Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Settembru 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Münster - il-Ġermanja) – Michael Schütte vs Finanzamt Brilon

(Kawża C-453/22 1 , Schütte)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Prinċipju ta’ newtralità tal-VAT – Prinċipju ta’ effettività – Rata tal-VAT għolja wisq li tidher fuq fattura tax-xiri – Rimbors tal-ħlas żejjed – Azzjoni diretta kontra l-amministrazzjoni – Effett tar-riskju ta’ rimbors doppju tal-istess VAT)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Münster

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Michael Schütte

Konvenut: Finanzamt Brilon

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010, kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tal-prinċipju ta’ effettività,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jeżiġu li l-benefiċjarju ta’ kunsinni ta’ oġġetti jkollu direttament fil-konfront tal-amministrazzjoni fiskali dritt għar-rimbors tal-VAT iffatturata indebitament li huwa ħallas lill-fornituri tiegħu u li dawn tal-aħħar ikunu ħallsu lit-Teżor Pubbliku, kif ukoll interessi relatati, f’ċirkustanzi fejn, minn naħa, mingħajr ma jkun jista’ jiġi akkużat bi frodi, abbuż jew negliġenza, huwa ma jistax iktar jitlob dan ir-rimbors mingħand dawn il-fornituri minħabba l-preskrizzjoni prevista fid-dritt nazzjonali u fejn, min-naħa l-oħra, teżisti possibbiltà formali li, sussegwentement, l-imsemmija fornituri jitolbu lill-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tal-ħlas żejjed wara li jkunu rrettifikaw il-fatturi inizjalment indirizzati lill-benefiċjarju ta’ dawn il-kunsinni. Fin-nuqqas ta’ rimbors tal-VAT miġbura indebitament mill-amministrazzjoni f’terminu raġonevoli, id-dannu subit minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-ammont ekwivalenti għal din il-VAT miġbura indebitament għandu jiġi kkumpensat bil-ħlas ta’ interessi moratorji.

____________

1     ĠU C 368, 26.09.2022.