Language of document : ECLI:EU:C:2016:385

Kawża C‑241/15

Niculaie Aurel Bob-Dogi

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 8(1)(c) – Obbligu li fil-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi inkluża informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ‘mandat ta’ arrest’ – Assenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali preċedenti u distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew – Konsegwenza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-1 ta’ Ġunju 2016

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Artikolu 8(1)(c) – Mandat ta’ arrest – Kunċett – Mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew – Obbligu li fil-mandat ta’ arrest Ewropew tiġi inkluża informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ‘mandat ta’ arrest’ – Assenza

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 8(1)(c))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – 88101 / Article 8, paragraphe 1, sous c) – Obligation d’inclure dans le mandat d’arrêt européen des informations relatives à l’existence d’un « mandat d’arrêt » – 88117 / Mandat d’arrêt européen ne comportant pas d’indication de l’existence d’un mandat d’arrêt national – Konsegwenzi

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 8(1)(c), u 15(2))

1.        L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mandat ta’ arrest”, previst f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jindika mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

Fil-fatt, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont il-proċedura msejħa “ssimplifikata” u, konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm, minn qabel, deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, li tikkostitwixxi l-bażi tiegħu, jista’ ma jkunx konformi mal-prinċipji ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-imsemmija prinċipji huma msejsa fuq il-premessa li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħareġ b’mod konformi mar-rekwiżiti minimi li fuqhom tiddependi l-validità tiegħu, li fosthom hemm dak previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas. Issa, fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-kuntest ta’ proċedura msejħa “ssimplifikata”, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, mingħajr l-indikazzjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni josservax r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, l-osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas hija ta’ importanza partikolari peress li din timplika li, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u għall-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna mfittxija għall-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali, din il-persuna setgħet diġà tibbenefika, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali. Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinvolvi, għalhekk, bis-saħħa tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxa, peress li, mal-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, tiżdied il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, fil-kuntest tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li jista’ jseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali. Issa, din il-protezzjoni ġudizzjarja b’żewġ livelli bħala prinċipju ma taħdimx kif meħtieġ f’sitwazzjoni fejn tiġi applikata l-proċedura ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew msejħa “issimplifikata”, peress li din il-proċedura timplika li qabel il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tkun adottat ebda deċiżjoni, bħal ħruġ ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, li fuqha jissawwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

(Ara l-punti 52-58 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta mandat ta’ arrest Ewropew, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludix indikazzjoni tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex teżegwixxih, jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, u f’dak ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li hija għandha, din l-awtorità tikkonstata li l-mandat ta’ arrest Ewropew ma huwiex validu peress li nħareġ mingħajr ma kien effettivament inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew.

Qabel ma tadotta tali deċiżjoni, li, min-natura tagħha, għandha tiġi adottata biss f’każijiet eċċezzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ konsenja stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas, sa fejn din hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ rikonoxximent u fiduċja reċiproċi, din l-awtorità għandha, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti sabiex b’urġenza tipprovdilha kull informazzjoni addizzjonali neċessarja li tippermettilha teżamina l-kwistjoni ta’ jekk l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali tistax tiġi spjegata jew mill-fatt li effettivament tali mandat ta’ arrest preċedenti u distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew ma jeżistix jew inkella mill-fatt li tali mandat jeżisti, iżda ma ssemmiex. Jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll f’dak ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità tiddeċiedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew, għalkemm huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ “mandat ta’ arrest”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas, inħareġ mingħajr ma kien effettivament inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali distint mill-mandat ta’ arrest Ewropew, l-imsemmija awtorità ma għandhiex teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, minħabba li dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

(ara l-punti 65-67 u d-dispożittiv 2)