Language of document : ECLI:EU:T:2013:224

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

30 ta’ Mejju 2013 (*)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ trab zeolit A li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina — Valur normali — Natura rappreżentattiva tal-bejgħ domestiku — Marġni ta’ profitt — Tranżazzjonijiet kummerċjali normali”

Fil-Kawża T‑304/11,

Alumina d.o.o., stabbilita fi Zvornik (il-Bosnja-Ħerzegovina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u B. Servais, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u A. Polcyn, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u H. van Vliet, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011, tal-11 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 125, p. 1), sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Wara lment ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fis-17 ta’ Jannar 2010, avviż ta’ tnedija ta’ proċedura anti-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet tat-trab Zeolite A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU C 40, p. 5).

2        Ir-rikorrenti, Alumina d.o.o., membru tal-grupp Birac, ipprovdiet ir-risposta tagħha għall-kwestjonarju antidumping fid-9 ta’ April 2010. Il-Kummissjoni wettqet verifika fuq il-post fis-sede tar-rikorrenti mid-29 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Lulju 2010.

3        Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1036/2010, tal-15 ta’ Novembru 2010, li jimponi dazju ta’ anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-trab zeolite A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 298, p. 27, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping provviżorju ta’ 28.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ trab zeolit A, magħruf ukoll bħala trab zeolit NaA jew zeolit 4A, li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina. Skont il-premessa 11, il-perijodu ta’ investigazzjoni jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2009.

4        Mill-premessi 3 u 10 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-grupp Birac, li għalih tappartjeni r-rikorrenti, huwa l-uniku produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat fil-Bosnja-Ħerzogovina.

5        Fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali, il-Kummissjoni użat il-metodoloġija deskritta fil-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), peress li l-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq intern ma kienx rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-istess regolament. Għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni użat il-profitt medju kkalkolat magħmul fuq il-bejgħ domestiku tal-prodotti simili mwettaq mill-grupp li għalih tappartjeni r-rikorrenti (premessi 21 sa 26 tar-Regolament provviżorju).

6        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, kopja tar-Regolament provviżorju, komunikazzjoni li tikkonċerna l-kalkolu speċifiku tal-marġni ta’ dumping, komunikazzjoni li tikkonċerna l-kalkolu speċifiku tal-marġni ta’ ħsara u, fl-aħħar nett, risposta għall-argumenti mqajma mir-rikorrenti dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni.

7        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, billi sostniet ksur tal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-użu, għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali, tal-marġni tal-profitt magħmul mill-bejgħ, lill-uniku klijent domestiku tiegħu, li kien affettwat minn riskju ikbar ta’ nuqqas ta’ ħlas jew ta’ ħlas tardiv u, konsegwentement, ma jikkostitwixxix tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

8        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, dokument finali ta’ informazzjoni u risposta li tiċħad l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ domestiku msemmi fil-punt preċedenti. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, tenniet il-pożizzjoni tagħha esposta fil-punt preċedenti.

9        Dazju definittiv ta’ 28.1 % applikabbli għall-prezz nett liberu fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, qabel il-ħruġ mid-dwana, kien ġie applikat għall-prodotti ċċitati fil-punt 3 iktar ’il fuq skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011, tal-11 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 125, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

10      Fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-valur normali, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jesponi, fil-premessi 19 u 20 tar-regolament ikkontestat, li l-bejgħ domestiku meħud inkunsiderazzjoni twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u li l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw ruħhom fuq id-data li tirriżulta minnu minkejja li ma għandux natura rappreżentattiva fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Peress li l-bejgħ inkwistjoni kien jiġġenera profitt, il-valur normali kostruwit kien identiku għal dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

11      Permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/279/UE, tat-13 ta’ Mejju 2011, li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 125, p. 26), din l-istituzzjoni aċċettat l-offerta ta’ impenn taħt il-forma ta’ prezz minimu propost mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

15      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tal-istess regolament.

18      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, meta l-bejgħ domestiku jkun insuffiċjenti, il-valur normali għandu jiġi kkostruwit skont il-paragrafu 6 tal-istess dispożizzjoni. Dan l-eżerċizzju, li jirrifletti l-prattika stabbilita tal-istituzzjonijiet meta l-bejgħ domestiku ma jaqbiżx il-limitu ta’ rappreżentattività, ma setax b’definizzjoni jkun identiku għall-kalkolu ta’ valur normali fuq il-bażi ta’ bejgħ domestiku mhux rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi tal-każ jitolbu għall-applikazzjoni ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli skont l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku Madankollu, il-marġni ta’ profitt medju kkalkolat tal-grupp tar-rikorrenti li jammonta għar-rata ta’ 58.89 %, espress fir-rigward tal-ispiża ta’ produzzjoni, u ta’ 37.06 %, espress fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ, u użat għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali, huwa manifestament irraġonevoli, u dan jixhdu barra minn hekk paragun mal-marġni ta’ 5.9 % meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-eliminazzjoni tal-ħsara tal-industrija tal-Unjoni.

19      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tesponi, fl-ewwel parti tal-motiv, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bejgħ mhux rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku ma jistax jitqies li twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fil-fatt, il-kunċetti ta’ bejgħ rappreżentattiv, minn naħa, u ta’ bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, min-naħa l-oħra, huma intrinsikament marbuta. Peress li l-bejgħ domestiku meħud inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet jirrappreżenta biss 1.9 % tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet ibbażaw il-kalkolu tal-valur normali fuq tranżazzjonijiet mhux rappreżentattivi u, konsegwentement, mhux imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

20      Ir-rikorrenti żżid, fit-tieni parti tal-motiv, li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet irċeviet matul il-proċedura amministrattiva informazzjoni li turi li l-prezzijiet ta’ bejgħ lill-kumpannija D, l-unika klijenta domestika tar-rikorrenti meħuda inkunsiderazzjoni, żdiedu b’25 % minħabba l-primjum ta’ riskju għal ħlas tardiv jew għal nuqqas ta’ ħlas, b’tali mod li dawn il-prezzijiet ma kinux jirriflettu tranżazzjonijiet kummerċjali normali. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni kienet għażlet li ma tivverifikax din l-informazzjoni waqt iż-żjara fuq il-post huwa irrilevanti. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni li r-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni, id-dejn tal-kumpannija D vis-à-vis ir-rikorrenti tħallas matul perijodu estiż permezz ta’ tpaċija jew ta’ assenjazzjoni ta’ dejn, b’tali mod li l-bejgħ tal-imsemmija kumpannija li jaqgħu taħt attivitajiet ta’ tpartit u ta’ arranġament ta’ tpaċija joħolqu sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

21      Kif jirriżulta mill-punti 27, 29 u 50 tar-rikors, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti f’kull motiv itendu għall-inapplikabbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artiklu 2(6) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ. Ir-rikorrenti tibbaża t-talbiet tagħha, essenzjalment, fuq żewġ motivi. L-ewwel nett, fuq il-bażi li l-kostruzzjoni ta’ valur ibbażat fuq il-marġni ta’ profitt magħmul f’bejgħ lill-kumpannija D, l-unika klijenta tar-rikorrenti meħuda inkunsiderazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod esklużiv tranżazzjonijiet mhux rappreżentattivi, li jipprekludi l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku (l-ewwel motiv). It-tieni nett, fuq il-bażi li l-bejgħ lill-kumpannija D ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, peress li, minn naħa, ma kienx rappreżentattiv u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tagħhom ma żdidux b’marġni addizzjonali marbut mas-sitwazzjoni ekonomika tal-imsemmija klijenta (it-tieni motiv).

22      Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li, anki jekk il-bejgħ domestiku tagħhom kien jilħaq il-limitu ta’ rappreżentattività stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, hija xorta waħda tikkontesta l-evalwazzjoni li tipprovdi li l-bejgħ twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali peress li l-istituzzjonijiet inkludew il-marġni addizzjonali marbut mas-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpannija D.

23      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tat-tieni motiv, marbut, mill-perspettiva tal-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, man-natura rappreżentattiva tal-bejgħ domestiku u mal-inklużjoni tal-primjum ta’ 25 % fil-kalkolu tal-marġni ta’ profitt, jirrispondi l-punt ċentrali tal-argument tar-rikorrenti, b’tali mod li ma hemmx lok li jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

24      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, il-kwistjoni ta’ rappreżentattività ta’ bejgħ domestiku fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi kriterju kwalitattiv, hija distinta mill-kwistjoni dwar jekk dan il-bejgħ twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali fis-sens tal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi kriterju kwalitattiv marbut man-natura ta’ bejgħ innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1992, Goldstar vs Il-Kunsill, C‑105/90, Ġabra p. I‑677, punt 13). Madankollu, il-volum ta’ bejgħ domestiku jikkostitwixxi fattur li jista’ jaffettwa l-formazzjoni tal-prezzijiet, b’tali mod li ż-żewġ kriterji jistgħu jinteraġixxu meta, pereżempju, is-suq intern ikun tant limitat li l-prezzijiet ma jirriżultawx mill-offerta u d-domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Goldstar vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 15 sa 18).

25      Madankollu, din il-possibbiltà ta’ interazzjoni ma tfissirx li, meta l-limitu ta’ rappreżentattività ta’ 5 % ma jintlaħaqx, il-bejgħ domestiku ma jitqiesx bħala li twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fil-fatt, ma jistax assolutament jiġi eskluż li, minkejja l-volum baxx ta’ bejgħ domestiku, dan ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, jekk huwa jirrifletti madankollu aġir normali tal-operaturi involuti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi deċiż, qabel kollox, fuq l-inklużjoni tal-primjum ta’ 25 % fil-kalkolu tal-marġni ta’ profitt u, għalhekk, li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tieni motiv, esposta fil-punt 20 iktar ’il fuq.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ dumping li tinsab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, il-prezz tal-esportazzjoni għandu jiġi pparagunat mal-prezz użat fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għall-prodott simili fil-pajjiż esportatur, li huwa rrepetut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u fil-paragrafu 6 tal-istess regolament u jirrifletti l-premessa 5 tiegħu, li tipprovdi li l-valur normali għandu jkun ibbażat fil-każijiet kollha fuq bejgħ rappreżentattiv imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

27      Barra minn hekk, meta l-valur normali ma jistax jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-kostruzzjoni tiegħu skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku hija intiża sabiex tistabbilixxi valur normali li jkun l-iktar qrib possibbli għall-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott, li l-prodott inkwistjoni jkollu jekk jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1992, Minolta Camera vs Il-Kunsill, C‑178/87, Ġabra p. I‑1577, punt 17).

28      Minn dan jirriżulta li l-istabbiliment tal-valur normali għandu l-għan li jippermetti lill-istituzzjonijiet li jevalwaw jekk prattika ta’ dumping ġietx implementata waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni, u dan sarx skont regoli li għandhom portata oġġettiva mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju. Il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali huwa intiż għaldaqstant sabiex jeskludi, sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma huwiex konkluż f’tali kundizzjonijiet, b’mod partikolari meta prodott jinbiegħ għal prezz inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni jew meta tranżazzjonijiet iseħħu bejn partijiet li huma assoċjati jew li kkonkludew arranġament ta’ tpaċija (sentenza Goldstar vs Il-Kunsill, punt 24 iktar ’il fuq, punt 13). Kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku u kif jenfasizza l-Kunsill fil-punt 57 tar-risposta, dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu eżempji ta’ bejgħ li jista’ jitqies li twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

29      F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ bejgħ imwettaq fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandu portata oġġettiva u jista’ jiġi invokat mhux biss mill-istituzzjonijiet sabiex jinnewtralizzaw prattiki li jistgħu jaħbu d-dumping jew id-daqs tiegħu (arranġament ta’ tpaċija li jippreżentaw prezzijiet ta’ bejgħ artifiċjalment baxxi, bejgħ domestiku bi prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż ta’ produzzjoni waqt perijodi twal), iżda wkoll mill-operaturi speċifiċi meta jkun hemm ċirkustanzi li jaffettwaw in-natura normali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u- Republica, C‑76/00 P, Ġabra p. I‑79, punti 65 sa 68 u 84 sa 86).

30      Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jeskludu mill-kalkolu tal-valur normali l-bejgħ mhux imwettaq fit-tmexxija ordinarja fil-kummerċ, li l-prezz ikun superjuri għall-prezz li jintuża f’tali tranżazzjonijiet, irrispettivament mir-raġuni għaliex it-tranżazzjoni ma seħħitx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u irrispettivament mir-rilevanza ta’ din l-esklusjoni fuq il-konklużjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ dumping jew id-daqs tiegħu. Fil-fatt, kif ikkonstata l-organu ta’ appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fir-rigward tal-Artikolu 2.1 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (GATT) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 189), inkluż fl-Anness 1 A tal-WTO (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 82), jieħu inkunsiderazzjoni bejgħ imwettaq barra tranżazzjonijiet kummerċjali normali, li jittieħed inkunsiderazzjoni bejgħ imwettaq barra tranżazzjonijiet kummerċjali normali, kemm bi prezzijiet baxxi jew għoljin, joħloq distorsjoni għal dak li huwa ddefinit bħala valur “normali” (Rapport tal-Organu tal-Appell tal-WTO tal-24 ta’ Lulju 2011, fil-kawża “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun”, punti 144 u 145).

31      F’din il-kawża, ir-rikorrenti esponiet, fit-tweġiba għall-kwestjonarju antidumping tad-9 ta’ April 2010, li r-relazzjonijiet finanzjarji tagħha mal-kumpannija D, bħala l-unika klijenta domestika, kienu ddeterjoraw minħabba dewmien fil-ħlas, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ primjum ta’ riskju li żied il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ zeolit A. Iktar informazzjoni ġiet ipprovduta f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), li magħhom kien anness b’mod partikolari kuntratt, bid-data tad-29 ta’ Mejju 2009, bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija D u li jiffissa l-primjum inkwistjoni għal 25 %.

32      B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni indikat, fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2011 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), li, l-kumpannija D bħala l-unika klijenta domestika tar-rikorrenti, ma setax jiġi vverifikat jekk il-prezzijiet ta’ bejgħ lil din l-impriża kinux jinkludu effettivament primjum ta’ riskju ta’ 25 %. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti kellhom jiġu esklużi, mingħajr ukoll il-bżonn li jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi inkwistjoni kinux jiġġustifikaw li jitqies jekk il-bejgħ relatat kienx twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Madankollu, skont il-premessa 20 tar-regolament ikkontestat, “l-investigazzjoni affermat li d-dejta u l-evidenza ppreżentata minn Birac sawwru bażi affidabbli sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali”, b’tali mod li l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-bejgħ domestiku ma għandux jitqies bħala li twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandu jiġi miċħud.

33      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 2011, l-assenza ta’ bejgħ domestiku lill-klijenti oħrajn għajr lill-kumpannija D ma jrendix il-verifika relatata miegħu impossibbli. Fil-fatt, qabel kollox, l-informazzjoni fuq l-applikazzjoni ta’ primjum ta’ riskju kienet diġà ngħatat fir-risposta lir-rikorrenti għall-kwestjonarju antidumping, jiġifieri qabel iż-żjara ta’ verifika. Sussegwentement, il-kuntratt ikkomunikat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) jirreferi b’mod ċar, fl-Artikolu 6 tiegħu, għall-kalkolu ta’ marġni ta’ profitt ta’ 58.89 % fuq l-ispiża ta’ produzzjoni jew ta’ 37.06 % fuq id-dħul mill-bejgħ li jikkostitwixxu barra minn hekk indiċi serji tal-applikazzjoni effettiva ta’ dan il-primjum. Barra minn hekk, mill-Annessi 3.2 u 3.3 tal-ittra tar-rikorrenti tal-1 ta’ Diċembru 2010 jirriżulta li l-kumpannija D ħallset id-dejn tagħha tard tal-inqas mill-2008 u din it-tendenza tkompliet fl-2009, kif turi t-tabella fl-Anness 2 tal-istess ittra. Fl-aħħar nett, fl-ittra tas-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni aċċettat, u anki użat, l-argument ibbażat fuq il-fatturazzjoni effettiva tal-primjum ta’ 25 % sabiex tirrispondi għal argument ieħor tar-rikorrenti li jaffettwa n-natura normali tal-bejgħ inkwistjoni bbażat, din id-darba, fuq arranġamenti ta’ tpaċija konklużi mal-kumpannija D.

34      It-tieni nett, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li r-rikorrenti ma kkontestatx in-natura normali tat-tranżazzjonijiet kummerċjali inkwistjoni tmur kontra l-fatt li r-rikorrenti esponiet fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju antidumping li l-prezzijiet iffatturati lill-kumpannija D kienu miżjuda bi primjum ta’ riskju u żviluppat iktar dan l-argument fil-paġni 7 sa 9 tal-ittra tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2010.

35      It-tielet nett, il-Kunsill indika, fil-punt 30 tar-replika, li l-Kummissjoni ma wettqitx verifika ta’ din l-informazzjoni, peress li hija kienet ikkonkludiet li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti kellhom jiġu miċħuda, peress li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux irendu “anormali” it-tranżazzjonijiet kummerċjali inkwistjoni. Jekk il-premessa 20 tar-regolament ikkontestat għandu tinftiehem f’dan is-sens (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat is-segwenti.

36      Primjum ta’ riskju bħal dak inkwistjoni jikkostitwixxi, fir-realtà, korrispettiv tar-riskju li l-fornitur jieħu meta jbigħ prodotti lil klijent speċifiku u billi jagħtih terminu għall-ħlas. Għalhekk, dan il-primjum ma jirrappreżentax parti mill-valur tal-prodott mibjugħ u lanqas huwa marbut mal-karatteristiċi tiegħu, iżda l-eżistenza tiegħu u d-daqs tiegħu hija dovuta għall-identità tal-klijent u għall-evalwazzjoni li jagħmel il-fornitur tiegħu tal-kapaċità finanzjarja tiegħu. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali primjum fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali għandu l-effett li jinkludi fil-kalkolu fattur li ma huwiex intiż li jistabbilixxi l-prezz li għalih il-prodott ser jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), iżda jikkonċerna esklużivament il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku speċifiku.

37      F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill fil-punt 58 tar-replika li jipprovdi li riskju marbut mas-solidità finanzjarja tal-klijent jista’ jiġi rregolat permezz ta’ rikors għal danni, għal ittri ta’ kreditu jew għal avvanzi, iżda mhux ma primjum ta’ riskju li jżid il-prezz ta’ bejgħ ma jispjegax għaliex l-għażla li jiġi applikat tali primjum ma tingħatax lill-bejjiegħ u lanqas, konsegwentement, għaliex l-eżistenza ta’ tali riskju ma tiġġustifikax iż-żieda fil-prezz ta’ bejgħ minn primjum intiż li jpaċi kemm l-imsemmi riskju kif ukoll l-eventwali spejjeż li jsostni l-fornitur fil-każ li huwa jkun finalment imġiegħel iressaq azzjoni kontra lill-klijent tiegħu.

38      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-inklużjoni ta’ primjum ta’ riskju bħal dak inkwistjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ profitt stabbilit għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali jieħu inkunsiderazzjoni element li ma jirriflettix parti mill-valur tal-prodott mibjugħ, li għalhekk iżid artifiċjalment ir-riżultat tal-kalkolu tal-valur normali, b’tali mod li dan ir-riżultat jirrifletti wkoll bl-iktar mod preċiż possibbli, suġġett għall-applikazzjoni ulterjuri ta’ aġġustament xieraq skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, il-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott, kif ikun jekk il-prodott inkwistjoni jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali (ara l-punti 27 sa 30 iktar ’il fuq).

39      Għandu jingħad ukoll li l-argumenti mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni waqt is-seduta u li jirrigwardaw il-fatt li r-raġunijiet għalihom il-produttur jimplementa prattiċi ta’ dumping ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tad-dazji antidumping ma jistgħux jintlaqgħu f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, jekk huwa minnu li r-raġunijiet li setgħu wasslu esportatur li jipprattika dumping huma irrelevanti għall-kalkolu relatat miegħu, madankollu l-konstatazzjoni ta’ dumping, l-ewwel stadju fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi impost dazju antidumping, tibbaża fuq paragun purament oġġettiv bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2006, Ritek u Prodisc Technology vs Il-Kunsill, T‑274/02, Ġabra p. II‑4305, punt 59). F’dan il-każ, id-difett marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-primjum ta’ riskju li tibbaża fuqu r-rikorrenti jaffettwa l-validità tal-kalkolu tal-valur normali stabbilit għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping u għaldaqstant iseħħ qabel il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ tali prattika, b’tali mod li huwa ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-konklużjoni nnifisha.

40      Bl-istess mod, il-Kunsill ma jistax jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza dwar il-bejgħ domestiku mwettaq bi prezzijiet allegatament miżjuda bil-protezzjoni tal-privattiva li jgawdi minnha l-manifattur tal-prodott ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑76/98 P u C‑77/98 P, Ġabra p. I‑3223, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T‑159/94 u T‑160/94, Ġabra p. II‑2461). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif osservaw il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq ma sostnewx li l-eżistenza tal-imsemmija privattiva ma taffettwax is-sitwazzjoni reali fis-suq tal-pajjiż terz immirat u lanqas li l-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ma twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali (sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 127 sa 129). F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1), li fil-kuntest tiegħu ġiet żviluppata l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, fuq dan il-punt kien jibbaża fuq filosofija differenti minn dik tar-Regolament bażiku inkwantu ma kienx jipprovdi l-possibbiltà għal aġġustament tal-valur normali meta x-xerrejja jħallsu sistematikament il-prezzijiet differenti fis-suq intern minħabba ċerti fatturi partikolari għal dan is-suq li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, possibbiltà li, bil-kontra, jipprovdi l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità tar-rikors għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku fid-dawl tal-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikors għandu jintlaqa’ u r-regolament ikkontestat jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn l-istess regoli, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011, tal-11 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina, huwa annullat sa fejn jikkonċerna Alumina d.o.o.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Alumina.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Mejju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.