Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-15 ta’ April 2021(1)

Kawża C561/19

Consorzio Italian Management,

Catania Multiservizi SpA

vs

Rete Ferroviaria Taljana SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat, l-Italja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – It-tielet paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE – Qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d‑deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il‑liġi nazzjonali – Dmir ta’ rinviju – Portata – Eċċezzjonijiet u kriterji li jirriżultaw mis-sentenza CILFIT et”






Werrej



I.      Introduzzjoni

1.        Għall-kuntrarju ta’ qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, nissuspetta li studenti tad-dritt tal-Unjoni pjuttost dejjem għoġbithom is-sentenza CILFIT et (2). Tul l-aħħar għaxar jew għoxrin sena l-qlub ta’ ħafna studenti tad-dritt tal-Unjoni aktarx kienu mill-ewwel jaqbżu b’fawra ta’ ferħ u serħan malli kienu jaraw “CILFIT”, “eċċezzjonijiet għad-dmir ta’ rinviju”, u “iddiskuti” fil-karta tal-eżami tagħhom jew meta jintalbu jagħmlu komponiment. Tabilħaqq, id-dubji dwar il‑fattibbiltà tal-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT għad-dmir ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, partikolarment l-eċċezzjoni relatata mal-assenza ta’ kull dubju raġonevoli min-naħa tal-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, ma huwiex forsi l‑eżerċizzju argumenttattiv l-iktar eżiġenti. Huwa minnu li dawk il-qrati verament huma mistennija jqabblu l-verżjonijiet lingwistiċi ugwalment awtentiċi (kollha) tad-dritt tal-Unjoni? F’termini prattiċi, kif huma mistennija jiddeterminaw jekk il-kwistjoni tkunx ugwalment ovvja għall‑qrati tal-Istati Membri l-oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja?

2.        Għal għadd ta’ snin, id-dmir ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l‑eċċezzjonijiet għal dak id-dmir, u fuq kollox l-infurzar tiegħu, kienu metaforikament bħal kelb rieqed la tqajmux tad-dritt tal-Unjoni. Aħna lkoll konxji li huwa qiegħed hemm. Aħna lkoll kapaċi niddiskutu jew anki niktbu testi ta’ duttrina dwaru. Madankollu, fil-ħajja ta’ kuljum, ikun l-aħjar li nħalluh fil-kwiet. Fi kliem prattiku (jew ċiniku) is-sistema kollha ta’ deċiżjonijiet preliminari tiffunzjona minħabba li ħadd, fil-fatt, ma japplika s-sentenza CILFIT, fi kwalunkwe każ ċertament mhux letteralment. Sikwit, l-idea ta’ kelb hija aħjar milli jkollok x’taqsam ma’ annimal ħaj.

3.        Għal għadd ta’ raġunijiet imsemmija f’dawn il-konklużjonijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa ż-żmien li teżamina mill-ġdid il-ġurisprudenza CILFIT. Il-proposta tiegħi dwar dan hija pjuttost sempliċi: li d-dmir ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jkun adottat u, bl-istess mod, l-eċċezzjonijiet għalih, sabiex ikunu jirriflettu l-ħtiġijiet tas-sistema ġudizzjarja attwali tad-dritt tal-Unjoni, u sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod realistiku (u, possibbilment, xi darba, infurzati).

4.        Madankollu, il-proċess ta’ adattament issuġġerit ikun jeħtieġlu bidla kbira paradigmatika. Il-mod loġiku u l-fokus dwar id-dmir ta’ rinviju u l-eċċezzjonijiet għalih għandhom jinbidlu mill-assenza ta’ kull dubju raġonevoli dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni f’każ individwali, stabbilit bl-eżistenza ta’ dubju suġġettiv fuq livell ġuridiku, għal wieħed obbligatorju iktar oġġettiv li jiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mal-Unjoni kollha. Fi kliem ieħor, id-dmir li ssir talba għal deċiżjoni preliminari ma għandux ikun iffokat primarjament fuq ir-risposti korretti, iżda pjuttost fuq li jkunu identifikati d-domandi xierqa.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        Skont l-Artikolu 267 TFUE:

“Il-Qorti ta’ l-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

(a) l-interpretazzjoni tat-Trattati;

(b) il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni;

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

[…]”

6.        L-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid:

“Meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.”

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

7.        Fit-23 ta’ Frar 2006, il-Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi SpA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ingħataw, mir-Rete ferroviaria italiana SpA (iktar ’il quddiem ir-“RFI”), kuntratt għal “servizzi relatati mat-tindif u l-manutenzjoni tat-tiżjin tal-post u ta’ oqsma oħra miftuħa għall-pubbliku, kif ukoll servizzi anċillari fi stazzjonijiet, impjanti, uffiċċji u workshops f’diversi siti mat-territorju kollu kopert mid-Direzione compartimentale movimento di Cagliari [(id-Diviżjoni tal-Operazzjonijiet Reġjonali ta’ Cagliari, l-Italja)]”.

8.        Dak il-kuntratt kellu klawżola li kienet tillimita r-reviżjoni tal-prezzijiet. Waqt li l-kuntratt kien fis-seħħ ir-rikorrenti talbu lir-RFI sabiex taġġustja l-prezzijiet tal-kuntratt minħabba li kienet allegata żieda fl-ispejjeż kuntrattwali li kienu nqalgħu minħabba żieda fl-ispejjeż tal-persunal. Ir-RFI rrifjutat.

9.        Ir-rikorrenti fetħu kawża kontra r-RFI quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja, iktar ’il quddiem it-“TAR”). B’sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, it-TAR ċaħdet it-talba. Din il-qorti sabet li l-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ma kienx japplika għal attivitajiet li kienu jaqgħu taħt is-setturi speċjali, bħal servizzi ta’ tindif, meta jkunu jifformaw parti essenzjali tan-netwerk tat-trasport bil-ferrovija. It-TAR sabet ukoll li r-reviżjoni tal-prezzijiet ma kinitx obbligatorja skont l-Artikolu 1664 tal-Codice Civile (il-Kodiċi Ċivili) u li partijiet setgħu jidderogaw minn dik ir-regola.

10.      Ir-rikorrenti ppreżentaw appell minn dik is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Huma argumentaw li kienu applikabbli l-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jew, sussidjarjament, l-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili. Barra minn dan, fil-fehma tagħhom, ir-regoli nazzjonali kienu jiksru d-Direttiva 2004/17/KE (3) sa fejn kienu jirriżultaw fl-esklużjoni tar-reviżjoni ta’ prezzijiet fis-settur tat-trasport u fir-rigward ta’ kuntratti ta’ tindif relatati. Dawk ir-regoli kienu jagħtu lok għal żbilanċ kuntrattwali inġust u sproporzjonat, li fl-aħħar mill-aħħar kien joħloq distorsjoni tar-regoli li bihom jiffunzjona s-suq. Kieku d-Direttiva 2004/17 kellha tiġi interpretata bħala li teskludi r-reviżjoni ta’ prezzijiet fil-kuntratti kollha konklużi u implimentati fis-setturi speċjali, hija kienet allura tkun invalida.

11.      F’dak l-isfond, fl-24 ta’ Novembru 2016, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) irrinvija ż-żewġ domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi r-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti relatati ma[’ ‘setturi speċjali’], b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li s-suġġett tagħhom huwa differenti minn dawk imsemmija [fid-Direttiva 2004/17], iżda li huwa marbut ma’ dawn tal-aħħar permezz ta’ rabta funzjonali, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni […] (b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) TUE, l-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE u l-Artikolu 16 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] u mad-Direttiva 2004/17?

(2)      Id-Direttiva 2004/17 (jekk jitqies li l-esklużjoni tar-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti kollha konklużi u applikati fil-kuntest ta[’ ‘setturi speċjali’] tirriżulta direttament minnha), hija konformi mal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari mal-Artikolu 3(1) TUE, mal-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE u mal-Artikolu 16 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]), ‘fid-dawl tan-natura inġusta u sproporzjonata, u tal-alterazzjoni tal-bilanċ kuntrattwali u, għaldaqstant tar-regoli ta’ suq effiċjenti’?”

12.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet b’sentenza tad-19 April 2018 (4). Dwar l-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-qorti tar-rinviju ma kienet tat l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) TUE jew tal-Artikoli 26, 57 sa 58 u 101 TFUE għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) huwa, bħad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Karta, indirizzat lill-Istati Membri biss meta huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, li ma kienx il-każ fil-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ikkonkludiet li l-ewwel domanda kienet inammissibbli fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (5).

13.      Madankollu, fir-rigward tad-Direttiva 2004/17 u tal-prinċipji ġenerali sottostanti din id-direttiva, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ trasparenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li dawn kellhom jiġu interpretati fis-sens li ma kinux jipprekludu regoli nazzjonali li ma jipprovdux għal reviżjoni kull tant żmien tal-prezzijiet wara li jkun ingħata kuntratt fis-setturi koperti minn din id-direttiva. Minħabba dik ir-risposta l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tieni domanda kienet ipotetika.

14.      Fit-28 ta’ Ottubru 2018, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha, ir-rikorrenti talbu lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), qabel ma nżammet is-seduta pubblika fl-14 ta’ Novembru 2018, jagħmel domandi ġodda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Fil-mertu, ir-rikorrenti jsostnu li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar jekk servizzi ta’ tindif kellhomx rabta funzjonali mas-servizz tat-trasport. Huma nnotaw li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja assumiet li, kif kien stipulat fl-istedina inizjali għal offerti, iż-żmien tar-relazzjoni kuntrattwali ma setax ikun estiż. Madankollu, dan ma jirriflettix il-qagħda fl-Italja fejn kuntratti ta’ servizz sikwit jiġu estiżi minn awtoritajiet pubbliċi, xi drabi b’mod indefinit, u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni ta’ żbilanċ kuntrattwali. Sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom ir-rikorrenti jistrieħu fuq il-premessi 9, 10 u 45 tad-Direttiva 2004/17, kif ukoll fuq l-Artikolu 57 tagħha.

15.      Skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li, għal darba oħra, huwa l-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti għamlu, għalhekk, domandi ulterjuri għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija għandhiex tagħmel dawk id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Hija tqis li l-obbligu ta’ qorti tal-aħħar istanza li tressaq domanda għal deċiżjoni preliminari ma jistax jinfired minn sistema ta’ “ostakoli proċedurali” li tagħti inċentiv lill-partijiet sabiex jissottomettu “darba għal dejjem” lill-qorti nazzjonali l-aspetti tad-dritt nazzjonali li huma jqisu li jkunu inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Inkella, il-proposta suċċessiva u kontinwa ta’ domandi għal deċiżjoni preliminari – minbarra li tista’ sservi ta’ użu ħażin u, f’każijiet estremi, verament ta’ “abbuż tal-proċedura” – għandha fl-aħħar mill-aħħar, bħala riżultat tal-obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari, tirrendi bla siwi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja u timmina l-prinċipju li proċeduri ġudizzjarji għandhom ikunu konklużi malajr u b’mod effettiv.

16.      Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għamel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex rivedibbli permezz ta’ rikors ġudizzjarju, bħala prinċipju, hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk din il-kwistjoni tiġi proposta liha minn waħda mill-partijiet fil-kawża wara l-ewwel att promotur tagħha jew wara n-nota tagħha għal komparizzjoni fil-kawża, wara li l-kawża tkun instegħmet għall-ewwel darba, jew anki wara li jkun sar l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

(2)      [Fid-dawl tal-ewwel domanda] l-Artikoli 115, 206 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, kif interpretati mill-ġurisprudenza amministrattiva fis-sens li dawn jeskludu r-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti marbuta mas-setturi msejħa speċjali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni [b’mod partikolari, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 9, l-Artikolu 101(1)(e), l-Artikolu 106, l-Artikolu 151 – kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 li hija ċċitata minn dan l-aħħar imsemmi artikolu – l-Artikolu 152, l-Artikolu 153 u l-Artikolu 156 TFUE; l-Artikoli 2 u 3 TUE u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari inkonnessjoni mal-kuntratti li għandhom għan differenti minn dawk previsti mid-Direttiva [2004/17], iżda li għandhom rabta funzjonali ma’ dawn tal-aħħar?

(3)      [Fid-dawl tal-ewwel domanda] l-Artikoli 115, 206 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 kif interpretati mill-ġurisprudenza amminstrattiva fis-sens li dawn jeskludu r-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti marbuta mas-setturi msejħa speċjali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari, l-Artikolu 28 tal-[Karta], il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikoli 26 u 34 TFUE, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ intrapriża rikonoxxut ukoll mill-Artikolu 16 tal-[Karta], b’mod partikolari inkonnessjoni mal-kuntratti li għandhom għan differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/17, iżda li għandhom rabta funzjonali ma’ dawn tal-aħħar?”

17.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mir-rikorrenti, mir-RFI, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawk il-partijiet ikkonċernati, flimkien mal-Gvern Ġermaniż u mal-Gvern Franċiż, kollha ħadu sehem fis-seduta li nżammet fil-15 ta’ Lulju 2020.

IV.    Analiżi

18.      Konformi mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Dik id-domanda għandha żewġ strati. Minn naħa, mit-test tagħha, l-ewwel domanda tista’ forsi tinqara bħala li sempliċement tistaqsi jekk qorti nazzjonali tal-aħħar istanza hijiex obbligata tressaq talba f’kuntest fattwali speċifiku li jkollu tliet elementi: (i) meta d-domanda ssir minn waħda mill-partijiet; (ii) meta d-domanda ssir wara li parti tkun ippreżentat id-dikjarazzjoni inizjali tagħha; u (iii) ukoll wara li tkun diġà saret talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Mhux diffiċli tingħata risposta għal dawn id-domandi. Ir-risposti, tabilħaqq, jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja (kif ser nuri fit-Taqsima A iktar ’il quddiem).

19.      Min-naħa l-oħra, ma naħsibx li tali risposta tagħmel ġustizzja mal-kwistjonijiet li realment qajmet il-qorti tar-rinviju. Dik il-ġurisdizzjoni tinnota li hemm kwistjonijiet addizzjonali li l-partijiet qajmu li jistgħu fil-fatt jiġu riżolti abbażi tar-risposta mogħtija diġà mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi wkoll li hemm kwistjonijiet ġodda li ma jistgħux jitwarrbu b’dan il-mod. Dwar dawk il-kwistjonijiet addizzjonali l-qorti tar-rinviju tinnota li, minħabba li hija stess kienet qorti tal-aħħar istanza skont id-dritt nazzjonali, hija kienet obbligata tressaq talba lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li kienet ġiet quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (6).

20.      F’dan l-istadju, il-kwistjoni usa’ tal-ewwel domanda toħroġ b’mod sħiħ: fil-każijiet kollha fejn ikun għad hemm dubji dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni f’dak il-każ partikolari, irrispettivament minn jekk tkunx diġà tressqet talba qabel għal deċiżjoni preliminari fl-istess kawża, huma koperti mid-dmir ta’ rinviju, li huwa r-responsabbiltà tal-qrati tal-aħħar istanza? Liema hija l-portata xieraq tad-dmir li titressaq domanda għal deċiżjoni preliminari u l-eċċezzjonijiet għalih, partikolarment fir-rigward ta’ każijiet bħal dan fil-kawża prinċipali?

21.      Sabiex nissuġġerixxi risposta għal dik id-domanda, nibda billi niddeskrivi l-limiti kurrenti tad-dmir ta’ rinviju u l-eċċezzjonijiet għalih (B). Wara, ser neżamina l-problemi differenti kif miġjuba minn dik il-ġurisprudenza, ma’ dawk il-problemi li sussegwentement qegħdin jiġu ddefiniti mill-ġdid bħala r-raġunijiet li għalihom nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tartikola d-dmir ta’ rinviju f’dawl differenti (C). Fl-aħħar nett, ser nagħlaq bi proposta speċifika f’dan ir-rigward (D).

A.      L-istrati

22.      L-elementi msemmija mill-qorti tar-rinviju huma relatati mat-tliet domandi: (i) ir-rwol tal-partijiet meta jressqu domanda; (ii) il-waqt meta għanda ssir id-domanda b’rabta mad-diversi stadji li minnhom tista’ tkun komposta proċedura ġudizzjarju nazzjonali; u (iii) il-possibbiltà ta’ tieni talba għal deċiżjoni preliminari fl-istess proċeduri. Kieku dawn it-tliet kwistjonijiet jitqiesu bħala tliet domandi differenti, u mhux bħala tliet speċifikazzjonijiet tal-istess domanda, ir-risposta għalihom tista’ faċilment tkun dedotta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1.      L-istrat estern: huwa dejjem għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi

23.      L-ewwel nett, jekk qorti tar-rinviju tqisx li tkun meħtieġa deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex hija tagħti sentenza, huwa esklużivament għal dik il-qorti li tiddeċiedi. Ċertament, qorti nazzjonali, bħal kull qorti oħra, aktarx tisma’ kif jaħsbuha l-partijiet dwar l-opportunità li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, l-Artikolu 267 TFUE stabbilixxa kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura, li hija kompletament indipendenti minn kull inizjattiva min-naħa tal-partijiet (7). Għalhekk, is-sempliċi fatt li parti fit-tilwima fil-kawża prinċipali tkun qajmet ċerti kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-qorti kkonċernata tqis li tkun saret domanda fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jirrendi rinviju obbligatorju (8). Għall-kuntrarju, dan ifisser ukoll li qorti nazzjonali tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ex officio (9).

24.      It-tieni nett, huwa wkoll għall-qorti nazzjonali biss li tiddeċiedi meta jkun floku titressaq talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (10). Il-qorti nazzjonali tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tapprezza f’liema stadju tal-proċeduri hija tkun teħtieġ deċiżjoni preliminari mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja jkun jeħtiġilha biss li t-tilwima tkun pendenti fiż-żmien tat-talba għal deċiżjoni preliminari (12).

25.      Ċertament, mill-mod kif taraha l-Qorti tal-Ġustizzja, u x-xewqa tagħha li tgħin lill-qorti tar-rinviju f’kollox kemm jista’ jkun, sitwazzjonijiet li fihom il-qorti nazzjonali tiddeċiedi li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biss wara li tilwima u l-implikazzjonijiet tagħha kollha jkunu mmaterjalizzaw għalkollox quddiem dik il-qorti ma jistgħux għajr ikunu milqugħa. Għalhekk, f’xi każijiet, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tista’ teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita biss wara li ż-żewġ partijiet fit-tilwima jkunu nstemgħu mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, dan ċertament mhux, fih u minnu nnifsu, kundizzjoni imposta minn din il-Qorti tal-Ġustizzja (13).

26.      B’mod simili, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja topponi regoli jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu jeħtieġu jew jitolbu r-ragruppament ta’ proċeduri, b’mod partikolari quddiem qrati tal-appell jew supremi, billi tobbliga lill-partijiet iressqu argumenti ġodda jew addizzjonali f’ċertu waqt jew stadju tal-proċedura ġudizzjarja. Madankollu, huwa minnu li fl-imgħoddi l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ġenerali kienet topponi jekk tali skadenzi jew ragruppament ta’ proċeduri kienu jagħmluha effettivament impossibbli għall-qrati nazzjonali li jqajmu kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ regoli nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (14).

27.      Il-loġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija intiża għalhekk, li tiżgura li regoli nazzjonali ta’ proċedura ma jżommux milli jitqajmu punti tad-dritt tal-Unjoni, b’talba għal deċiżjoni preliminari li potenzjalment issir mingħajr ma jitqies l-istadju tal-proċeduri. F’termini prattiki, dan jista’ jwassal sabiex potenzjalment titwarrab kull regola nazzjonali restrittiva (15).

28.      Madankollu, fil-kuntest ta’ dan il-każ, donnu jidher li l-kwistjoni dwar jekk potenzjalment setax jinqala’ lok għad-dmir ta’ rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE, “anki jekk din il-kwistjoni tiġi proposta [lill-qorti nazzjonali] minn waħda mill-partijiet fil-kawża wara l-ewwel att promotur tagħha jew wara n-nota tagħha għal komparizzjoni fil-kawża, wara li l-kawża tkun instegħmet għall-ewwel darba”, qiegħda titqajjem bil-ħsieb ta’ riżultat differenti. F’dan il-każ, jidher li fil-fatt ma hemm ebda regola ta’ limitazzjoni fid-dritt nazzjonali, u l-partijiet, mid-dehra, jitħallew jibdew jiddiskutu (mill-ġdid) elementi quddiem il-qorti tar-rinviju li diġà kienu s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, tkun ħaġa stramba ħafna, biex ma ngħidx iżjed, kieku wieħed kellu jibda jsejjaħ il-linja ta’ ġurisprudenza “permissiva”, imsemmija iktar ’il fuq, li dejjem insistiet b’mod kategoriku li l-imħallfin nazzjonali huma kompletament liberi jqajmu kull punt tad-dritt tal-Unjoni f’kull stadju tal-proċeduri sabiex f’daqqa waħda jsibu r-riżultat oppost: sabiex iwaqqfu kull diskussjoni ulterjuri permessa skont id-dritt nazzjonali wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun waslet fil-livell nazzjonali.

29.      It-tielet nett, dan kien ikun skomdu ħafna mal-mod tradizzjonali kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tqis it-tielet element identifikat mill-qorti tar-rinviju: il-possibbiltà li wieħed isaqsi mill-ġdid. Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem insistiet li l-qrati nazzjonali jibqgħu liberi jressqu kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu sewwa li jagħmlu hekk; u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li tagħhom tkun qiegħda tintalab l-interpretazzjoni jkunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jċaħħadx lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjoni ulterjuri (16).

30.      L-istess japplika għall-istess proċeduri nazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[t]ali rinviju jista’ jkun ġustifikat meta l-qorti nazzjonali tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fir-rigward tal-komprensjoni jew ta’ l-applikazzjoni tas-sentenza, meta hija tagħmel domanda ġdida dwar punt ta’ dritt jew inkella meta hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ evalwazzjoni ġodda li jistgħu jwassluha sabiex tagħti risposta differenti għal domanda li tkun diġà saret” (17). Għalhekk, rinviju ġdid huwa dejjem possibbli, dwar l-istess dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll potenzjalment dwar dispożizzjonijiet jew kwistjonijiet differenti fl-istess proċeduri.

31.      Isegwi li r-risposta qasira għall-ewwel domanda hija li talba għal deċiżjoni preliminari tista’ ssir f’kull żmien, irrispettivament minn sentenza preliminari preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-istess proċeduri, sakemm l-qorti tar-rinviju tkun tqis li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun meħtieġa sabiex tgħinha tagħti sentenza. Dik id-deċiżjoni għandha dejjem tittieħed mill-qorti nazzjonali, fid-dawl ta’ kull dubju raġonevoli li hija jista’ jkollha dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża quddiemha.

2.      L-istrat iktar profond: għandhom il-kwistjonijiet kollha jiġu rrinvijati?

32.      Fil-qosor, dan kollu jibqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju u l-evalwazzjoni tagħha tal-ħtieġa (suġġettiva) tagħha li titlob gwida ulterjuri mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hija verament din ir-risposta? Jew hija din id-dikjarazzjoni pjuttost id-deskrizzjoni tal-problema? Tabilħaqq, għad għandu jibqa’ jkun hemm dmir ta’ rinviju f’kawżi bħal din?

33.      Meqjusa f’dan il-kuntest, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tilħaq strat ieħor, wisq iktar profond. Dan huwa enfasizzat iktar mill-fatt li t-tliet elementi kollha diskussi fit-taqsima preċedenti, bħala domandi awtonomi, jinsabu fl-istess waqt fil-kawża prinċipali. Għalhekk, il-kwistjoni ssir waħda dwar jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għadha, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi kollha, obbligata tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari.

34.      Għalhekk, ma nħossx li tali domanda tista’ b’mod sewwa tingħata risposta bil-mod deskritt fit-taqsima preċedenti. Ukoll ma naħsibx li tista’ tingħata risposta billi nissuġġerixxi li dan il-każ għandu x’jaqsam biss mas-saħħa vinkolanti ta’ u mar-rispett għal sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċertament huma minnu li, diġà sa mis-sentenza Da Costa (18), u kif din wara kienet ikkonsolidata bis-sentenza CILFIT (19), l-awtorità ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE tista’ ċċaħħad dak l-obbligu mill-għan tiegħu u, għalhekk, tneħħilu l-mertu tiegħu (20). Dan huwa a fortiori l-każ meta l-kwistjoni mqajma tkun essenzjalment l-istess bħal kwistjoni li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari fl-istess proċeduri nazzjonali (21).

35.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju qalet b’mod ċar li, parzjalment, hija għandha quddiemha elementi ġodda u addizzjonali dwar il-każ li ma kinux indirizzati qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, il-kwistjoni ma tikkonċernax l-evitar ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      F’kuntest bħal dan, ikun impossibbli jingħad li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-prassi Taljana li l-partijiet jingħataw l-opportunità jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom b’rabta ma’ risposta li tkun waslet minn qorti superjuri dwar talba magħmula bħala parti minn dawk il-proċeduri. Fis-seduta l-Gvern Taljan qal li din ma kinitx biss il-prassi adottata fir-rigward ta’ risposta li tkun waslet mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll dwar risposta li tkun waslet mill-qorti kostituzzjonali nazzjonali insegwitu għal domanda dwar kostituzzjonalità magħmula minn imħallef nazzjonali. F’ċirkustanzi bħal dawn il-partijiet fil-kawża prinċipali jingħataw leħen dwar il-konsegwenzi li jkollhom jinsiltu għall-każ tagħhom fid-dawl tal-gwida mogħtija minn ġurisdizzjoni superjuri.

37.      Fil-qosor, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tixtieq tiddikjara mill-ġdid l-ovvju mingħajr ma tidħol fl-istrat profond ta’ din il-kawża, jew sakemm hija ma jkollhiex teżamina mill-ġdid pjuttost radikalment xi wħud mill-elementi li għadhom kif issemmew, nissuġġerixxi li diskussjoni dwar in-natura u l-portata tad-dmir li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari tkun iġġustifikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw fehmiet differenti dwar il-materja.

38.      Fis-sottomissjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti u l-konvenuta fil-kawża prinċipali ffokaw primarjament fuq it-tieni u t-tielet domanda. Fuq l-ewwel domanda r-rikorrenti jsostnu li talbiet għal deċiżjoni preliminari huma żejda meta hemm ġurisprudenza stabbilita, sakemm il-preċedenti ġudizzjarju rilevanti ma jkunux antiki żżejjed, jew argumenti ġodda ma jkunux tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Il-konvenuta hija tal-fehma li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex tirrinvija kwistjonijiet ġodda minħabba li l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni kienet ċara u li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet ipprovdiet risposta.

39.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Franza u tal-Italja, kif ukoll il-Kummissjoni lkoll jindirizzaw l-ewwel domanda f’iktar dettall, billi ppreżentaw firxa ta’ fehmiet. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jqisu li ma hemmx raġuni għala b’xi mod is-sentenza CILFIT kellha tiġi eżaminata mill-ġdid. Il-Gvern Ġermaniż jisħaq li l-kriterji tas-sentenza CILFIT kienu għaddew mill-għarbiel taż-żmien u kellhom jinżammu.

40.      Il-Gvern Taljan għamel sejħa sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn id-dmir ta’ rinviju mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Skont dak il-gvern, qrati tal-aħħar istanza jkunu qegħdin jiksru t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE biss jekk huma jonqsu milli jqisu kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-partijiet jew jiddikjarawhom, mingħajr motivazzjoni, infondati. Dak il-gvern jifhem li tali motivazzjoni hija kruċjali. Hija tista’ ttaffi l-ħtija mġarrba mill-Istati Membri għan-nuqqas tal-qrati tal-aħħar istanza tagħhom li jwettqu rinviju.

41.      Il-Gvern Franċiż issuġġerixxa li l-kriterji tas-sentenza CILFIT għandhom jiġu interpretati (mill-ġdid) fid-dawl tal-għan globali tal-Artikolu 267 TFUE u fid-dawl tal-istat kurrenti tad-dritt tal-Unjoni, meqjusa l-bidliet strutturali li seħħew. Id-dmir ta’ rinviju għandu jiffoka fuq kwistjonijiet importanti ta’ interpretazzjoni u fuq kwistjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal interpretazzjonijiet diverġenti fl-Unjoni, mhux neċessarjament fuq każijiet individwali fl-Istati Membri. Id-dmir ta’ rinviju ma għandux jiskatta minħabba kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Tali dmir għandu jinżamm biss għal kwistjonijiet ġenerali jew għal kwistjonijiet li, għalkemm iktar teoretiċi, ikunu jeħtieġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi qafas ġenerali ta’ analiżi jew il-kriterji ta’ motivazzjoni legali. Għalkemm qrati tal-aħħar istanza għadhom jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu rinviju ta’ tipi oħra ta’ kwistjonijiet, ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-għoti ta’ sentenzi fi żmien raġonevoli għandhom jitqiesu minn qrati nazzjonali, b’mod partikolari meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat deċiżjoni preliminari inizjali fl-istess proċeduri.

B.      Is-sentenza CILFIT (u d-dixxendenti tagħha)

42.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, qrati jew tribunali ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali huma fid-dmir li jirrinvjaw kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew dwar il-validità tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Għaldaqstant, fit-test tat-Trattati hemm ċarament dmir li qrati tal-aħħar istanza (22) jressqu kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif previst fl-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu. Madankollu, kif huwa l-każ f’għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, il-bqija jsir sempliċement bis-saħħa tal-ġurisprudenza.

44.      L-ewwel nett, testwalment it-Trattat ma jiddistingwix bejn kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u kwistjonijiet ta’ validità f’termini tal-portata tal-obbligu ta’ rinviju. Madankollu, dwar kwistjonijiet dwar validità, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-qrati nazzjonali kollha, jiġifieri mhux biss dawk tal-aħħar istanza, għandhom l-obbligu, mingħajr riżerva, li jirrinvijaw tali kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni huma stess sabiex jiddeterminaw il-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (23). Ir-rekwiżit ta’ uniformità huwa partikolarment essenzjali fejn ikun hemm dubji dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. Differenzi bejn qrati tal-Istati Membri dwar il-validità ta’ atti tal-Unjoni jistgħu jipperikolaw l-unità essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jimminaw ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali (24).

45.      Tali kunsiderazzjonijiet iqiegħdu kwistjonijiet dwar il-validità ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni f’linja differenti u separata. B’mod kruċjali, minħabba li r-raġuni għad-dmir kategoriku għall-qrati nazzjonali kollha li jirrinvijaw kull kwistjoni dwar validità lill-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti mir-raġunijiet għad-dmir ta’ rinviju ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni, l-istess huwa minnu għall-eċċezzjonijiet tagħhom. L-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT ma humiex applikabbli għad-dmir ta’ rinviju ta’ kwistjoni dwar validità (25).

46.      Għandu jiġi enfasizzat diġà f’dan l-istadju li d-diskussjoni segwenti f’dawn il-konklużjonijiet tirrigwarda esklużivament talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

47.      It-tieni nett, ikun ġust nammetti li mill-formulazzjoni tiegħu t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi dmir ta’ rinviju vinkolanti u kategoriku għall-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, mingħajr ebda eċċezzjoni: “meta l-kwistjoni titqajjem […] dik il-qorti […] [għandha tirreferi] l-kwistjoni lill-Qorti.” F’dan ir-rigward, hija l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li effettivament annotat l-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT dwar kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni.

48.      Ċertament m’iniex insemmi dan il-punt sabiex ninsinwa li tali eċċezzjonijiet huma skorretti jew illegali. Bil-kontra, dawn huma, fil-fatt, meħtieġa. Madankollu, ir-raġuni għax-xewqa tiegħi li nirrileva dan bħala punt preliminari għad-diskussjoni li ġejja huwa sabiex nenfasizza l-fatt li fir-rigward tan-natura u l-portata tad-dmir ta’ rinviju, jew tal-eċċezzjonijiet għal dak id-dmir, l-argument li “dan ma jistax jinbidel minħabba li huwa miktub hekk fit-Trattat” huwa daqsxejn stramb. F’dak li jirrigwarda x’inhi l-portata eżatt tad-dmir li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 267 TFUE huwa partikolarment miftuħ testwalment. F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet għal dak id-dmir, it-Trattat huwa kompletament sieket. Sabiex inkun iktar preċiż, jekk wieħed jixtieq ikun testwalista fastidjuż, wieħed jista’ anki jissuġġerixxi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE ma tħalli jkun hemm ebda eċċezzjoni għad-dmir ta’ rinviju.

1.      Ir-raġunijiet għad-dmir ta’ rinviju 

49.      F’termini ġenerali, “Is-sistema stipulata fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi […] kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fl-ambitu tagħha dawn tal‑aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn dan l-ordinament ġuridiku lill-individwi” (26).

50.      Madankollu, it-Trattat jitlob iktar mill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, koperti mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, milli minn kull qorti jew tribunal taħt it-tieni paragrafu tiegħu. Għandu jkun hemm, għalhekk, xi raġunijiet strutturali, ulterjuri għaliex, flimkien mad-diskrezzjoni li jagħmlu rinviju, disponibbli għall-qrati jew tribunali nazzjonali kollha, qrati tal-aħħar istanza għandhom dmir ta’ rinviju.

51.      Ir-raġuni strutturali għall-obbligu impost fuq il-qrati tal-aħħar istanza kienet iddikjarata kmieni fis-sentenza Hoffmann-Laroche: “sabiex ma jitħalliex jitwaqqf fi kwalunkwe Stat Membru korp ta’ ġurisprudenza nazzjonali li ma jkunx jaqbel mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni” (27) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fi kliem ieħor, l-għan speċjali tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE huwa l-ħtieġa “sabiex jevita li jkun hemm diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-[Unjoni], f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni]” (28). Il-limitazzjoni ta’ dak l-obbligu għal qrati tal-aħħar istanza hija speċifikament iġġustifikata mill-fatt li “qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha l-individwi jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni. Il-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza għandhom jiżguraw li, fuq livell nazzjonali, tingħata interpretazzjoni uniformi tar-regoli ta’ dritt.” (29)

52.      Għalhekk, minbarra x-xewqa li l-qorti nazzjonali tkun assistita fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-każ individwali, li jidher li hija l-loġika kumplessiva tal-Artikolu 267 TFUE, il-loġika tal-obbligu ta’ rinviju kienet iddikjarata f’termini strutturali u sistemiċi: sabiex tkun evitata diverġenza fil-ġurisprudenza tal-Unjoni. Loġikament allura, dak l-għan ikun segwit l-aħjar fil-livell ta’ dawk il-qrati nazzjonali li huma stess huma fdati bl-għan li jiżguraw l-unità fil-livell nazzjonali.

53.      Madankollu, ikun ġust jiġi rrikonoxxut li fid-dikjarazzjonijiet (u fil-prassi ta’ applikazzjoni) tal-Qorti tal-Ġustizzja tul is-snin ir-raġuni għad-dmir ta’ rinviju mhux dejjem kienet espressa f’tali termini konsistenti. Xi drabi t-termini użati huma interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (30); xi drabi t-terminu huwa applikazzjoni xierqa jew korretta u interpretazzjoni uniformi (31); xi drabi anki sempliċement applikazzjoni uniformi (32).

54.      Dawn jistgħu jkunu sempliċement alterazzjonijiet mhux intenzjonati fil-formulazzjoni użata. Madankollu, f’okkażjonijiet oħra, huma jindikaw diskrepanza iktar fonda. Jagħtu ħjiel ta’ tensjoni kontinwa dwar kif għandu jkun interpretat b’mod differenti l-obbligu tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE mill-possibbiltà tat-tieni paragrafu.

55.      Il-possibbiltà skont it-tieni paragrafu, kif ukoll l-għan ġenerali tal-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari, hija bla dubju sabiex ikunu assistiti l-qrati nazzjonali sabiex jirriżolvu każijiet individwali li jkunu jinvolvu elementi tad-dritt tal-Unjoni. Dak “l-għan mikro” iffokat fuq il-każ ċertament jaqdi, maż-żmien, “l-għan makro” li huwa l-iktar sistemiku tal-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari. Gradwalment jibni sistema ta’ preċedenti (jew, fil-lingwa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġurisprudenza stabbilita), li tgħin sabiex id-dritt tal-Unjoni jkun applikat b’mod uniformi mal-Unjoni kollha.

56.      Madankollu, jista’ l-obbligu ta’ rinviju jinftiehem bħala sempliċi estensjoni tal-possibbiltà li jsir rinviju; bħala tentattiv sabiex jiġu identifikati istanzi li fihom xi ħaġa li jkollha bħala l-bażi tagħha l-għażla ta’ rinviju f’daqqa waħda ssir obbligu strutturali fejn l-imħallef individwali nazzjonali, li jista’ jkollu “dubju suġġettiv”, f’daqqa waħda jsib lilu nnifsu fi “ħtieġa oġġettiva” ta’ assistenza mill-Qorti tal-Ġustizzja?

2.      L-eċċezzjonijiet għad-dmir 

57.      Is-sentenza CILFIT kienet tikkonċerna tilwima bejn importaturi tas-suf u l-Ministeru tas-Saħħa Taljan dwar il-ħlas ta’ imposta għal spezzjoni sanitarja ta’ suf impurtat minn barra (dak li qabel kienet) il-Komunità. L-importaturi straħu fuq dispożizzjoni ta’ regolament li kien jipprojbixxi li l-Istati Membri milli jimponu imposta b’effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq ċerti prodotti importati tal-annimali. Il-Ministeru għas-Saħħa sostna li s-suf ma kienx inkluż taħt it-Trattat u, għalhekk, ma kienx suġġett għal dak ir-regolament.

58.      F’dan il-kuntest, il-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) ressqet domanda dwar l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ dak li kien l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 267 TFUE), billi staqsiet essenzjalment jekk l-obbligu ta’ rinviju kienx awtomatiku jew suġġett għall-kundizzjoni li qabel ikun instab li kien hemm dubju raġonevoli ta’ interpretazzjoni. Skont il-Ministeru għas-Saħħa, l-interpretazzjoni tar-regolament kienet tant ovvja li kienet teskludi l-possibbiltà ta’ dubju ta’ interpretazzjoni u b’hekk kienet telimina l-ħtieġa li l-domanda titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-importaturi kkonċernati sostnew li, minħabba li kienet qamet kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ regolament quddiem qorti suprema, li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma kien hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti ma setgħetx taħrab mill-obbligu li tagħmel id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

59.      Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret l-għan tal-obbligu ta’ rinviju, li kien imwaqqaf “sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni xierqa u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha […] It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 177 huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jevita li jkun hemm diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-Komunità, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ dritt Komunitarju. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-portata ta’ dan l-obbligu għandha tiġi evalwata […]” (33).

60.      Wara dan, meqjusa dawk l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ rinviju ma huwiex assolut. Hija stabbilixxiet tliet eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ rinviju ta’ qrati tal-aħħar istanza.

61.      L-ewwel nett, qrati tal-aħħar istanza ma humiex obbligati jressqu domanda dwar interpretazzjoni “jekk dik il-kwistjoni ma tkunx rilevanti, jiġifieri, fil-każijiet li, tkun xi tkun ir-risposta għal dik il-kwistjoni, din ma jista’ jkollha l-ebda effett fuq l-eżitu tal-kawża” (34).

62.      Naqbel li diskussjoni dwar jekk din hijiex fil-fatt eċċezzjoni għal dmir jew pjuttost konferma tal-fatt li ma jeżistix dmir, hija għalkollox possibbli. Jekk ma hemmx kwistjoni (rilevanti) tad-dritt tal-Unjoni, x’għandu jew anki x’jista’ allura wieħed jistaqsi? Meta d-domanda magħmula tkun irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, mhux biss ma jkunx hemm dmir ta’ rinviju, iżda tali domanda tkun sempliċement inammissibbli (35).

63.      Madankollu, naħseb li l-ewwel “eċċezzjoni” għandha sewwasew tkun interpretata fil-kuntest temporali tagħha. Din kienet l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, minkejja l-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-istess kundizzjoni li hemm fit-tieni paragrafu tiegħu tkun tapplika wkoll. Madankollu, u forsi b’mod iktar importanti, billi nbena pont bejn dawk iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, l-ewwel eċċezzjoni ntrabtet strutturalment mal-każ individwali u mal-għan mikro tat-talba għal deċiżjoni preliminari: sabiex qorti nazzjonali (tal-ewwel u l-aħħar istanza) tkun assistita tirriżolvi tilwima partikolari pendenti quddiemha meta tqum kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

64.      It-tieni nett, ma hemmx dmir ta’ rinviju meta “il-kwistjoni mqajma tkun materjalment identika għal waħda li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża simili” (36), u f’sitwazzjonijiet li fihom “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ttrattat il-punt ta’ dritt in kwistjoni f’deċiżjonijiet oħra, irrispettivament min-natura tal-proċeduri li jkunu wasslu għal tali deċiżjoni, anke jekk id-domandi in kwisjoni ma jkunux eżattament l-istess” (37).

65.      Din it-tieni eċċezzjoni, deskritta f’termini familjari bħala “acte éclairé” (tissejjaħ hekk f’lingwi oħra wkoll), tkopri sitwazzjonijiet li fihom ikun diġà ġie stabbilit preċedent mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija rriżultat bħala estensjoni tal-portata tas-sentenza Da Costa, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-awtorità ta’ interpretazzjoni […] mogħtija diġà mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ċċaħħad l-obbligu [ta’ rinviju] mill-għan tiegħu u, għalhekk, tneħħilu l-mertu tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (38).

66.      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja finalment innotat li ma hemmx dmir ta’ rinviju meta “l-applikazzjoni korretta tad-dritt [tal-Unjoni] tista’ tkun tant ċara li ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni li tkun tqajmet.” (39) Essenzjalment, dan huwa l-mod kif (probabbilment) twieldet l-eċċezzjoni l-iktar magħrufa – l-eċċezzjoni ta’ “dubju raġonevoli” jew, kif tissejjaħ ukoll f’lingwi oħra, l-eċċezzjoni ta’ “acte clair.

67.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet sabiex telenka diversi rekwiżiti li qorti nazzjonali għandha tkun konvinta li ġew issodisfatti sabiex tasal għall-konklużjoni li ma jkun hemm lok għal ebda dubju raġonevoli dwar kif għandha tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Jista’ jkun dibattibbli jekk ir-rekwiżit li l-qorti jew it-tribunal nazzjonali għandhom ikunu “konvint[i] li s-sitwazzjoni tkun daqstant ċara għall-qrati ta’ l-Istati Membri l-oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja” (40) huwiex wieħed minn dawk ir-rekwiżiti speċifiċi, jew jekk huwiex fil-fatt xi għamla ta’ kriterju ġenerali li jagħti gwida ulterjuri dwar liema sitwazzjoni li fiha ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli.

68.      Madankollu, jekk nassumu li dan huwa kriterju “ġenerali”, il-Qorti tal-Ġustizzja għaddiet sabiex telenka elementi addizzjonali karatteristiċi tad-dritt Komunitarju li l-qorti nazzjonali għandha tqis qabel ma tasal għal tali konklużjoni. Dawn jinkludu li: (i) “interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tirrikjedi li jiġu mqabbla l-verżjonijiet lingwistiċi” (41); (ii) “kunċetti legali m’għandhomx neċessarjament l-istess tifsira fid-dritt Komunitarju bħalma għandhom fid-dritt nazzjonali tad-diversi Stati Membri” (42); (iii) “kull dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju, ta’ l-għanijiet tiegħu u ta’ l-istat ta’ evoluzzjoni tiegħu fid-data li fiha tiġi applikata d-dispożizzjoni in kwistjoni” (43).

3.      Il-prassi ta’ applikazzjoni sussegwenti (tal-Qorti tal-Ġustizzja)

69.      Tul is-snin ma kienx hemm nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet akkademiċi (44) jew anki ġudizzjarji (45) li ddiskutew jekk l-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT, u b’mod partikolari l-punti magħmula fir-rigward ta’ acte clair, kellhomx, tabilħaqq, jiġu interpretati bħala rekwiżiti, sabiex b’hekk tkun stabbilita lista’ ta’ kontrolli għall-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, jew jekk huma kellhomx jitqiesu iktar f’termini ta’ “sistema ta’ gwida ġenerali” jew ta’ “kaxxa ta’ għodod” (46), sabiex ma jitteħdux verbatim.

70.      Dak li huwa sinjifikattiv f’dan ir-rigward hija l-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha dwar din il-materja. Hemm żewġ punti li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza li huma partikolarment denji ta’ nota. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kienet eżaminat mill-ġdid jew fissret is-sentenza CILFIT, minkejja li kienet ripetutament mistiedna tagħmel hekk minn għadd ta’ Avukati Ġenerali. It-tieni nett, fir-rigward ta’ kawżi li kienu jinvolvu l-vera applikazzjoni tal-kriterji tas-sentenza CILFIT, wieħed jista’ jgħid li l-prassi ta’ applikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet kemxejn varjata, partikolarment matul l-aħħar għaxar snin.

71.      L-ewwel, fil-kawża Intermodal Trasports (47), il-qorti tar-rinviju talbet kjarifika dwar jekk kinitx obbligata tressaq domandi dwar l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda (NM) f’ċirkustanzi fejn parti f’tilwima dwar klassifikazzjoni fin-NM ta’ ċertu prodott issemmi deċiżjoni minn awtorità tad-dwana stabbilita f’informazzjoni tariffarja vinkolanti (BTI) mogħtija kontra terzi fir-rigward ta’ prodott simili u fejn il-qorti tar-rinviju taħseb li l-BTI ma taqbilx man-NM. Fi kliem sempliċi, tista’ qorti titqies li jkollha dubju raġonevoli f’ċirkustanzi fejn hija jkollha opinjoni legali differenti minn dik ta’ awtorità amministrattiva ta’ Stat Membru differenti?

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li t-tielet eċċezzjoni tas-sentenza CILFIT (acte clair) setgħet xorta tkun issodisfatta minkejja li kien hemm interpretazzjoni diverġenti tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità amministrattiva fi Stat Membru ieħor. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja l-fatt li l-awtoritajiet tad-dwana ta’ Stat Membru ieħor kienu taw deċiżjoni li kienet tidher tirrifletti interpretazzjoni differenti tan-NM minn dik li l-qorti tar-rinviju qieset li hija kellha tadotta fir-rigward ta’ prodotti simili inkwistjoni f’dik it-tilwima, “[irid], bla dubju, [iwassal] lil din il-qorti biex tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ nuqqas eventwali ta’ dubju raġonevoli rigward l-applikazzjoni korretta tan-NM” (48). Madankollu, l-eżistenza ta’ tali BTI ma setgħetx minnha nnifisha żżomm lill-qorti tar-rinviju milli tikkonkludi li l-applikazzjoni korretta ta’ intestatura tariffarja tan-NM kienet tant ovvja li ma kinitx tħalli skop għal kwalunkwe dubju raġonevoli (49).

73.      It-tieni, fis-sentenza X u van Dijk (50), il-qorti tar-rinviju (Hoge Raad der Nederluen (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi)) staqsiet jekk, minkejja l-fatt li qorti inferjuri fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fuq l-istess kwistjoni, il-Hoge Raad (il-Qorti Suprema) kinitx għadha tista’ legalment tiddeċiedi tilwima mingħajr ma tressaq talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari u mingħajr ma tistenna r-risposti għad-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari minn dik il-qorti inferjuri.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-eżistenza ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni minn qorti inferjuri fi Stat Membru wieħed ma tipprekludix l-eżistenza ta’ acte clair għal qorti tal-aħħar istanza ta’ dak l-istess stat. L-ewwel hija saħqet li “huma biss il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontrihom taħt id-dritt nazzjonali li għandhom jiddeterminaw, taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom u b’mod indipendenti, jekk humiex fil-preżenza ta’ ‘acte clair’” (51). Hija ddeċidiet ukoll li, “sa fejn il-fatt li qorti ta’ grad inferjuri għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-istess kwistjoni bħal dik imqajma fit-tilwima mressqa quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi b’mod finali ma jimplikax, minnu nnifsu, li l-kundizzjonijiet tas-sentenza [Cilfit] ma jistgħux jibqgħu jiġu ssodisfatti, b’tali mod li l-qorti msemmija l-aħħar tista’ tiddeċiedi li tastjeni li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja u ssolvi l-kwistjoni mqajma quddiemha taħt ir-responsabbiltà tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li tali fatt lanqas ma jobbliga lill-qorti nazzjonali suprema tistenna r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti ta’ grad inferjuri.” (52)

75.      It-tielet, fil-kawża Ferreira Da Silva e Brito (53), ir-rikorrenti kkontestaw, fi proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali kontra l-Istat Portugiż, l-interpretazzjoni ta’ “trasferiment ta’ negozju” fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE (54) milqugħa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall). Skont ir-rikorrenti s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) messha kienet konformi mal-obbligu tagħha li tagħmel rinviju u messha ssottomettiet domanda dwar dik il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti inferjuri tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 267 TFUE kellux jiġi interpretat fis-sens li, meqjus il-fatt li l-qrati inferjuri nazzjonali li kienu qegħdin jiġġudikaw il-każ kienu adottaw deċiżjonijiet kontradittorji, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) kienet obbligata tadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari b’domanda dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” fis-sens tad-Direttiva 2001/23.

76.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “l-eżistenza, fiha nfisha, ta’ deċiżjonijiet kontradittorji mogħtija minn qrati nazzjonali oħra ma tistax tikkostitwixxi element determinanti li jista’ jimponi l-obbligu stipulat fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ fil-fatt tqis, minkejja interpretazzjoni partikolari ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn qrati inferjuri, li l-interpretazzjoni li hija tipproponi li tagħti lill-imsemmija dispożizzjoni, differenti minn dik adottata minn dawn il-qrati, hija l-interpretazzjoni applikabbli mingħajr ebda dubju raġonevoli.” (55) Madankollu, b’differenza minn fil-kawża X u van Dijk, fuq il-fatti stess tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, bħala riżultat ta’ linji konfliġġenti ta’ ġurisprudenza f’livell nazzjonali, flimkien mal-fatt li dak il-kunċett sikwit jagħti lok għal diffikultajiet ta’ interpretazzjoni f’diversi Stati Membri, qorti jew tribunal nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandhom jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jevitaw ir-riskju ta’ interpretazzjoni skorretta tad-dritt tal-Unjoni (56).

77.      Ir-raba’, fis-sentenza Association France Natura Environnement (57), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ma indirizzatx espressament il-kwistjoni ta’ dubju raġonevoli, eskludiet l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT (fil-każ kemm ta’ acte clair kif ukoll ta’ acte éclairé). Fil-kuntest speċifiku fejn qorti tal-aħħar istanza tipprevedi tagħmel użu mis-setgħa eċċezzjonali li biha hija tista’ tiddeċiedi li żżomm fis-seħħ ċerti effetti ta’ miżura nazzjonali li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet approċċ strett għall-obbligu ta’ rinviju.

78.      Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel tenniet il-kriterji għall-eżistenza ta’ “acte clair” (58) sabiex tinnota li “fir-rigward ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaldaqstant, minn naħa, fejn il-kwistjoni tal-possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita ratione temporis ċerti effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun ġiet adottata bi ksur tal-obbligi previsti [f’direttiva], ma tkunx ġiet suġġetta għal deċiżjoni oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja wara [l-ewwel] sentenza (59) u, min-naħa l-oħra, fejn tali possibbiltà tkun ta’ natura eċċezzjonali, […] il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux iktar jiġu kkontestati b’rikors ġudizzjarju għandha tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jkollha l-iċken dubju dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni” (60). “B’mod partikolari, peress li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa eċċezzjonali tista’ tippreġudika l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti nazzjonali ma tistax tinħeles mill-obbligu li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sakemm ma tkunx konvinta li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa eċċezzjonali ma jqajjem ebda dubju raġonevoli. Barra minn hekk, l-assenza ta’ tali dubju għandha tintwera fid-dettall.” (61)

79.      Jekk dik il-ġurisprudenza titqies flimkien, hemm mill-inqas tliet elementi x’wieħed jinnota.

80.      L-ewwel, għalkemm is-sentenzi kollha jirreferu għas-sentenza CILFIT, u xi wħud minnhom jinvokaw l-eċċezzjonijiet imsemmija hemmhekk, ebda waħda minnhom attwalment ma tapplika l-kriterji tas-sentenza CILFIT. Jista’ jiġi ssuġġerit li dawn huma elementi ta’ fatti li għandhom jiġu applikati minn qrati nazzjonali. Madankollu, dan ma huwiex għalkollox korrett minħabba li, f’dawk il-kawżi, kienet fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja stess li għamlet l-evalwazzjoni jekk f’tali ċirkustanzi l-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT, l-iktar ta’ sikwit dik ta’ acte clair, setgħux jew le jiġu invokati validament mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, anki jekk hija tkun qiegħda tagħmel dak it-tip ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ma tapplikax l-analiżi tagħha stess.

81.      It-tieni, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq turi sewwa ħafna d-diffikultà li jkun hemm fil-prassi ta’ applikazzjoni bħala riżultat tal-assenza kunċettwali ta’ ċarezza fin-natura “suġġettiva-oġġettiva” dwar l-eżistenza ta’ “dubju raġonevoli”. Ikun purament dubju suġġettiv, jiġifieri dubju li jinqala’ f’moħħ il-qorti nazzjonali? Jew dak id-dubju jkun biss suġġettiv sakemm ma jkunx ikkonfutat minn prova qawwija, oġġettiva u ċirkustanzjali? Jew għandu l-imħallef ikun fil-fatt fehem b’mod suġġettiv li kien hemm dubji oġġettivi? L-ewwel żewġ sentenzi, Intermodal Trasports u X u van Dijk, jaqgħu taħt is-suġġettiv u, għalhekk, fuq in-naħa ta’ deferenza (fl-aħħar mill-aħħar huwa l-imħallef nazzjonali li jkun jaf l-aħjar). Għall-kuntrarju, iż-żewġ sentenzi l-oħra, Ferreira Da Silva e Brito u Association France Natura Environnement, huma definittivament ta’ natura oġġettiva (minħabba ċ-ċirkustanzi oġġettivi, l-imħallef messu kien jaf aħjar).

82.      It-tielet, tali varjazzjoni f’termini ta’ analiżi naturalment jissarrfu kemxejn f’riżultati differenti. Ċertament, kull kawża hija differenti skont il-fatti tagħha. Madankollu, f’termini ta’ approċċ ġenerali, ma huwiex ċar mill-ewwel kif wieħed jirrikonċilja, pereżempju, X u van Dijk u Ferreira Da Silva e Brito. Wieħed jassumi li x’aktarx ikun hemm dubji raġonevoli (u, għalhekk assenza ta’ acte clair) jekk ikun hemm fehmiet kontradittorji oġġettivament dwar l-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet. Huwa minnu li kieku wieħed kellu jżid argumenti relatati ma’ awtorità formali jew mas-separazzjoni ta’ setgħat fit-taħlita, wieħed ikun jista’ jiddistingwi Intermodal Trasports: anki jekk ikun hemm interpretazzjonijiet legali diverġenti tal-istess parti tad-dritt tal-Unjoni fil-ġurisdizzjonijiet kollha, dawn huma “biss” ix-xogħol tal-awtoritajiet amministrattivi, ma humiex deċiżjonijiet ġudizzjarji.

83.      Madankollu, kemm fis-sentenza X u van Dijk, kif ukoll fis-sentenza Ferreira Da Silva e Brito, kien hemm deċiżjonijiet ġudizzjarji diverġenti fuq l-istess elementi tad-dritt tal-Unjoni li kienu jirriżultaw mill-ġurisdizzjonijiet rispettivi. Minħabba li dawk iż-żewġ kawżi kienu jirrigwardaw proċeduri differenti f’dawk l-Istati Membri, bilkemm seta’ jkun sostnut li l-waħda jew l-oħra setgħet kienet dwar “żball ta’ darba” minn qorti inferjuri li kien mistenni jiġi kkoreġut minn qorti tal-aħħar istanza. Kien hemm interpretazzjonijiet oġġettivament differenti tal-istess dispożizzjonijiet legali fi proċeduri differenti fl-istess Stat Membru.

84.      Għal darba oħra, kull kawża hija differenti skont il-fatti tagħha. Wieħed, għalhekk, jista’ potenzjalment jidentifika differenzi fattwali rilevanti bejn iż-żewġ sentenzi, li jiġġustifikaw riżultat differenti. Forsi l-iktar wieħed affaxxinanti jkun is-suġġeriment li, filwaqt li s-sentenza X u van Dijk kienet dwar diverġenza interpretattiva rikonoxxuta biss fl-istess sistema legali nazzjonali, fis-sentenza Ferreira Da Silva e Brito, dik id-diverġenza ma kinitx biss fi Stat Membru wieħed, iżda mid-dehra kienet ukoll mal-Unjoni kollha. Tabilħaqq, kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat f’din l-aħħar sentenza, “l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘trasferiment ta’ negozju’ qajmet diversi mistoqsijiet min-naħa ta’ numru ta’ qrati nazzjonali li, b’hekk, kellhom jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-mistoqsijiet jixhdu mhux biss l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni, iżda wkoll il-preżenza ta’ riskji ta’ ġurisprudenza diverġenti fil-livell tal-Unjoni” (62).

85.      Wieħed jistaqsi jekk kinitx tabilħaqq l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li f’daqqa waħda bdiet tieħu s-sentenza CILFIT letteralment, jiġifieri li qorti nazzjonali “għandha tkun konvinta li l-materja tkun ugwalment ovvja għall-qrati ta’ Stati Membri oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja” (63), bl-esklużjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji dwar materji tad-dritt tal-Unjoni ġejjin minn ġewwa l-istess Stat Membru? Affaxxinanti li tali interpretazzjoni hija possibbli. Madankollu, hemm premessa importanti ħafna moħbija hemmhekk, jiġifieri li huwa għall-qrati supremi nazzjonali rispettivi li “jieħdu ħsieb affarihom” u junifikaw il-ġurisprudenza nazzjonali. Ikun biss imbagħad, meta jkun hemm diverġenzi ta’ interpretazzjoni mal-Istati Membri kollha, li jiskatta d-dmir ta’ rinviju (64).

86.      Madankollu, jibqa’ l-fatt li, b’mod ġenerali, ma huwiex faċli tirrikonċilja l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja deskritta fil-qosor f’din it-taqsima. Dan il-fatt għamel il-qalb lil għadd ta’ skulari sabiex jispekulaw jekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrilassatx, kemxejn fis-skiet, il-kriterji ta’ acte clair tas-sentenza CILFIT (65). Donnu jidher li ċerti qrati nazzjonali wkoll fehmu dan bl-istess mod (66).

87.      Sabiex ma ntawwalx, nissuġġerixxi li d-diversità fil-ġurisprudenza deskritta fil-qosor diġà tiġġustifika, minnha nnifisha, l-intervent (tal-Awla Manja) tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ċċarat eżattament x’inhi, bħalissa, il-portata tad-dmir ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u l-eċċezzjonijiet li jista’ jkun hemm għal dak l-obbligu.

C.      Il-problemi tas-sentenza CILFIT

88.      F’din it-taqsima rrid nindika l-problemi (C) li għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu ta’ gwida fl-eżami mill-ġdid tas-sentenza CILFIT issuġġerit fit-taqsima li jmiss (D). Inqiegħed il-problemi f’erba’ kategoriji: dawk li huma kunċettwali u kienu preżenti u inerenti fis-sentenza CILFIT sa mill-bidu nett (1); dawk relatati mal-fattibbiltà tal-kriterji tas-sentenza CILFIT (2); dawk li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ konsistenza sistemika tal-kriterji tas-sentenza CILFIT ma’ tipi oħra ta’ proċeduri u rimedji fid-dritt tal-Unjoni (3); u, fl-aħħar, dawk li nqalgħu wara minħabba l-evoluzzjoni sussegwenti tad-dritt tal-Unjoni u s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni (4).

1.      Kunċettwali

89.      Hemm għadd ta’ difetti fil-mudell u t-tifsila oriġinali tas-sentenza CILFIT. Dan huwa għaliex il-kriterji tas-sentenza CILFIT kienu kunċettwalment problematiċi mill-bidu tagħhom stess.

90.      L-ewwel u qabel kollox, hemm dak li jiena nsejħielha “id-diskrepanza Hoffmann-Laroche-CILFIT”. Fi kliem sempliċi, il-loġika tal-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT ma taqbilx man-natura tad-dmir fis-sentenza Hoffmann-Laroche li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

91.      Sa mis-sentenza Hoffmann-Laroche fl-1977 il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tinsisti li l-għan tad-dmir ta’ rinviju huwa li jkun evitat li korp ta’ ġurisprudenza jiġi żviluppat fi Stat Membru li ma jkunx jaqbel ma’ dak ta’ Stati Membri oħra u wkoll ma’ dak tal-Qorti tal-Ġustizzja (67). Il-loġika wara tali dmir ta’ rinviju hija ċarament strutturali u hija ffokata fuq interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha. Il-punt li jiskattaha u n-natura tagħha jidhru oġġettivi, u jiffokaw fuq il-ġurisprudenza b’mod ġenerali u mhux biss fuq il-każ individwali quddiem il-qorti tar-rinviju: ma għandux ikun hemm diverġenza fil-ġurisprudenza nazzjonali (“la jurisprudence”, “die Rechtsprechung”, “guirisprudenza” jew “rechtspraak”, kif kienet tidher fil-lingwi uffiċjali l-oħra ta’ dak iż-żmien) (68).

92.      Madankollu, madwar ħames snin wara, meta l-eċċezzjonijiet għal dak id-dmir kienu stabbiliti fis-sentenza CILFIT, il-loġika li kienet tiggwida dawk l-eċċezzjonijiet bdiet tiffoka primarjament fuq il-każ individwali u fuq l-eżitazzjonijiet ġudizzjarji suġġettivi ta’ dak il-każ speċifiku. L-unika eċċezzjoni vera, meqjusa kunsiderazzjonijiet strutturali jew sistemiċi, li titlob lill-imħallef nazzjonali jmur lil hinn mill-proċess tal-kawża individwali, hija l-eċċezzjoni relatata ma’ acte éclairé: l-eżistenza ta’ preċedent. Għall-kuntrarju, l-ewwel eċċezzjoni (konferma tar-rilevanza tal-kwistjoni) tirrigwarda esklużivament il-każ speċifiku. L-iktar importanti huwa li l-eċċezzjoni ta’ acte clair titqies bħala taħlita stramba ta’ elementi relatati mal-każ individwali, li xi uħud minnhom huma oġġettivi u ġenerali, iżda l-parti l-kbira minnhom huma suġġettivi.

93.      Fil-fehma tiegħi, hawn huwa fejn qiegħda l-problema reali. Normalment wieħed kien jistenna li l-eċċezzjonijiet għal dmir ikunu jirriflettu l-loġika u l-għan ġenerali ta’ dak id-dmir. B’xi mod, huma għandhom jirrappreżentaw il-wiċċ l-ieħor tal-istess munita proverbjali. Madankollu, l-eċċezzjonijiet huma effettivament maqtugħa mid-dmir li huma mistennija jwettqu. Fil-fatt, filwaqt li s-sentenza CILFIT ipproklamat li hija xtaqet issegwi l-għanijiet tas-sentenza Hoffmann-Laroche (69), hija xorta waħda interpretat l-eċċezzjonijiet skont loġika differenti ħafna.

94.      It-tieni, u b’mod marġinali, il-ġenealoġija tat-tielet eċċezzjoni (acte clair), tidher li tikkonferma d-dubji relatati ma’ kemm huwa sistematikament adatt dak it-trapjant legali distint. Fis-sentenza CILFIT il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ħadet l-argument tal-konvenuta, u apparentement dak tal-qorti tar-rinviju wkoll, u għamlitu tagħha: l-interpretazzjoni tar-regolament inkwistjoni kienet “tant ovvja li ma tħalli ebda dubju ta’ interpretazzjoni, [u b’hekk teskludi] l-bżonn għal rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” (70). Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod ġenerali dak l-approċċ, għalkemm hija kkwalifikatu ftit billi żiedet “raġonevoli” sabiex tikkaratterizza t-tip ta’ dubju interprettativ.

95.      Il-fatt li dik l-eċċezzjoni oriġinat fil-kuntest ta’ tilwima partikolari ma huwiex minnu nnifsu problematiku. L-element iktar dubjuż huwa li setgħat tkun ittrapjantata dik li kienet b’mod distintiv duttrina Franċiża, maħduma b’sengħa f’kuntest differenti ħafna għal għan differenti, f’tip ta’ proċeduri tal-Unjoni sui generis (71). Dik li saret magħrufa bħala “it-teorija tal-acte clair” kienet applikata fid-dritt Franċiż f’kuntesti differenti, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu l-interpretazzjoni tat-Trattati. Filwaqt li bħala prinċipju kien għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin biss li jinterpreta t-Trattati (il-qrati nazzjonali kienu biss fdati bl-applikazzjoni ta’ dik l-interpretazzjoni għall-każ), il-qrati Franċiżi kienu jistrieħu fuq dik it-teorija sabiex isaħħu setgħat interpretattivi ġudizzjarji b’detriment għal dawk tal-Eżekuttiv (72). Mill-1964 il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) beda japplika t-teorija, fil-kuntest tad-dmir ta’ rinviju, sabiex jikkwalifika lil din tal-aħħar għall-benefiċċju tiegħu stess (73). Billi presumibbilment riedet li tqiegħed l-użu nazzjonali tal-prassi ta’ acte clair taħt kontroll, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet tagħha stess u ttrapjantat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mezz li kellu funzjoni differenti ħafna fis-sistema ta’ oriġini tiegħu.

96.      It-tielet, anki kieku wieħed kellu jemmen li tali trapjanti legali transfunzjonali huma tabilħaqq possibbli mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa tal-pazjent (riċevitur), jibqa’ l-fatt li dak li kien ittrapjantat fl-ordinament ġuridiku (ta’ dik li qabel kienet il-Komunità) sempliċement kellu funzjoni differenti. L-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT, b’mod partikolari l-eċċezzjoni tal-acte clair, baqgħu ċċentrati madwar l-assenza ta’ kwalunkwe dubju raġonevoli dwar ir-riżultat ta’ każ individwali. Il-lingwa baqgħet waħda ta’ interpretazzjoni korretta u ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ speċifiku.

97.      Madankollu, ir-rekwiżit li tkun ivverifikata l-applikazzjoni korretta tal-liġi f’kull każ individwali hija biċċa xogħol iebsa. Dak l-ideal huwa diffiċli ħafna jinkiseb anki f’sistemi nazzjonali li jkunu ta’ natura ġerarkika, li jistrieħu fuq monitoraġġ individwali estensiv ta’ korrettezza ta’ deċiżjonijiet individwali, u li fihom qrati superjuri jeżaminaw mill-ġdid eluf jew pjuttost għexieren ta’ eluf ta’ deċiżjonijiet kull sena. Madankollu, tali loġika ideali u sistemika hija aljena għal sistemi iktar koordinati ta’ governanza ġudizzjarja, li jistrieħu b’mod estensiv fuq il-qawwa tal-preċedenti, u li fihom preċedent wieħed jista’ jkollu ċertu qawwa (74). Fil-fehma tiegħi, jista’ jkun hemm dibattitu dwar kemm is-sistema ġuridika tad-dritt tal-Unjoni hija qrib dan l-aħħar ideal ikkoordinat. Iżda, ċertament, hemm dinja taqsam bejnu u dak tal-ewwel li huwa mudell ġerarkiku.

98.      Fl-aħħar nett, l-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT għad-dmir ta’ rinviju għadhom tendenza jċajpru l-linja bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li hija l-bażi tad-diviżjoni korretta ta’ impenji skont l-Artikolu 267 TFUE. Jekk dak li għandu jiġi stabbilit huwa li ma jkunx hemm dubju raġonevoli dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni f’każ speċifiku sabiex tiskatta eċċezzjoni għad-dmir ta’ rinviju, allura fejn, għallinqas b’mod approssimattiv, tinsab il-linja li taqsam l-impenji ta’ bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qrati nazzjonali?

2.      Fattibbiltà

99.      Ma hemmx ħtieġa li nerġgħu nkebbsu d-dibattitu dwar jekk il-kriterji tas-sentenza CILFIT, b’mod partikolari dawk relatati mal-assenza ta’ dubju raġonevoli dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-dritt tal-Unjoni f’każ speċifiku (l-eċċezzjoni ta’ “acte clair”) jammontawx għal lista ta’ kontrolli jew jekk humiex sempliċement sett ta’ għodda. Il-fatt huwa li ma jaħdmux minn naħa jew minn oħra. Jekk huma lista ta’ kontrolli, allura huwa impossibbli li jinkisbu. Jekk huma sett ta’ għodda, allura l-problema b’mod inerenti ssir waħda ta’ għażla dwar liema għodda għandha tintuża f’każ individwali. Din l-aħħar problema, imbagħad, issir evidentement serja fl-istadju tal-infurzar potenzjali tad-dmir ta’ rinviju: jekk ma jkunx hemm kriterji ċari, kif jista’ dak id-dmir jiġi qatt infurzat mingħajr ma dak l-infurzar ikun arbitrarju?

100. Għadd ta’ Avukati Ġenerali kkummentaw dwar l-assenza ta’ fattibbiltà tal-kriterji fl-imgħoddi. Barra minn dan, dak li jħasseb ukoll huwa l-assenza ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji mill-qrati nazzjonali u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), inklużi l-qrati li fil-fatt qegħdin jinfurzaw id-dmir ta’ rinviju.

101. L-ewwel nett, billi nibda b’mod eċċellenti bl-eżitazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs dwar ċertu lbies tan-nisa u l-klassifikazzjoni tiegħu bħala piġama għall-finijiet tad-dwana, għadd ta’ predeċessuri għorrief tiegħi kkritikaw id-diffikultajiet prattiċi assoċjati mal-eċċezzjoni ta’ acte clair. Fil-kawża Wiener l-Avukat Ġenerali Jacobs ma laqax l-argument li “is-sentenza [CILFIT] għandha titqies li teħtieġ li l-qrati nazzjonali jeżaminaw kull miżura Komunitarja f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità […] Dan għandu jinvolvi f’ħafna każijiet sforz sproporzjonat min-naħa tal-qrati nazzjonali”, u nnota li kien ikun pjuttost stramb jintalab li qrati nazzjonali jkollhom jużaw metodu “li jidher li huwa rari applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha” (75) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa nnota wkoll li “jekk is-sentenza [CILFIT] kellha tkun applikata b’mod strett, allura kull kwistjoni tad-dritt Komunitarju […] jkollu jkun hemm rinviju fir-rigward tagħha mill-qrati kollha tal-aħħar istanza” (76) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

102. Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Intermodal Trasports, l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl iddeċidiet li l-fatt li l-qrati nazzjonali jintalbu jeżaminaw dispożizzjoni tad-dritt ta’ dik li qabel kienet il-Komunità f’kull waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità “iqiegħed fil-prattika piż intollerabbli fuq il-qrati nazzjonali” (77) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fehma tagħha l-kriterji tas-sentenza CILFIT ma jistgħux jintużaw bħala “tip ta’ manwal ta’ istruzzjoni […] li għandu jkun segwit b’mod riġidu” (78) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Gaston Schul l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo saħaq dwar il-ħtieġa li s-sentenza CILFIT tkun eżaminata mill-ġdid kollha kemm hi, u nnota li “l-eżami propost ma kienx vijabbli meta kien ifformulat, iżda, fir-realtà tal-2005, jidher assurd” (79) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża X u van Dijk, l-Avukat Ġenerali Wahl fittex li jisħaq dwar l-importanza tad-diskrezzjoni inerenti li qrati nazzjonali tal-aħħar istanza għandu jkollhom meta jeżaminaw jekk ikunx inqala’ lok tad-dmir ta’ rinviju, billi ssuġġerixxa li l-kriterji tas-sentenza CILFIT għandhom jitqiesu bħala sett ta’ għodda u kkonkluda li “jekk qorti nazzjonali tal-aħħar istanza hija żgura biżżejjed mill-interpretazzjoni tagħha sabiex tassumi r-responsabbiltà (u possibbilment it-tort) li tiddeċiedi fuq punt ta’ dritt tal-Unjoni mingħajr l-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha tkun legalment intitolata li tagħmel hekk” (80).

103. Ma naħsibx li hemm xi ħtieġa ntenni l-argumenti diġà magħmula b’tant elokwenza mill-Avukati Ġenerali ċċitati iktar ’il fuq, jew li nuri għaliex u kif il-kriterji tas-sentenza CILFIT, jekk jitqiesu letteralment waħda waħda, huma għalkollox mhux fattibbli. Tabilħaqq, kif poġġieha b’mod rilevanti u bil-ħsieb l-Avukat Ġenerali Wahl, “li wieħed jiltaqa’ ma’ sitwazzjoni ‘vera’ ta’ acte clair tkun, fl-aħjar ipoteżi, qisek qed tiltaqa’ ma’ unikorn.” (81)

104. Fi kliem sempliċi, il-kriterji tas-sentenza CILFIT relatati mal-identifikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ acte clair inevitabbilment huma milquta mill-problema kunċettwali diġà enfasizzata iktar ’il fuq (82). Minn naħa, hemm porzjon sinjifikattiv ta’ suġġettiviżmu indeterminabbli u, għalhekk, li ma huwiex suġġett għal stħarriġ: il-qrati nazzjonali għandhom ikunu “konvinti” li l-kwistjoni hija “ugwalment ovvja għall-qrati ta’ Stati Membri oħra u għall-Qorti tal-Ġustizzja”, iżda wkoll “meħtieġa sabiex tinqata’ kawża” u għandu jkollha “dubju raġonevoli” suġġettiv. Min-naħa l-oħra, dawk l-elementi li huma ddikjarati f’termini oġġettivi sempliċiment ma jistgħux jinkisbu, għall-inqas minn imħallfin nazzjonali mortali li ma għandhomx il-kwalitajiet, il-ħin u r-riżorsi tal-Imħallef Erkole ta’ Dworkin (iqabbel il-verżjonijiet lingwistiċi (kollha); jinterpreta kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kollha kemm hi, filwaqt li jkun jaf perfettament bl-istat tagħha ta’ evoluzzjoni fil-mument li fih dik id-dispożizzjoni tkun interpretata).

105. It-tieni nett, u wieħed ftit jew wisq jista’ jifhem dan minħabba l-punt preċedenti, il-kriterji tas-sentenza CILFIT għal “acte clair” bilkemm jiġu applikati b’mod konsistenti u sistematiku minn qrati nazzjonali tal-aħħar istanza fil-kuntest tal-eżami tat-tielet eċċezzjoni għad-dmir ta’ rinviju (83). Ċertament hemm okkażjonijiet li fihom isir riferiment għas-sentenza CILFIT minn qrati nazzjonali tal-aħħar istanza. Madankollu, dan ma jfissirx li l-kriterji stabbiliti f’dik is-sentenza, b’mod partikolari r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-eżistenza ta’ acte clair, fil-fatt jiġu applikati kif inhuma (84). Hemm okkażjonijiet li fihom qrati nazzjonali jibdlu l-kriterji tas-sentenza CILFIT għal kriterji u standards tagħhom stess. Pereżempju, il-qrati supremi Franċiżi sikwit iqisu li d-dmir ta’ rinviju jiskatta meta jkun hemm “diffikultà serja” sabiex ikun interpretat id-dritt tal-Unjoni, u b’hekk jagħmlu d-dmir ta’ rinviju iktar flessibbli minn dak li jirriżulta mill-ittra jew mill-ispirtu tas-sentenza CILFIT (85). Bl-stess mod, qrati supremi oħra wkoll jiffokaw fuq in-natura tal-kwistjoni li tkun inqalgħet, irrispettivament minn jekk ikunx hemm dubji ta’ interpretazzjoni, sabiex jibbażaw id-dmir ta’ rinviju (86).

106. It-tielet nett, hemm xi Stati Membri li fihom il-konformità mad-dmir ta’ rinviju tkun ivverifikata minn qrati kostituzzjonali permezz ta’ lment kostituzzjonali individwali, li jinvoka d-dritt għal qorti legali jew għal smigħ xieraq (87). Madankollu, f’dawk is-sistemi, il-parametru ġenerali adottat huwa, fil-fatt, wisq iktar sempliċi minn dik tas-sentenza CILFIT, li jdur mal-kunċetti ta’ interpretazzjoni ovvjament insostenibbli jew arbitrarja tad-dritt tal-Unjoni, sikwit flimkien mad-dmir li jkun iġġustifikat sewwa għala rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx ikun meħtieġ (88).

107. Jista’ jiġi ssuġġerit li qrati kostituzzjonali nazzjonali jistħarġu l-obbligu ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE f’konformità mal-istandards nazzjonali tagħhom u l-kunċetti ta’ kostituzzjonalità u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Dan huwa ċertament minnu dwar jekk l-identifikazzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti per se (id-dritt għal qorti legali, jew smigħ xieraq, jew proċess dovut skont il-liġi, jew ikun x’ikun) tkunx waħda ggarantita fis-sistema legali nazzjonali. Hija storja differenti għall-parametru intern, jiġifieri l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom għandha ssir talba għal deċiżjoni preliminari. Dwar din l-aħħar kwistjoni, ikun ġust wieħed jassumi li regoli kostituzzjonali nazzjonali huma siekta f’dan ir-rigward. Madankollu, meta niġu għall-infurzar effettiv tad-dmir, ebda waħda mill-qrati kostituzzjonali nazzjonali ma tidher fil-fatt li adottat is-sentenza CILFIT.

108. Ir-raba’ nett, il-QEDB tinvoka l-kriterji tas-sentenza CILFIT meta tistħarreġ in-nuqqas ta’ qrati nazzjonali tal-aħħar istanza li jitolbu deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kap tad-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Il-QEDB ikkonstatat, pereżempju, ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB fil-kawża Dhahbi vs L-Italja minħabba l-assenza ta’ motivazzjoni tal-qorti nazzjonali għala rrifjutat li tressaq talba lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija nnotat li l-Qorti tal-Kassazzjoni Taljana ma kinitx irriferiet għat-talba tar-rikorrent għal deċiżjoni preliminari, lanqas ma fissret ir-raġunijiet għaliex hija kienet qieset li l‑kwistjoni sollevata ma kinitx tiġġustifika li ssir talba lill-Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas ma għamlet xi riferiment għall-ġurisprudenza tagħha (89). Madankollu, band’oħra, il-QEDB qieset li motivazzjoni sommarja li ma tilqax talba għal deċiżjoni preliminari kienet biżżejjed, fejn il-qorti nazzjonali kienet diġà kkonkludiet f’parti oħra tas-sentenza tagħha li tali talba kienet irrilevanti (90). Il-QEDB iddeċidiet ukoll li, meta qorti nazzjonali tal-aħħar istanza fil-fatt tirrifjuta jew tonqos milli tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari, dik il-qorti jkun jeħtiġilha timmotiva għaliex tkun għamlet hekk fid-dawl tal-eċċezzjonijiet mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija għandha partikolarment tindika r-raġunijiet għaliex hija tqis li d-domanda hija irrilevanti, jekk id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni kinitx diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal‑Ġustizzja, jew jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hijiex tant ovvja li ma tkunx tħalli skop għal ebda dubju raġonevoli (91).

109. B’mod ġenerali, fil-waqt li l-istħarriġ magħmul mill-QEDB jirreferi għad-deċiżjoni CILFIT, huwa jibqa’ jikkonċentra fuq ir-raġuni għal rifjut minn deċiżjoni nazzjonali li jsir rinviju. Għalhekk, mingħajr ma ddum wisq fuq il-mertu, u ċertament f’termini ta’ eżami dettaljat tal-fattur ta’ “ebda dubju raġonevoli” li fil-fatt huwa mitlub mis-sentenza CILFIT, il-QEDB tistħarreġ jekk qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jkunux spjegaw kif imiss għaliex huma jqisu li l-kriterji tas-sentenza CILFIT ikunu tħarsu mingħajr ma l-QEDB teżamina l-merti dwar jekk dak kienx tabilħaqq il-każ.

110. Fil-qosor, il-fatt li ma hemm ebda gwida raġonevoli dwar il-loġika jew l-applikazzjoni tal-kriterji tas-sentenza CILFIT huwa rifless mhux biss fil-kritika (sorprendentement konstanti) mogħtija mill-Avukati Ġenerali preċedenti tul is-snin. L-istess ħsieb jirriżulta wkoll mill-fatt sempliċi li, fost dawk impenjati japplikaw dak obbligu, u b’mod partikolari dawk li attwalment jinfurzawh, ħadd ma jidher li jsegwi l-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan, fil-fehma tiegħi, mhux għax b’xi mod jew ieħor qiegħedha tiġi injorata l‑Qorti tal-Ġustizzja. Pjuttost huwa mekkaniżmu naturali ta’ awtopreservazzjoni. Impossibilium nulla est obligatio.

3.      Koerenza sistemika tar-rimedji tad-dritt tal-Unjoni

111. Hemm argument ieħor għaliex huwa neċessarju li s-sentenza CILFIT tkun eżaminata mill-ġdid: il-koerenza orizzontali u sistemika tar-rimedji tad-dritt tal-Unjoni. Fi ftit kliem, il-kriterji tas-sentenza CILFIT huma wkoll skonnessi b’mod stramb mill-mezzi stess tad-dritt tal-Unjoni għall-infurzar tal-obbligu ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE.

112. Ċertament, bħalissa, ma hemmx rimedju speċifiku tad-dritt tal-Unjoni li l-partijiet jistgħu jużaw jekk huma jaħsbu li jkun inkiser id-dritt tagħhom li jissottomettu kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (92). Din hija konsegwenza loġika tal-insistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma għandhomx dritt awtomatiku li jkollhom talba għal deċiżjoni preliminari magħmula inkwantu l-Artikolu 267 TFUE ma jikkostitwixxix mezz ta’ rimedju li l-partijiet jistgħu jużaw f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali (93). Meqjusa l-ġurisprudenza kostituzzjonali nazzjonali robusta (tal-lum) (94), kif ukoll il-ġurisprudenza tal-QEDB (95), li tqis li, jekk il-kriterji (oġġettivi) għall-eżistenza ta’ obbligu ta’ rinviju jitħarsu, il-partijiet f’dawk il-proċeduri jkollhom dritt (suġġettiv) li l-każ tagħhom jinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa inerenti fid-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, wieħed, madankollu, jista’ jikkunsidra li dan ma huwiex l-uniku approċċ possibbli (96).

113. Minħabba li ma hemmx rimedju “dirett”, l-infurzar li jista’ jsir tad-dmir ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE possibbilment jista’ jkun kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-istat jew ta’ azzjoni ta’ ksur. Madankollu, dan huwa fejn il-kwistjonijiet jibdew ikunu kkumplikati.

114. Minn naħa, sa mis-sentenza Köbler, hemm il-possibbiltà li jinkiseb rimedju fil-qrati nazzjonali għall-ħsara kkawżata mill-ksur ta’ drittijiet individwali minħabba deċiżjoni ta’ qorti li tiġġudika fl-aħħar istanza (97). Sabiex tali azzjoni tirnexxi r-regola legali miksura għandha tkun intiża li tagħti drittijiet lil individwi; il-ksur għandu jkun biżżejjed gravi u għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-obbligu responsabbiltà tal-Istat u t-telf jew il-ħsara mġarrba mill-partijiet leżi. Ir-responsabbiltà tal-Istat għal telf jew ħsara kkawżati minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiġġudika fl-aħħar istanza hija rregolata mill-istess kundizzjonijiet (98).

115. Hemm, madankollu, żewġ problemi. L-ewwel, minħabba li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ma huwiex regola “intiża li tagħti drittijiet lil individwi”, in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ rinviju ma jistax, minnu nnifsu, jiskatta r-responsabbiltà tal-Istat. It-tieni, irrispettivament minn dan il-fatt, il-kriterji tas-sentenza CILFIT ma għandhomx funzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk kienx hemm ksur jew le ta’ regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni (99), għall-inqas f’mod oġġettiv. L-istandard f’tali sitwazzjonijiet ikun ksur ċar tal-liġi applikabbli li jista’ jwassal għal ksur suffiċjentement gravi (100).

116. Min-naħa l-oħra, hemm il-proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE. Dak, li għal għadd ta’ snin, kien possibbli biss fit-teorija (101), kien implimentat b’mod sħiħ fl-2018. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (102), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fid-dispożittiv tas-sentenza, li Stat Membru kien kiser id-dritt tal-Unjoni speċifikament minħabba li qorti tal-aħħar istanza kienet naqset milli tagħmel talba (waħda) lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi osservat l-obbligu tagħha ta’ rinviju, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, f’sitwazzjoni fejn l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ma kinitx daqshekk ovvja li ma kinitx tħalli lok għal dubju.

117. Sabiex waslet għal dik il-konklużjoni l-Qorti tal-Ġustizzja straħet fuq is-sentenza CILFIT (103) jew għall-inqas fuq ir-rekwiżit ġenerali tagħha li ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel innotat li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kien għażel li jiddevja minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit minħabba li l-iskema Britannika inkwistjoni kienet differenti mill-iskema Franċiża “filwaqt li ma setax ikun ċert li r-raġunament tiegħu kienx japplika bl-istess mod ċar għall-Qorti tal-Ġustizzja.” (104) Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, iddeċidiet li l-assenza ta’ talba għal deċiżjoni preliminari min-naħa tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fi tnejn mis-sentenzi tagħha “wassluh sabiex jadotta, f’dawn is-sentenzi, soluzzjoni bbażata fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 49 u 63 TFUE li tikkontradixxi l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet magħżula f’din is-sentenza, li jimplika li l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli dwar din l-interpretazzjoni ma setgħetx tiġi eskluża meta l-Kunsill tal-Istat iddeċieda” (105).

118. Hemm tliet elementi ta’ min wieħed jinnota relatati mal-aħħar imsemmija sentenza. L-ewwel, f’dawk il-proċeduri ta’ ksur, bla dubju kien għall-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha li tapplika s-sentenza CILFIT. Madankollu, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddikjarat li l-kriterju ġenerali kien stabbilit fis-sentenza CILFIT, mingħajr ma stħarrġet ebda wieħed mill-kriterji speċifiċi jew applikathom. Hemm assenza manifesta ta’ diskussjoni mhux biss ta’ sentenzi potenzjalment kontradittorji dwar il-kwistjoni li tirriżulta mill-qrati tal-aħħar istanza ta’ Stati Membri oħra, jew anki minn qrati oħra Franċiżi, iżda wkoll ta’ ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha dwar il-materja, ħlief għal preċedent wieħed.

119. It-tieni, tali affermazzjoni effettiva ta’ “CILFIT iktar stretta”, għall-inqas f’termini tal-ispirtu tagħha, toqgħod kemxejn skomda mal-ġurisprudenza ta’ dan l-aħħar tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istess materja, kif inkorporata, b’mod partikolari, fis-sentenzi X u van Dijk u Ferreira Da Silva e Brito diskussi iktar ’il fuq (106). Filwaqt li xejra leġġera dehret li kienet ir-regola l-ġdida b’mod partikolari fis-sentenza X u van Dijk, dik ix-xejra leġġera f’daqqa waħda reġgħet inbidlet f’għafsa stretta għal darba oħra.

120. It-tielet, dan kollu aktarx iħalli ċerti atturi b’togħma kemxejn morra fis-sens li bilkemm ikunu jistgħu jagħmlu għażla ġġustifikata dwar x’ikun fil-fatt qiegħed jiġi applikat u infurzat, kif ukoll għala u kif dik l-applikazzjoni u dak l-infurzar isir. Dan bl-ebda mod ma jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ma jkollhiex, kif tabilħaqq titlob il-ġurisprudenza stabbilita, diskrezzjoni sħiħa sabiex tiddeċiedi tressaqx azzjoni jew le skont l-Artikolu 258 TFUE (107). Lanqas ma hemm l-intenzjoni li jiġi kkontestat ir-riżultat tal-kawża Il-Kummissjoni vs Franza: ċertament, jekk is-sentenza CILFIT issa għandha tittieħed bis-serjetà, allura tabilħaqq kien hemm dubju raġonevoli dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (108).

121. Il-punt huwa wieħed differenti: l-assenza ġenerali ta’ konsistenza (orizzontali) fil-mod kif jiġi ppenalizzat id-dmir ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE bħala materja tad-dritt tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha dwar il-portata ta’ dan id-dmir, ċertament il-ġurisprudenza l-iktar reċenti, ma tidhirx li taqbel mal-infurzar skopert (mill-ġdid) reċentement ta’ dan id-dmir skont l-Artikolu 258 TFUE, u għalkollox skonness mir-responsabbiltà tal-Istat. Madankollu, ma għandhomx dawn ikunu l-aspetti tal-istess obbligu sabiex issir talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE?

4.      L-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni u s-sistema ġudizzjarja

122. Ma naħsibx li hemm ħtieġa li nkompli sejjer b’iktar dettall dwar l-ovvju: kemm tassew inbidlet l-Unjoni tul dawn l-aħħar erbgħin sena. B’eċċezzjoni waħda reċentement, is-sħubija kibret kontinwament. Hekk ukoll għamel l-għadd ta’ lingwi uffiċjali u l-għadd ta’ qrati kapaċi jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja. Bħalissa, il-portata u l-firxa tad-dritt stess tal-Unjoni sempliċement ma għandhomx paragun. Wara li tlesta s-Suq Intern u wara mhux inqas minn ħames emendi suċċessivi tat-Trattati, saret ħaġa diffiċli jinstab qasam fejn ma jkunx hemm leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew fejn ma tkunx meħtieġa l-għajnuna għal interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-fatturi jwasslu għal għadd impressjonanti ta’ talbiet ġodda għal deċiżjoni preliminari, waqt li r-riżorsi ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex bir bla qiegħ.

123. Madankollu, f’din il-medda legali ferm mibdula, hemm it-Titanu immobbli ta’ epoka antika ħafna – is-sentenza CILFIT – li tinsisti li rinviji għandhom isiru minn qrati tal-aħħar istanza f’kull każ fejn ikun hemm xi forma ta’ dubju raġonevoli. Ma naħsibx li jeħtieġ nsemmi l-bidliet sistemiċi kollha, waħda waħda, sabiex nuri kif dawn jibdlu l-konfigurazzjoni ta’ assorbiment għal-loġika tas-sentenza CILFIT (109). Minflok, sabiex nikkonkludi, nippreferi nindika materja differenti u iktar profonda.

124. Minħabba li l-ambjent inbidel u s-sistema mmaturat, in-natura tal-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari evolviet ukoll. Proċedura oriġinarjament maħluqa sabiex tkun waħda ta’ sħubija u kooperazzjoni ġudizzjarja fost entitajiet ugwali bdiet bil-mod il-mod u pjuttost b’mod inevitabbli tiżviluppa f’waħda li tqiegħed iktar enfasi fuq il-formazzjoni ta’ preċedenti bil-għan li jkun hemm uniformità sistemika. Ċertament, il-lingwa ta’ “assistenza” u “sħubija” għadha teżisti, iżda l-osservaturi li ilhom hemm u li josservaw bir-reqqa s-sistema nnotaw li kienu introdotti gradwalment għadd ta’ elementi vertikali.

125. Dan iqiegħed iktar enfasi fuq l-għan makro (jew pubbliku) ta’ aġġudikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jiżgura interpretazzjoni uniformi u żvilupp ulterjuri tad-dritt. Ċertament, dejjem hemm u dejjem ser ikun hemm il-każ individwali u d-dimensjoni iktar mikro (jew privata) ta’ litigazzjoni. Madankollu, dejjem iktar, a fortiori fi proċedura bħall-proċedura għal deċiżjonijiet preliminari, meta l-fatti u l-każ individwali jkunu għall-qorti tar-rinviju li ssolvi, il-ħarsa ddur lil hinn mill-fajl tal-każ speċifiku.

126. Sabiex nagħmel paragun sistemiku ieħor: l-Artikolu 58a introdott reċentement tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni għal appell f’ċerti oqsma mill-Qorti Ġenerali għall-Qorti tal-Ġustizzja. Kwalunkwe appell bħal dan ma għandux jgħaddi għal eżami fuq il-mertu ħlief meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li għandha titħalla tagħmel hekk minħabba li l-appell iqanqal “kwistjoni li tkun sinifikanti fir-rigward tal-unità, il-konsistenza jew l-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni” (110). Jekk tali kunsiderazzjonijiet huma validi fir-rigward ta’ azzjonijiet diretti, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija l-qorti esklużiva u, għalhekk, il-litigazzjoni quddiem iż-żewġ qrati tal-Unjoni tkun primarjament materja għar-riżoluzzjoni tal-każ individwali, l-istess loġika ma għandhiex tkun a fortiori applikabbli għal deċiżjonijiet preliminari?

127. Fl-aħħar nett, il-maturazzjoni ta’ sistema ġudizzjarja timplika wkoll il-maturazzjoni tal-partijiet kostitwenti tagħha. Illum, il-qrati nazzjonali huma wisq iktar familjari mad-dritt tal-Unjoni, b’mod ġenerali, u mal-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari, b’mod partikolari. Hemm, u dejjem ser ikun hemm, eċċezzjonijiet individwali. Madankollu, ma għandux ikun hemm siġra li titħalla (inċidentalment) tgħatti b’dellha l-foresta (konformi). Qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, l-iktar dawk li jkunu impenjati strutturalment sabiex jiżguraw unità u applikazzjoni uniformi tad-dritt fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, kienu msieħba privileġġati tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikunu identifikati każijiet b’importanza strutturali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Ma għandhiex il-fiduċja reċiproka (li iktar tissejjaħ hekk milli teżisti) tkun ukoll ta’ rilevanza vertikali?

128. Il-fatt li l-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza jistgħu jimmaniġġaw il-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari huwa, fil-preżent, kif naħsibha jiena, rifless b’mod pjuttost mhux feliċi: jiġifieri li ma humiex isegwu is-sentenza CILFIT. Tinstema’ kemm tinstema’ ereżija din, billi jeżerċitaw kontroll fuqhom innifishom u diskrezzjoni inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CILFIT, il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza fil-fatt qegħdin juru li huma fehmu sewwa n-natura vera tas-sistema. Wieħed jista’ biss jimmaġina s-sitwazzjoni opposta, fejn xi (uħud mill-)qrati nazzjonali tal-aħħar istanza kellhom jadottaw l-approċċ tas-Suldat it-Tajjeb Švejk (111), u, tabilħaqq, kellhom japplikaw is-sentenza CILFIT litteralment għall-kawżi kollha quddiemhom. Il-lista annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ikollha f’daqqa waħda bosta iktar żerijiet mehmuża fl-aħħar u s-sistema tiġġarraf fi żmien qasir.

5.      Sommarju interim

129. Is-sentenza CILFIT ma kinitx biss ta’ problema dwar setgħetx titqiegħed fil-ptrattika, iżda fuq kollox (jew qabel dan) hija kienet ikkunċettwalizzata b’mod żbaljat. In-natura tal-eċċezzjonijiet tas-sentenza CILFIT ma taqbilx man-natura tad-dmir ta’ rinviju skont Hoffmann‑Laroche li CILFIT kienet mistennija tinforza. Dmir li kien stabbilit sabiex tkun żgurata l-interpretazzjoni uniformi tal-ġurisprudenza mal-Unjoni kollha ma jistax ikun suġġett għall-assenza ta’ xi dubju suġġettiv dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-każ speċifiku.

130. Il-kwistjonijiet l-oħra kollha f’din it-taqsima huma parzjalment il-konsegwenza ta’ dik id-diskrepanza kunċettwali, filwaqt li żiedu l-problemi li ġabu magħhom stess. Il-kriterji tas-sentenza CILFIT ma humiex, għalhekk, qegħdin jiġu applikati la mill-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha u lanqas mill-qrati nazzjonali, inklużi dawk nazzjonali jew internazzjonali li realment ikunu qegħdin jinfurzawhom. Il-kriterji tas-sentenza CILFIT ukoll jibqgħu skonnessi minn metodi oħra tad-dritt tal-Unjoni għall-infurzar tal-obbligu ta’ rinviju li huwa r-responsabbiltà tal-qrati tal-aħħar istanza. Tali kunsiderazzjonijiet huma, b’xi mod, bilkemm ta’ sorpriża: minħabba li s-sentenza CILFIT (kif ifformulata) ma tistax tkun infurzata b’mod raġonevoli, għandhom jiġu introdotti parametri oħra.

D.      Il-proposta

131. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala l-ewwel pass, tafferma mill-ġdid l-għan u l-portata tad-dmir ta’ rinviju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE kif iddikjarat diġà fis-sentenza Hoffmann-Laroche. Bħala t-tieni pass, iżda, is-sentenza CILFIT għandha tkun eżaminata mill-ġdid sabiex l-eċċezzjonijiet li huma possibbli jkunu jaqblu ma’ dak id-dmir.

132. Is-sentenza Hoffmann-Laroche iddikjarat li l-għan tal-obbligu ta’ rinviju huwa “sabiex ma jitħalliex jitwaqqaf fi kwalunkwe Stat Membru korp ta’ ġurisprudenza nazzjonali li ma jkunx jaqbel mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (112). Skont din il-loġika, jistgħu jiġu identifikati tliet punti. L-ewwel, dak li għandu jinkiseb huwa interpretazzjoni uniformi, mhux applikazzjoni korretta. It-tieni, il-mira għandha tkun “korp ta’ ġurisprudenza”, mhux il-korrettezza tar-riżultat f’kull każ għalih. It-tielet, dan jikkonċerna diverġenzi fil-ġurisprudenza fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri u, naturalment, a fortiori, mal-Unjoni kollha. Loġikament, iż-żewġ tipi ta’ diverġenzi għandhom ikunu evitati: mill-aspett ta’ koerenza sistemika tad-dritt tal-Unjoni, jekk Stat Membru wieħed jew parti minnu, jew anki sistema ta’ ġurisdizzjoni f’dak l-Istat Membru, kellhom joperaw skont regoli oħra minbarra dawk applikati x’imkien ieħor fl-Unjoni, allura ma jkunx hemm interpretazzjoni uniformi fl-Unjoni.

133. Fi kliem ieħor, il-mira tad-dmir ta’ rinviju għandha tinbidel minn waħda fejn ma jkunx hemm dubju raġonevoli suġġettiv dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tar-riżultat tal-każ speċifiku, għal waħda fejn ikun hemm diverġenza oġġettiva misjuba fil-ġurisprudenza fil-livell nazzjonali li b’hekk tkun ta’ theddida għall-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fi ħdan l-Unjoni. B’dan il-mod il-mira taqleb ukoll minn li tkun stabbilita r-risposta korretta fil-każ quddiem il-qorti nazzjonali għall-identifikazzjoni tal-mod korrett ta’ domandi.

134. Skont din il-loġika nissuġġerixxi li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandhom jirrinvjaw il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjoni li (i) jqajmu kwistjoni ġenerali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (kuntrarju għall-applikazzjoni tiegħu); (ii) li għaliha jkun hemm oġġettivament iktar minn interpretazzjoni waħda raġonevolment possibbli; (iii) li għaliha r-risposta ma tkun tista’ tirriżulta mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (jew li għaliha l-qorti tar-rinviju tkun tixtieq tmur lil hinn minn dik il-ġurisprudenza).

135. Deskritt b’dan il-mod id-dmir ta’ rinviju diġà għandu fih l-eċċezzjonijiet tiegħu stess. L-eċċezzjonijiet potenzjali għad-dmir ta’ rinviju għandhom jiskattaw biss jekk ma tkunx issodisfatta waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li minħabba fihom ikun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun suġġetta għad-dmir ta’ rinviju. Madankollu, fil-każ li qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkun tal-fehma li, anki jekk ikollha quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali, waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, dik il-qorti tkun obbligata tidentifika b’mod ċar liema waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta u tagħti r-raġunijiet għaliex hija tifhem li jkun hekk.

136. Qabel ma ngħarbel dawn it-tliet kundizzjonijiet f’iktar dettal, nixtieq nindika żewġ elementi importanti.

137. L-ewwel, il-fatt li ma hemmx dmir għal rinviju f’każ partikolari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ċertament ma jżommx lil qorti tal-aħħar istanza milli titlob assistenza mill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jekk tqis li dan ikun meħtieġ għar-riżoluzzjoni tal-każ individwali quddiemha. L-assenza ta’ obbligu li ssir xi ħaġa ma żżommx il-possibbiltà li ssir l-istess ħaġa. Każ li jista’ ma jaqax taħt il-portata tal-obbligu li jinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jista’ xorta jiġi inkluż fit-tieni paragrafu: “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju” f’kull każ huma u jibqgħu “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru”. Tal-ewwel huwa loġikament sottogrupp tal-aħħar.

138. It-tieni, jista’ jerġa’ jingħad li kulma ntqal, u kulma għadu ġej, jirrigwarda esklużivament kwistjonijiet preliminari dwar interpretazzjoni. L-obbligu ta’ rinviju dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni jibqa’ suġġett għal dmir strett ta’ rinviju, mingħajr eċċezzjonijiet (113).

1.      Kwistjoni ġenerali jew li tista’ tiġi ġġeneralizzata ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

139. Din il-kundizzjoni hija ovvja mal-ewwel daqqa t’għajn. Tabilħaqq, jista’ anki jkun issuġġerit li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari kienet dejjem kollha dwar dan. Ir-realtà, madankollu, hija kemxejn differenti. L-insistenza kull tant żmien tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma għandu jkun hemm ebda dubju raġonevoli dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni fil-każ quddiem il-qorti tal-aħħar istanza wasslet għadd ta’ qrati jissottomettu kwistjonijiet fattwali u pjuttost speċifiċi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Tliet eżempji jistgħu juru dan il-fenomenu.

140. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement tat interpretazzjoni tal‑kunċetti ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar‑Regolament (KE) Nru 261/2004 (114) fi stadju bikri, bl-ewwel darba fil‑kawża Wallentin-Hermann, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” jirreferi għal “avveniment li […] mhuwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat” (115). Ċertament, il-probabbiltà hija li ser ikun hemm numru ta’ każijiet addizzjonali li jikkonfermaw u jiċċaraw il-portata eżatt ta’ tali definizzjoni. Madankollu, huma x-xenarji fattwali ġodda kollha, kull wieħed sempliċement bid-domanda jekk għadd partikolari ta’ fatti (premissa minor) jistax jew le għal darb’oħra jkun dedott skont id-definizzjoni interpretattiva mogħtija diġà mid-dritt tal-Unjoni (premissa maior), verament okkażjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni? F’għadd ta’ kawżi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tikkategorizza bħala “ċirkostanzi straordinarji”: kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur (116); għeluq parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew minħabba li kien beda jiżbroffa vulkan fl-Iżlandja (117); l-imġiba indixxiplinata ta’ passiġġier li ġġustifikat li l-bdot ibiddel ir-rotta “sakemm it-trasportatur tal-ajru responsabbli għat-titjira ma kkontribwixxiex għall-okkorrenza ta’ dan l-aġir jew naqas milli jieħu l-miżuri xierqa fid-dawl ta’ sinjali bikrija ta’ tali aġir” (118); jew ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern, bħal residwi mobbli, fuq il-pista tal-ajruport (119).

141. It-tieni, b’mod simili, f’materji ta’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi sentenzi dwar il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE (120). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja dak il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li jkun konsistenti mal-funzjoni normali ta’ dik il-vettura (121), jiġifieri kull użu ta’ dik il-vettura bħala mezz ta’ trasport (122). Madankollu, sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tikkonferma jekk is-sitwazzjonijiet fattwali li ġejjin jammontawx ukoll għal “użu ta’ vetturi”: “il-manuvra ta’ trattur fil-bitħa ta’ razzett sabiex jiddaħħal f’matmura t-trejler ta’ dan it-trattur” (123); “sitwazzjoni fejn trattur agrikolu kien involut f’inċident meta l-funzjoni prinċipali tiegħu, fil-mument meta seħħ dan l-inċident, ma kinitx li jservi bħala mezz ta’ trasport iżda li jiġġenera, bħala magna tax-xogħol, is-saħħa motriċi meħtieġa sabiex titħaddem il-pompa ta’ bexxiexa ta’ erbiċida” (124); “sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh” (125); jew “sitwazzjoni […] li fiha vettura pparkjata f’garaxx privat ta’ bini li tintuża konformement mal-funzjoni ta’ trasport tagħha tkun ħadet in-nar, u b’hekk tikkawża inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura, u jikkawża ħsara lil dak il-bini, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ imsemmi f’dik id-dispożizzjoni, anki jekk il-vettura msemmija ma tkunx instaqet għal iktar minn 24 siegħa qabel ma jkun seħħ l-inċendju” (126).

142. It-tielet, dan jista’ finalment jintwera wkoll mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” taħt id-Direttiva 2003/88/KE (127). Skont ġurisprudenza stabbilita r-rekwiżit ewlieni għall-klassifikazzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 huwa li l-ħaddiem ikun preżenti fiżikament fil-post iffissat mill-persuna li timpjega u jkun għad-dispożizzjoni tal-imsemmija persuna sabiex dan ikun jista’ jagħti minnufih is-servizzi xierqa f’każ ta’ ħtieġa. Dawk l-obbligi, li jagħmluha impossibbli għall-ħaddiema kkonċernati jagħżlu l-post fejn joqogħdu matul perijodi stand‑by, għandhom jitqiesu li jaqgħu fl-ambitu tat-twettiq ta’ dmirijiethom (128). Madankollu, wara dik id-definizzjoni ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra ntalbet sabiex effettivament tissottometti, taħt dik id-definizzjoni, sitwazzjonijiet iddettaljati fattwalment dwar forom varji ta’ dmirijiet on‑call jew stand‑by ta’ personal mediku u persunal ieħor ta’ emerġenza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħin on‑call jikkostitwixxi ħin tax-xogħol jekk l-impjegat ikun jeħtieġlu jkun fiċ-ċentru tas-Saħħa (129); anki jekk il-persuna kkonċernata jkollha permess tistrieħ fil-post tax-xogħol tagħha matul il-perjodi meta s-servizzi tagħha ma jkunux meħtieġa (130); jew li l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” għandu japplika għal “sitwazzjoni fejn [pompier] huwa mġiegħel li jgħaddi l-perijodu ta’ stand-by id-dar tiegħu, li jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u li jista’ jasal fil-post tax-xogħol tiegħu f’terminu ta’ 8 minuti.” (131)

143. Ċertament, f’dawn l-oqsma kollha l-Qorti tal-Ġustizzja bla dubju tat risposta utli lill-qrati nazzjonali. Madankollu, ma nistax ħlief li nerġa’ naqbel mal-Avukat Ġenerali Jacobs li “risposti dettaljati għal domandi speċifiċi ħafna mhux dejjem jippromwovu […] applikazzjoni uniformi. Tali risposti jistgħu sempliċement jipprovokaw domandi ulterjuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (132)

144. Fil-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Van Ameyde España, każ ieħor dwar assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili għal vetturi bil-mutur, mibgħut mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), ippruvajt nissuġġerixxi, f’termini iktar konkreti, fejn tista tinqata’ l-linja (mid-definizzjoni tagħha, iktar elużiva) bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Ma nistax ħlief nirreferi għal dawk il-konklużjonijiet bħala każistika attwali (133). Għall-fini tal-ewwel kundizzjoni dwar meta għandu debitament ikun hemm l-obbligu ta’ rinviju, nixtieq inżid dan li ġej.

145. Id-dmir ta’ rinviju għandu jiskatta kull meta qorti nazzjonali tal-aħħar istanza jkollha quddiemha kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fformulata f’livell ta’ astrazzjoni raġonevoli u adatt. Dak il-livell ta’ astrazzjoni huwa loġikament iddefinit mill-portata u mill-għan tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni. Fil-kuntest partikolari ta’ kunċetti legali (indeterminati) tad-dritt tal-Unjoni, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tagħti interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett. L-applikazzjoni tiegħu, inkluża s-sottomissjoni ta’ fatti speċifiċi taħt dik id-definizzjoni, hija kwistjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

146. Ċertament, sempliċi applikazzjoni tista malajr tinqaleb għal interpretazzjoni, kieku, pereżempju, il-qorti tar-rinviju kellha tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja ddejjaq, twessa’, tikkwalifika jew tmur lil hinn mid-definizzjoni diġà mogħtija. Madankollu, sakemm dak ikun taqbilħaqq x’ikun qiegħed jintalab, il-qorti tar-rinviju għandha ssemmi dan l-element b’mod ċar, billi tfisser speċifikament għaliex il-każ li tiegħu jkun sar rinviju jkun iktar minn sempliċi konferma oħra (u f’dan is-sens applikazzjoni) tal-premissa maior imsemmija preċedentement.

147. Barra minn dan, f’dan is-sens u f’dik id-dimensjoni, l-interpretazzjoni mitluba għandha tkun waħda ta’ impatt ġenerali jew impatt li jista’ jkun iġġeneralizzat. Il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni għandha tkun dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li potenzjalment tirrikorri. Inrid nenfasizza li dan ma huwiex kriterju ta’ sinjifikat legali jew tal-importanza tad-domanda magħmula. Hija domanda oħra, wisq iktar sempliċi għall-qorti nazzjonali: id-domanda li għandi quddiemi x’aktarx terġa’ tinqala, kemm quddiemi jew anki quddiem il-kollegi tiegħi fl-Istati Membri l-oħra? Għandi nitlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni?

148. Tali eżerċizzju mentali jgħin mhux biss għall-formulazzjoni tad-domanda li jkollha titressaq fuq livell adatt ta’ astrazzjoni, minħabba li jġiegħel lil dak li jkun jidentifika problemi ġenerali u transversali, iżda tgħin ukoll biex jitnaqqru każijiet stretti ħafna, uniċi, jew ta’ darba li, anki jekk potenzjalment iqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma sempliċement ma jkunu ta’ ebda impatt ġenerali jew strutturali. F’kull każ, ma jkunx ta’ periklu wieħed jassumi li l-maġġoranza tal-qrati nazzjonali kollha tal-aħħar istanza huma familjari ħafna ma’ tali ħsieb, għalkemm forsi primarjament fil-limiti tas-sistemi tagħhom stess. Tip simili ta’ ħsieb u riflessjoni għandu sempliċement jiġi applikat għal livell usa’ u ikbar tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

149. Fil-qosor, ċertament m’iniex nissuġġerixxi li neħilsu minn unikorn sabiex minnufih jeħodlu postu ieħor: (134) il-ħsieb li hemm xi linja li taqsam bejn fejn tintemm interpretazzjoni u tibda applikazzjoni u bil-maqlub. Madankollu, l-għan tad-dmir ta’ rinviju huwa li tkun żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, mhux l-applikazzjoni korretta tad-dritt. Għalhekk, l-uniformità mfittxija ma hijiex, u qatt ma kienet, fil-livell ta’ riżultat waħdieni ta’ kull każ individwali, iżda fil-livell tar-regoli legali li għandhom ikunu applikati. Dan ifisser li, loġikament, filwaqt li jkun hemm grad raġonevoli ta’ uniformità ta’ regoli legali, jista’ jkun hemm diversità f’dak li huma riżultati speċifiċi.

2.      Iktar interpretazzjonijiet raġonevolment possibbli 

150. Huwa oġġettivament possibbli li punt speċifiku tad-dritt tal-Unjoni jkun interpretat b’modi differenti? Parti neċessarja ta’ kull waħda mill-kundizzjonijiet tad-dmir ta’ rinviju tibqa’ dejjem studju dwar l-alternattivi. Madankollu, kuntrarju għall-inċertezza interna u suġġettiva b’mod inerenti fl-għamla ta’ kull dubju raġonevoli dwar ir-riżultat ta’ każ individwali, hija l-eżistenza ta’ alternattivi plawsibbli li jqiegħdu kunsiderazzjonijiet simili fuq bażi iktar esterna u oġġettiva. Min hawn isegwi s-suġġeriment li l-attenzjoni tkun iffokata mill-ġdid minn sempliċement “ma nafx” għal “dawn huma l-alternattivi li nrid nagħżel minnhom”.

151. Nisħaq dwar l-importanza tal-aġġettivi “possibbli” jew “plawżibbli”. Ċertament ma huwiex issuġġerit li qorti tar-rinviju tkun obbligata tindika l-alternattivi kollha, timmotivahom, jew anki tispjega liema minnhom hija tiffavorixxi (135). Madankollu, għandu jkun hemm iktar minn sempliċi dubju suġġettiv, jew anki l-assenza ta’ għarfien, sabiex ikun iġġustifikat dmir ta’ rinviju.

152. Madankollu, fejn ikun hemm żewġ interpretazzjonijiet potenzjali jew iktar proposti quddiem il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, id-dmir ta’ rinviju jsir strett. Wara kollox, huwa preċiżament għal din ir-raġuni li d-dmir kien oriġinarjament impost: sabiex jiġi applikat meta jkun hemm disponibbli numru ta’ għażliet “fuq il-mejda”. Ix-xenarji li ġejjin huma partikolarment rilevanti sabiex juru meta tista’ tinqala’ tali sitwazzjoni.

153. L-ewwel nett, hemm eżempji fejn interpretazzjonijiet differenti tal-istess regola kienu adottati f’deċiżjonijiet finali ta’ qrati nazzjonali. Kull qorti oħra tal-aħħar istanza adita bit-tilwima li tkun tinvolvi l-istess element tad-dritt tal-Unjoni u li tkun sabet diverġenza ta’ interpretazzjoni tal-istess regola hija obbligata tagħmel rinviju, sabiex tikkjarifika liema mill-fili ta’ ġurisprudenza jkun fil-fatt korrett. Ma jimportax jekk tali diverġenza misjuba tkunx fl-istess Stat Membru jew f’diversi Stati Membri. Tabilħaqq, jiena wkoll ma narax il-loġika li biha diverġenza fil-fili ta’ ġurisprudenza nazzjonali biss ma tkunx biżżejjed sabiex oġġettivament ikun hemm ġurisprudenza diverġenti fuq l-istess materja fl-Unjoni (136) sakemm ma jkunx varjanti uniku ta’ diskriminazzjoni opposta. Wara kollox, il-loġika sottostanti għas-sentenza Hoffmann-Laroche hija li jkun hemm diverġenza mill-approċċ komuni “fi kwalunkwe Stat Membru”, u għal raġuni tajba: ma jistax ikun hemm interpretazzjoni uniformi jkun parti mill-Istat Membru sempliċement tmur għal rasha?

154. Madankollu, nixtieq nagħmel enfasi fuq id-deċiżjonijiet eżistenti finali mogħtija fil-livell nazzjonali. L-għan huwa ta’ differenza artikolata fl-interpretazzjoni fil-livell orizzontali, kemm jekk fl-istess Stat Membru (qrati differenti ta’ appell, awli differenti jew formazzjonijiet differenti tal-ogħla ġurisdizzjonijiet), kif ukoll fl-Istati Membri kollha. L-istess jista’ ma jkunx bilfors il-każ għal sett wieħed ta’ proċeduri li jkunu għadhom ma nqatgħux. F’tali sitwazzjoni, li fiha, pereżempju, l-interpretazzjoni aċċettata mill-qorti tal-ewwel istanza tkun differenti minn dik adottata mill-qorti tal-appell, bil-kawża li tkun imbagħad pendenti quddiem qorti suprema, jistgħu wkoll ikunu involuti żewġ approċi jew iktar għall-istess regola. Madankollu, kuntrarju għal sitwazzjoni fejn ikun hemm interpretazzjonijiet diverġenti f’deċiżjonijiet finali individwali kollha ta’ diversi qrati, dan ma jfissirx awtomatikament iktar modi raġonevoli u plawżibbli ta’ interpretazzjoni tal-istess regola tad-dritt tal-Unjoni. Fl-istess proċedura biss, tabilħaqq ma jistax jiġi eskluż li qorti partikolari sempliċement tkun għamlet żball. Għall-kuntrarju, diverġenza fil-ġurisprudenza fi proċeduri differenti ma tkunx għadha żball, iżda problema strutturali kemm għad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll għad-dritt nazzjonali.

155. It-tieni nett, is-sitwazzjonijiet l-oħra kollha, anki inkluża dik ta’ interpretazzjonijiet differenti adottati fl-istess sett ta’ proċeduri, għandhom imbagħad sempliċement ikunu evalwati fid-dawl ta’ kull każ individwali. Fil-proċeduri quddiem il-qorti tal-aħħar istanza, kien hemm tabilħaqq alternattivi plawżibbli rigward l-interpretazzjoni tal-istess regoli, irrispettivament minn fejn kienu ġew? Setgħu kienu fis-sottomissjonijiet tal-partijiet; setgħu ġew mid-diversi partijiet involuti fil-proċeduri nazzjonali; jew tabilħaqq setgħu rriżultaw mid-diversi sentenzi preċedenti fl-istess proċeduri, fejn id-differenza ma kinitx żball iżda tabilħaqq il-manifestazzjoni ta’ alternattivi plawżibbli.

156. Barra minn dan, tali dubji dwar l-għażliet bejn interpretazzjonijiet possibbli ta’ regola waħda jistgħu naturalment dejjem joriġinaw mill-qorti nazzjonali stess. Madankollu, meqjus dak kollu li ntqal iktar ’il fuq f’din it-taqsima, nixtieq nenfasizza punt wieħed pjuttost importanti: realtà u realiżmu. Wieħed bilkemm jistenna minn qrati nazzjonali tal-aħħar istanza li f’daqqa waħda dawn jinbidlu f’ċentri ta’ riċerka tad-dritt komparattiv tal-Unjoni, u b’hekk huma stess, sabiex ngħidu hekk ex officio, jagħmlu riċerka tal-ġurisprudenza ta’ qrati nazzjonali oħra fi Stati Membri oħra, jew jibdew jaraw proattivament isibux problemi interpretattivi.

157. Madankollu, dak li ċertament huwa mistenni minn qrati nazzjonali tal-aħħar istanza huwa li huma jirrikonoxxu li oġġettivament hemm diverġenza f’interpretazzjoni legali jekk dik id-diverġenza tkun espressament inġiebet għall-attenzjoni tagħhom minn kwalunkwe wieħed mill-atturi fil-proċeduri quddiemhom, b’mod partikolari mill-partijiet innifishom. Sakemm, tabilħaqq, ikun hemm diverġenza fl-interpretazzjoni legali possibbli, murija, b’alternattivi possibbli, allura, bl-użu tat-terminoloġija tas-sentenza CILFIT, ikun jista’ jitqies li ġie stabbilit, oġġettivament u esternament, dubju (raġonevoli) f’tilwima quddiemhom u ma jkunx jista’ mbagħad jiġi injorat id-dmir ta’ rinviju fl-interess li tinkiseb interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

3.      Ebda ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

158. Aktarx li mhux ser ikun hemm assenza ta’ diskussjoni (taħraq) dwar x’inhi eżattament, f’kuntest speċifiku, “ġurisprudenza stabbilita”, u jekk kulħadd jifhimx eżattament x’kien “stabbilit” bl-istess mod. Madankollu, f’livell kunċettwali, hija tabilħaqq is-sentenza Da Costa (137), kif miżmuma u elaborata fis-sentenza CILFIT (138), li teħtieġ l-inqas eżami mill-ġdid. Qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkun obbligata tagħmel rinviju jekk ikollha quddiemha kwistjoni ġdida ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jew kwistjoni li ma tkunx tista’ tiġi riżolta kompletament abbażi ta’ ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fejn ikun xieraq tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika jew teżamina mill-ġdid xi wħud mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

159. Fi kliem sempliċi t-tieni kundizzjoni u din, it-tielet kundizzjoni huma żewġ aspetti tal-istess tħassib – l-ewwel kundizzjoni, tikkonċerna l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni – f’tipi differenti ta’ direzzjonijiet u b’atturi differenti. It-tieni kundizzjoni tirrigwarda koerenza orizzontali u ġurisprudenza nazzjonali, filwaqt li t-tielet waħda tiffokaw fuq id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-effetti tagħhom.

160. Qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, għalhekk, ma hijiex obbligata tagħmel rinviju għal kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk l-istess dispożizzjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess japplika meta deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija fi kwalunkwe tip ta’ proċeduri, ikunu diġà taw gwida interpretattiva biżżejjed li tippermetti lill-qorti nazzjonali tirriżolvi l-kwistjoni quddiemha b’kunfidenza abbażi ta’ ġurisprudenza eżistenti.

161. Irrid nikkonkludi biss bi tliet kjarifiki addizzjonali f’dan ir-rigward.

162. L-ewwel, jista’ jkun ta’ siwi nerġa’ ninnota r-rabta loġika bejn it-tielet kundizzjoni u l-ewwel waħda: dak li għandu jiġi stabbilit u għandu jiġi dedott b’mod ċar mill-ġurisprudenza hija r-regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha tkun applikata, mhux l-eżitu tal-każ speċifiku. Għalhekk, għal darb’oħra, pereżempju, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ x’tikkostitwixxi “ċirkostanza straordinarja” tkun ġiet stabbilita fil-mument li tkun ġiet iddikjarata d-definizzjoni ta’ dak l-avveniment u kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ħlief meta qorti tal-aħħar istanza tkun f’sitwazzjoni li fiha tkun tixtieq teżamina mill-ġdid, tirfina jew tmur lil hinn minn dik id-definizzjoni, hija għandha sempliċement tapplikaha mingħajr ma tkun obbligata titlob gwida dwar jekk, pereżempju, minbarra l-isfond fattwali kollu diġà kopert mill-Qorti tal-Ġustizzja (139) ċirkustanzi straordinarji japplikaw ukoll fil-każ li jkun hemm ċerv jew raġel għarwien jiġri fuq il-mitjar.

163. It-tieni, jista’ jkun ġust jiġi rikonoxxut li, filwaqt li l-lingwa tal-Qorti tal-Ġustizzja tuża terminoloġija bħal “ġurisprudenza stabbilita”, jew “deċiżjonijiet preċedenti”, dan jista’ fil-fatt xi drabi jammonta għal preċedent wieħed. Ċertament, dan kollu jiddependi mill-kontenut, mill-kuntest u miċ-ċarezza tar-regola legali tal-Unjoni li suppost kellha tkun stabbilita fid-deċiżjoni preċedenti (140). Madankollu, pożizzjoni legali, artikolata b’mod ċar, anki jekk tkun ġiet iddikjarata darba biss (u, għalhekk, bilkemm tkun tammonta għal “ġurisprudenza stabbilita” ġenwina fit-tradizzjoni vera tad-dritt ċivili, li fiha kienet tittenna għal bosta drabi qabel ma effettivament issir vinkolanti) tista’, sa mill-bidu, teħles lil qorti nazzjonali tal-aħħar istanza milli tagħmel rinviju.

164. It-tielet, qorti nazzjonali, u b’mod partikolari qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, dejjem titħalla tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadatta, tirfina, tikkjarifika jew anki tmur lil hinn mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. Madankollu, jekk qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkun tixtieq tmur lil hinn mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li preċedentement kienet adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-qorti nazzjonali tkun obbligata tagħmel rinviju, u tispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja r-raġunijiet għaliex hija ma tkunx taqbel u, idealment, tiddeskrivi dak li għandu jkun, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-approċċ xieraq (141).

165. Sabiex inkun għidt kollox, nista’ nżid li tali kuntest ta’ “kjarifika” jista’ mhux biss jinkludi sitwazzjonijiet li fihom qorti nazzjonali tabilħaqq tkun tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja timmodifika l-ġurisprudenza tagħha (142), iżda wkoll xi drabi meta jkun hemm diverġenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja misjuba minn qorti nazzjonali mitluba tapplika dik il-gwida fil-livell nazzjonali. F’tali sitwazzjonijiet (nittama rari), ikun hemm dmir ta’ rinviju, preċiżament fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mal-Unjoni kollha, sabiex ikunu evitati diverġenzi bejn qrati nazzjonali, b’xi wħud minnhom jistrieħu fuq linja waħda tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li oħrajn effettivament japplikaw wieħed differenti.

4.      Id-dmir ta’ motivazzjoni (u l-kwistjoni miftuħa tal-infurzar tad-dmir ta’ rinviju)

166. Fil-proposta magħmula f’dawn il-konklużjonijiet il-portata tad-dmir ta’ rinviju diġà għandu l-eċċezzjonijiet. Huma ż-żewġ uċuħ tal-istess munita. Sabiex ikun hemm dmir ta’ rinviju, għandhom ikunu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet deskritti fil-qosor f’din it-taqsima. Sabiex ma jkunx hemm lok għad-dmir (jew, skont kif ikun jiddependi mill-kostruzzjoni, sabiex tiskatta eċċezzjoni), waħda mit-tliet kundizzjonijiet għandha tkun assenti: jew ma jkunx hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; ikun hemm biss interpretazzjoni raġonevoli waħda possibbli tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni; jew tkun tista’ tinstab risposta fil-ġurisprudenza eżistenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

167. Madankollu, hemm, f’kull każ, dmir trasversali, jew anki kundizzjoni oħra, ir-raba’ waħda: irrilevanti minn liema waħda mit-tliet kundizzjonijiet tkun trid tiġi invokata mill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, dik il-qorti jkollha l-obbligu tagħti motivazzjoni adegwata għall-konklużjoni tagħha li l-każ quddiemha ma jkunx jaqa’ taħt l-obbligu ta’ rinviju fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

168. Naturalment, ma hemmx parametru universali ta’ x’inhu grad adegwat u, għalhekk, suffiċjenti ta’ motivazzjoni. Kollox jiddependi min-natura tal-każ, kemm ikun kumpless u, fuq kollox, mill-argumenti miġjuba quddiem il-qorti li tiddeċiedi u minn dawk li jkun hemm fil-proċess tal-kawża. Madankollu, u f’kull każ, sakemm ikun tabilħaqq tqajjem punt rilevanti tad-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, dik il-qorti jkollha obbligu tgħid b’mod ċar u speċifiku liema mit-tliet kundizzjonijiet (eċċezzjonijiet) suppost tapplika għal dak il-każ u li tagħti, mill-inqas, spjegazzjoni fil-qosor għala jkun hekk.

169. Jiena konvint li huwa importanti nenfasizza dan l-obbligu b’mod ċar. Riferiment ġenerali, vag, bilkemm issostanzjat għal acte clair jew għas-sentenza CILFIT, mingħajr ma tingħata motivazzjoni vera u speċifika għall-każ dwar għala eżattament ma jkunx hemm dmir ta’ rinviju fuq il-merti tal-każ inkwistjoni, ma jissodisfax dak ir-rekwiżit minimu (143). Għall-kuntrarju, fl-approċċ tabilħaqq pjuttost oġġettiv u estern fir-rigward tad-dmir ta’ rinviju fl-interess tal-uniformità sistemika fl-interpretazzjoni sostnuta f’dawn il-konklużjonijiet, il-motivazzjoni li għandha tingħata mill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza hija reazzjoni għall-elementi li miġjuba għall-attenzjoni ta’ dik il-qorti mill-partijiet jew minħabba li jkunu jirriżultaw b’mod ċar mill-proċeduri u mill-proċess tal-kawża stess. Id-dmir ta’ motivazzjoni, għalhekk, jikkorrelata b’mod naturali mad-dmir ta’ mħallef li jirreaġixxi għaċ-ċirkustanzi u għall-argumenti rilevanti kollha miġjuba quddiemu.

170. Fi kliem sempliċi, imħallef ma huwiex obbligat joħroġ ifittex problemi ta’ interpetazzjoni li jistgħu possibbilment jinqalgħu dwar dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni partikolari. Madankollu, il-problemi ta’ interpretazzjoni mressqa quddiem, b’mod partikolari dawk imsemmija mill-partijiet, ma jistgħux “jinkinsu taħt it-tapit” mingħajr motivazzjoni tajba, billi sempliċement jingħad f’sentenza waħda li kollox huwa ċar u lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

171. Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, id-dmir ta’ motivazzjoni adegwata, għalkemm aktarx jirriżulta minn regoli nazzjonali rilevanti, huwa wkoll obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Huwa pjuttost loġiku li jekk punt tad-dritt tal-Unjoni jitqajjem validament matul proċeduri ġudizzjarju nazzjonali, allura dak il-każ aktarx li jkun jaqa’, sa fejn jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ elementi oħra tad-dritt tal-Unjoni, fil-portata tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn dan, hemm l-Artikolu 267 TFUE stess li huwa applikabbli f’tali każ. Għalhekk, tali każ, u kwalunkwe deċiżjoni nazzjonali meħuda b’rabta miegħu, huma b’mod ċar istanza ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta.

172. Dwar dan nieqaf apposta hawn. Kwistjonijiet relatati mal-infurzar tad-dmir ta’ rinviju huma forsi materja għal kawżi fil-futur. Madankollu, qabel ma tali materji jkunu jistgħu jiġu diskussi fil-futur, il-portata u n-natura tad-dmir ta’ rinviju għandhom l-ewwel ikunu eżaminati mill-ġid b’mod kunsiderevoli. Ikun biss jekk u ladarba jkun ittieħed dak il-pass, li jista’ jkun rilevanti tiġi diskussa l-materja sussegwenti ta’ rimedji.

173. Nikkonkludi bi tliet osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali.

174. L-ewwel, għaliex jeħtieġ li l-file CILFIT jiġi eżaminat mill-ġdid issa? Tabilħaqq, wara li qrajt il-konklużjonijiet konvinċenti tal-predeċessuri għorrief kollha tiegħi ċċitati matul dawn il-konklużjonijiet, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja aktarx li ma hijiex ser tiftaħ dak il-file kif ġieb u laħaq. Barra minn dan, ironikament wieħed jista’ jissuġġerixxi li, minħabba li s-sentenza CILFIT ma ħaddmitx għal erbgħin sena, ftit iktar snin jew għexieren ta’ snin oħra ma humiex ser jagħmlu differenza. Hemm ukoll ċerta sempliċità sabiħa u ċertu għerf fl-inerzja, partikolarment malli s-sistema, b’mod ġenerali, issib xi xorta ta’ ekwilibriju. Tabilħaqq, sabiex immur lura għall-metafora użata fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikun iktar għaqli li klieb rieqda ma jitqajmux. Jekk iqumu, ħadd ma jaf lil min jistgħu jigdmu.

175. Tali ħsibijiet, ikunu kemm ikunu attraenti, għandhom il-limiti ċari tagħhom. Ma jagħmilx tajjeb li l-awtorità istituzzjonali u l-leġittimità ta’ kull qorti jitqiesu irrilevanti, minħabba li l-gwida li tkun ġejja miċ-ċentru ma jkunx qiegħed jingħata kas tagħha, u bir-raġun. Barra minn dan, jekk tali assenza ta’ rilevanza tolqot wieħed mill-parametri kruċjali tas-sistema ġudizzjarja kollha, li għat-tħaddim sewwa tagħha u għal mill-inqas ftit mill-infurzar tagħha, dik is-sistema għandha tistrieħ fuq oħrajn, tista’ toħloq regola pjuttost ħażina ta’ xettiċiżmu u li eventwalment tinfirex f’oqsma oħra u fi kwistjonijiet oħra. Finalment, aktarx jirriżultaw tensjonijiet jekk tali ekwilibriju akkurat jitlef il-bilanċ tiegħu minħabba mewġa f’daqqa waħda ta’ infurzar selettiv ta’ tali regoli, fejn dawk suġġetti għal tali infurzar jistgħu korrettement jistaqsu: għaliex aħna? B’dan il-mod, issa bil-klieb imqajma, isir obbligatorju li r-regoli jiġu eżaminati mill-ġdid sabiex jiġu infurzati b’mod ugwali fil-konfront ta’kulħadd.

176. It-tieni, jista’ jiġi ssuġġerit li billi wieħed jiffoka fuq il-funzjoni makro jew pubblika tad-dmir ta’ rinviju, il-proposta magħmula f’dawn il-konklużjonijiet tinjora litiganti individwali u d-drittijiet suġġettivi tagħhom. Barra minn dan, jekk jiġu sseparati minn dubji suġġettivi fil-każ individwali, id-definizzjoni tal-portata tad-dmir ta’ rinviju u l-eċċezzjonijiet għal dak id-dmir isiru vagi fl-artikulazzjoni tagħhom, billi jkunu jistrieħu fuq kunċetti astratti bħal diverġenza f’interpretazzjoni.

177. Fil-fehma tiegħi kienet preċiżament l-assenza ta’ ċarezza fid-distinzjoni kunċettwali bejn il-funzjoni makro/mikro (pubblika/privata) u l-kundizzjonijiet oġġettivi/suġġettivi tad-dmir ta’ rinviju li jaħtu għall-problemi tas-sentenza CILFIT. Barra minn dan, l-għażla magħmula fis-sentenza CILFIT kienet unika wkoll b’mod ieħor: id-dmir ta’ rinviju kien sar jiddependi primarjament minn kundizzjonijiet individwali u suġġettivi tal-każ speċifiku pendenti quddiem qorti tal-aħħar istanza mingħajr, madankollu, ma’ l-individwi kienu ngħataw drittijiet, kienu x’kienu, sabiex jinfurzaw dak id-dmir.

178. Jekk, kif propost hawnhekk, in-natura prinċipalment sistemika u strutturali tad-dmir ta’ rinviju kellha tkun irrikonoxxuta, li mbagħad tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet iktar oġġettivi tal-ħtiġijiet li jinqalgħu fil-każ individwali, dan jkun jista’ possibbilment jipprovdi lil litiganti individwali b’ħafna iktar fuq x’hiex jibbażaw l-argumenti f’każ individwali milli dubji ġudizzjarji suġġettivi. Barra minn hekk, filwaqt li jinfatmu parzjalment miċ-ċirkustanzi ta’ każ individwali, il-kundizzjonijiet issuġġeriti hawnhekk huma, fir-rigward tan-natura u tal-artikulazzjoni tagħhom, fil-fatt iktar preċiżi minn dawk li hemm fis-sentenza CILFIT. Ukoll, għall-kuntrarju ta’ diskussjonijiet kontinwi u interminabbli dwar jekk l-eċċezzjonijiet fis-sentenza CILFIT fil-fatt jammontawx għal lista ta’ kontrolli jew sempliċement għal kaxxa tal-għodda, il-kundizzjonijiet proposti hawnhekk huma manifestament lista ta’ kontrolli, b’konfermazzjoni tad-dmir korrispondenti ta’ motivazzjoni speċifika u xierqa.

179. It-tielet u l-aħħar, tali “ħall” mis-sentenza CILFIT, li ma jiffokax iktar fuq l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni f’kull każ quddiem qorti tal-aħħar istanza, ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tabdika mir-responsabbiltà ewlenija tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-kisba ta’ unità u uniformità tad-dritt tal-Unjoni?

180. Ħadt spazju mhux ħażin f’dawn il-konklużjonijiet sabiex nipprova nfisser għaliex jiena konvint li l-uniformità tas-sentenza CILFIT dwar l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni f’kull każ individwali hija ħrafa. Minħabba n-natura deċentralizzata u mxerrda tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, l-aqwa ħaġa li qatt tista’ tinkiseb hija uniformità raġonevoli fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fejn dak it-tip ta’ uniformità diġà pjuttost jidher kważi impossibbli. Dwar l-uniformità fl-applikazzjoni u fir-riżultati, il-risposta hija pjuttost sempliċi: “ħadd ma jitlef minn dak li qatt ma kellu” (144).

V.      Konklużjoni

181. Nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari magħmula lilha mill-Consiglio di Stato (Il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) bil-mod li ġej:

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandu jagħmel rinviju tal-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjoni li, fl-ewwel lok, dak il-każ ikun iqajjem kwistjoni ġenerali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tista’, fit-tieni lok, tkun raġonevolment interpretata f’iktar minn mod wieħed possibbli, u, fit-tielet lok, il-mod li bih għandha tkun interpretata l-liġi tal-Unjoni inkwistjoni ma jkunx jista jiġi dedott mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk tali qorti jew tali tribunal nazzjonali, li quddiemu tkun tqajmet kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedi li ma jissottomettix talba għal deċiżjoni preliminari skont dik id-dispożizzjoni, huwa jkun obbligat jagħti r-raġunijiet b’mod adegwat sabiex ifisser liema waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma kinitx ġiet issodisfatta u għaliex.’


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982 (283/81, EU:C:1982:335) (iktar ’il quddiem is-“sentenza CILFIT”).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l‑ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).


4      Sentenza Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264).


5      Ibid., punti 33 sa 35.


6      Invokazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, partikolament is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25).


7      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 41); tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 28); u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28).


8      Diġà fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punt 9). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 28).


9      Diġà fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia (126/80, EU:C:1981:136, punt 7). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 65).


10      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara, pereżempju, is-sentenza tal 11 ta’ Ġunju 1987, X (14/86, EU:C:1987:275, punt 11).


12      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 19).


13      Diġà fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1978, Simmenthal (70/77, EU:C:1978:139, punti 10 u 11). Ara wkoll reċentement, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley (C‑430/15, EU:C:2017:74, punti 32 u 33).


14      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punti 19 u 20). Ara wkoll, partikolarment fir-rigward ta’ limitazzjoni potenzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ (tieni) appelli, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329, punti 17 u 18).


15      Ara wkoll, b’mod iktar ġenerali, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 25), jew is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 67).


16      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-20 ta’ Diċembru 2017, Schweppes (C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 26); u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 21).


17      Ara d-digriet tal-5 ta’ Marzu 1986, Wünsche (69/85, EU:C:1986:104, punt 15); is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, X (14/86, EU:C:1987:275, punt 12); is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba (C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 39) u d-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sokoll-Seebacher u Naderhirn (C‑634/15, EU:C:2016:510, punt 19).


18      Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et (28/62 to 30/62, EU:C:1963:6).


19      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punti 13 u 14).


20      Bl-ipoteżi impliċita, magħmula espliċita biss wara, li l-imħallef nazzjonali jkun marbut bl-interpretazzjoni diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja – ara, iktar reċenti, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 29 u 30), jew is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 33).


21      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior (C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 29).


22      Ser nuża dan it-terminu li huwa magħruf sewwa bħala taqsira kullimkien f’dawn il-konklużjonijiet għal “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”. Ulterjorment, dwar l-identifikazzjoni ta’ tali qrati fil-kuntest ta’ kull proċedura speċifika, ara, pereżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329, punt 16); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 76 sa 78); tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 72); u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży ‘Partner’ (C‑119/15, EU:C:2016:987, punti 52 u 53).


23      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 20); tas-6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:742, punt 17) u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 47).


24      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1987; Foto-Frost (C‑314/85, EU:C:1987:452, punt 15); tas-6 ta’ Diċembru 2005; Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:742, punt 21); u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 78 sa 80).


25      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:742, punti 20 u 25).


26      Opinjoni 1/09 (Ftehim previst li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi) tat-8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 84). Enfasi tiegħi.


27      Sentenza tal-24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-Laroche (C‑107/76, EU:C:1977:89, punt 5); sussegwentement imtennija f’għadd ta’ sentenzi oħra, bħas-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios (C‑260/07, EU:C:2009:215, punt 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata); tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 109).


28      Sentenza tal-24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-Laroche (107/76, EU:C:1977:89, punt 7).


29      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 34).


30      Pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann‑Laroche (C‑107/76, EU:C:1977:89, punt 5) jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019 C 380, p. 1, punt 1).


31      Pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punt 7) u l-Opinjoni 1/09 ((Ftehim previst li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi) tat-8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 84).


32      Pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 47) u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 80).


33      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punt 7.


34      Ibid., punt 10. Enfasi tiegħi.


35      Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234).


36      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punt 13).


37      Ibid., punt 14.


38      Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et (C‑28/62 sa C‑30/62, EU:C:1963:6, p. 38).


39      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punt 16).


40      Ibid., punt 16.


41      Ibid., punt 18.


42      Ibid., punt 19.


43      Ibid., punt 20.


44      Minn fost il-ħafna, ara b’mod partikolari Rasmussen, H., “The European Court of Justice’s Acte Clair Strategy in C.I.L.F.I.T. Or: Acte Clair, of Course! But What does it Mean?”, 9 EL Rev. (1984), p. 242; Bebr, G., The Preliminary Proceedings or Article 177 EEC – Problems and Suggestions for Improvement, f’Schermers, HG, et al. (eds.), Article 177 EEC: Experience and Problems. North-Holland, Amsterdam, 1987, p. 355; Vaughan, D., The Advocate’s View, f’: Andenas, M., Article 177 References to the European Court – Policy and Practice. Butterworths, London, 1994, p. 61; Broberg, M., “Acte clair revisited: Adapting the acte clair criteria to the demands of time” (2008) 45 CMLR, p. 1383; Broberg, M., u Fenger, N., Preliminary References to the European Court of Justice, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 240 sa 246.


45      Ara diġà, pereżempju, il-fehmiet ġudizzjarji nazzjonali f’Schermers, HG, et al. (eds.), Article 177 EEC: Experience and Problems. North-Holland, Amsterdam, 1987, p. 53 sa 134; Ir-Rapport Ġenerali tat-18-il Kollokju tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea f’Ħelsinki, 20 u 21 ta’ Mejju 2002, fuq is-suġġett “It-Talba għal Deċiżjoni Preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”, p. 28 u 29; ara wkoll Wattel, P. J., “Köbler, CILFIT and Welthgrove: We can’t go on meeting like this” CMLR, 41, 2004, p. 177.


46      Sabiex nissellef l-espressjoni użata reċentement mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża magħquda X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:319, punt 67).


47      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552).


48      Ibid., punt 34.


49      Ibid., punt 35.


50      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564).


51      Ibid., punt 59.


52      Ibid., punt 61. Enfasi tiegħi.


53      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C160/14, EU:C:2015:565).


54      Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).


55      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punti 41 u 42. Enfasi tiegħi.


56      Ibid., punt 44.


57      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, (C‑379/15, EU:C:2016:603).


58      Ibid., punt 48.


59      Sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103).


60      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 51. Enfasi tiegħi.


61      Ibid., punt 52. Enfasi tiegħi.


62      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C160/14, EU:C:2015:565, punt 43).


63      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punt 16). Enfasi tiegħi.


64      Madankollu, ara dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:319, punt 68).


65      Ara, pereżempju Kornezov, A., “The New Format of the Acte clair Doctrine and its Consequences” CMLR, Vol. 53, 2016, p. 1317; Limante, A., “Recent Developments in the Acte Clair Case Law of the EU Court of Justice: Towards a more Flexible Approach”, JCMS, Vol. 54, 2016, p. 1384; Gervasoni, S., “CJUE et cours suprêmes: repenser les termes du dialogue des juges?”, AJDA, 2019, p. 150.


66      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) tal-11 ta’ Settembru 2018, Kawża Nru II.ÚS 3432/17 (ECLI:CZ:US:2018:2.US.3432.17.1). F’dik il-kawża l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), ripetutament straħet fuq Ferreira Da Silva e Brito, irrifjutat li tissanzjona, kuntrarjament għall-ġurisprudenza preċedenti tagħha, nuqqas rikonoxxut min-naħa tan-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema Ċeka) li tagħmel rinviju f’sitwazzjoni fejn kien hemm sentenzi kontradittorji dwar l-istess materja tad-dritt tal-Unjoni maħruġa ġewwa r-Repubblika Ċeka. B’mod kritiku, ara, pereżempju, Malenovský, J., “Protichůdné zájmy v řízení o předběžné otázce a její důsledky”, Právní rozhledy, C. H. Beck, 6/2019, p. 191.


67      Ara iktar ’il fuq, il-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Sentenza tal-24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-Laroche (C‑107/76, EU:C:1977:89, punt 5).


69      Ara iktar ’il fuq, il-punti 59 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (C‑283/81, EU:C:1982:335, punt 3).


71      Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Capotorti fil-kawża CILFIT et (283/81, EU:C:1982:267) li, wara li kien spjega b’mod kritiku l-oriġini tat-“teorija tal-acte clair”, irrifjuta wkoll li jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mid-dritt kostituzzjonali Taljan (il-prova ta’ “irrilevanza manifesta”) sabiex jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dmir ta’ rinviju skont id-dritt tal-Unjoni.


72      Dwar il-prassi tal-qrati Franċiżi ta’ “acte clair” b’mod ġenerali, ara, pereżempju, Lagrange, M., “Cour de justice européenne et tribunaux nationaux – La théorie de ‘l’acte clair’: pomme de discorde ou trait d’union?”, Gazette du Palais, 19 ta’ Marzu 1971, Nri 76 sa 78, p. 1; fil-kuntest speċifiku tad-dritt tal-Unjoni, ara pereżempju Lesguillons, H., “Les juges français et l’article 177”, Cahiers de droit européen 4, 1968, p. 253.


73      Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1964, Société des pétroles Shell-Berre, Nru°47007, magħrufa bħala l-ewwel sentenza li fiha l-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat) applika t-“teorija tal-acte clair għad-dritt tal-Unjoni.


74      Ara Damaška, M. R., The Faces of Justice and State Authority: A Comparative Approach to the Legal Process. Yale University Press, 1986, p. 16.


75      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wiener SI (C‑338/95, EU:C:1997:352, punt 65). Iżda ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:108, punt 75).


76      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wiener SI (C‑338/95, EU:C:1997:352, punt 58.


77      (C‑495/03, EU:C:2005:215, punt 99).


78      Ibid., punt 100.


79      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:415, punt 52).


80      Kawżi magħquda (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:319, punt 69).


81      Ibid., punt 62.


82      Ara iktar ’il fuq, il-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Għal eżempji komparattivi, ara f’dan is-sens id-diversi rapporti nazzjonali tat-18-il Kollokju tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea f’Ħelsinki, 20 u 21 ta’ Mejju 2002, fuq is-suġġett “It-Talba għal Deċiżjoni Preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej” (http://www.aca-europe.eu/index.php/en/colloques-top-en/240-18th-colloquium-in-helsinki-from-20-to-21-may-2002); in-Nota ta’ Riċerka Nru 19/004 ta’ Mejju 2019 ikkumpilata mid-Direttorat Ġenerali għal-Librerija, Riċerka u Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar “L-Applikazzjoni tal-Ġurisprudenza ta’ Cilfit minn Qrati jew Tribunali Nazzjonali li kontra d-Deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda Rimedju Ġudizzjarju taħt il-Liġi Nazzjonali” (https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2020-01/ndr-cilfit_synthese_en.pdf); jew Fenger, N., u Broberg, M., “Finding Light in the Darkness: On The Actual Application of the Acte Clair Doctrine”, Yearbook of European Law, Vol. 30, Nru 1, 2011, p. 180.


84      Li jwassal finalment għall-użu tal-kunċett ta’ “ebda dubju raġonevoli”, iżda immodifikat fir-rigward tal-kontenut tiegħu. Ara, pereżempju, f’Ċipru, Anotato Dikastirio (il-Qorti Suprema), Cypra Limited vs Kipriakis Dimokratias, Appell 78/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2013 (hemm dmir ta’ rinviju biss meta d-dritt tal-Unjoni inkwistjoni ma jkunx “ħieles minn dubji”); fid-dritt Ingliż, kienet implimentat eżami ftit iktar flessibbli mir-rekwiżit ta’ “ebda dubju raġonevoli”, ara O’Byrne vs Aventis Pasteur SA [2008] UKHL 34 (House of Lords), punt 23 (ma hemmx ħtieġa ta’ rinviju meta l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni inkwistjoni tkun “ċarament lil hinn mil-limiti ta’ argument raġonevoli”) u R. (on the application of Buckinghamshire CC) vs Secretary of State for Transport [2014] UKSC 3 (Supreme Court), punt 127) (ma hemmx ħtieġa ta’ rinviju meta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni tkun “lil hinn minn kontroversja raġonevoli”).


85      Ara, pereżempju, Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), 1e/6e SSR, sentenza tas-26 ta’ Frar 2014, Nru 354603, ECLI:FR:XX:2014:354603.20140226; Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), 1e civ., sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Nru 17‑18177, ECLI:FR:CCASS:2018:C100737. Filwaqt li l-ewwel qorti ġeneralment tistrieħ fuq il-kriterju ta’ “diffikultà serja”, tal-aħħar tuża wkoll kriterji oħra.


86      Meta l-każ joħloq kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ interess ġenerali”(sentenza tal-Anotato Diskastirio Kyprou (il-Qorti Suprema ta’ Ċipru), Proedros Tis Demokratias vs Vouli Ton Antiprosopon, Appell 5/2016 tal-5 ta’ April 2017); jew meta l-każ ikun jirrigwarda kwistjoni ta’ interpretazzjoni, mhux ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (Il-Qorti tal-Appell ta’ Malta, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, GIE Pari Mutuel Urbain (PMU) vs Bell Med Ltd & Computer Aided Technologies Ltd, (224/2006/1)).


87      Għal ħarsa ġenerali komparattiva, ara diġà Solar, N., Vorlagepflichtverletzung mitgliedstaatlicher Gerichte und ihre Sanierung, Neuer Wissenschaftlicher Verlag, Wjenna, 2004; jew Warnke, M., Die Vorlagepflicht nach Art. 234 Abs. 3 EGV in der Rechtsprechungspraxis des BVerfG im Vergleich zu den Verfassungsgerichtsbarkeit der EG-Mitgliedstaaten, Peter Lang, Frankfurt, 2004. Iktar reċenti, pereżempju, ara r-rapporti ta’ pajjiżi individwali f’Coutron, L. (dir.), L’obligation de renvoi préjudiciel à la Cour de justice: une obligation sanctionnée?, Bruylant, Brussell, 2014, jew il-kontribuzzjonijiet individwali fil-ħarġa speċjali tal-2015, German Law Journal. Vol. 16/6, partikolarment Lacchi, C., “Review by Constitutional Courts of the Obligation of National Courts of Last Instance to Refer a Preliminary Question to the Court of Justice of the EU”, p. 1663.


88      Għal illustrazzjonijiet, ara pereżempju fil-Ġermanja, Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, digriet tad-9 ta’ Mejju 2018 – 2 BvR 37/18; fi Spanja, Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), 19 ta’ April 2004, STC 58/2004 (ECLI:ES:TC:2004:58); fir-Repubblika Ċeka, Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali), 8 ta’ Jannar 2009, nru II. ÚS 1009/08; fil-Kroazja, Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja), deċiżjoni Nru U-III-2521/2015 tat‑13 ta’ Diċembru 2016; fis-Slovakkja, Ústavný súd (il-Qorti Kostituzzjonali), sentenza tat‑18 ta’ April 2012, nru II. ÚS 140/2010; fis-Slovenja, Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali), deċiżjoni Nru Up-1056/11 tal‑21 ta’ Novembru 2013, ECLI:SI:USRS:2013:Up.1056.11.


89      Sentenza tal-QEDB tat-8 ta’ April 2014, CE:ECHR:2014:0408JUD001712009, punt 33. Għal konstatazzjonijiet l-iktar reċenti ta’ ksur, ara, pereżempju, is-sentenza tal‑QEDB tas-16 ta’ April 2019, Baltic Master vs Il-Litwanja, CE:ECHR:2019:0416JUD005509216, punti 36 sa 38 u s-sentenza tal-QEDB tat-13 ta’ Frar 2020, Sanofi Pasteur vs Franza, CE:ECHR:2020:0213JUD002513716, punt 81.


90      Sentenzi tal-QEDB tal-24 ta’ April 2018, Baydar vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2018:0424JUD005538514, punt 43.


91      Sentenzi tal-QEDB tal-20 ta’ Settembru 2011, Ullens de Schooten u Rezabek vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2011:0929JUD000398907 u 3835307, punt 62 u tal-10 ta’ April 2012, Vergauwen et vs Il-Belġju, CE:ECHR:2012:0410JUD00483204, punt 89 u 90.


92      Fl-1975, f’rapport, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġeriet li jinħoloq rimedju adatt għall-ksur ta’ dak li kien l-Artikolu 177 KEE permezz jew ta’ rikors dirett lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali jew ta’ azzjoni obbligatorja għal nuqqas jew, finalment, b’kawża għad-danni kontra l-Istat ikkonċernat b’talba mill-parti milquta ħażin (Rapporti dwar l-Unjoni Ewropea. Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej (Suppliment 9/75, p. 18)).


93      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12,‑EU:C:2013:489, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


94      Deskritta fil-qosor iktar ’il fuq, fil-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


95      Ara iktar ’il fuq, il-punti 108 u 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


96      Ara f’dan ir-rigward pereżempju, Baquero Cruz, J., “The Preliminary Rulings Procedure: Cornerstone or Broken Atlas?” f’Baquero Cruz, J., What’s Left of the Law of Integration? Decay and Resistance in European Union Law. Oxford University Press, 2018, p. 64 u 65.


97      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 36).


98      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 51 u 52); tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punti 22 u 23); u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punti 35 u 36).


99      Filwaqt li jidhru li jkunu applikabbli – ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 118).


100      Li fih in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rinviju jista’ jkun wieħed mill-fatturi li jkollhom jitqiesu. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 55); tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 25); u tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 42).


101      Bl-indikazzjonijiet preċedenti li huma s-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656) u tat-12 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑154/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:695). Fiż-żewġ kawżi l-proċedura kienet tikkonċerna b’mod ġenerali l-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali jew tal-prattika amministrattiva ma’ dispożizzjonijiet sostantivi oħra tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, b’mod partikolari, f’din l-aħħar kawża, kien pjuttost ċar li l-ħtija kienet tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) għax kienet naqset milli tagħmel rinviju (ara, b’mod partikolari, il-punti 124 sa 126 ta’ dik is-sentenza).


102      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811).


103      Ibid., punt 110.


104      Ibid., punt 111.


105      Ibid., punt 112.


106      Ara iktar ’il fuq, il-punti 73 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


107      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni (C‑247/87, EU:C:1989:58, punt 11).


108      Meta nirrifletti diġà dwar il-fatt li l-istess kwistjoni legali ma kinitx ukoll ovvja għar-relatur pubbliku tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fl-istess proċeduri. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (C‑416/17, EU:C:2018:626, punti 56, 81 u 99).


109      F’dan is-sens, ma nistax għajr li ningħaqad mal-predeċessuri għorrief tiegħi sabiex ninnota li, anki jekk wieħed jassumi li CILFIT kienet tkun prattikabbli fiż-żmien meta nħolqot, quod non, ċertament ma kibrietx sewwa - konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Gaston Schul Douane-expediteur (C‑461/03, EU:C:2005:415, punt 52) u wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Wiener SI (C‑338/95, EU:C:1997:352, punti 59 u 60).


110      Regolament (UE, Euratom) 2019/629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 111, p. 1).


111      Is-Suldat it-Tajjeb Švejk huwa karattru letterarju Ċek affaxxinanti, magħruf, inter alia, għal kemm-il darba wera l-qawwa distruttiva tiegħu ta’ ubbidjenza bla sens. Švejk kien effettivament qiegħed jeqred l-operazzjoni tal-Armata Awstro-Ungeriża fl-Ewwel Gwerra Dinjija billi jobdi sal-aħħar kelma kull ordni u l-ordnijiet kollha maħruġa mis-superjuri tiegħu, mingħajr ma qatt kien jiġih dubju dwar x’kien fihom jew jadattahom għaċ-ċirkustanzi. Ara, mill-ħafna edizzjonijiet, Hašek, J., The Good Soldier Svejk and His Fortunes in the World War, Penguin Classics, 2005.


112      Ara iktar ’il fuq, il-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


113      Kif diġà ntqal iktar ’il fuq, punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


114      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l‑assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 07, Vol. 8, p. 10).


115      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23). Għal konfermi sussegwenti, ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 29) u tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


116      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 26).


117      Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 34).


118      Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 48).


119      Sentenza tal-4 ta’ April 2019, Germanwings (C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 34).


120      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009 L 263, p. 11).


121      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59). Ara wkoll is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 34), u tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 34).


122      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 38); tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro (C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 29) u tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 44).


123      Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59 u d‑dispożittiv ta’ dik is-sentenza).


124      Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade (C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 42 u d-dispożittiv ta’ dik is-sentenza).


125      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, BTA Baltic Insurance Company (C‑648/17, EU:C:2018:917, punt 48 u d-dispożittiv ta’ dik is-sentenza).


126      Sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, EU:C:2019:517, punt 48 u d-dispożittiv ta’ dik is-sentenza).


127      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dik id-direttiva, “ħin tax-xogħol” ifisser kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għax-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi.


128      Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 63); id-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 59).


129      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528) u d-digriet tat‑ 3 ta’ Lulju 2001, CIG (C‑241/99, EU:C:2001:371).


130      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 71).


131      Sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 65).


132      Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Wiener  SI (C‑338/95, EU:C:1997:352, punt 50).


133      Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Van Ameyde España SA (C‑923/19, EU:C:2021:125).


134      Sabiex nerġa’ niġi lura għall-metafora msemmija mill-Avukat Ġenerali Wahl, iktar ’il fuq fil-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


135      Kif diġà kien issuġġerit fil-passat bit-titolu “proċedura green light (dawl aħdar)” jew modi oħra ta’ riforma tal-proċedura ta’ deċiżjonijiet preliminari – ara, pereżempju, Due, O., “The Working Party Report” f’Dashwood, A., u Johnston, A.C., The Future of the Judicial System of the European Union, Hart, Oxford, 2001. Min-naħa l-oħra, dan ċertament ma jżommx lill-qorti tal-Ġustizzja milli tagħmel hekk, jekk tkun tixtieq hekk.


136      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:319, punt 68).


137      Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et (28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6).


138      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, EU:C:1982:335, punti 13 u 14).


139      Deskritt iktar ’il fuq, punt 134 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


140      Wieħed jista’ biss jislet kuntrast, mill-każijiet diskussi f’dawn il-konklużjonijiet, bejn is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Franza (Taxxa minn ras il-għajn) (C‑416/17, EU:C:2018:811), minn naħa, u s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603), min-naħa l-oħra.


141      Għal eżempju, ara s-sentenza reċenti tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936).


142      Fejn “kjarifika” sservi ta’ ewfemiżmu effettivament għal revoka.


143      Ara diġà f’dan is-sens is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 53).


144      Walton, I., “The Complete Angler”, Gay & Bird, London, 1901, Kapitolu V.