Language of document : ECLI:EU:C:2016:973

Kawża C-104/16 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra u du rio de oro (Front Polisario)

“Appell — Relazzjonijiet barranin — Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar miżuri ta’ liberalizzazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd — Deċiżjoni li tapprova l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Locus standi — Applikazzjoni territorjali tal-ftehim — Interpretazzjoni tal-ftehim — Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni — Prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Obbligu li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jressqu osservazzjonijiet dwar punti ta’ dritt imqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Assenza

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Appell – Interess ġuridiku – Appell ippreżentat minn appellant privileġġat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 56)

3.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk – Interpretazzjoni – Applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni

(Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk)

4.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent barra mis-sovranità tal-partijiet – Esklużjoni

(Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk, Artikolu 94)

5.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Implementazzjoni tal-ftehim fir-rigward tal-poplu tas-Saħara tal-Punent mingħajr il-kunsens tiegħu – Esklużjoni

(Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk, Artikolu 94)

6.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni UE-Marokk – Interpretazzjoni – Supremazija tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk mhux emendati mill-ftehim ta’ liberalizzazzjoni

(Ftehim Ewro-Mediterranju ta’ assoċjazzjoni KE-Marokk, Artikolu 94; Ftehim ta’ liberalizzazzjoni UE-Marokk)

7.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi ulterjorment segwita fl-applikazzjoni tal-ftehim – Portata – Estensjoni, mill-qorti tal-Unjoni, tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ ftehim mingħajr ma tkun ġiet ipprovata l-eżistenza ta’ prassi li tfisser l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet f’dan is-sens – Inammissibbiltà – Inkompatibbiltà mal-prinċipju ta’ implementazzjoni tat-trattati in bona fide

8.        Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ Stat terz li ma għandux effetti legali fuq it-territorju kkontrollat minn dan l-Istat, peress li dan tal-aħħar ma jeżerċitax sovranità rikonoxxuta internazzjonalment fuq l-imsemmi territorju – Rikors imressaq minn moviment rikonoxxut internazzjonalment bħala rappreżentant tal-poplu ta’ dan it-territorju u li jipparteċipa fin-negozjati mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiġi ddeterminat l-istatus tal-imsemmi territorju – Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni UE-Marokk)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60-65)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68, 69)

3.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, sabiex tkun tista’ tislet konsegwenzi ġuridiċi korretti mill-assenza ta’ stipulazzjoni li teskludi lis-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi ftehim, il-qorti tal-Unjoni għandha tosserva mhux biss ir-regoli ta’ interpretazzjoni in bona fide stabbiliti fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, iżda wkoll dik prevista fl-Artikolu 31(3)(ċ) li jipprovdi li l-interpretazzjoni ta’ trattat għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet għal dan it-trattat.

F’dan ir-rigward, il-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti huwa, kif esponiet il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-opinjoni konsultattiva tagħha fuq is-Saħara tal-Punent, prinċipju tad-dritt internazzjonali applikabbli għat-territorji mhux awtonomi kollha u għall-popli kollha li għadhom ma kisbux l-indipendenza. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi dritt opponibbli erga omnes kif ukoll prinċipju essenzjali tad-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, dan il-prinċipju jagħmel parti mir-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

Fid-dawl tal-istatus separat u distint irrikonoxxut lit-territorju tas-Saħara tal-Punent, abbażi tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, fil-konfronti ta’ dak ta’ kull Stat, il-ftehim imsemmi iktar 'il fuq ma jistax jiġi interpretat fis-sens li japplika għal dan it-territorju.

(ara l-punti 86, 88, 89, 92)

4.      Ir-regola konswetudinali kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, tipprevedi li, sakemm ma tirriżultax intenzjoni differenti minn trattat jew ma jkunx stabbilit mod ieħor, dan it-trattat jorbot lil kull parti kontraenti għalih fir-rigward tat-territorju tagħha kollu.

Għalhekk, mill-imsemmija regola jirriżulta li trattat jorbot, bħala regola ġenerali, Stat, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-terminu “territorju”, flimkien mal-aġġettiv possessiv “tagħha” li jsegwi, mal-ispazju ġeografiku li fuqu dan l-Istat jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu rrikonoxxuta lill-entitajiet sovrani mid-dritt internazzjonali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe territorju ieħor, bħal territorju li jista’ jkun jinsab taħt il-ġurisdizzjoni biss jew taħt l-unika responsabbiltà internazzjonali tal-imsemmi Stat. F’dan ir-rigward, mill-prassi internazzjonali jirriżulta li, meta trattat ikun japplika mhux biss għat-territorju ta’ Stat, iżda wkoll lil hinn minn dan it-territorju, dan it-trattat għandu jipprevedi dan espressament, kemm jekk ikun territorju li jinsab taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat, kif jistabbilixxi pereżempju l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura u pieni oħra jew trattament krudili, inuman jew degradanti, tal-10 ta’ Diċembru 1984, kif ukoll jekk ikun territorju li l-imsemmi Stat imexxi r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu, bħalma jistipula pereżempju l-Artikolu 56(1) tal-Konvenzjoni Ewropea ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Għalhekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 94 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, li skont it-termini tiegħu dan il-ftehim japplika “għat-territorju tar-Renju tal-Marokk” ir-regola konswetudinali kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tipprekludi a priori li s-Saħara tal-Punent jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-imsemmi ftehim ta’ assoċjazzjoni.

(ara l-punti 94-97)

5.      Abbażi tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li r-regola tinsab fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, it-trattati ma għandhom la jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lil suġġetti terzi mingħajr il-kunsens tagħhom.

Dan il-prinċipju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, peress li applikazzjoni għas-Saħara tal-Punent ta’ dan il-ftehim, twassal sabiex dan il-ftehim jaffettwa lil “terz”. Fil-fatt, fl-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-Saħara tal-Punent ma kienx teritorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonizzazzjoni mir-Renju ta’ Spanja, minn naħa, u li l-provi u l-informazzjoni pprovduta lilha ma kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn dan it-territorju u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu jiġi kkunsidrat li huwa “terz” fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Bħala tali, dan it-terz jista’ jiġi affettwat mill-implementazzjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni fil-każ li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali implementazzjoni hijiex ta’ natura li tippreġudikah jew inkella li tkunlu ta’ benefiċċju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jiġi kkunsidrat li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ dritt internazzjonali tal-effett relattiv tat-trattati, li japplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

(ara l-punti 100, 103, 104, 106, 107)

6.      L-Artikolu 30(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, jikkodifika r-regola li tgħid li, meta trattat ikun jippreċiża li huwa suġġett għal trattat preċedenti jew sussegwenti jew li ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa inkompatibbli ma’ dan it-trattat l-ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ dan jipprevalu.

Fir-rigward tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, dan għandu l-għan li jemenda ftehim preċedenti bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u, b’mod iktar preċiż, id-dispożizzjonijiet previsti minn dan il-ftehim preċedenti fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti tal-agrikoltura u tas-sajd. Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni emenda erbgħa mis-96 artikolu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u l-Artikolu 94 ta’ dan tal-aħħar ma huwiex wieħed minnhom, u jissostitwixxi tlieta mill-ħames protokolli li jakkumpanjaw dan il-ftehim. Dawn l-emendi huma ta’ natura eżawrjenti, kif jikkonferma l-iskambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li huwa bbażat fuqhom il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

Minn dan jirriżulta li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jikkostitwixxu trattati suċċessivi konklużi bejn l-istess partijiet u li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, bħala trattat sussegwenti dwar aspetti preċiżi u limitati ta’ qasam diġà ampjament irregolat minn ftehim preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li huwa suġġett għal dan tal-aħħar. Fid-dawl ta’ tali rabta partikolari, skont ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 30(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li ma ġewx emendati espliċitament mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandhom jipprevalu għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sabiex tiġi evitata kwalunkwe inkompatibbiltà bejniethom.

(ara l-punti 110-113)

7.      Skont l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, fl-istess ħin kemm tal-kuntest tiegħu kif ukoll ta’ kwalunkwe prassi ulterjorment segwita fl-applikazzjoni ta’ dan it-trattat li permezz tiegħu huwa stabbilit il-qbil tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi trattat. F’dan il-kuntest, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina jekk tali applikazzjoni, f’ċerti każijiet, tfissirx l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet intiż sabiex jemenda l-interpretazzjoni tat-trattat inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, allegata volontà tal-Unjoni tradotta fi prassi ulterjuri u li tikkonsisti f’li ftehim jiġi kkunsidrat li huwa ġuridikament applikabbli għal territorju mhux awtonomu neċessarjament timplika li jiġi ammess li l-Unjoni għandha l-intenzjoni li teżegwixxi dan il-ftehim b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-trattati, meta din tal-aħħar kienet fakkret ripetutament il-bżonn li jiġu osservati dawn il-prinċipji. Issa, tali eżekuzzjoni hija neċessarjament inkonċiljabbli mal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide, li jikkostitwixxi prinċipju obbligatorju tad-dritt internazzjonali pubbliku applikabbli għas-suġġetti ta’ dan id-dritt li huma partijiet kontraenti għal trattat.

(ara l-punti 120, 122-124)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 130, 132, 133)