Language of document : ECLI:EU:C:2019:62

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl‑24 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C689/17

Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia”

vs

Land Niedersachsen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I (il‑Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Basel – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Trasferiment ta’ skart – Residwi minħabba ħsara f’ibħra internazzjonali – Artikolu 1(3)(b) – Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni – Skart prodott abbord bastimenti”






1.        Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tinterpreta l‑Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (2), din il-kawża kif ukoll il-kawża ReFood (C‑634/17) (3) jagħtuha l-opportunità li tagħmel xi kjarifiki importanti fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-test.

2.        F’dan il-każ, wara ħsara fl-ibħra internazzjonali (4), il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) sabiex tiddetermina jekk residwi dovuti għal din il-ħsara, fil-forma ta’ skart ta’ metall u tal-ilma għat-tifi tan-nar imħallta ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija abbord bastiment jaqgħux taħt l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, li jgħid li “skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema” huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

3.        Bla preċedent, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1013/2006 hija, barra minn hekk, delikata. Mingħajr dubju, il-ġestjoni tal-iskart u t-trasferimenti tiegħu huma, fil-preżent, kwistjonijiet sensittivi ħafna, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi marbuta mar-rispett tal-ambjent fil-qasam tal-iskart.

4.        Id-diffikultajiet imqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huma aċċentwati mill-fatt li l-ħsara seħħet fl-ibħra internazzjonali, li l-preservazzjoni tagħhom hija kruċjali għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-flora u tal-fawna tal-baħar.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi, prinċipalment, li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, tas-sistema u tal-iskop ta’ dan ir-regolament, residwi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma “skart iġġenerat fuq […] bastimenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament hija eskluża fir-rigward tagħhom.

6.        Peress li matul id-diskussjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, filwaqt li l-bastiment u l-iskart daħlu f’port fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, sussidjarjament, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix risposta għal din id-domanda mhux magħmula mill-qorti tar-rinviju jew li tirrispondiha fin-negattiv sabiex jiġi osservat il-kliem, ċar ħafna, ta’ din id-dispożizzjoni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

7.        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, iffirmata f’Basel fit‑22 ta’ Marzu 1989 u approvata, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE tal‑1 ta’ Frar 1993 (5), jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni. Għal dan l-iskop, tistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 4 tagħha:

“1.      L-iskart li ġej li hu bla ħsara għall-moviment li jaqsam il-fruntieri għandu jkun ‘skart ta’ riskju’ għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a)      l-iskart li jappartjieni għal kull kategorija li tinsab fl-Anness I, għajr jekk ma jippossjiedi l-ebda karatterstika li tinsab fl-Annes III; u

b)      l-iskartt li mhux kopert bil-paragrafu (a) imma li hu ddefinit, jew ikkunsidrat li huwa skart ta’ riskju mill-leġislazzjoni domestika tal-Parti esportatur, importatur jew tat-transitu.

[…]

4.      L-iskart li jkun ġej mill-ħidmiet normali ta’ bastiment, li l-iskarigu tiegħu huwa kopert bi strument internazzjonali ieħor, hwua eskluż mill-iskop ta’ din il-Konvenzjoni”.

8.        L-Artikolu 2(3) ta’ dik il-konvenzjoni jgħid:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni

[…]

3)      moviment li jaqsam il-fruntieri jfisser kull moviment ta’ l-iskart ta’ riskju jew skart ieħor minn żona taħt il-ġuridizzjoni ta’ Stat lejn jew minn żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat ieħor jew lejn jew minn żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ l-ebda Stat, sakemm ikunu involuti mill-inqas żewġ Stati fil-moviment”.

9.        L-Artikolu 4(1) u (2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Basel jistabbilixxi

“1.      a)      Il-Partijiet li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprojbixxu l-importazzjoni tal-ikart ta’ riskju jew skart ieħor ieħor sabiex jiddisponu minnu għandhom jgħarrfu lill-Partijiet l-oħra dwar id-deċiżjoni tagħhom skont l-Artikolu 13.

b)      Il-Partijiet għandhom jipprojbixxu jew ma għandhomx jagħtu permessi lill-esportazzjoni tal--ikart ta’ riskju u skart ieħor lill-Partijiet li jkunu pprojbixxew l-importazzjoni ta’ dan l-iskart, meta nnotifikati skont is-subparagrafu (a).

ċ)      Il-Partijiet għandhom jipprojbixxu jew ma għandhomx jagħtu permessi lill-esportazzjoni ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor jew l-Istat importatur ma jagħtrix il-kunsens tiegħu bil-miktub għall-esportazzjoni speċifika, fil-każ meta dan l-Istat importatur ma jkunx ipprojbixxa l-importazzjoni ta’ dan l-iskart.

2.      Kull Parti għandha tieħu l-miżuri approprjati sabiex:

[…]

d)      tiżgura illi l-movimnt ta’ l-iskart ta’ riskju u skart ieħor li jaqsam il-fruntieri jintnaqqas għall-minimu konsistenti mal-ġestjoni ambjentalment soda u effiċjenti ta’ dan l-iskart, u jkun kondott f’manjiera li trid tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw minn dan il-moviment;”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

10.      Il-premessi 1, 3, 7 sa 9, 14 u 31 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdu li:

“(1)      L-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwal-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali

[…]

(3)      […] Permezz ta’ l-adattoment tar-Regolament (KEE) Nru 259/93 [(6)], il-Kunsill stabbilixxa regoli sabiex inaqqas u jikkontrolla tali movimenti mfassla, inter alia, sabiex is-sistema Komunitarja eżistenti għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ movimenti ta’ skart tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basel,

[…]

(7)      Huwa importanti li jiġu organizzati u regolati s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jippromovi applikazzjoni iktar uniformi tar-Regolament fil-Komunità kollha.

(8)      Huwa wkoll importanti li jittieħed kont tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Basel li l-vjeġġi ta’ skart perikoluż għandhom jitnaqqsu għal minimu konsistenti ma’ l-immaniġġar ambjentali san u effikaċi ta’ tali skart.

(9)      Barra minn hekk, huwa importanti li jittieħed kont tad-dritt ta’ kull Parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel, skont l-Artikolu 4(1) tagħha li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ skart perikoluż elenkat fl-Anness II ma’ dik il-Konvenzjoni.

[…]

(14)      Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rimi u skart mhux elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġu żgurati l-aqwa superviżjoni u kontroll billi jkun meħtieġ permess bil-miktub bil-quddiem għal tali vjeġġi. Tali proċedura għandha, imbagħad, tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu informati bix-xieraq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent. Għandha wkoll tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal tali vjeġġi.

[…]

(31)      Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat b’mod konformi mal-liġi internazzjonali marittima.”

11.      Skont l-Artikolu 1(1) u (3)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi tal-iskart, skont l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

[…]

3.      Dan li ġej għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

a)      il-ħatt għal fuq ix-xatt ta’ skart, inkluż ilma skart u residwi, ġenerat mill-operazzjoni normali ta’ bastimenti u ta’ pjattaformi ta’ fuq il-baħar bil-kundizzjoni li tali skart ikun suġġett għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll tal-1978 relatat ma’ dan (Marpol 73/78) [(7)], jew strumenti internazzjonali li jorbtu oħrajn;

b)      skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema.”

12.      L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan, l-“[i]skart” u l-“[i]skart perikoluż” kif ġej:

“1)      ‘skart’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE [(8)];

2)      ‘skart perikoluż’ ifisser kull skart li kopert mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar skart perikoluż [(9)]”;

13.      Skont l-Artikolu 2(33) tal-imsemmi regolament, “trasport” ifisser “il-ġarr ta’ skart bit-triq, ferrovija, ajru, baħar jew kanali interni”.

14.      L-Artikolu 2(34), tar-Regolament Nru 1013/2006 jiddefinixxi, għall-finijiet tiegħu, “vjeġġ” bħala t-trasport ta’ skart destinat għal irkupru jew rimi li huwa ppjanat jew li jseħħ, b’mod partikolari, bejn pajjiż u pajjiż ieħor jew bit-tluq minn żona ġeografika li ma hija taħt il-ġurisdizzjoni ta’ ebda pajjiż, lejn pajjiż.

15.      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, il-vjaġġi li s-suġġett tagħhom ikun skart intiż għar-rimi jew skart iddestinat għall-irkupru, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar dan għandu jsegwi l-proċeduri stabbiliti f’dak ir-regolament meta dan jinkludi b’mod partikolari skart fil-lista oranġjo (10), huma suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel prevista f’dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1013/2006, ir-rekwiżiti ġenerali fil-qasam ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament japplikaw meta l-vjaġġ jirrigwarda kwantità ikbar minn 20 kg ta’ taħlitiet ta’ ċertu skart jew ta’ ċertu skart ikkontaminat.

II.    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.      Il-bastiment MSC Flaminia huwa bastiment li jġorr il-kontejners li kien itajjar, matul il-perijodu rilevanti, il-bandiera Ġermaniża u huwa proprjetà ta’ Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia” (11), rikorrenti fil-kawża prinċipali.

17.      Filwaqt li dan il-bastiment tal-kontejners kien mgħobbi b’4 808 kontejner, li minnhom 151 imsejħa b’“sustanzi perikolużi”, fir-rotta bejn Charleston (l-Istati Uniti tal-Amerika) u Antwerpen (il-Belġju), kien hemm, fl‑14 ta’ Lulju 2012, nar akkumpanjat bi splużjonijiet abbord.

18.      Fil‑21 ta’ Awwissu 2012, Conti kisbet l-awtorizzazzjoni li tirmonka l-bastiment tal-kontejners fl-ibħra Ġermaniżi. Skont l-ittra tal-Havariekommando (iċ-Ċentru ta’ Kmand f’każ ta’ Urġenza Marittima, il-Ġermanja), tal‑25 ta’ Awwissu 2012, Conti kienet tpoġġiet taħt l-obbligu li tfassal pjan għas-segwitu tal-operazzjonijiet u li tindika eventwali msieħba kuntrattwali għall-miżuri korrispondenti.

19.      Fit-8 ta’ Settembru 2012, il-bastiment laħaq il-pożizzjoni ta’ stennija li kienet ġiet assenjata lilu miċ-ċentru ta’ kmand f’każ ta’ emerġenza marittima f’baħar fond jagħti għall-port fiż-żona li tinsab fil-Punent ta’ Heligoland (il-Ġermanja) u fid-9 ta’ Settembru 2012, huwa ġie rmunkat f’Wilhelmshaven (il-Ġermanja). Wara diskussjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi, Conti impenjat ruħha b’mod partikolari li tiżgura t-trasferiment sigur tal-MSC Flaminia lejn it-tarzna li tinsab f’Mangalia (ir-Rumanija) u li tiggarantixxi trattament xieraq tas-sustanzi li kienu abbord il-bastiment.

20.      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2012, in-niedersächsisches Umweltministerium (il-Ministeru tal-Ambjent tal-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) informa lil Conti li l-bastiment innifsu, “kif ukoll l-ilma għat-tifi tan-nar abbord, l-istess bħall-ħama u l-iskart ta’ metall, għandhom jiġu kklassifikati bħala ‘skart’” u li, għalhekk, kienet meħtieġa proċedura ta’ notifika. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2012, Conti kkontestat din l-evalwazzjoni.

21.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012, il-Gewerbeaufsichtsamt Oldenburg (l-Ispettorat tax-Xogħol ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) obbliga lil Conti timplimenta proċedura ta’ notifika minħabba l-iskart ta’ metall abbord u tal-ilma għat-tifi tan-nar imħallat bil-ħama u residwi ta’ tagħbija. Barra minn hekk, Conti ġiet ipprojbita milli tneħħi l-bastiment mill-post fejn kien jinsab qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ notifika u l-preżentazzjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ proġett verifikabbli ta’ rimi tal-iskart.

22.      Fit-18 ta’ Frar 2013, filwaqt li l-proċedura ta’ notifika għat-trasferiment tal-ilma għat-tifi tan-nar lejn id-Danimarka kienet ingħalqet, beda l-ippompjar tal-ilma għat-tifi tan-nar. Ladarba kien possibbli li jiġi stmat l-ammont tal-ilma għat-tifi tan-nar li ma setax jiġi ppompjat, fis-26 ta’ Frar 2013 bdiet il-fażi segwenti tal-proċedura ta’ notifika mar-Rumanija.

23.      Fl‑4 ta’ Jannar 2013, Conti ppreżentat rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012. Biex jiġi evitat id-dewmien, Conti ssottomettiet ruħha għal proċedura ta’ notifika, taħt protesta u mingħajr ma rrikonoxxiet li b’dan il-mod kienet qed tonora obbligu legali. B’ittra tat-3 ta’ April 2013, l-Ispettorat tax-Xogħol ta’ Oldenburg iddeċieda li r-rikors amministrattiv ma kienx għad għandu skop.

24.      Il-kapijiet tad-danni invokati minn Conti quddiem il-qorti tar-rinviju jinkludu, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ notifika li hija kellha ssofri. F’dan ir-rigward, Conti tikkunsidra li kien illegali li s-sustanzi li kienu jinsabu ġewwa l-bastiment jiġu kklassifikati bħala “skart”, u konsegwentement li tiġi ordnata l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ notifika.

25.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, peress li d-dannu invokat minn Conti jinkludi l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ notifika, l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens, jippreżupponi li r-Regolament Nru 1013/2006 ma kienx applikabbli għar-residwi tal-avarija f’dan il-każ u li dawn l-ispejjeż kienu ġew iġġenerati biss minħabba li l-Ispettorat tax-Xogħol ta’ Oldenburg eżiġa l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura.

26.      Din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament huwiex applikabbli għal residwi tal-avarija, f’liema każ it-trasferiment tar-residwi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Skont l-imsemmija qorti, la minn kliem l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, la mix-xogħol preparatorju u la mill-premessi u lanqas mill-istruttura ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li l-iskart/ir-residwi dovuti għal avarija għandhom jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Residwi minħabba ħsara ta’ vapur fuq il-baħar [avarija], fil-forma ta’ skart ta’ metal u ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija abbord vapur, huma ‘skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti’ fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006?”

III. Analiżi

28.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 huwiex applikabbli għall-iskart inkwistjoni, jiġifieri residwi dovuti għal avarija, fil-forma ta’ skart ta’ metall u tal-ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama jew residwi ta’ tagħbija.

29.      Minn dan jirriżulta li din il-kwistjoni tirrigwarda l-applikabbiltà ratione materiae tal-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 għal skart bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30.      Ninnota wkoll li l-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar u espliċitu fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-“kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament [Nru 1013/2006] għadux applikabbli ratione temporis meta l-bastiment kien f’port sigur u diġà ddispona minn parti mill-iskart, ma hijiex qed tiġi sottomessa lill-[Qorti tal-Ġustizzja]”. Għaldaqstant, huwa ċar li, permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti tistaqsi biss lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tar-regolament bejn il-post tal-ħsara u l-Ġermanja.

31.      Issa, il-Kummissjoni stiednet, saħansitra ħeġġet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għat-trasferimenti sussegwenti tal-iskart.

32.      F’dan ir-rigward, huwa ċertament veru li billi t-trasferiment tal-iskart inkwistjoni nqasam f’numru ta’ perijodi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 tista’ tmiss ukoll dan il-punt (12). Madankollu, għal raġunijiet li ser nispjega iktar fid-dettall fil-punti 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda li ma saritilhiex u li l-qorti tar-rinviju espliċitament eskludiet mill-kamp tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

33.      Għalhekk, l-ewwel nett u prinċipalment, ser nirrispondi d-domanda preliminari kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju fl-osservanza tal-punti prinċipali tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari identifikati minn din l-istess qorti. It-tieni nett, imma sussidjarjament biss, ser neżamina l-kwistjonijiet imqajma mit-trasferimenti sussegwenti ta’ skart mal-wasla tal-MSC Flaminia fil-Ġermanja. Għaldaqstant, minbarra d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ser niddetermina jekk l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 huwiex applikabbli għal trasferimenti sussegwenti tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

A.      Prinċipalment

34.      Fir-rigward tal-kwistjoni kif magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest iddefinit minnha stess, ir-risposta hija, fil-fehma tiegħi, evidenti.

35.      Qabelxejn, nosserva li l-klassifikazzjoni ta’ residwi għall-eliminazzjoni abbord l-MSC Flaminia bħala skart ma ġietx diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (13) u, barra minn hekk, ma jidhirx li ġiet realment suġġetta għal diskussjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, għandhom jitqiesu bħala skart għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, l-oġġetti li jaqgħu taħt id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12 (14). Issa, kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat, ir-residwi inkwistjoni huma ddestinati għal rimi jew irkupru.

36.      F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, jeħtieġ, għall-finijiet ta’ risposta lill-qorti tar-rinviju, li jitfakkru r-regoli li jirregolaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

37.      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, imma wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (15). Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdi għal deroga mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dan għandu, bħala prinċipju, jiġi interpretat b’mod strett.

38.      Filwaqt li l-Land Niedersachsen (il-Ġermanja) u l-Kummissjoni sostnew li l-kliem tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi nikkunsidra, għall-kuntrarju, li dan il-kliem ma joħloqx konfużjoni.

39.      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċement indika li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 “skart iġġenerat fuq […] bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema”.

40.      Issa, it-tifsira tad-diversi termini hija, fil-fehma tiegħi, nieqsa minn kull ambigwità.

41.      It-terminu “skart” għandu jinftiehem b’riferiment għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ta’ ġestjoni tal-iskart. Għalhekk, dan it-terminu użat fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, jinkludi neċessarjament it-tipi kollha ta’ skart sakemm ikun intiż li jiġi mormi jew irkuprat.

42.      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-residwi inkwistjoni f’dan il-każ kienu ġew prodotti fil-kuntest ta’ avarija, ninnota li l-uniku rekwiżit tal-leġiżlatur tal-Unjoni biex tapplika l-esklużjoni hija li l-iskart ikun ġie “iġġenerat fuq […] bastimenti”. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, peress li l-avarija u n-nirien seħħew abbord l-MSC Flaminia, dawn ir-residwi kienu ġew prodotti abbord dan tal-aħħar.

43.      Barra minn hekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju tidher li tiddubita mill-fatt li l-espressjoni “skart iġġenerat fuq […] bastimenti” jinkludi skart iġġenerat b’mod fortuwitu jew barra mill-funzjonament normali ta’ bastiment, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ddiskutew l-importanza, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, tal-fatt li l-iskart inkwistjoni ma ġiex prodott matul il-funzjonament “normali” tal-bastiment, imma “b’mod fortuwitu” waqt avarija.

44.      F’dan ir-rigward, il-Land Niedersachsen sostna, b’mod partikolari, li l-produzzjoni tal-iskart waqt avarija huwa avveniment tant mhux tas-soltu, li kellu jissemma speċifikament biex jiġġustifika eċċezzjoni għall-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1013/2006.

45.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

46.      Il-kliem użat fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Franċiża u Svediża tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, jiġifieri rispettivament it-termini “generados”, “opstået”, “anfallen”, “generated”, “produits”, jew “uppkommit”, ma jsostnux dan l-argument. Ebda wieħed minn dawn it-termini ma jimplika li l-iskart kellu jkun prodott fil-kuntest tal-funzjonament regolari tal-bastimenti. Għall-kuntrarju, it-terminu “opstået” użat fil-verżjoni bil-lingwa Daniża jinkludi sfumatura li l-iskart ma kienx prodott b’mod normali, imma b’mod mhux previst.

47.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika biss il-post fejn għandu jkun ġie prodott l-iskart mingħajr ma semma rekwiżiti speċifiċi dwar iċ-ċirkustanzi li fihom dan l-iskart għandu jkun ġie prodott. Għaldaqstant, is-sens komuni tal-kliem “skart iġġenerat fuq […] bastimenti” ma jistax jinftiehem bħala rekwiżit li l-iskart jirriżulta mill-funzjonament normali tal-bastiment.

48.      Din il-kunsiderazzjoni hija iktar u iktar valida peress li ma jistax jiġi sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex l-ipoteżi ta’ skart iġġenerat barra mill-funzjonament regolari tal-bastimenti, sa fejn dan tal-aħħar għamel tali preċiżazzjoni fl-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006.

49.      Fir-rigward taċ-ċirkustanza enfasizzata mill-Kummissjoni li, f’dan il-każ, l-iskart ma kienx jeżisti fil-bidu tal-vjaġġ, din ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, determinanti. Fil-fatt, l-espressjoni “iġġenerat fuq” timplika li l-iskart jiġi prodott matul il-vjaġġ. Barra minn hekk, nosserva li l-kunċett ta’ “vjeġġ”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(34) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jeħtieġx li l-iskart kien jinsab abbord il-bastiment qabel il-bidu tal-vjaġġ u, għalhekk, ifisser li huma wkoll koperti kemm it-trasferimenti mhux mistennija kif ukoll l-iskart li l-produzzjoni tiegħu kienet fortuwita.

50.      Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni billi ma stabbilixxa ebda distinzjoni dwar in-natura tal-iskart jew iċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie prodott, mill-kliem tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għal residwi ġġenerati minn avarija, fil-forma ta’ skart ta’ metall u tal-ilma għat-tifi tan-nar imħallta mal-ħama jew residwi ta’ tagħbija.

51.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1013/2006 u mill-għan tiegħu.

52.      L-ewwel nett, għalkemm l-analiżi tax-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament ma hijiex, waħedha, determinanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan tal-aħħar, madankollu ma hijiex irrilevanti f’dan ir-rigward.

53.      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 1(3)(b) tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 kienet tipprevedi li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (16) il-“vjeġġi ta’ skart prodotti abbord ajruplani ċivili waqt it-titjira, matul id-durata intiera tat-titjira sal-inżul” (17), fit-tieni qari l-Parlament ippropona li din l-esklużjoni tiġi estiża għal skart iġġenerat abbord vetturi, ferroviji u bastimenti, għar-raġuni li “[l]-eżenzjoni tal-iskart iġġenerat abbord ajruplani għandha tiġi estiża għal kull tip ta’ trasport ieħor, għaliex fin-nuqqas id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-iskart iġġenerat abbord vetturi li ma humiex ajruplani” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (18).

54.      Issa, la l-proposta inizjali tal-Kummissjoni, la l-emendi proposti mill-Parlament, u lanqas l-ispjegazzjonijiet dwar dawn il-proposti ma jirreferu għal ebda rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi ċertu skart mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 u li din id-dispożizzjoni tiġi limitata għall-iskart prodott fil-kuntest tal-funzjonament normali tal-mezzi ta’ trasport imsemmija.

55.      Ċertament, kif sostnut mil-Land ta’ Niedersachsen, l-esklużjoni relatata mal-avjazzjoni ċivili kif espressa fir-Regolament Nru 259/93 setgħet qabel kollox tolqot l-iskart kollu ġġenerat abbord ajruplani u matul it-titjiriet. Madankollu, nikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma speċifika n-natura tal-iskart ikkonċernat, u lanqas iċ-ċirkustanzi li fihom għandu jiġi prodott.

56.      Barra minn hekk, nirrileva li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni kien ġie estiż b’mod kunsiderevoli, sa fejn din ma għadhiex iktar tirrigwarda biss l-avjazzjoni ċivili, imma l-iskart iġġenerat abbord diversi mezzi ta’ trasport fosthom l-ajruplani. Jidhirli għalhekk li, meta ddeċieda li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jiġi estiż għal mezzi oħra ta’ trasport, il-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament inkluda l-iskart li jista’ jiġi prodott speċifikament f’kull wieħed minn dawn il-mezzi ta’ trasport. Għaldaqstant, il-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li, peress li l-avariji huma rari fil-kuntest tat-trasport bl-ajru, dawn ma humiex koperti minn dan ir-regolament, ma jistax jinfluwenza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b), tar-Regolament Nru 1013/2006 kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni.

57.      It-tieni nett, l-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1013/2006 tikkonferma l-interpretazzjoni li tirriżulta minn kliem din id-dispożizzjoni.

58.      Minn naħa, inqis, bħal Conti, li mit-tqabbil tal-esklużjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li, fir-rigward tat-tieni esklużjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jintroduċi restrizzjonijiet dwar il-mod kif ikun ġie prodott l-iskart.

59.      Min-naħa l-oħra, jien naqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li, peress li l-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu l-għan li tiġi evitata sovrappożizzjoni bejn il-leġiżlazzjoni dwar trasferimenti ta’ skart u d-Direttiva 2000/59/KE (19), din l-esklużjoni hija mingħajr konsegwenza fir-rigward tal-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju.

60.      Fil-fatt, il-portata tal-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 hija ddefinita fid-dawl tal-Konvenzjoni Marpol. Issa, id-Direttiva 2000/59, applikabbli għall-iskart iġġenerat mill-funzjonament normali ta’ bastimenti (20) koperti minn din il-konvenzjoni, tobbliga lill-Istati Membri sabiex jagħmlu disponibbli u jużaw faċilitajiet tal-akkoljenza f’port intiżi għall-iskart tal-operat. B’hekk, il-kliem tal-Artikolu 1(3)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006 jiggarantixxi li l-iskart li jkun ġej mill-operat normali ta’ bastiment fis-sens tal-Konvenzjoni Marpol ikun esklużivament irregolat mid-Direttiva 2000/59.

61.      It-tielet nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, u b’mod partikolari tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent (21) ma jippermettix li tiġi influwenzata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament kif jirriżulta mill-kliem tiegħu.

62.      F’dan ir-rigward, l-elementi li ressqet il-Kummissjoni huma, fil-fehma tiegħi, partikolarment konvinċenti.

63.      Għalhekk, inqis, bħall-Kummissjoni, li, minħabba n-natura f’daqqa u imprevedibbli ta’ avarija, fil-prattika jkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li l-kaptan ta’ bastiment ikollu, qabel ma jittrakka f’port, l-informazzjoni meħtieġa għan-notifika prevista mir-Regolament Nru 1013/2006 (22).

64.      Barra minn hekk, l-iskop tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jimplika li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li s-soġġorn abbord bastiment ta’ skart prodott minn avarija jiġi limitat.

65.      Fil-fatt, ma huwiex irraġonevoli li jiġi previst li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-iskart bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkollu l-effett li jdewwem id-dħul fil-port l-iktar viċin ta’ bastiment li jġorr dan l-iskart u de facto jżid ir-riskju li jibqa’ fuq il-baħar. Issa, fatt bħal dan, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, imur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex mir-Regolament Nru 1013/2006.

66.      Min-naħa l-oħra, ir-riskju enfasizzat mil-Land Niedersachsen huwa, fl-opinjoni tiegħi, ipotetiku.

67.      Billi invoka l-għan ta’ dan ir-regolament u l-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, il-Land Niedersachsen sostna, b’mod partikolari, li, jekk l-Istat Membru ma kienx konxju ta’ dan l-iskart, huwa ma jkunx jista’ jevalwa r-riskji li dan jirrappreżenta, b’mod partikolari għall-ambjent. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi evitat li l-kaptan tal-bastiment jiddeċiedi waħdu dwar id-destin tal-iskart, peress li dan joħloq riskju li bastimenti mgħobbija bi skart ikomplu jinnavigaw sabiex jelimimaw dan l-iskart xi mkien ieħor bl-orħos prezz jew illegalment.

68.      F’dan ir-rigward, nirrileva, minn naħa, li l-proċedura ta’ notifika prevista mir-Regolament Nru 1013/2006 bl-ebda mod ma tipproteġi kontra r-riskju li bastimenti mgħobbija bi skart ikomplu n-navigazzjoni tagħhom biex jeliminawh b’inqas spejjeż jew b’mod illegali. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura ma jistax ikollha l-effett li tiskoraġġixxi l-kaptan ta’ bastiment milli jelimina skart b’mod illegali jew li jfittex li jeliminah bi spiża inqas milli fi ħdan l-Unjoni. Għall-kuntrarju, ma huwiex eskluż li l-konsegwenza tal-ispiża tal-imsemmija proċedura tkun li tali aġir jiġi inkoraġġit.

69.      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-obbligi taħt id-dritt internazzjonali indirizzati kemm lill-Istati kif ukoll lill-atturi privati tal-qasam marittimu, xi drabi murija f’atti tad-dritt tal-Unjoni (23), ir-riskji maħluqa min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 (24) ma għandhomx, fl-opinjoni tiegħi, jiġu esaġerati.

70.      Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ rimi intenzjonali ta’ skart, il-Konvenzjoni ta’ Londra tad-29 ta’ Diċembru 1972 dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Ibħra mir-Rimi ta’ Skart u materjali oħrajn, kif emendata mill-Protokoll ta’ Londra tal-1996, għandha l-għan li tintroduċi kontroll effettiv tad-diversi sorsi ta’ tniġġis tal-ibħra kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ibħra li jirriżulta mir-rimi fil-baħar, mifhum bħala r-rimi deliberat, ta’ skart. Fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni, ir-rimi fil-baħar huwa, bħala prinċipju, ipprojbit; madankollu, jista’, b’eċċezzjoni, jiġi suġġett għal awtorizzazzjoni. L-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni hija dmir b’mod partikolari tal-Istat tal-bandiera, li għandu l-inkarigu, fi kwalunkwe każ, li jimponi s-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni (25). Fid-dritt tal-Unjoni, skont id-Direttiva 2005/35/KE (26), l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn bastimenti fi kwalunkwe waħda miż-żoni li hija tkopri, b’mod partikolari l-ibħra internazzjonali, ikun ikkunsidrat bħala ksur jekk isir intenzjonalment, b’mod imprudenti jew b’negliġenza gravi, sabiex jiġi żgurat li tali rimi ma jibqax mingħajr kastig (27).

71.      Sussegwentement, l-obbligi li d-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, l-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, jimponu fuq l-Istat tal-bandiera jippermettu wkoll li r-riskju invokat mil-Land Niedersachsen (28) jiġi limitat. Fil-fatt, minbarra l-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fuq il-baħar permezz ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istat tal-bandiera biex jibda investigazzjoni dwar kwalunkwe inċident tal-baħar jew inċident tan-navigazzjoni li seħħ f’ibħra internazzjonali fejn ikun involut bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu u li kkawża ħsara konsiderevoli lill-ambjent tal-baħar. Fid-dritt tal-Unjoni, l-obbligi li l-Istat tal-bandiera għandu skont il-liġi internazzjonali u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, saru iktar effettivi permezz tad-Direttiva 2009/21/KE (29), li għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tiżgura li l-Istati Membri jwettqu b’mod effettiv u konsistenti l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera kif ukoll li tissaħħaħ is-sigurtà u jkun hemm prevenzjoni tat-tniġġis minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru.

72.      Fl-aħħar nett, regoli oħra, bħall-kodiċi marittimu internazzjonali tal-merkanzija perikoluża jew il-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni għat-Tħaddim Sigur ta’ Vapuri u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis (30), inaqqsu wkoll ir-riskju ta’ tniġġis meta jimponu regoli fuq kumpanniji tat-tbaħħir jew fuq il-kaptani ta’ bastimenti.

73.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, prinċipalment, għad-domanda tal-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) li r-residwi dovuti għal avarija, fil-forma ta’ skart ta’ metall u tal-ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama jew residwi ta’ tagħbija abbord bastiment, huma “skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti” fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006.

74.      Sussidjarjament, jiena ser neżamina, fit-taqsima li ġejja, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tat-tieni parti tal-vjaġġ tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

B.      Sussidjarjament

75.      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, it-trasferiment lejn id-Danimarka tal-ilma għat-tifi tan-nar ippompjat u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment tal-iskart li ma nħattx fil-Ġermanja lejn ir-Rumanija, infakkar li l-qorti tar-rinviju eskludiet din il-parti mill-problema mqajma mill-fatti fil-kawża prinċipali mill-kamp tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

76.      Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha, billi tislet mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża u, jekk ikun il-każ, li tifformula mill-ġdid id-domandi preliminari (31).

77.      Madankollu, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk, f’dan il-każ, ikunx tassew utli għall-qorti tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplikax għat-trasferimenti ta’ skart inkwistjoni wara li l-bastiment ikun ħalla l-port Ġermaniż. Fil-fatt, jidher li mill-espożizzjoni ta’ din it-tilwima jirriżulta li Conti qiegħda tfittex kumpens quddiem il-qrati Ġermaniżi għal diversi danni, fosthom id-dannu li jirriżulta mill-proċedura ta’ notifika imposta mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-vjaġġ bejn il-Ġermanja u r-Rumanija, il-kwistjoni dwar jekk proċedura ta’ notifika hijiex applikabbli tirrigwarda biss lill-awtoritajiet Rumeni.

78.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha madankollu tinterpreta l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tat-trasferiment tal-iskart mill-port Ġermaniż lejn id-Danimarka u r-Rumanija sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ta’ dan it-test għal ċerti trasferimenti sussegwenti, nirrileva li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċar ħafna.

79.      Għalhekk, l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 tapplika “sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema”. Fid-dawl tas-sens tal-kelma “skarikat” (32), din id-dispożizzjoni timplika neċessarjament li l-iskart ikun telaq mill-bastiment u tqiegħed fuq l-art sabiex jiġi rkuprat jew eliminat (33).

80.      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni li tgħid li t-terminu “skarikat” għandu jinftiehem bħala li jfisser “sal-ewwel port tal-pajjiż fejn huwa rreġistrat” għar-raġuni li r-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Basel ma tistax tiġi segwita.

81.      Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (34), għalkemm tali interpretazzjoni konformi hija meħtieġa biss “sa fejn ikun possibbli”.

82.      Issa, f’dan il-każ, lanqas ma huwa, fil-fehma tiegħi, possibbli li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jiġi interpretat b’tali mod li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jiġi rrikonċiljat mal-Konvenzjoni ta’ Basel.

83.      Fil-fatt, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 2(3) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li hija tapplika meta l-iskart jinġarr minn żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat parti lejn żona taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ Stat ieħor parti, li huwa, f’dan il-każ, il-każ tat-trasferiment mill-Ġermanja lejn id-Danimarka (35) u r-Rumanija.

84.      Min-naħa l-oħra, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, f’konformità ma’ kliemu, jirriżulta li dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli għat-trasferiment ta’ skart li baqa’ abbord l-MSC Flaminia, billi nħatt biss mal-wasla tiegħu fir-Rumanija (36).

85.      Għalhekk, jekk l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jiġi interpretat f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Basel, dan ikun ibiddel b’mod fundamentali t-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, imur kontra l-kliem magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni (37) u, barra minn hekk, joħloq problema reali ta’ ċertezza legali (38).

86.      Barra minn hekk, billi tindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li “assimilazzjoni ta’ dħul f’port għal tali ‘skarikar’ jidher li huwa diffiċilment kompatibbli fid-dawl ta’ dan il-kliem inekwivokabbli”, jidhirli li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li tali interpretazzjoni konformi ma hijiex possibbli.

87.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, tista’ tqum il-kwistjoni tal-konformità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

88.      Madankollu, ma nistedinx lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi ex officio għal stħarriġ tal-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

89.      Fil-fatt, l-ewwel nett, nosserva li għalkemm il-kwistjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tirriżulta manifestament minn, jew hija sottointiża fid-deċiżjoni tar-rinviju, allura l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jiddeċiedu li jissottomettu osservazzjonijiet bil-għan li mhux biss din il-kwistjoni tiġi diskussa bejn il-partijiet (39), imma wkoll li l-awtur ta’ att tal-Unjoni jkun parti fil-proċedura u jista’ jippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward (40). Issa, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda esklużivament l-interpretazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 u l-kwistjoni tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni la tirriżulta manifestament, u lanqas impliċitament, mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’tali mod li, minn naħa, hija ma ġietx diskussa bejn il-partijiet (41) u, min-naħa l-oħra, la l-Parlament u lanqas il-Kunsill, li huma l-awturi ta’ dan ir-regolament, ma pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

90.      It-tieni nett, il-validità ta’ din id-dispożizzjoni hija rilevanti biss fir-rigward tat-trasferiment ta’ skart bejn il-Ġermanja u r-Rumanija. Issa, kif enfasizzajt fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Conti tixtieq tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ispejjeż tal-proċedura ta’ notifika imposta mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Għaldaqstant, minbarra l-fatt li Conti ma għandha l-ebda interess li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-invalidità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 u l-ħtieġa ta’ proċedura ta’ notifika għall-iskart ittrasferit lejn ir-Rumanija, tali konstatazzjoni ma jkollha l-ebda utilità fil-kuntest tal-kawża prinċipali (42).

91.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li tingħata deċiżjoni ex officio dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni jidhirli li jkun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE.

92.      Jiena wkoll tal-fehma li, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura u tal-fatt li l-individwi, bħala regola, ma jgawdux drittijiet u libertajiet awtonomi bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Basel, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jistgħux iservu ta’ bażi għal stħarriġ tal-validità tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 (43).

93.      Għaldaqstant, peress li l-iskart ittrasferit abbord l-MSC Flaminia, mill-Ġermanja lejn ir-Rumanija ma ġiex skarikat, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, tibqa’ tapplika b’tali mod li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għal dan it-trasferiment.

IV.    Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residwi minħabba avarija, fil-forma ta’ skart ta’ metall u tal-ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija abbord bastiment, huma “skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2006, L 190, p. 1.


3      Ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ dan l-istess jum.


4      Għall-finijiet tal-Artikolu 86 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994 u approvata, f’isem il-Komunità, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat‑23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3,p. 260, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”). Skont dan l-artikolu, l-ibħra internazzjonali jestendu għall-partijiet kollha tal-baħar, minbarra l-baħar territorjali, iż-żona ekonomika esklużiva, l-ilmijiet interni u arċipelaġiċi.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Basel”.


6      Regolament tal-Kunsill tal‑1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176).


7      Iffirmata f’Londra fit‑2 ta’ Novembru 1973 u kkompletata bil-protokoll tas‑17 ta’ Frar 1978, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Marpol”.


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9). Dan l-artikolu jiddefinixxi “skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.


9      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78. Il-lista ta’ skart perikoluż tidher fid-Deċiżjoni 2000/532/KE tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU 2000, L 226, p. 3).


10      Idderivat mir-regolamenti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u l-Konvenzjoni ta’ Basel. Il-klassifikazzjoni tal-iskart f’żewġ listi, ħodor u oranġjo, tiddependi mill-perikolożità tal-iskart u l-proċeduri applikabbli għat-trasferimenti tiegħu. Dwar il-klassifikazzjoni u l-konsegwenzi ta’ dan, ara de Sadeleer, N., Droit des déchets de l’UE, De l’élimination à l’économie circulaire, Bruylant, Brussell, 2016, p. 360, 364, u 378 sa 382.


11      Iktar ’il quddiem “Conti”.


12      Għalhekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskart prodott bħala riżultat tal-avarija ġie l-ewwel ittrasferit mis-sit tal-avarija sal-Ġermanja. Imbagħad parti mill-ilma għat-tifi tan-nar kien ippompjat u ttrasferit lejn id-Danimarka u mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li dan it-trasferiment ma sarx abbord l-MSC Flaminia. Finalment, fil-15 ta’ Marzu 2013, il-bastiment telaq lejn ir-Rumanija fejn, minn naħa, kellu jissewwa u, min-naħa l-oħra, l-iskart li baqa’ abbord kellu jiġi ttrattat.


13      Jekk ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat sa liema punt l-attriċi fil-kawża prinċipali argumentat quddiem l-awtoritajiet u l-qrati Ġermaniżi li l-oġġetti ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “skart”, bilfors għandu jiġi kkonstatat li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija tkellmet biss fuq is-sinjifikat u l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 fil-każ preżenti, billi donnha telqet mill-prinċipju li r-residwi inkwistjoni għandhom jiġu kkwalifikati bħala “skart”.


14      Id-Direttiva 2006/12 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3). Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, l-iskart hu magħmul minn “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”; id-direttiva l-ġdida għalhekk ma biddlitx sostanzjalment id-definizzjoni u sempliċement ħassret ir-referenza għall-Anness I (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8 ta’dawn il-konklużjonijiet).


15      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Günter Hartmann Tabakvertrieb (C‑425/17, EU:C:2018:830, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart (COM(2003) 379 finali).


17      Nirrileva li din id-dispożizzjoni essenzjalment tirrepeti l-esklużjoni li tidher fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 259/93.


18      Rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-10 ta’ Ottubru 2005 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġarr tal-iskart (15311/4/2004 – C6 0223/2005 – 2003/0139(COD)).


19      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 358).


20      Skont l-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Konvenzjoni Marpol.


21      Ara l-premessi 1 u 7 tar-Regolament Nru 1013/2006.


22      Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, in-notifika għandha ssir billi jintużaw il-formoli li jidhru fl-Annessi IA u IB ta’ dan ir-regolament. Issa, dawn il-formoli jeħtieġu ħafna informazzjoni relatata b’mod partikolari mal-iskart ikkonċernat.


23      Fuq dan il-punt, ara Bissuel, J‑L., “L’Union européenne et l’application des normes adoptées par l’OMI”, Droit international de la mer et droit de l’Union européenne Cohabitation, Confrontation, Coopération?, edizzjonijiet Pedone, Pariġi, 2014, p. 115 sa 141, b’mod partikolari p. 121 u 122, kif ukoll Langlais, P., Sécurité maritime et intégration européenne, Bruylant, Brussell, 2018, p. 189 sa 196.


24      F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-Konvenzjoni ta’ Basel ma tapplikax għar-rotta inizjali ta’ MSC Flaminia. Barra minn hekk, jekk wieħed jassumi li l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala “skart perikoluż”, li ma jidhirx li huwa inkongruwu fid-dawl tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-osservazzjonijiet tal-partijiet, din il-konvenzjoni ma tkunx applikabbli għal trasferiment ta’ skart perikoluż bejn ibħra internazzjonali u Stat Membru tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikoli 1 u 2 ta’ dik il-konvenzjoni, hija tapplika biss għal movimenti ta’ skart bejn żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-Istati Partijiet, filwaqt li, fil-każ preżenti, it-trasferiment kien beda wara l-ħsara f’ibħra internazzjonali. Min-naħa l-oħra, skont id-dokumenti intitolati “Kooperazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Basel u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali” (UNEP/CHW.11/17) u “Legal analysis of the application of the Basel Convention to hazardous and other wastes generated on board ships” (UNEP/CHW.11/INF/22, disponibbli bl-Ingliż biss) maħruġa mill-11-il Konferenza tal-Istati Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basel, li kienet inżammet f’Genève mit-28 ta’ April sal-10 ta’ Mejju 2013, l-għan tal-Artikolu 1(4) ta’ dik il-konvenzjoni huwa li skart prodott barra minn tali operazzjoni normali jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni.


25      Dwar din il-konvenzjoni, ara Vincent, P., Droit de la mer, Larcier, Brussell, 2008, p. 179 sa 181, kif ukoll Rothwell, D. R., u Stephens, T., The International Law of the Sea, it-tieni edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2016, p. 402 sa 406.


26      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU 2005, L 255, p. 11). Bil-ħsieb li jinkiseb l-għan segwit minn din id-direttiva, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/667/ĠAI tat-12 ta’ Lulju 2005 għat-tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti (ĠU 2005, L 255, p. 164), tipprovdi għall-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ numru ta’ miżuri fir-rigward tad-dritt kriminali.


27      Ara l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.


28      Inżid ngħid li, b’mod ġenerali, il-Parti XII intitolata “Protezzjoni u Preservazzjoni tal-Ambjent Marittimu” tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tobbliga lill-Istati biex jippreżervaw u jipproteġu l-ambjent tal-baħar. B’mod partikolari, l-Artikoli 217, 218 u 220 jistabbilixxu s-setgħat u l-obbligi tal-Istat tal-bandiera, tal-Istat tal-port u tal-Istat kostali f’dan ir-rigward.


29      Direttiva 2009/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera (ĠU 2009, L 131 p. 132).


30      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi huma ġġeneralizzati għall-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fi ħdan il-Komunità u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 (ĠU 2006, L 64, p. 1). Dan ir-regolament jobbliga wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u japplikaw sistema ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Crono Service et (C‑419/12 u C‑420/12, EU:C:2014:81, punt 28 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Ucar u Kilic (C‑508/15 u C‑509/15, EU:C:2016:986, punt 51).


32      Skont il-Petit Robert, il-verb “débarquer”, “faire sortir (des personnes, des choses) d’un navire, mettre à terre [tniżżel (persuni, affarijiet) minn bastiment, tħott għal fuq l-art]. Nirrileva li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jikkorroboraw din l-analiżi, hekk kif it-termini użati huma anzi iktar speċifiċi. Għalhekk, it-termini “descargado”, “losses”, “Abladens”, “offloaded” u “lastas” użati fil-verżjonijiet fil-lingwi Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża u Svediża, iwasslu għall-idea li l-iskart li jikkostitwixxi t-tagħbija tal-bastiment kien ittieħed minn dan tal-aħħar.


33      Jiena ninnota, barra minn hekk, li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha l-istess interpretazzjoni ta’ dawn it-termini, billi ddikjarat li t-“termini ċari ta’ dik id-dispożizzjoni derogatorja, din hija applikabbli, ‘sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat’ u mhux sakemm jinħatt kwalunkwe skart, jew sakemm ikun hemm il-possibbiltà li jinħatt l-art”.


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      L-ilmijiet tat-tifi tan-nar ittrasferiti lejn id-Danimarka kienu ġew ippompjati u, għaldaqstant, imneħħija mill-bastiment.


36      Nenfasizza li fil-punt 44 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li dan l-iskart “ċertament ma setax jiġi kkunsidrat bħala ‘skarikat’ fis-sens ordinarju tat-terminu qabel il-bidu tat-tieni vjaġġ”.


37      Għalhekk, kif enfasizzat ġustament Conti matul is-seduta, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-kelma “skarikat” u mhux il-“port li jmiss” u dan jagħmel differenza kbira fl-applikazzjoni tal-esklużjoni.


38      Fil-fehma tiegħi, huwa neċessarju li nagħmlu parallel f’dan ir-rigward mal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt tal-Unjoni li “huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 44)).


39      Naômé, C., Le renvoi préjudiciel en droit européen – Guide pratique, it-tieni edizzjoni, Larcier, Brussell, 2010, p. 272.


40      Kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), billi l-Kummissjoni, awtur tal-att, kienet ipparteċipat fil-proċedura. F’dan ir-rigward, infakkar fl-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà għall-Gvernijiet tal-Istati Membri u għall-partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni, huma biss id-digrieti ta’ rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens, C‑42/10, C‑45/10 u C‑57/10, EU:C:2011:253, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


41      Waqt is-seduta, din il-kwistjoni kienet tqajmet fil-qosor mingħajr ma l-partijiet, madankollu, ressqu argumenti f’dan ir-rigward.


42      Fil-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni ex officio tal-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea teħtieġ li tkun ta’ valur għall-qorti tar-rinviju. Għalhekk, kif tinnota Caroline Naômé, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’dan il-mod meta d-domanda tikkonċerna perspettiva formali dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, imma jirriżulta li l-qorti tar-rinviju fil-verità tistaqsi dwar il-validità ta’ dik id-dispożizzjoni (ara Naômé, C., op. cit., p. 272).


43      Ara l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija parti fih bħala sostenn għal azzjoni għall-annullament ta’ att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni jew eċċezzjoni meħuda mill-illegalità ta’ tali att, kif imfakkra fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).