Language of document : ECLI:EU:C:2016:428

Kawżi magħquda C‑78/16 u C‑79/16

Giovanni Pesce et

vs

Presidenza del Consiglio dei Ministri et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti –Direttiva 2000/29/KE – Protezzjoni kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni Ewropea ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għal prodotti tal-pjanti – Deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa (Wells et Raju) – Artikolu 6(2)(a) – Obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti, irrispettivament mill-istat sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati – Validità – L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29 – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal kumpens””

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

1.        Proċedura ġudizzjarja – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Talba intiża li tippreżenta osservazzjonijiet fuq punti ta’ dritt imqajma mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Kundizzjonijiet tal-ftuħ mill-ġdid (Paragrafu 2 tal-Artikolu 252 TFUE ; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Deċiżjoni 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa – Obbligi tat-tneħħija minnufih ta’ dawn il-pjanti ospitanti tal-batterju u l-applikazzjoni ta’ trattament fitosanitarju għall-insetti infettati – Natura mhux awtonoma tal-obbligi

[Direttiva tal-Kunsill 2000/29, Anness IA, Kapitolu I(b) ; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/789, Artikolu 6(2) sa(4)]

3.        Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Art. 43 TFUE)

4.        Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Deċiżjoni 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa – Osservanza tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità – Neċessità għall-Kummissjoni li tadotta miżuri meħudin f’każ tad-dehra tal-elementi ġodda relatati mar-riskju fitosanitarju

[Direttiva tal-Kunsill 2000/29, art. 16(3); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/789, art. 6(2)(a)]

5.        Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Deċiżjoni 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa – Obbligi tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti li jinsabu fil-viċinanza tal-pjanti infettati – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

[Direttiva tal-Kunsill 2000/29 ; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/789, ir-raba’ premessa u Artikolu 6(2)(a)]

6.        Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni sanitarja tal-pjanti – Deċiżjoni 2015/789 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa – Assenza ta’ skema ta’ kumpens – Ammissibbiltà

(Artikolu 43 TFUE ; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17 ; Direttiva tal-Kunsill 2000/29 ; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/789)

7.        Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ – Stat Membru li pparteċipa fil-proċedura leġiżlattiva

(Artikolu 296 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24-27)

2.        Skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/789, dwar miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa, Stat Membru għandu l-obbligu li jneħħi minnufih pjanti ospitanti, tkun li tkun l-istatus sanitarju tagħhom, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati mill-batterju Xylella, liema jagħmel parti, skont l-Anness I, Parti A, Kapitolu I(b) tad-Direttiva 200/29 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, xi organiżmi ta’ ħsara mhux magħrufa fl-Unjoni li l-introduzzjoni u t-tixrid tagħhom għandhom jiġu pprojbiti fl-Istati Membri kollha.

Dan l-obbligu ma hu xejn kontradittorju meta mqabbel ma’ dawk previsti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu 6. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 6, l-Istat Membru kkonċernat għandu, qabel ma jneħħi l-pjanti ospitanti msemmija f’dan il-paragrafu (2)(a), japplika trattament fitosanitarju xieraq li jkopri, mhux biss il-pjanti stess, iżda l-vetturi tal-batterju, jiġifieri l-insetti infettati, fil-ġlieda kontra dawn tal-aħħar billi jinqerdu fejn, jekk hemm lok, billi jitneħħew il-pjanti li jospitawhom. F’dan ir-rigward, l-obbligi imposti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2015/789 jipprevedu, mhux obbligi awtonomi li jeskludu lil xulxin reċiprokament, iżda miżuri intrinsikament marbutin min-natura kif ukoll ta’ portata differenti u li, fir-rigward ta’ dawk previsti fil-paragrafu 2(a) u 4 ta’ dan l-artikolu, għandhom japplikaw suċċessivament. L-obbligi stabbiliti fl-imsemmija paragrafi 3 u 4 ma jistgħux għalhekk jiġu inklużi bħala li jaffettwaw in-natura vinkolanti tal-obbligu li ssir it-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti fir-raġġ ikkonċernat madwar il-pjanti infettati.

(ara l-punti 34, 35, 38)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47-49)

4.        Il-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att, u ma tistax tiddependi għalhekk minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effettività tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun obbligat li jevalwa l-effetti futuri tar-regoli li għandhom jiġu adottati u dawk l-effetti ma jistgħux jiġu previsti b’mod preċiż, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi kkritikata biss jekk jidher li kienet manifestament skorretta fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għal-leġiżlatur fiż-żmien tal-adozzjoni tar-regoli inkwistjoni. Madankollu, meta hemm elementi ġodda li jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru illi dan ir-riskju jista’ jiġi limitat minn miżuri anqas restrittivi minn dawk li diġà jeżistu, huma l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li tissorvelja għal adattament tal-leġiżlazzjoni għal informazzjoni ġdida.

Dan japplika b’hekk fir-rigward tal-obbligu, impost fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/789, dwar il-miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa, li jneħħi minnufih, f’raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, tal-pjanti ospitanti, ikun li jkun l-istatus sanitarju tagħhom. Fil-fatt, għalkemm is-sitwazzjoni kien ikollha tiżviluppa fis-sens li l-qerda tal-batterju Xylella ma teħtieġx iżjed, fuq il-bażi tad-data xjentifika rilevanti, li tneħħi minnufih il-pjanti kollha ospitanti fl-imsemmi raġġ, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, li jikkonċerna l-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, li jemenda d-Deċiżjoni 2015/789 jew li jadotta deċiżjoni ġdida, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ proporzjonalità, ta’ dan l-iżvilupp.

(ara l-punti 50-52, 82)

5.        Il-Kummissjoni setgħet leġittimament tqis li l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti tal-batterju Xylella, ikun li jkun l-istatus sanitarju tagħhom, hekk kif impost fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/789, relatata mal-miżuri intiżi li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa, kienet miżura xierqa u neċessarja biex tipprevjeni t-tixrid ta’ dan il-batterju. Fil-fatt, konformement mal-għan tad-Direttiva 2000/29, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, fuq il-bażi ta’ liema l-imsemmi Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/789 ġie adottat, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi, kif jirriżulta mill-premessa 4 tal-imsemmija deċiżjoni, li teqred il-batterju Xylella u b’hekk tipprevjeni t-tixrid tiegħu lil hinn mir-Reġjuni ta’ Puglia. Issa, il-protezzjoni sanitarja u t-tlestija fis-settur ikkonċernat tas-suq agrikolu ta’ ġewwa li jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali leġittimu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Barra minn hekk, minn opinjoni tal-Awtorità Ewropea tas-sigurtà tal-ikel (EFSA) li s-siġar taż-żebbuġ jagħmlu parti, mill-istess titolu ta’ numru relativament għoli ta’ pjanti oħra, ta’ pjanti ospitanti tal-batterju Xylella. F’dan ir-rigward, għalkemm l-EFSA ma wrietx f’din l-opinjoni l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità ċerta bejn dan il-batterju u n-nixfa rapida tas-siġar taż-żebbuġ fir-Reġjun ta’ Puglia, madankollu l-imsemmija opinjoni qiegħdet fl-evidenza korrelazzjoni sinjifikattiv bejn dan il-batterju u l-okkorrenza ta’ tali patoloġija. Issa, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, ’il bogħod milli jipprojbixxi l-adozzjoni ta’ kull miżura fl-assenza ta’ ċertezza xjentifika fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata ta’ riskju sanitarju, jista’, għall-kuntrarju, jiġġustifika l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni għalkemm xi inċertezzi xjentifiċi jeżistu dwar dan is-suġġett. Fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-Artikolu 6(2)(a) tad-Deċiżjoni 2015/789, il-fatt li l-Kummissjoni llimitat l-obbligu tat-tneħħija tal-pjanti ospitanti, ikun xi jkun l-istatus sanitarju tagħhom, għal raġġ ta’ 100 metru madwar il-pjanti infettati, filwaqt li l-vetturi jistgħu jxerrdu l-batterju lil hinn minn dan, juri li dan l-obbligu ġie limitat għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan segwit. F’dan ir-rigward, peress li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/29, moqri flimkien mal-paragrafu (1) tiegħu, għandu jinftiehem li jippermetti lill-Kummissjoni li tadotta kull miżura neċessarja biex teqred jew tillimita l-organiżmi ta’ ħsara, b’tali mod li, għalkemm it-twettiq ta’ dan l-għan jeħtieġ it-tneħħija, mhux biss tal-insetti infettati, iżda wkoll tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanzi, anki jekk ma jippreżentaw l-ebda sintomu ta’ infezzjoni mill-batterju Xylella u ma humiex issuspettati li jkunu infettati minnu, din l-istituzzjoni hija awtorizzata li timponi tali miżura.

Fir-rigward tan-natura strettament proporzjonata ta’ dan l-obbligu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jibbilanċja l-interessi differenti inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, b’mod partikolari, id-dritt għall-proprjetà tal-proprjetarji tas-siġar taż-żebbuġ fir-Reġjun ta’ Puglia kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali għal dan ir-Reġjun li jirriżultaw mit-tneħħija tal-pjanti msemmija u, min-naħa l-oħra, l-importanza tal-produzzjoni tal-pjanti fl-Unjoni u l-interess ġenerali li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tat-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-Italja lil hinn mill-provinċja ta’ Lecce, kontra t-tixrid tal-batterju Xylella fl-imsemmi territorju kollu. Fil-fatt, qabelxejn, l-obbligu tat-tneħħija minnufih tal-pjanti ospitanti kollha fir-raġġ ikkonċernat ġie impost mill-Kummissjoni minħabba t-tixrid rapidu tal-batterju fit-tramuntana tal-provinċja ta’ Lecce, wara li din l-istituzzjoni llimitat lilha nnifisha li tipprojbixxi il-moviment ta’ pjanti intiżi għat-tħawwil barra minn din il-provinċja, imbagħad li timponi li jitqaċċtu biss il-pjanti infettati, biex b’hekk tirriżulta ċerta gradazzjoni fil-miżuri adottati. Wara, il-Kummissjoni ma imponietx l-obbligu tat-tneħħija inkwistjoni fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, permezz ta’ deroga fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2015/789, fil-provinċja biss ta’ Lecce, peress li l-qerda ma hijiex iktar possibbli, l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jadottaw miżuri ta’ trażżin li ma jimplikawx it-tneħħija tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanza tal-pjanti infettati. Finalment, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-pjanti ospitanti kkonċernati ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri inqas vinkolanti, bħad-daqs jew ir-ras tas-siġar taż-żebbuġ u l-applikazzjoni ta’ trattament minn pestiċidji, mill-opinjoni tal-EFSA jirriżulta li attwalment ma jeżisti ebda trattament li jippermetti li jikkura l-pjanti morda fil-kamp sħiħ. Dawk li huma kkontaminati jibqgħu l-iktar infettati ta’ spiss tul ħajjithom jew jidbielu malajr. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa veru li l-obbligu tat-tneħħija tal-pjanti ospitanti kollha li jinsabu fil-viċinanzi tal-pjanti infettati jista’ jippreġudika kemm id-dritt għall-proprjetà tagħhom kif ukoll l-ambjent fir-Reġjun ta’ Puglia, il-Kummissjoni kienet fondata, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha f’dan ir-rigward u wara li bbilanċjat l-interessi differenti inkwistjoni, li timponi dan l-obbligu.

(ara l-punti 54, 55, 58-60, 62, 68, 70, 74-76, 80, 81)

6.        Il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jikkunsidra, fil-kuntest tad-diskrezzjoni wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandu fil-qasam tal-politika agrikola, li huwa indikat li jikkumpensa, parzjalment jew totalment, il-proprjetarji tal-irziezet li fihom l-annimali jinqatlu u jinqerdu. Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ prinċipju ġenerali li jimponi l-għoti ta’ kumpens fiċ-ċirkustanzi kollha.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal kumpens jirriżulta issa direttament mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar id-dritt għall-proprjetà. Ukoll, l-uniku fatt li la d-Direttiva 2000/29, dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, u lanqas d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2015/789, fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tax-Xylella fastidiosa, ma jinkludu huma stess skema ta’ kumpens la li jimponu l-obbligu espliċitu li jipprevedu tali skema ma jistax jiġi interpretat fis-sens li tali dritt huwa eskluż. Minn dan isegwi li l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala invalida għal dan il-motiv.

(ara l-punti 84-86)

7.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 88-90)