Language of document : ECLI:EU:T:2009:419

Kawża T-212/06

Bowland Dairy Products Ltd

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għad-danni — Regolament (KE) Nru 178/2002 — Sistema ta’ allarm malajr — Notifikazzjoni Addizzjonali — Kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali — Opinjoni tal-Kummissjoni mingħajr effett ġuridiku — Bidla fis-suġġett tal-kawża — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Suġġett tal-kawża — Definizzjoni — Bidla matul l-istanza — Projbizzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 48(2))

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

3.      Rikors għad-danni — Suġġett — Talba għal kumpens għad-danni kkawżati minn opinjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ sistema ta’ allarm malajr fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 50)

1.      L-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, li jitressqu motivi ġodda matul il-kawża. Madankollu din id-dispożizzjoni ma tista’, fl-ebda każ, tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lir-rikorrenti tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza talbiet ġodda u tibdel b’hekk is-suġġett tal-kawża.

Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, l-att jew l-imġiba tal-instituzzjoni konvenuta, li kienu l-kawża tad-dannu allegat, jagħmlu parti mis-suġġett ta’ rikors għad-danni u għandhom jiġu speċifikati fir-rikors. Għall-istess raġuni, it-talbiet ta’ tali rikors għandhom jinftiehmu fis-sens li huma jirreferu għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mill-att jew mill-imġiba invokati fir-rikors.

(ara l-punti 36, 38)

2.      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba allegata u d-dannu invokat Meta xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kompletament mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

(ara l-punt 37)

3.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, jirriżulta li l-kompożizzjoni tan-notifikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom lill-Kummissjoni fid-dawl tal-komunikazzjoni tagħhom lill-membri l-oħra tan-netwerk, taqa’ taħt ir-responsabbiltà biss tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

Ma jistax jiġi eskluż li, anki fil-każ li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha, li, madankollu, ma għandhiex effetti ġuridiċi u ma torbotx dawn l-istess awtoritajiet. Huma, għaldaqstant, inammissibbli t-talbiet ta’ kumpens ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni esprimiet tali opinjoni.

(ara l-punti 40, 41)