Language of document : ECLI:EU:C:2016:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 8(1)(c) – Obbligu li fil-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi inkluża informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ‘mandat ta’ arrest’ – Assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali preċedenti u distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew – Konsegwenza”

Fil-Kawża C‑241/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (qorti tal-appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Niculaie Aurel Bob-Dogi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn R. Radu kif ukoll minn A. Buzoianu u R. Mangu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fir-Rumanija, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-23 ta’ Marzu 2015 mill-Mátészalkai járásbíróság (tribunal lokali ta’ Mátészalka, l-Ungerija) kontra Niculaie Aurel Bob-Dogi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5 sa 8 u 10 tad-deċiżjoni qafas jipprevedu:

“(5)      L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma' bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[...]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza [fiduċja] bejn l-Istati Membri [...]”.

4        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE]”.

5        L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

6        L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kontenut u forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew”, fil-paragrafu 1 tiegħu jistipula:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skont il-forma li tinsab fl-Anness:

[...]

ċ)      l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

[...]”

7        L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.”

 Id-dritt Rumen

8        Il-legea numărul 302/2004 privind cooperarea judiciară internaţională în materie penală (Il-Liġi Nru 302/2004 dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali fil-qasam kriminali), tat-28 ta’ Ġunju 2004, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 377 tal-31 ta’ Mejju 2011), hija intiża li timplementa, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Qafas.

 Id-dritt Ungeriż

9        L-Artikolu 25 tal-az Európai Unió tagállamaival folytatott bűnügyi együttműködésről szóló 2012. évi CLXXX. törvény (Liġi Nru CLXXX tal-2012 dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea) (Magyar Közlöny 2012/160) jipprevedi:

“1)      Jekk ikun hemm bżonn tinbeda proċedura kriminali kontra persuna ssuspettata, il-qorti toħroġ immedjatament mandat ta’ arrest Ewropew biex din il-persuna tiġi arrestata fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u għall-konsenja tagħha, sa fejn dan ikun iġġustifikat mill-gravità tal-ksur [...]

[...]

7)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jestendi wkoll għat-territorju tal-Ungerija.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fit-23 ta’ Marzu 2015, il-Mátészalkai járásbíróság (tribunal lokali ta’ Mátészalka) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra N. A. Bob‑Dogi, ċittadin Rumen, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontrih minħabba fatti li ġraw fl-Ungerija fis-27 ta’ Novembru 2013 u li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ġrieħi korporali gravi.”

11      Dawn il-fatti jikkonċernaw inċident tat-traffiku li ġara fi triq pubblika u li kkawża diversi ksur u ġrieħi lis-Sur Katona, ċittadin Ungeriż li kien qed isuq mutur, inċident li għalih huwa responsabbli N. A. Bob-Dogi minħabba l-veloċità eċċessiva li biha kien qed isuq.

12      Fit-30 ta’ Marzu 2015 ġiet introdotta fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen twissija dwar mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

13      Fit-2 ta’ April 2015 N. A. Bob-Dogi ġie arrestat fir-Rumanija u, wara li tqiegħed f’detenzjoni, ġie mtella’ quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-qorti tal-appell ta’ Cluj) sabiex din il-qorti tiddeċiedi dwar id-detenzjoni provviżorja tiegħu u l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi.

14      Din il-qorti, b’digriet tal-istess jum, ċaħdet il-proposta ta’ detenzjoni provviżorja ta’ N. A. Bob-Dogi li kienet saritilha mill-prosekutur pubbliku, u ordnat li jinħeles immedjatament, għalkemm taħt kontroll ġudizzjarju għal perijodu inizjali ta’ 30 ġurnata, li ġie mtawwal sussegwentement.

15      Il-qorti tar-rinviju tinnota li taħt l-ittra b) tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali – intitolat “Deċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat” – hemm indikat “Prosekutur ta’ Nyíregyházi járásbíróság (qorti distrettwali ta’ Nyíregyházi, l-Ungerija) K.11884/2013/4” u taħt l-ittra b)(1) tal-istess mandat – li jipprovdi li jiġi indikat il-mandat ta’ arrest jew id-deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett, – hemm riferiment għall-“mandat ta’ arrest Ewropew Nru 1.B256/2014/19‑II maħruġ mill-Mátészalkai járásbíróság (qorti distrettwali ta’ Mátészalkai), li huwa validu wkoll fit-territorju Ungeriż u li għalhekk jikkostitwixxi wkoll mandat ta’ arrest nazzjonali”.

16      Din il-qorti tosserva, barra minn hekk, li, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuqu nnifsu u mhux fuq mandat ta’ arrest nazzjonali distint u preċedenti, il-qrati Rumeni ma jaqblux bejniethom dwar jekk tali mandat ta’ arrest Ewropew għandux jiġi eżegwit jew le.

17      Skont il-pożizzjoni predominanti, f’tali sitwazzjoni għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti proċedurali u dawk sostantivi u t-talba ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tinċaħad għaliex ma tikkumpensax l-assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli.

18      Qrati oħra madankollu aċċettaw it-talba ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba li r-rekwiżiti legali kienu ssodisfatti, peress li l-awtoritajiet ġudizzjarji li ħarġuh kienu indikaw espliċitament li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kien jikkostitwixxi wkoll mandat ta’ arrest nazzjonali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, id-deċiżjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tkun deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali mogħtija mill-awtorità kompetenti skont ir-regoli tal-proċedura kriminali tal-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

20      Din il-qorti tqis li jeżistu differenzi fundamentali bejn mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest nazzjonali. Għalhekk, b’mod partikolari, mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ biex tiġi arrestata u kkonsenjata persuna, akkużata jew ikkundannata, li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, filwaqt li mandat ta’ arrest nazzjonali jinħareġ biex tiġi arrestata persuna li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru emittenti.

21      Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq mandat ta’ arrest jew fuq deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ piena, filwaqt li mandat ta’ arrest nazzjonali jinħareġ fuq bażi ta’ kundizzjonijiet u ta’ każijiet irregolati espliċitament mill-proċedura kriminali tal-Istat Membru emittenti.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li, fl-assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, persuna ma tistax tiġi arrestata u miżmuma taħt arrest, u li ma huwiex ammissibbli li mandat ta’ arrest Ewropew “jinbidel” f’mandat ta’ arrest nazzjonali wara l-konsenja tal-persuna mfittxa. Barra minn dan din l-interpretazzjoni tmur kontra d-drittijiet fundamentali garantiti mid-dritt tal-Unjoni.

23      Minn dan kollu l-imsemmija qorti tikkonkludi li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun ibbażat fuq mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-proċedura kriminali tal-Istat Membru emittenti, jiġifieri mandat distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

24      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, minbarra r-raġunijiet ta’ rifjut obbligatorji jew fakultattivi stipulati fid-Deċiżjoni Qafas, il-prattika ġudizzjarja turi li hemm raġunijiet oħra impliċiti ta’ rifjut. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta r-rekwiżiti sostantivi jew proċedurali speċifiċi għall-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunux issodisfatti, b’mod partikolari fil-każ ta’ assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ fl-Istat Membru emittenti, li hija s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-qorti tal-appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, l-espressjoni “eżistenza ta’ mandat ta’ arrest”, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ konformement mad-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru emittenti, jiġifieri differenti mill-mandat ta’ arrest Ewropew?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-ineżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali tikkostitwixxi raġuni impliċita għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet, b’mod partikolari, li N. A. Bob‑Dogi ma kienx attwalment arrestat iżda li kien is-suġġett ta’ miżura ta’ kontroll ġudizzjarju li wkoll tikkostitwixxi miżura li tirrestrinġi l-libertà individwali.

28      Fl-4 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2015, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta trattament prijoritarju lill-kawża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest”, previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jindika mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

31      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, tat‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, b’din is-sistema tal-aħħar tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Id-Deċiżjoni Qafas hija għalhekk intiża, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa min-naħa tiegħu bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija imposta, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, fuq l-Istati Membri u, konsegwentement fuq il-qrati tagħhom, meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, li huwa l-każ meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 84).

35      L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-interpretazzjoni tiegħu hija s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jipprevedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi informazzjoni, ppreżentata skont il-formola li tinsab fl-anness tagħha, dwar l-eżistenza ta’ “sentenza esegwibbli, [ta’] mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2” tad-Deċiżjoni Qafas.

36      Din l-informazzjoni għandha tissemma fil-punt b) tal-formola, annessa mad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat” u li l-punt 1 tagħha jipprevedi li għandu jiġi indikat il-“[m]andat ta’ arrest jew [id-]deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett”.

37      Mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn minn indizji jirriżulta li persuna mfittxija kienet diġà tinsab barra mit-territorju tal-Ungerija meta nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, tiġi applikata proċedura msejħa “issimplifikata” f’dan l-Istat Membru.

38      Din il-prattika tippermetti li mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ direttament mingħajr il-ħruġ, minn qabel, ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali.

39      F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-mandat ta’ arrest Ewropew, fil-punt b(1) tal-formola annessa mad-Deċiżjoni Qafas jissemma l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat, u din l-indikazzjoni tkun akkumpanjata, jekk ikun il-każ, bin-nota li tgħid li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-mandat jestendi wkoll għat-territorju Ungeriż u li għalhekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi wkoll mandat ta’ arrest nazzjonali.

40      Barra minn hekk, mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-prattika hija bbażata, skont id-dritt Ungeriż, fuq l-Artikolu 25(7) tal-Liġi Nru CLXXX. tal-2012 dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa validu wkoll fit-territorju Ungeriż.

41      Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ jekk din il-prattika, kif applikata fil-kawża prinċipali, hijiex konformi mal-ittra u mal-ispirtu tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 8(1)(c) tagħha.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Deċiżjoni Qafas ma tinkludix id-definizzjoni tal-espressjoni “mandat ta’ arrest”, li tinsab fl-Artikolu 8(1)(c) tagħha, il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest Ewropew” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas bħala li huwa “deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni”.

43      Huwa dan il-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest Ewropew” li jintuża b’mod sistematiku fit-titolu, fil-premessi u fl-artikoli tad-Deċiżjoni Qafas, ħlief għall-Artikolu 8(1)(c), u dan jagħti l-wieħed x’jifhem li din id-dispożizzjoni tirrigwarda mandat ta’ arrest ieħor li ma huwiex il-mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fid-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tad-Deċiżjoni Qafas, u għalhekk jista’ jkun biss mandat ta’ arrest nazzjonali.

44      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-formulazzjoni tal-punt b tal-formola annessa mad-Deċiżjoni Qafas, b’mod partikolari mill-kliem “Deċiżjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat”, formola li għaliha jagħmel espliċitament riferiment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas u li għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tagħha, peress li dan il-kliem jikkonferma li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun ibbażat fuq deċiżjoni ġudizzjarja, li jimplika li din hija deċiżjoni distinta mid-deċiżjoni tal-ħruġ tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew.

45      Barra minn hekk, filwaqt li għall-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi l-prattika tal-proċedura msejħa “ssimplifikata” tikkostitwixxi eċċezzjoni li tapplika biss fil-każ fejn minn indizji jirriżulta li, meta nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, il-persuna mfittxija kienet diġà tinsab barra mit-territorju tal-Ungerija, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas ma tinkludi ebda indikazzjoni li tgħid li, f’din is-sitwazzjoni speċifika, jista’ jkun hemm eċċezzjoni għar-rekwiżiti previsti f’din id-dispożizzjoni.

46      Dawn id-diversi elementi ta’ natura testwali jikkonfermaw li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest” previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, jindika biss il-mandat ta’ arrest nazzjonali, peress li dan għandu jitqies bħala li huwa d-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

47      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni opposta, li tgħid li l-imsemmi kunċett għandu jinftiehem bħala li huwa ta’ natura ġenerika, jiġifieri li jkopri kull tip ta’ mandat ta’ arrest, inkluż il-mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn din timplika li huwa biżżejjed li l-mandat ta’ arrest Ewropew jillimita ruħu li jagħmel sempliċi “awto-riferiment”, b’tali mod li, fl-aħħar mill-aħħar, dan ikun jista’ jibbaża ruħu fuqu nnifsu, għandha tiġi miċħuda anki peress li din hija ta’ natura li ċċaħħad ir-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas minn kull portata u, għalhekk, mill-utilità tagħhom.

48      Minn dan jirriżulta wkoll li l-kliem “kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett”, previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, ma jistax jitqies bħala li jagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

49      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun neċessarjament ibbażat fuq deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali distinta minn dan il-mandat, li tieħu l-forma, jekk ikun il-każ, ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, ma tirriżultax biss mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll mill-kuntest tagħha u mill-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas, li għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, il-korrettezza ta’ din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, peress li fil-formulazzjoni inizjali tagħha, din kienet tistipula li l-mandat ta’ arrest Ewropew kellu jinkludi informazzjoni dwar “il-fatt li teżisti jew le sentenza definittiva jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja oħra eżegwibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

51      Għalhekk, il-fatt li, fil-formulazzjoni definittiva tagħha, din id-dispożizzjoni ma tinkludix iktar l-element ta’ natura fakultattiva jikkonferma interpretazzjoni tagħha li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu, f’kull każ, ikun ibbażat fuq waħda mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, jekk ikun il-każ fuq id-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali.

52      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi kkonstatat li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont il-proċedura msejħa “ssimplifikata” u, konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm, minn qabel, deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li tikkostitwixxi l-bażi tiegħu, jista’ ma jkunx konformi mal-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

53      Fil-fatt, l-imsemmija prinċipji huma msejsa fuq il-premessa li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ b’mod konformi mar-rekwiżiti minimi li fuqhom tiddependi l-validità tiegħu, li fosthom hemm dak previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas.

54      Issa, fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-kuntest tal-proċedura msejħa “issimplifikata”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, mingħajr l-indikazzjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni josservax r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas.

55      Barra minn hekk, l-osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas hija ta’ importanza partikolari peress li din timplika li, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna mfittxija għall-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, din il-persuna setgħet diġà tibbenefika, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali.

56      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi, għalhekk, bis-saħħa tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxa, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali.

57      Issa, din il-protezzjoni ġudizzjarja b’żewġ livelli bħala prinċipju ma taħdimx kif meħtieġ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn tiġi applikata l-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew msejħa “ssimplifikata”, peress li din il-proċedura timplika li qabel il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tkun adottat ebda deċiżjoni, bħall ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar il-fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest”, previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jindika mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq it-tieni domanda

59      Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta mandat ta’ arrest Ewropew, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jindikax l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxih.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, jiġi applikat fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li jgħid li l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 79).

61      Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet limitatament previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 80).

62      Għandu neċessarjament jiġi osservat li l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali ma hijiex elenkata fost ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-imsemmija Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas u lanqas ma taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tagħha.

63      Madankollu, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas ma jħallu l-ebda lok għal xi raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni minbarra dawk elenkati fihom, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma msejsa fuq premessa li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ regolarità tal-imsemmi mandat previsti fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

64      Issa, peress li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas jinvolvi rekwiżit ta’ regolarità li l-osservanza tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit għandu, bħala prinċipju, iwassal sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma teżeġwixxix dan il-mandat ta’ arrest.

65      Dan espost, qabel ma tadotta tali deċiżjoni, li, min-natura tagħha, għandha tiġi adottata biss f’każijiet eċċezzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ konsenja stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas, sa fejn din hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ rikonoxximent u fiduċja reċiproċi, din l-awtorità għandha, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti sabiex b’urġenza tipprovdilha kull informazzjoni addizzjonali neċessarja li tippermettilha teżamina l-kwistjoni ta’ jekk l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali tistax tiġi spjegata jew mill-fatt li effettivament tali mandat ta’ arrest preċedenti u distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew ma jeżistix jew inkella mill-fatt li tali mandat jeżisti, iżda ma ssemmiex.

66      Jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll f’dak ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità tiddeċiedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew, għalkemm huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, inħareġ mingħajr ma kien effettivament inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew, l-imsemmija awtorità ma għandhiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba li dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta mandat ta’ arrest Ewropew, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludix indikazzjoni tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex teżegwixxih, jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas u f’dak ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li hija għandha, din l-awtorità tikkonstata li l-mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex validu peress li nħareġ mingħajr ma kien effettivament inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(1)(ċ tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest”, previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jindika mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

2)      L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta mandat ta’ arrest Ewropew, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludix indikazzjoni tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex teżegwixxih, jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, u f’dak ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li hija għandha, din l-awtorità tikkonstata li l-mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex validu peress li nħareġ mingħajr ma kien effettivament inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.