Language of document : ECLI:EU:T:2009:419

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Ottubru 2009(*)

“Rikors għad-danni – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Sistema ta’ allarm malajr – Notifikazzjoni Addizzjonali – Kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali – Opinjoni tal-Kummissjoni mingħajr effett ġuridiku – Bidla fis-suġġett tal-kawża – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑212/06

Bowland Dairy Products Ltd, stabbilita f’Barrowford, Lancashire (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Milligan, solicitor, D. Anderson, QC, u A. Robertson, barrister,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, J.‑P. Keppenne u L. Parpala, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba għall-annullament tar-rifjut allegat tal-Kummissjoni li xxerred, fil-kuntest tas-sistema ta’ allarm malajr previst mill-Artikolu 50 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), notifikazzjoni addizzjonali li tiddikjara l-ftehim tal-Food Standards Agency tar-Renju Unit għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon moxx prodott mir-rikorrenti u, fit-tieni lok, talba ta’ kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba dan ir-rifjut,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463) jistabbilixxi proċeduri dwar is-sigurtà tal-ikel.

2        Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat “Sistema ta’ allarm malajr, amministrazzjoni bi kriżi u emerġenzi”, jistabbilixxi sistema ta’ allarm malajr għall-ikel u l-għalf (iktar ’il quddiem is-“SAMI”).

3        L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 178/2002 jipprovdi:

“Sistema ta’ allarm malajr

1. Sistema għall-allarm malajr għan-notifikazzjoni tar-riskju dirett jew indirett għas-saħħa umana li jirriżulta minn ikel jew għalf qiegħda b’dan tiġi stabbilita bħala netwerk. Għandha tinvolvi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità [Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel]. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità [Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel] għandhom kull wieħed jaħtru punt ta’ kuntatt, li għandu jkun membru tan-netwerk. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tan-netwerk.

2. Fejn xi membru tan-netwerk ikollu xi tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ l-eżistenza ta’ riskju serju dirett jew indirett għas-saħħa umana li jirriżulta minn ikel jew għalf, dan it-tagħrif għandu minnufih jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skond is-sistema ta’ allarm malajr. Il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat dan it-tagħrif lill-membri tan-netwerk.

L-Awtorità [Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel] tista’ tissupplimenta n-notifikazzjoni b’kull tagħrif xjentifiku jew tekniku, li għandu jiffaċilita azzjoni ta’ mmaniġġjar tar-riskju malajr u adatta mill-Istati Membri.

3. Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni l-oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni taħt is-sistema ta’ allarm malajr bi:

a)      kull miżura li jadottaw li hija mmirata li tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew li tisforza l-irtirar mis-suq jew il-ġbir lura ta’ ikel jew għalf biex jipproteġu s-saħħa umana u li teħtieġ azzjoni malajr;

b)       kull rakkomandazzjoni jew ftehim ma’ operaturi professjonali li hija mmirata, fuq bażi volontarja jew obbligatorja, li tevita, tillimita jew timponi kondizzjonijiet speċifiċi dwar it-tqegħid fis-suq jew l-użu eventwali ta’ ikel jew għalf minħabba xi riskju serju għas-saħħa umana li jeħtieġ azzjoni ta’ malajr;

(ċ)       kull rifjut, li għandu x’jaqsam ma’ riskju dirett jew indirett għas-saħħa umana, ta’ lott, kontenitur jew merkanzija ta’ ikel jew għalf minn awtorità kompetenti f’post ta’ fruntiera fl-Unjoni Ewropea.

In-notifikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għall-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih tinħareġ in-notifikazzjoni. Għandha tkun segwita, fi żmien biżżejjed, b’tagħrif supplimentari, b’mod partikolari fejn il-miżuri li fuqhom in-notifkazzjoni hija bbażata jiġu mmodifikati jew irtirati.

Il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat lill-membri tan-netwerks in-notifikazzjoni u t-tagħrif supplimentari rċevut skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Ir-rikorrenti, Bowland Dairy Products Ltd, hija kumpannija taħt id-dritt Ingliż li tipproduċi ġobon frisk b’mod ġenerali u ġobon moxx b’mod partikolari. Mill-1999, hija ġiet awtorizzata, mill-Pendle Environmental Health Office, awtorità tal-ikel lokali li topera taħt is-sorveljanza tal-Food Standards Agency (iktar ’il quddiem il-“FSA”), tipproduċi ġobon moxx minn sorsi differenti ta’ ħalib.

5        Fid-9 ta’ Ġunju 2006, l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (UAV), dipariment li jagħmel parti mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, spezzjona, fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-FSA, l-uffiċċji u l-laboratorju ta’ kontroll ta’ kwalità tar-rikorrenti. Il-konstatazzjonijiet tal-ispezzjoni tal-UAV ġew esposti f’nota interna tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” tat-12 ta’ Ġunju 2006, u rriprodotti fl-abbozz ta’ rapport finali tal-missjoni li l-UAV wettqet fir-Renju Unit mill-31 ta’ Mejju sas-26 ta’ Ġunju 2006.

6        Fl-14 ta’ Ġunju 2006, il-FSA ħarġet fil-kuntest tas-SAMI notifikazzjoni ta’ allarm malajr li identifikat ir-riskju li ġej:“Produzzjoni difettuża ta’ prodotti mill-ħalib. Sistema ta’ kontroll mhux adatta għat-tisjib ta’ antibijotiċi”. Il-FSA applikat in-notifikazzjoni għal “[k]ull ġobon moxx li għandu l-marka tas-sanità UK PE 023.EEC”, jiġifieri kull ġobon moxx prodott mir-rikorrenti. Ġie trażmess tagħrif addizzjonali fil-kuntest tas-SAMI fis-16 ta’ Ġunju 2006.

7        Bejn is-16 u s-26 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti għalqet il-fabbriki tagħha.

8        Fl-20 ta’ Ġunju 2006, il-FSA wettqet verifika tal-fabbriki tar-rikorrenti. F’ittra mibgħuta lid-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi”, il-FSA indikat it-tħassib tagħha dwar il-prattiċi osservati għand ir-rikorrenti u l-miżuri li ttieħdu f’dan ir-rigward. Il-FSA kkonkludiet li l-bidu mill-ġdid tal-operazzjonijiet għand ir-rikorrenti abbażi tal-miżuri rrakkomandati la jippreżenta problemi għas-saħħa pubblika u lanqas ma jikser il-leġiżlazzjoni Komunitarja.

9        Fis-26 ta’ Ġunju 2006, il-FSA awtorizzat ir-rikorrenti li terġa’ tibda l-operazzjonijiet tagħha ta’ produzzjoni ta’ ġobon moxx, u din tal-aħħar għamlet hekk dik il-ġurnata stess.

10      Seħħew diskussjonijiet ġodda bejn id-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” u l-FSA dwar il-konklużjonijiet tal-UAV tad-9 ta’ Ġunju 2006, u l-verifika tal-FSA, u nżammet laqgħa fl-4 ta’ Lulju 2006.

11      Permezz ta’ ,messaġġ elettroniku tad-19 ta’ Lulju 2006, is-Sur F., tal-FSA ppreżenta lill-Kummissjoni, filwaqt li speċifika li hija xtaqtet tirċievi l-kummenti u s-suġġerimenti tagħha, l-abbozz ta’ notifikazzjoni addizzjonali segwenti:

“L-awtoritajiet Brittaniċi wettqu verifika kompleta ta’ Bowland Dairy Products Ltd fl-20 ta’ Ġunju 2006. Wara dan, żewġ lottijiet ta’ ġobon moxx prodott mill-ħalib ikkunsidrat bħala mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem intbagħtu mill-ġdid lir-Renju Unit għall-Ġermanja u ġew distrutti taħt kontroll fis-27 ta’ Ġunju.

Barra minn hekk, ġie kkonstatat li l-miżuri korrettivi kellhom jiġu implementati, għaldastant seħħ titjib fil-proċeduri ta’ analiżi tar-riskji u ta’ kontroll tal-punti kritiċi, fil-kontroll tal-kwalità u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ħalib lest.

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Brittaniċi jaċċettaw li l-ġobon moxx prodott minn Bowland jiġi kummerċjalizzat.”

12      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni rrispondiet lill-FSA kif ġej:

“Għażiż Sur [F.],

Bi pjaċir il-bieraħ spjegajna mill-ġdid il-pożizzjoni [tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi”] dwar il-ħalib li fih antibijotiċi u l-ħalib b’wisq ilma. Aħna qed nipprevedu li nipproponu lill-Istati Membri wara s-sajf strument ġuridiku li huwa intiż sabiex jiġi ppreċiżat dak li għandu jsir b’dawn iż-żewġ ingredjenti u l-modalitajiet ta’ kontroll tagħhom meta dawn jiġu użati fil-produzzjoni tal-ġobon.

Fir-rigward tal-abbozz tagħkom ta’ avviż intiż għas-sistema ta’ allarm malajr, aħna nirrigranzjawkom talli kkonsultajtuna. Għal dak li jikkonċerna l-aħħar sentenza ‘Għaldaqstant, l-awtoritajiet Brittaniċi jaċċettaw li l-ġobon moxx prodott minn Bowland jiġi kummerċjalizzat’, aħna nifhmu li din tirrigwarda l-pożizzjoni tagħkom, madankollu din ma hijiex dik [tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi”]. Wara l-konverżazzjoni tagħna tal-bieraħ, aħna fhimna li mis-26 ta’ Ġunju (data li fiha Bowland reġgħet bdiet tipproduċi) Bowland bdiet tuża mill-ġdid ħalib li l-livell ta’ antibijotiċi tiegħu ma kienx ikkonfermat li kien inqas mill-limitu massimu ta’ residwi u ħalib b’wisq ilma filwaqt li n-nuqqas ta’ prodotti kimiki ma ġiex ikkonfermat minn mezzi adatti.

Għaldaqstant, [id-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi”] ma jistax jikkonferma d-dikjarazzjoni li tinsab fil-messaġġ tagħkom.

Aħna nistgħu napprovaw il-proġett ta’ test tiegħek biss jekk inti tikkonferma li dawn iż-żewġ sorsi ta’ ħalib ma jiġux użati sabiex jipproduċu ġobon moxx.

Sussidjarament, aħna nistgħu nxandru l-messaġġ tiegħek permezz tas-SAMI iżda f’dan il-każ ma dan il-messaġġ jiġi miżjud li [tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi”] jispeċifika li “d-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkunsidraw li l-ġobon moxx prodott minn Bowland ma jistax jiġi kkummerċjalizzat”.

Dejjem tiegħek

[E. P.]” 

13      Permezz ta’ messaġġ elettronika tat-23 ta’ Awwissu 2006, indirizzat lil M.P., M.Y. tal-FSA talab lid-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” tiċċirkula permezz ta’ SAMI nota redatta bi kliem identiku bħal dak użat fl-abbozz tad-19 ta’ Lulju 2006. Fl-istess ġurnata, l-awtoritajiet tar-Renju Unit innotifikaw l-istess messaġġ lill-punt ta’ kuntatt tas-SAMI lill-Kummissjoni.

14      Fl-24 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni xandret din in-notifikazzjoni permezz tas-SAMI. Hija xandret ukoll nota tad-dipartimenti tagħha li kien fiha l-abbozz tal-minuti tal-laqgħa tal-4 ta’ Lulju 2006 u li turi n-nuqqas ta’ ftehim tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrenti mill-FSA (iktar ’il quddiem in-“nota mill-FSA”).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża b’mod partikolari sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna, minn naħa, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab fil-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 u, min-naħa l-oħra, ix-xandir fil-kuntest tas-SAMI tan-notifikazzjoni addizzjonali tal-FSA.

17      Fil-25 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti tal-Prim’Istanza kopja ta’ ittra li hija kienet bagħtet l-istess ġurnata lid-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” u li fiha hija indikat li hija qed titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tittratta t-talba għal miżuri provviżorji tagħha u r-rikors prinċipali tagħha bħala diretti kontra mhux biss il-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006, iżda wkoll kontra n-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006.

18      B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2006, Bowland Dairy Products vs Il-Kummissjoni (T‑212/06 R, Ġabra p. II-4073), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna lill-Kummissjoni tirtira n-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006 sad-data tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji. Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma’ dan id-digriet.

19      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-talbiet tagħha għal miżuri provviżorji u t-talbiet tagħha għall-annullament. Hija mandankollu indikat li hija ser żżomm ir-rikors għal dak li jikkonċerna l-kumpens għad-danni li hija allegatament sofriet.

20      Permezz tad-digriet tad-29 ta’ Novembru 2006, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna t-tħassir tal-kawża T-212/06 R.

21      Fuq it-talba tal-Kummissjoni, ippreżentata permezz ta’ att separat fit-28 ta’ Marzu 2007 u mhux ikkontestat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat-30 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fid-19 ta’ Ġunju 2007, permezz ta’ miżura tal-organizzazzjoni tal-proċedura, li l-kwistjoni tal-ammont tad-danni mhux ser tiġi ttrattata sakemm ikun għadu mhux deċiż jekk il-Komunità Ewropea kinitx responsabbli għad-dannu allegat mir-rikorrenti.

22      Il-kawża kienet ġiet assenjata lit-Tielet Awla. Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha. Peress li l-Imħallef Relatur ma setax jagħmel parti minn din l-awla, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2008, assenja mill-ġdid il-kawża lill-Ħames Awla.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009.

24      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006. Wara, fl-ittra tal-25 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti indikat li hija ser testendi l-portata tat-talba għall-annullament tagħha għan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006. It-talbiet tagħha għall-annullament kienu ġew irtirati sussegwentement permezz tal-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2006.

25      Ir-rikorrenti titlob, fir-replika tagħha, lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkundanna l-Kummissjoni tħallas bħala danni s-somma tat-telf li hija sostniet minħabba l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 u tan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006, flimkien mal-interessi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, f’kull każ, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-talbiet tagħha għall-annullament tal-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 u tan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006. Din ir-rinunzja ġiet ikkonfermata matul is-seduta. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina biss it-talbiet għad-danni.

 Argumenti tal-partijiet

28      Ir-rikorrenti tikkritika l-Kummissjoni talli influwenzat ix-xandir tan-notifikazzjoni addizjonali tal-FSA billi imponiet li l-FSA tikkonferma li r-rikorrenti la użat ħalib li fih antibijotiċi u lanqas ħalib b’wisq ilma fil-produzzjoni tagħha ta’ ġobon moxx, jew, sussidjarament, li dan ix-xandir isir flimkien ma’ messaġġ tad-DĠ “Saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi” li jispeċifika li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jikkunsidraw li l-ġobon moxx prodott mir-rikorrenti ma jistax jiġi kkummerċjalizzat.

29      Ir-rikorrenti tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 jikkostitwixxi rifjut definittiv min-naħa tal-Kummissjoni li xxandar in-notifikazzjoni addizzjonali tal-FSA, jekk din ma kinitx tkun imxandra flimkien ma’ notifikazzjoni opposta li minnha jirriżulta n-nuqqas ta’ qbil tal-Kummissjoni. In-natura definittiva ta’ dan ir-rifjut tidher mill-fatt li l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 huwa r-risposta għall-messaġġ elettroniku tal-FSA tad-19 ta’ Lulju 2006 li jista’, skont ir-rikorrenti, jitqies biss bħala talba għal xandir. Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tittratta dan ir-rikors bħala intiż li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat mhux biss mill-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006, iżda wkoll min-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006, għalkemm din ixxandret mis-SAMI wara l-preżentata tar-rikors.

30      Minn naħa, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-effett tan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006 hija identika għal dik tal-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 u li l-argumenti u l-allegazzjonijiet imressqa kontra dawn iż-żewġ atti huma wkoll identiċi.

31       Min-naħa l-oħra, hija tirreferi għad-digriet Bowland Dairy Products vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, li jordna, bħala miżura provviżorja, lill-Kummissjoni tirtira n-nota tal-24 ta’ Awwissu sad-data tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji. Ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 242 KE u tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma setax jordna l-irtirar tan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006 jekk din tal-aħħar ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala inkluża fis-suġġett tar-rikors.

32      Il-Kummissjoni tqis li l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 ma jikkostitwixxix rifjut ta’ xandir tan-notifikazzjoni addizzjonali tal-FSA peress li, f’din id-data, ma tressqitilhiex quddiemha talba definittiva f’dan is-sens. Fil-fatt, il-messaġġ elettroniku tal-FSA tad-19 ta’ Lulju 2006 jikkostitwixxi sempliċi konsultazzjoni fuq l-abbozz ta’ notifikazzjoni addizzjonali.

33      Il-Kummissjoni titlob, barra minn hekk, li l-portata tar-rikors ma testendix għan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006, peress li din seħħet wara l-preżentata tar-rikors. Hija ssostni li t-tkabbir tal-portata inizjali tar-rikors permezz ta’ ittra indirizzata lill-Kummissjoni hija proċedura mhux tas-soltu u manifestament mhux konformi mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mar-Regoli tal-Proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, jiddisponi li “[k]aż jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rikors bil-miktub li jintbagħat lir-Reġistratur” u li “[f]ir-rikors għandu jkun hemm […] l-oġġett tal-kwestjoni, il-forma ta’ ordni rikjesta u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba”.

35      Bl-istess mod, l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li r-rikors imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża, is-sunt tar-raġunijiet imressqa u t-talbiet tar-rikorrenti.

36      Jekk l-Artikolu 48(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi li jitressqu motivi ġodda matul il-kawża, din id-dispożizzjoni ma tista’, fl-ebda każ, tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lir-rikorrenti tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza talbiet ġodda u tibdel b’hekk is-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Banatrading vs Il-Kunsill, T‑3/99, Ġabra p. II‑2123, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba allegata u d-dannu invokat. Meta xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kompletament mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 80, u tad-19 ta’ Lulju 2007, Bouychou vs Il-Kummissjoni, T‑344/04, Ġabra p. II-91, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-att jew l-imġiba tal-instituzzjoni konvenuta, li kienu l-kawża tad-dannu allegat, jagħmlu parti mis-suġġett ta’ rikors għad-danni u għandhom jiġu speċifikati fir-rikors. Għall-istess raġuni, it-talbiet ta’ tali rikors għandhom jinftiehmu fis-sens li huma jirreferu għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mill-att jew mill-imġiba invokati fir-rikors.

39      Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 178/2002 jistabbilixxi s-SAMI li tiġbor, bħala membri tan-netwerk, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli għat-tmexxija tan-netwerk. Fil-kuntest ta’ dan in-netwerk, l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-miżuri elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(3), kif ukoll, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(3), tagħrif addizzjonali, b’mod partikolari meta l-miżuri li kienu s-suġġett tan-notifikazzjoni jiġu mmodifikati jew irtirtati. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha wkoll, skont l-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 178/2002, tibgħat lill-membri l-oħra tan-netwerk l-informazzjoni kollha li hija għandha dwar is-suġġett tal-eżistenza ta’ riskju gravi dirett jew indirett għas-saħħa umana marbuta ma’ ikel jew ma’ għalf.

40      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kompożizzjoni tan-notifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 178/2002, kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom lill-Kummissjoni fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħhom lill-membri l-oħra tan-netwerk, taqa’ taħt ir-responsabbiltà biss tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

41      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, anki fil-każ li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha, li, madankollu, ma għandhiex effetti ġuridiċi u ma torbotx dawn l-istess awtoritajiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1980, Sucrimex u Westzucker vs Il-Kummissjoni,133/79, Ġabra p. 1299, punt 16 u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1989, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 151/88, Ġabra p. 1255, punt 22; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 2002, Van Parys u Pacific Fruit Company vs Il-Kummissjoni, T‑160/98, Ġabra p. II‑233, punt 65). Huma, għaldaqstant, inammissibbli t-talbiet għal kumpens ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni esprimiet tali opinjoni (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Settembru 2006, Lademporiki u Parousis & Sia vs Il-Kummissjoni, T‑92/06, Ġabra p. II-66, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Sucrimex u Westzucker vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 25).

42      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 kien intbagħt lill-FSA bħala risposta għall-messaġġ elettroniku tagħha tad-19 ta’ Lulju 2006. Issa, minn dan tal-aħħar jirriżulta li l-FSA xtaqet tirċievi kummenti u suġġerimenti ta’ formulazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, inklużi suġġerimenti ta’ formulazzjoni alternattiva tan-notifikazzjoni. Barra minn hekk, il-FSA enfasizzat li hija kienet qed tipprevedi li xxandar in-notifikazzjoni permezz tas-SAMI fl-iktar fis possibbli u li hi xtaqet, għal dan l-għan, tirċievi risposta malajr mill-Kummissjoni.

43      Min dan isegwi li l-messaġġ elettroniku tal-20 ta’ Lulju 2006 jesprimi biss l-opinjoni tal-Kummissjoni bħala risposta għal domanda f’dan is-sens mill-FSA. Għaldastant, u skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, it-talbiet għal kumpens tar-rikors, ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni, bħala risposta għad-domanda tal-FSA, esprimiet l-opinjoni tagħha fuq it-test ta’ notifikazzjoni ta’ tagħrif addizzjonali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 178/2002, li l-FSA kellha l-intenzjoni tibgħatilha fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħha lill-membri l-oħra tan-netwerk, huma inammissibbli u għandhom jiġu miċħuda.

44      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, insostenn tat-talbiet ta’ kumpens tagħha, in-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet u mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq, li din għandha wkoll tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li hija għandha l-effett li tbiddel is-suġġett tal-kawża kif ukoll it-talbiet inizjali tar-rikors (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Banatrading vs Il-Kunsill, punt 36 iktar ’il fuq, punt 29).

45      Il-fatt li l-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bid-digriet Bowland Dairy Products vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, ordna l-irtirar tan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2006 ma jistax, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, iqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li dan huwa digriet adottat fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji li bl-ebda mod ma jippreġudika l-eżitu tal-kawża prinċipali.

46      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

47      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż li hija tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Bowland Dairy Products Limited hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-29 ta’ Ottubru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.