Language of document : ECLI:EU:T:2014:123

Kawża T‑306/11

Schwenk Zement KG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni — Natura neċessarja tal-informazzjoni mitluba — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Marzu 2014

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Indikazzjoni tal-bażijiet legali u tal-għan tat-talba – Portata – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet imsemmija biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Indikazzjoni tal-bażijiet legali u tal-għan tat-talba – Rekwiżit ta’ rabta ta’ neċessità bejn l-informazzjoni mitluba u l-ksur imfittex – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Modalitajiet – Għażla li għandha ssir bejn sempliċi talba għal informazzjoni u deċiżjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(1) sa (3))

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Osservanza tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika – Portata

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Setgħat tal-Kummissjoni – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Terminu għar-risposta mogħti lill-impriża – Evalwazzjoni tan-natura proporzjonata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

7.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Deċiżjoni li tordna l-provvista ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 – Interess ġuridiku – Fatt ta’ konformità mad-deċiżjoni kkontestata – Assenza ta’ effett

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

1.      L-elementi essenzjali tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ talbiet għal informazzjoni huma ddefiniti mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 stess. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u r-raġuni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija rikjesta u tiffissa t-terminu li fih trid tiġi pprovduta. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża li l-Kummissjoni għandha tindika wkoll il-pieni previsti mill-Artikolu 23, li għandha tindika jew timponi l-pieni previsti mill-Artikolu 24 u li għandha tindika wkoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur, u lanqas li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dan il-ksur, iżda hija għandha tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija biħsiebha tinvestiga.

Għalhekk, jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tkun imfassla f’termini ġenerali ħafna li kienu jimmeritaw li jiġu ppreċiżati tiġi kkritikata f’dan ir-rigward, madankollu, jista’ jitqies li r-referenza għal ksur preżunt, moqrija flimkien mad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, tikkorrispondi għal-livell minimu ta’ ċarezza li tippermetti li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament imsemmi.

(ara l-punti 21, 24, 31, 37)

2.      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, huwa biss wara li tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tkun tista’ tinvoka kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża kkonċernata tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għadha tista’ tinħeba minnha.

Madankollu, il-miżuri investigattivi adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ verifika u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom stess l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet importanti fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għalhekk, għandu jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva billi l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi ta’ natura illegali ta’ mġiba ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom.

Madankollu, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni li tindika, fl-istadju tal-fażi tal-investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, anki l-ħjiel, jiġifieri l-provi li jwassluha biex tasal għall-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jpoġġi indiskussjoni l-bilanċ li tistabbilixxi l-ġurisprudenza bejn il-preżervazzjoni tal-effettività tal-investigazzjoni u l-preżervazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

(ara l-punti 27, 28, 32)

3.      L-obbligu tal-Kummissjoni li tindika l-bażi legali u l-għan tat-talba għal informazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali intiż biex tintwera n-natura ġustifikata tal-informazzjoni rikjesta mingħand l-impriżi kkonċernati, iżda anki biex dawn ikunu f’pożizzjoni li jagħrfu l-portata tal-obbligu ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jippreżervaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ titlob biss informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw il-kondotta tal-istħarriġ u li huma indikati fit-talba għal informazzjoni.

Fid-dawl tas-setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ verifika wiesgħa tal-Kummissjoni, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa l-ħtieġa tal-informazzjoni li hija tirrikjedi mingħand l-impriżi kkonċernati. F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita fuq din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” għandu jiġi interpretat skont l-iskop li fid-dawl tiegħu s-setgħat ta’ investigazzjoni inkwistjoni ġew ikkonferiti lill-Kummissjoni. B’hekk, tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ korrelazzjoni bejn it-talba għal informazzjoni u l-ksur preżunt, peress li, f’dan l-istadju tal-proċedura, it-talba msemmija tista’ titqies b’mod leġittimu li hija relatata mal-ksur preżunt, fis-sens li l-Kummissjoni tista’ b’mod raġonevoli tqis li d-dokument ser jgħinha fid-determinazzjoni tal-eżistenza tal-ksur allegat.

(ara l-punti 29, 59, 60)

4.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti.

Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għal talba sempliċi preċedenti. L-għażla li għandha tagħmel bejn talba sempliċi għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) ta’ dan l-istess Regolament hija suġġetta għall-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni abbażi tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Tali stħarriġ għandu jiddependi min-neċessitajiet ta’ investigazzjoni xierqa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ.

(ara l-punti 47-50)

5.      Il-ħtieġa ta’ protezzjoni kontra interventi tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna, kemm jekk din tkun fiżika jew ġuridika, li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għall-finijiet li jiġi osservat dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandha tkun intiża biex tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja biex tiġi vverifikata r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi determinati li l-Kummissjoni diġà għandha informazzjoni dwarhom.

Madankollu, l-eventwali natura arbitrarja tad-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni ma tistax tiġi stabbilita skont il-firxa tat-talba, peress li l-Kummissjoni tista’ b’mod leġittimu tmexxi investigazzjoni li għandha kamp ta’ investigazzjoni wiesgħa, meta din ikollha fil-pussess tagħha ħjiel serju biżżejjed tal-parteċipazzjoni tal-impriża fid-diversi preżunzjonijiet ta’ ksur li hija jkollha l-intenzjoni li tivverifika.

(ara l-punti 64-66)

6.      It-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lil impriża għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi informazzjoni ma għandux jirrappreżenta għal din tal-aħħar oneru sproporzjonat meta mqabbel man-neċessitajiet tal-investigazzjoni.

Għall-finijiet li tiġi evalwata n-natura eventwalment sproporzjonata tal-oneru involut mill-obbligu li tingħata risposta għall-mistoqsijiet fit-terminu mogħti mill-Kummissjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriża destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għandha r-riskju li tiġi imposta fuqha mhux biss multa jew penali f’każ ta’ provvista ta’ informazzjoni mhux kompluta jew tardiva jew fin-nuqqas ta’ provvista ta’ informazzjoni, b’applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 23(1)(b) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda wkoll multa f’każ ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni kkwalifikata mill-Kummissjoni bħala mhux eżatta jew “żnaturata”, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament imsemmi.

Minn dan jista’ jiġi dedott li l-eżami tal-adegwatezza tat-terminu stabbilit minn deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni għandu importanza partikolari. Fil-fatt, it-terminu msemmi għandu jkun jista’ jippermetti lid-destinatarju mhux biss li materjalment jipprovdi risposta, iżda anki li jiżgura ruħu min-natura kompluta, eżatta u mhux żnaturata tal-informazzjoni pprovduta.

(ara l-punti 71-73)

7.      L-interess ġuridiku kontra deċiżjoni li tordna l-provvista ta’ informazzjoni jibqa’ jeżisti anki jekk din tkun ġiet eżegwita mid-destinatarju tagħha. Fil-fatt, l-annullament ta’ tali deċiżjoni jista’ minnu nnifsu jkollu konsegwenzi legali, b’mod partikolari billi jobbliga lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u billi jiġi evitat it-tiġdid ta’ tali prattika min-naħa tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-impriża għandha interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni u għandha d-dritt li tinvoka l-motivi li tqis li huma ta’ natura li jwasslu lill-Qorti Ġenerali biex tilqa’ t-talbiet tagħha.

(ara l-punti 75, 76)