUIPO li jikkontestaw l-eżistenza tiegħu. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali mmotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod insuffiċjenti. Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ffokat l-analiżi tagħha fuq il-punt jekk id-dritt preċedenti jistax jikkostitwixxi l-bażi tal-oppożizzjoni u billi b’hekk injorat il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni.

59.      F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument ifformulat mill-EUIPO, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija għal kwalunkwe rikors ġudizzjarju (17).

60.      Madankollu, jidhirli li mis-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar, minkejja li b’mod impliċitu, li l-Qorti Ġenerali qieset li l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods fil-mument tal-preżentata tar-rikors kien jeżisti u ma kienx ikkontestat, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tikkawżalha preġudizzju. L-EUIPO sostna, quddiem il-Qorti Ġenerali, li dan l-interess ġuridiku seta’ jintemm minħabba t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u f’dan ir-rigward invoka żewġ argumenti, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant iddeċidiet, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, li kien stabbilit, ma kienx intemm. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax għalfejn għandu jinqaleb l-oneru tal-prova kif allegat mill-EUIPO.

61.      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali qieset biss li l-argumenti mressqa mill-EUIPO ma setgħux iqiegħdu fid-dubju l-eżistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, b’mod li ma jistax jitqies li din wettqet żball ta’ liġi jew immotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod insuffiċjenti.

62.      Fi kwalunkwe każ, jidhirli li, anki li kieku kellu jitqies li huwa stabbilit, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods minħabba inverżjoni tal-oneru tal-prova ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (18). Din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ, għar-raġunijiet li issa ser nesponi.

63.      L-interess ġuridiku huwa l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija għal kwalunkwe rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE minn persuna fiżika jew ġuridika u japplika bl-istess mod meta l-Qorti Ġenerali tista’ mhux biss tannulla d-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll tirriformaha kif jipprovdi l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001. L-eżistenza ta’ tali interess tippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi u għaldaqstant jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lil din il-persuna (19).

64.      Barra minn hekk, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-interess ġuridiku għandu jeżisti mhux biss fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, iżda għandu jibqa’ jeżisti wkoll sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja (20).

65.      F’dan il-każ, huwa ċar li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, Indo European Foods kellha interess titlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad it-talba għal oppożizzjoni tagħha mressqa abbażi tal-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001. Għalhekk l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni seta’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdilha benefiċċju billi jwassal lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO sabiex iwettaq eżami ġdid tat-talba għal oppożizzjoni li potenzjalment ikun favorevoli għal Indo European Foods.

66.      Jibqa’ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jistax ibiddel din il-konstatazzjoni.

67.      Għal dan il-għan, skont l-EUIPO, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, minkejja t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, għadhiex tista’ tippreġudika l-interessi ġuridiċi ta’ Indo European Foods, ħaġa li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel. Issa, minħabba n-natura speċifika tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, il-prinċipju ta’ territorjalità u n-natura unitarja tat-trade mark, fil-każ ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, ma jista’ jseħħ ebda kunflitt bejn din tal-aħħar u d-dritt li tinvoka Indo European Foods, la ratione loci u lanqas ratione temporis. Minn dan jirriżulta li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija neċessarjament negattiva u timplika t-tmiem tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods.

68.      Madankollu, jidhirli li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija estranja għad-determinazzjoni tal-persistenza ta’ interess ġuridiku sabiex jintalab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali.

69.      L-ewwel nett, nirrileva li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku fil-mument tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx tiddependi mill-punt jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark setgħetx tippreġudika l-interessi ġuridiċi ta’ Indo European Foods. Għaldaqstant, ma narax għaliex dan għandu jkun il-każ fir-rigward tal-persistenza ta’ dan l-interess.

70.      Barra minn hekk, nemmen li l-mistoqsija magħmula mill-EUIPO tfittex qabelxejn li jiġi stabbilit jekk Indo European Foods għandhiex interess, quddiem l-EUIPO, li topponi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. B’mod iktar speċifiku, it-tweġiba għal din il-mistoqsija taqa’ taħt l-evalwazzjoni mill-EUIPO tat-talba għal oppożizzjoni. Tweġiba negattiva twassal neċessarjament għaċ-ċaħda tat-talba mill-EUIPO iżda ma tistax tfisser li Indo European Foods ma kellhiex interess li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u li tikseb l-annullament tagħha.

71.      Fi kliem ieħor, il-kwistjoni jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata tistax tippreġudika l-interessi ġuridiċi ta’ Indo European Foods għandha qabelxejn tiġi eżaminata mill-EUIPO u għalhekk eventwalment tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, kwistjoni sostantiva fil-kuntest ta’ rikors għal annullament li għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità. Madankollu, din il-kwistjoni ma tistax tikkundizzjona l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

72.      F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-EUIPO stess ammetta, waqt is-seduta, li talba għal oppożizzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, imressqa wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u madankollu bbażata fuq dritt preċedenti tar-Renju Unit, ser titqies li hija inammissibbli quddiem l-EUIPO, iżda li rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni jkollu jitqies li huwa ammissibbli mill-Qorti Ġenerali, minkejja li manifestament infondat. Xejn ma jiġġustifika, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi konkluż li rikors analogu, bħal dak inkwistjoni, huwa inammissibbli, meta d-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata t-talba quddiem l-EUIPO ma kienx ineżistenti mill-bidu nett, iżda ntemm fil-mori tal-kawża.

73.      Fl-aħħar nett, jidhirli li l-fatt li l-persistenza tal-interess ġuridiku tkun tiddependi mill-punt jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark setgħetx tippreġudika l-interessi ġuridiċi ta’ Indo European Foods minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jwassal sabiex tiġi evitata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla jew tirriforma deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għal motivi li jkunu feġġew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (21).

74.      Kif sostna l-EUIPO waqt is-seduta, li kieku r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġie miċħud minħabba inammissibbiltà, dan kien iwassal għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-EUIPO jadotta deċiżjoni ġdida.

75.      Minn dan niddeduċi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata tirriżulta mhux mir-raġunijiet li fuqhom kienet oriġinalment ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża iżda mill-fatt li din ir-reġistrazzjoni ma tistax tippreġudika l-interessi ta’ Indo European Foods minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

76.      Madankollu, peress li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan l-avveniment ma jistax għalhekk iwassal għall-ġustifikazzjoni a posteriori tal-adozzjoni tagħha.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat.

78.      Għall-kompletezza, għandi nispeċifika wkoll li, kieku, sabiex tiġi stabbilita l-persistenza tal-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, kellu, quod non, jiġi ddeterminat jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata setgħetx tippreġudika l-interessi ġuridiċi tagħha, din il-mistoqsija, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, kien ikollha tingħata tweġiba affermattiva.

79.      Fil-fatt, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2017/1011 jipprovdi li jista’ jintalab kumpens raġonevoli għal atti li jseħħu wara l-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea li, wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, ikunu pprojbiti bis-saħħa ta’ din tal-aħħar. Skont Indo European Foods, din id-dispożizzjoni tista’ tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata jressaq azzjoni għal kontrafazzjoni fir-Renju Unit għal atti mwettqa bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata u t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni.

80.      L-eżerċizzju mill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata tad-dritt li jintalab kumpens raġonevoli f’tali sitwazzjoni huwa tabilħaqq ipotetiku. Jibqa’ l-fatt li, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ dan id-dritt hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-interess ġuridiku ta’ Indo European Foods, sa fejn din timplika li din il-kumpannija tista’ tkun debitriċi ta’ tali kumpens raġonevoli.

81.      Ebda wieħed mill-argumenti tal-EUIPO ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju. F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-argument dwar il-fatt li t-talba għal kumpens raġonevoli tista’ tiġi eżerċitata biss fil-konfront ta’ partijiet li ma kinux proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti, ħaġa li teskludi lil Indo European Foods, jidhirli li dan huwa milqut minn ċerta kontradizzjoni. Fil-fatt, dan jimplika li, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-EUIPO jista’ jiddeċiedi li Indo European Foods ma hijiex proprjetarja ta’ drittijiet preċedenti sabiex jiċħad it-talba għal oppożizzjoni għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jammetti li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali intiża għall-għoti ta’ kumpens raġonevoli, din il-kumpannija tista’ tinvoka l-istatus ta’ proprjetarja ta’ drittijiet preċedenti.

82.      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-argument li kumpens raġonevoli jista’ jintalab biss għal atti li jkunu pprojbiti “bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni”, u li dan għalhekk jeskludi l-atti li seħħew fir-Renju Unit minn meta dan il-pajjiż ma baqax Stat Membru tal-Unjoni fil-mument tar-reġistrazzjoni, dan, fil-fehma tiegħi, imur kontra l-għan tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2017/1001.

83.      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża li tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ infurzabbiltà ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ terzi qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sabiex xorta waħda tippermetti ċerta forma ta’ protezzjoni mid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fi kliem ieħor, qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tibbenefika minn protezzjoni ġuridika li tirrifletti, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Wathelet, il-fatt li l-leġiżlatur iqis li trade mark tal-Unjoni Ewropea li tkun fil-proċess tal-akkwist diġà timmerita li tkun protetta (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2017/1001 jipprevedi dritt għal kumpens raġonevoli sabiex tingħata ċerta miżura ta’ protezzjoni lill-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark fil-perijodu bejn id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni, id-data li minnha din l-applikazzjoni hija maħsuba li tkun magħrufa minn terzi, u d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha (23).

84.      Issa, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jipproponi l-EUIPO tirrendi impossibbli l-kisba ta’ kwalunkwe kumpens raġonevoli għal atti mwettqa qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fit-territorju ta’ Stat Membru minħabba l-ħruġ sussegwenti ta’ dan l-Istat mill-Unjoni qabel ir-reġistrazzjoni u b’dan il-mod tipprekludi l-protezzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-perijodu tal-inqas bejn il-preżentata tal-applikazzjoni u l-ħruġ tal-imsemmi Stat Membru, f’mument li fih id-dritt tal-Unjoni jkun għadu applikabbli, b’mod li jmur kontra l-għan innifsu tal-imsemmija dispożizzjoni.

85.      Għaldaqstant, jidhirli li Indo European Foods tabilħaqq kellha interess ġuridiku persistenti matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

C.      Fuq ittielet parti talaggravju uniku: leffetti fuq ilproċedimenti quddiem lEUIPO

86.      Permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi imponiet fuq il-Bord tal-Appell, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti legali tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fuq din il-kawża sa fejn, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġdida tiegħu wara eventwali annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-EUIPO jkun kostrett ma jeżaminax jekk Indo European Foods iżżommx interess fl-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni appellata u, konsegwentement, ikollu jeżamina t-talba għal oppożizzjoni abbażi ta’ kunflitt bejn drittijiet li qatt ma jista’ jseħħ.

87.      Fil-fehma tiegħi, tali argument madankollu la huwa effettiv u lanqas ma jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

88.      Kif irrilevajt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tieni parti tal-aggravju uniku, l-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali ma tiddependix mill-punt jekk Indo European Foods iżżommx interess fiċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

89.      Din il-kwistjoni hija rilevanti biss matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, iżda bl-ebda mod ma tippreġudika d-dritt ta’ Indo European Foods li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax tantiċipa l-eżitu tal-eżami ġdid mill-EUIPO tat-talba għal oppożizzjoni sabiex taqta’ l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, sakemm, kif enfasizzajt, ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ motivi li feġġew wara din tal-aħħar, b’mod li jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (24).

90.      Għaldaqstant, minkejja li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jista’ jkollu l-effett li jwassal lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO sabiex jiċħad it-talba għal oppożizzjoni (25), huwa dan tal-aħħar, u mhux il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ rikors, li għandu jasal għal din il-konklużjoni (26).

91.      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

VII. Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”.


3      Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 (ĠU 2015, L 341, p. 21).


5      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kontenzjuża, jiġifieri l‑14 ta’ Ġunju 2017, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-każ huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424.


6      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)


7      Għandu jiġi rrilevat li l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tressqet fit‑13 ta’ Ottubru 2017, b’mod li r-regoli proċedurali tar-Regolament 2017/1001, dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell, li huma intiżi li japplikaw fid-data li fiha jkunu daħlu fis-seħħ, huma applikabbli f’dan il-każ.


8      Punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata.


9      Sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs IlKummissjoni (C‑682/13 P, EU:C:2015:356, punt 25); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs IlKummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55); kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs IlKummissjoni (C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 44).


10      Sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs IlKunsill u IlKummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61), u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs IlKummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57).


11      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Centre de Coordination Carrefour vs IlKummissjoni (T‑94/08, EU:T:2010:98).


12      Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1961, Meroni et vs LAwtorità Għolja (5/60, 7/60 u 8/60, EU:C:1961:10, p. 213).


13      Digriet tas‑17 ta’ April 2018, Westbrae Natural vs EUIPO – Kaufland Warenhandel (COCONUT DREAM) (T‑65/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:204, punti 20 sa 22).


14      Digriet tal‑14 ta’ Frar 2017, Helbrecht vs EUIPO – Lenci Calzature (SportEyes) (T‑333/14, EU:T:2017:108, punti 21 sa 24).


15      Digriet tal‑14 ta’ Frar 2023, Laboratorios Ern vs EUIPO – Arrowhead Pharmaceuticals (TRiM) (T‑428/22, mhux ippubblikat, EU:T:2023:80).


16      Sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Fuchs vs UASI – Les Complices (Stilla f’ċirku) (T‑342/12, EU:T:2014:858, punt 24).


17      Sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs IlKummissjoni (C‑682/13 P, EU:C:2015:356, punt 27); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs IlKummissjoni (C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 45); kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs IlKummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 33).


18      Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs IlKummissjoni, IlKummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u IlKummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48).


19      Sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C‑682/13 P, EU:C:2015:356, punt 25), u tat‑13 ta’ Lulju 2023, D & A Pharma vs EMA (C‑136/22 P, EU:C:2023:572, punti 43 u 44).


20      Punt 25 tas-sentenza appellata. Ara wkoll is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs IlKummissjoni (C‑682/13 P, EU:C:2015:356, punt 25); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55); kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs IlKummissjoni (C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 44).


21      Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI (C‑416/04 P, EU:C:2006:310, punt 55), u digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2010, Royal Appliance International vs UASI (C‑448/09 P, EU:C:2010:384, punti 43 u 44).


22      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Nikolajeva (C‑280/15, EU:C:2016:293, punt 44).


23      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Nikolajeva (C‑280/15, EU:C:2016:467, punt 38).


24      Ara l-punti 70 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Din il-kwistjoni għadha ma nqatgħetx mill-Qorti tal-Ġustizzja u hija s-suġġett tal-Kawża C‑337/22 P, EUIPO vs Nowhere, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


26      Peress li tali deċiżjoni tista’ hija stess tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ġdid, mingħajr ma tista’ titqiegħed fid-dubju l-ammissibbiltà tagħha, kif ammetta l-EUIPO waqt is-seduta.