Language of document : ECLI:EU:C:2016:774

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ottubru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 28 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 9 – Kunċett ta’ “regoli mandatorji” – Applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stati Membri għajr l-Istat tal-forum – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi tnaqqis tas-salarji fis-settur pubbliku minħabba kriżi baġitarja – Dmir ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑135/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja), b’deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Republik Griechenland

vs

Grigorios Nikiforidis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, A. Arabadjiev, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Nikiforidis, minn G. Zeug, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Kemper u J. Mentgen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki u A. Magrippi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling, bħala aġent u M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, u rettifika ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), li ssostitwixxa, bejn l-Istati Membri u skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 24 tiegħu, il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU C 169, 8.7.2005, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Republik Griechenland (ir-Repubblika Ellenika) u Grigorios Nikiforidis, ċittadin Grieg impjegat bħala għalliem fi skola primarja Griega f’Nürnberg (il-Ġermanja), dwar, b’mod partikolari, it-tnaqqis tas-salarju gross tiegħu, wara l-adozzjoni mir-Repubblika Ellenika, ta’ żewġ liġijiet intiżi li jnaqqsu d-defiċit pubbliku tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Ruma I

3        Il-premessi 6, 7, 16 u 37 tar-Regolament Ruma I huma fformulati kif ġej:

“ (6) Il-funzjonament korrett tas-suq intern jeħtieġ li r-regoli tal-konflitt tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali, irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fiha tiġi preżentata l-azzjoni, sabiex jitjiebu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-litigazzjoni, iċ-ċertezza ġuridika u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)      L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [(ĠU 2001, L 12, p. 1)] (‘Brussell I’) u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (‘Ruma II’) [ĠU 2007, L 199, p. 40)].

[...]

(16)      Sabiex jagħtu kontribut għall-għan ġenerali ta’ dan ir-Regolament – iċ-ċertezza ġuridika – fiż-żona ta’ ġustizzja Ewropea, ir-regoli ta[’] konflitt tal-liġijiet għandhom ikunu ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà. Madankollu, il-qrati għandhom iżommu grad ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-liġi li tippreżenta l-eqreb rabtiet mas-sitwazzjoni.

[...]

(37)      Konsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku jiġġustifikaw li l-qrati ta’ l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġu applikati eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. Il-kunċett ta’ ‘dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti’ għandu jkun distint mill-espressjoni ‘dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim’ u għandu jkollu interpretazzjoni iktar ristretta.”

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I jipprovdi:

“1.      Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.

2.      Il-partijiet jistgħu jiftiehmu f’kull mument li jissuġġettaw il-kuntratt għal liġi diversa minn dik li preċedentement kienet tirregolah, kemm jekk bħala riżultat ta’ għażla preċedenti taħt dan l-Artikolu kif ukoll bħala riżultat ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla, fir-rigward tal-liġi applikabbli, li ssir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, m’għandhiex tippreġudika l-validità formali tal-kuntratt taħt l-Artikolu 11 jew tinċidi fuq id-drittijiet ta’ persuni terzi.

3.      Fejn l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu intgħażlet il-liġi, l-għażla tal-partijiet m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi, ta’ dak il-pajjiż l-ieħor, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

4.      Fejn l-elementi l-oħra kollha li jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’wieħed jew aktar Stati Membri, l-għażla tal-partijiet tal-liġi applikabbli diversa minn dik ta’ Stat Membru m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn xieraq, kif implimentati fl-Istat Membru tal-forum, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

5.      L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10, 11 u 13.”

5        L-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Kuntratti individwali ta’ impjieg”, jipprovdi:

“1. Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

3.      Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tistà tiġi determinata skond il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab in-negozju li fih ġie impjegat.

4.      Fejn mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta’ impjieg ikun aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 2 jew [3], għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

6        L-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprovdi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.      Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

3.      Jista’ jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu jew ikunu twettqu, sa fejn dawn dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.”

7        L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kunsens u validità materjali”, jipprovdi:

“1.      L-eżistenza u l-validità ta’ kuntratt jew ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi.

2.      Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista’ tirriferi għal-liġi tal-pajjiż li fih ikollha r-residenza abitwali tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-komportament ta’ tali parti skond il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.”

8        Taħt it-titolu “Applikazzjoni temporali”, l-Artikolu 28 tal-istess regolament, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi wara is-17 ta’ Diċembru 2009.”

 Id-Deċiżjoni 2010/320/UE

9        Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lir-Repubblika Ellenika bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU 2010, L 145, p. 6 u rettifika ĠU 2011, L 209, p. 63).

10      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2010/320 kien jeżiġi li dan l-Istat Membru jadotta, matul is-snin 2010 u 2011, riforma tal-leġiżlazzjoni salarjali fis-settur pubbliku, billi jinkludi, b’mod partikolari, l-introduzzjoni ta’ prinċipji unifikati u ta’ skeda sabiex tiġi stabbilita tabella tas-salarji unifikata u kkonsolidata fis-settur pubbliku, b’remunerazzjonijiet li jirriflettu l-produttività u l-kompiti.

11      Id-Deċiżjoni 2010/320 ġiet abrogata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE, tat-12 ta’ Lulju 2011, indirizzata lir-Repubblika Ellenika bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 296, p. 38).

 Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

12      Taħt it-titolu “Regoli mandatarji”, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi kif ġej:

“1. Fejn tkun applikata skond din il-Konvenzjoni il-liġi ta’ pajjiż, ir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar [jekk] ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati.

2.      Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.”

13      L-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika fi Stat Kontraenti għal kuntratti magħmulin wara d-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal dak l-Istat.”

 Id-drittijiet nazzjonali

 Id-dritt Ġermaniż

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma I, l-Artikoli 27 et seq tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (liġi introduttorja għall-kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”) kienu jikkostitwixxu r-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ġermaniż fil-qasam tar-relazzjonijiet kuntrattwali. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 34 tal-EGBGB essenzjalment ma kienx jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ regoli mandatorji barranin, minn tal-inqas bħala punti ta’ fatt, fil-kuntest ta’ regoli ġuridiċi tad-dritt sostantiv “li jeħtieġu iktar preċiżjoni”.

 Id-dritt Grieg

15      Waqt il-kriżi marbuta mal-finanzjament tad-dejn pubbliku Grieg, ir-Repubblika Ellenika adottat il-Liġi 3833/2010 dwar miżuri urġenti sabiex tingħeleb il-kriżi tal-finanzi pubbliċi (FEK A’ 40/15.03.2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 3833/2010”). L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, jipprevedi t-tnaqqis ta’ 12 % mill-benefiċċji ta’ kwalunkwe tip, mill-kumpens u mir-remunerazzjonijiet ta’ uffiċjali u ta’ impjegati ta’ awtoritajiet pubbliċi. Dan it-tnaqqis japplika wkoll għall-persunal li jkollu relazzjoni ta’ xogħol irregolata mid-dritt privat ma’ awtorità pubblika u jipprevali fuq kwalunkwe dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ kuntratt ta’ xogħol individwali.

16      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika adottat il-Liġi Nru 3845/2010 intitolata “Miżuri għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-ekonomija Griega tal-pajjiżi membri taż-żona tal-euro u tal-Fond Monetarju Internazzjonali” (FEK A’ 65/6.05.2010, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 3845/2010”). L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010, essenzjalment jipprevedi tnaqqis ġdid ta’ 3 % mir-remunerazzjonijiet tal-impjegati msemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 3833/2010.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      B’effett mis-sena 1996, G. Nikiforidis ilu impjegat, bħala għalliem, fi skola primarja li tinsab f’Nürnberg u li hija ġestita mir-Repubblika Ellenika. Matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2010 u x-xahar ta’ Diċembru 2012, ir-Repubblika Ellenika naqqset bi EUR 20 262.32 ir-remunerazzjoni grossa ta’ G. Nikiforidis, li qabel kienet ikkalkolata konformement mad-dritt Ġermaniż dwar in-negozjar kollettiv, minħabba l-adozzjoni, mil-leġiżlatur Grieg, tal-Liġijiet Nri 3833/2010 u 3845/2010. Dawn il-liġijiet kienu intiżi li jimplementaw il-ftehimiet li r-Repubblika Ellenika kienet ikkonkludiet mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Fond Monetarju Internazzjonali (NU) kif ukoll id-Deċiżjoni 2010/320.

18      G. Nikiforidis ressaq kawża fil-Ġermanja fejn talab remunerazzjoni addizzjonali għall-perijodu bejn Ottubru 2010 u Diċembru 2012 kif ukoll ir-rendikonti tar-remunerazzjoni.

19      Il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali, il-Ġermanja) ċaħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Ellenika, ibbażata fuq l-immunità ta’ din tal-aħħar, peress li r-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet irregolata mid-dritt privat. Barra minn hekk, huwa rrileva li l-Liġijiet Nri 3833/2010 u 3845/2010 jnaqqsu s-salarji tal-impjegati kollha tas-servizz pubbliku tar-Repubblika Ellenika, indipendentement minn jekk dawn l-impjegati jeżerċitawx il-funzjonijiet tagħhom fit-territorju Grieg jew barra mill-Greċja. Huwa qies li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-liġijiet kienu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ regoli mandatorji fis-sens tad-dritt internazzjonali privat.

20      Skont il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali), huwa neċessarju, għall-eżitu tal-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk il-Liġijiet Nri 3833/2010 u 3845/2010 jistgħux japplikaw direttament jew indirettament għal relazzjoni ta’ xogħol eżerċitata fil-Ġermanja u suġġetta għad-dritt Ġermaniż, li ma jawtorizzax, fin-nuqqas ta’ modifika tal-kuntratt jew ta’ Änderungskündigung (notifika ta’ emenda), tnaqqis ta’ remunerazzjonijiet simili għal dak li kienet irrikorriet għalih ir-Repubblika Ellenika. Din il-qorti rrilevat f’dan il-kuntest li, jekk ir-Regolament Ruma I ma kienx applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 34 tal-EGBGB kien jawtorizzaha tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor.

21      Billi jqis li l-mument li fih jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 28 tal-istess regolament, jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti, speċjalment fil-każ ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien twil, l-imsemmija qorti tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tikkonċernax biss il-konklużjoni inizjali tal-kuntratt jew jekk tistax ukoll tinkorpora ċerti bidliet fir-relazzjoni ta’ xogħol bħal modifika kuntrattwali tar-remunerazzjoni grossa jew tal-obbligu tax-xogħol jew anki l-kontinwazzjoni tax-xogħol wara terminazzjoni tal-kuntratt jew ta’ interruzzjoni oħra fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali) jenfasizza f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, l-aħħar modifika bil-miktub tal-kuntratt tax-xogħol kienet miftiehma fl-2008.

22      Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat ristrettivament fis-sens li jistgħu jiġu invokati biss ir-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum jew tal-Istat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew ikunx possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor.

23      Fl-aħħar nett, kemm fil-każ li fih id-dispożizzjonijiet preċedenti tad-dritt internazzjonali privat Ġermaniż ikunu japplikaw kif ukoll fil-każ li fih ikun hemm lok li jsir użu mill-Artikolu 9(3) tal-imsemmi regolament, u indipendentement minn jekk din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludix jew le t-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat Membru għajr dak tal-Istat tal-forum jew dak tal-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali) tistaqsi dwar il-konsegwenzi tal-implementazzjoni tad-dmir tal-kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Skont din il-qorti, dan ir-rekwiżit jista’ jagħti lok għal obbligu ta’ sostenn tar-Repubblika Ellenika fl-implementazzjoni tal-ftehimiet li hija kkonkludiet mal-Kummissjoni, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (NU) u mal-Bank Ċentrali Ewropew u tad-Deċiżjoni 2010/320, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Liġijiet Nri 3833/2010 u 3845/2010 fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (qorti industrijali federali) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol japplika biss jekk ir-relazzjoni legali ġiet stabbilita permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol miftiehem wara s-16 ta’ Diċembru 2009, jew anki jekk ikun hemm il-kunsens sussegwenti tal-partijiet fil-kuntratt, kemm jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tinbidel jew tkompli mingħajr bdil, jeffettwa l-applikabbiltà tar-Regolament?

2)      L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I waħdu jeskludi l-applikazzjoni diretta tar-regoli mandatorji tal-pulizija ta’ Stat terz fejn l-obbligi bbażati fuq il-kuntratt ma għandhomx jiġu eżegwiti jew ma ġewx eżegwiti, jew jeskludi wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tad-dritt tal-Istat li l-liġi tiegħu tirregola l-kuntratt?

3)      Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandu sinjifikat legali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-qrati nazzjonali li tapplika direttament jew indirettament ir-regoli mandatorji tal-pulizija ta’ Stat Membru ieħor?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw biss għal relazzjonijiet ta’ xogħol stabbiliti abbażi ta’ kuntratt konkluż wara s-16 ta’ Diċembru 2009 jew fis-sens li japplikaw ukoll għal relazzjonijiet ta’ xogħol konklużi mhux iktar tard minn din id-data u li bihom il-partijiet jaqblu li jkomplu, wara l-imsemmija data, bi jew mingħajr modifika.

26      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I jipprovdi li dan ir-regolament japplika għal kuntratti konklużi b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, mingħajr ma jistabbilixxi distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol li tirreferi għalihom l-ewwel domanda jaqgħu wkoll taħt din id-dispożizzjoni.

27      Fil-każ ineżami, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie inizjalment konkluż matul is-sena 1996, jiġifieri qabel ma beda japplika r-Regolament Ruma I.

28      Fid-dawl ta’ din il-kjarifika, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati awtonomament u uniformament fl-intier tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 42, u tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 28).

29      Peress li l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, dan għandu għalhekk jiġi interpretat awtonomament u uniformament.

30      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 10 tar-Regolament Ruma I li jipprovdi li l-kwistjonijiet marbuta mal-eżistenza u mal-validità ta’ kuntratt jew ta’ dispożizzjoni tiegħu huma suġġetti għal-liġi li tkun applikabbli bis-saħħa ta’ dan ir-regolament jekk il-kuntratt jew id-dispożizzjoni jkunu validi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I, ma hijiex rilevanti fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.

31      Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, dan huwa intiż li japplika biss għal relazzjonijiet kuntrattwali mnissla mill-kunsens reċiproku tal-partijiet kontraenti, li mmaterjalizza b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009.

32      Minkejja dan, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk modifika ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluża wara s-17 ta’ Diċembru 2009, miftiehma bejn il-partijiet ta’ dan il-kuntratt b’effett minn din id-data, tistax twassal għall-fatt li kuntratt ta’ xogħol ġdid ikun ġie konkluż bejn dawn il-partijiet b’effett mill-imsemmija data, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, b’mod li l-imsemmi kuntratt ikun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda li r-Regolament Ruma I ikollu applikazzjoni immedjata li permezz tagħha l-effetti futuri ta’ kuntratti konklużi qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

34      Fil-fatt, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni COM(2005) 650 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2005, għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) kienet tipprevedi l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament ta’ “obbligi kuntrattwali li joħorġu qabel id-dħul fl-applikazzjoni tiegħu”, ir-riferiment għal dawn tal-aħħar ġie ssostitwit, fl-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, b’riferiment għal “kuntratti” konklużi b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009. Filwaqt li r-riferiment, propost mill-Kummissjoni, għal obbligi kuntrattwali mnissla wara li beda japplika l-imsemmi regolament, kien ikopri, minbarra l-kuntratti konklużi wara li beda japplika, l-effetti futuri ta’ kuntratti konklużi qabel tali applikazzjoni, jiġifieri obbligi mnissla minn dawn l-aħħar kuntratti wara li beda japplika, dan ma huwiex il-każ tat-termini tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, li jirreferu esklużivament għal kuntratti konklużi b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, data li fiha beda japplika dan ir-regolament skont l-Artikolu 29 tiegħu. Isegwi li, kuntrarjament għal dak li tipprevedi l-qorti tar-rinviju, kull kunsens tal-partijiet kontraenti, wara s-16 ta’ Diċembru 2009, li titkompla l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż preċedentement ma jistax ikollu l-effett li jrendi r-Regolament Ruma I applikabbli għal din ir-relazzjoni kuntrattwali, mingħajr ma jikser ir-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

35      Din l-għażla tkun kompromessa jekk kwalunkwe modifika, anki jekk minima, magħmula mill-partijiet, b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, fir-rigward ta’ kuntratt inizjalment konkluż qabel din id-data, tkun suffiċjenti sabiex dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

36      Barra minn hekk, ikun kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u, partikolarment, sfavorevoli għall-prevedibbiltà tal-eżitu tal-kawżi u għaċ-ċertezza tad-dritt applikabbli, li skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, jikkostitwixxu għan tiegħu, jekk jitqies li kull modifika li ssir lil kuntratt inizjali konkluż bi ftehim reċiproku, b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, twassal sabiex dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u, fl-aħħar mill-aħħar, tissuġġetta tali kuntratt għal regoli oħra ta’ kunflitt tal-liġijiet għajr dawk applikabbli meta dan kien inizjalment konkluż.

37      Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li kuntratt, konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009, ikun suġġett għal modifika, b’effett minn din id-data, li tkun ġiet miftiehma bejn il-partijiet kontraenti, tant kbira li tagħti lok mhux għal sempliċi aġġornament jew adattament tal-imsemmi kuntratt, iżda għall-ħolqien ta’ relazzjoni ġuridika ġdida bejn dawn il-partijiet kontraenti, b’mod li l-kuntratt inizjali jkollu jitqies li ġie ssostitwit b’kuntratt ġdid, konkluż b’effett mill-imsemmija data, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I.

38      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fil-każ ineżami, il-kuntratt konkluż bejn G. Nikiforidis u l-persuna li timpjegah kienx suġġett għal modifika, b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, miftiehma bejn il-partijiet kontraenti, ta’ tali portata. Fin-nuqqas ta’ dan, ir-Regolament Ruma I ma jkunx applikabbli għall-kawża prinċipali.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol konkluża qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biss jekk din ir-relazzjoni tkun ġiet suġġetta, bl-effett ta’ kunsens reċiproku tal-partijiet kontraenti li mmaterjalizza b’effett minn din id-data, għal modifika tant kbira li jkollu jitqies li ġie konkluż kuntratt ta’ xogħol ġdid b’effett mill-imsemmija data, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

40      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli mandatorji, għajr dawk tal-Istat tal-forum jew tal-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, milli jittieħdu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, mill-qorti tal-forum skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, u min-naħa l-oħra, liema huma r-rekwiżiti li jistgħu jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, dirett jew indirett, ta’ dawn ir-regoli mandatorji oħra, mill-qorti tal-forum.

41      Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, regola mandatorja hija dispożizzjoni imperattiva li l-osservanza tagħha titqies li hija kruċjali għal pajjiż fis-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, tant li huma applikabbli għal kull sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratt skont l-istess regolament. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ regoli mandatorji tal-Istat tal-forum. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li l-qorti tal-forum tista’ tagħti effett lil regoli mandatorji tal-pajjiż li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, sa fejn l-imsemmija regoli mandatorji jrendu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt illegali. Il-paragrafu 3 jispeċifika wkoll li qabel ma tiddeċiedi li tagħti effett lil dawn ir-regoli mandatorji tal-aħħar, il-qorti tal-forum għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi tal-applikazzjoni jew le tagħhom.

42      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata preċiża tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 3(1), u, fir-rigward partikolarment ta’ kuntratti ta’ xogħol, mill-Artikolu 8(1) tal-istess regolament jirriżulta li l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet ta’ kuntratt fir-rigward tal-għażla tal-liġi applikabbli tikkostitwixxi l-prinċipju ġenerali stabbilit mir-Regolament Ruma I.

43      L-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I jidderoga mill-imsemmi prinċipju tal-għażla libera tal-liġi applikabbli mill-partijiet tal-kuntratt. Din l-eċċezzjoni għandha l-għan, kif espost fil-premessa 37 ta’ dan ir-regolament, li tippermetti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, lill-qorti tal-forum tieħu inkunsiderazzjoni aspetti ta’ interess pubbliku.

44      Bħala miżura derogatorja, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 49).

45      Barra minn hekk, mix-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita d-disturb tas-sistema tal-kunflitt tal-liġijiet ikkawżat bl-applikazzjoni ta’ regoli mandatorji għajr dawk tal-Istat tal-forum. Għaldaqstant, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni COM(2005) 650 finali pprevediet mill-ġdid il-possibbiltà, ipprovduta fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jingħata effett lil regoli mandatorji ta’ Stat li għandu rabtiet mill-qrib mal-kuntratt ikkonċernat, din il-possibbiltà tneħħiet mil-leġiżlatur tal-Unjoni [ara abbozz tar-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I), 2005/0261(COD), p. 16].

46      Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-qorti tal-forum tapplika regoli mandatorji tal-ordinament ġuridiku ta’ Stati Membri għajr dawk li hemm riferiment espress għalihom fl-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Ruma I tista’ tikkomprometti t-twettiq sħiħ tal-għan ġenerali tiegħu li, skont il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, huwa ċ-ċertezza legali fl-ispazju tal-ġustizzja Ewropew.

47      Fil-fatt, aċċettazzjoni tal-fatt li l-qorti tal-forum għandha tali possibbiltà żżid n-numru ta’ regoli mandatorji applikabbli b’deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament u, partikolarment, għal kuntratti ta’ xogħol, fl-Artikolu 8(1) tal-istess regolament u għaldaqstant, tkun ta’ natura li taffettwa l-prevedibbiltà ta’ regoli sostantivi applikabbli għall-kuntratt.

48      Fl-aħħar nett, ir-rikonoxximent li l-qorti tal-forum għandha l-possibbiltà tapplika, skont id-dritt applikabbli għall-kuntratt, regoli mandatorji oħra għajr dawk previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, jista’ jaffettwa l-għan tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I, intiż li tiġi ggarantita, sa fejn huwa possibbli, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiem previsti fid-dritt tal-pajjiż li fih huwa jeżerċita’ l-attivitajiet professjonali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch, C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 42).

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-enumerazzjoni mill-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I ta’ regoli mandatorji li jistgħu jingħataw effett mill-qorti tal-forum hija eżawrjenti.

50      Isegwi li l-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi li l-qorti tal-forum tista’ tapplika, bħala regoli ġuridiċi, regoli mandatorji għajr dawk tal-Istat tal-forum jew tal-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt. Konsegwentement, sa fejn, skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ G. Nikiforidis ġie eżegwit fil-Ġermanja u l-qorti tar-rinviju hija Ġermaniża, din tal-aħħar ma tistax, fil-każ ineżami, tapplika, direttament jew indirettament, regoli mandatorji li tirreferi għalihom fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

51      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala punt ta’ fatt, ta’ regoli mandatorji ta’ Stat għajr l-Istat tal-forum jew l-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, sa fejn dan huwa pprovdut minn regola sostantiva tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess regolament.

52      Fil-fatt, ir-Regolament Ruma I jarmonizza r-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali u mhux tar-regoli sostantivi tad-dritt tal-kuntratti. Sa fejn dawn tal-aħħar jipprovdu li l-qorti tal-forum tieħu inkunsiderazzjoni, bħala punt ta’ fatt, regola mandatorja tal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru ieħor għajr l-Istat tal-forum jew l-Istat tal-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ma jistax jostakola lill-qorti adita milli tieħu inkunsiderazzjoni dan il-punt ta’ fatt.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-Liġijiet Nri 3833/2010 u 3845/2010 jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża ineżami li huma rilevanti fid-dawl tad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54      L-eżami tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ma jippermettix li tintlaħaq konklużjoni differenti. Fil-fatt, dan il-prinċipju ma jawtorizzax lil Stat Membru jevita l-obbligi li huma imposti fuqu mid-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant ma huwiex ta’ natura li jippermetti lill-qorti tar-rinviju tinjora l-fatt li l-enumerazzjoni tar-regoli mandatorji li jistgħu jingħataw effett minnha, kif esposta fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, hija eżawrjenti, sabiex tagħti effett, bħala regoli ġuridiċi, lil regoli mandatorji Griegi inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra, C-537/11, EU:C:2014:19, punt 40).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi li regoli mandatorji għajr dawk tal-Istat tal-forum jew tal-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, jistgħu jiġu applikati, bħala regoli ġuridiċi, mill-qorti tal-forum, iżda ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar ta’ tali regoli mandatorji oħra bħala punt ta’ fatt sa fejn dan huwa pprovdut mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol konkluża qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biss jekk din ir-relazzjoni tkun ġiet suġġetta, bl-effett ta’ kunsens reċiproku tal-partijiet kontraenti li mmaterjalizza minn din id-data, għal modifika tant kbira li jkollu jitqies li ġie konkluż kuntratt ta’ xogħol ġdid b’effett mill-imsemmija data, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

2)      L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 593/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi li regoli mandatorji għajr dawk tal-Istat tal-forum jew tal-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, jistgħu jiġu applikati, bħala regoli ġuridiċi, mill-qorti tal-forum, iżda ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar ta’ tali regoli mandatorji oħra bħala punt ta’ fatt sa fejn dan huwa pprovdut mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.