Language of document : ECLI:EU:C:2016:774

Kawża C-135/15

Republik Griechenland

vs

Grigorios Nikiforidis

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 28 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 9 – Kunċett ta’ “regoli mandatorji” – Applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stati Membri għajr l-Istat tal-forum – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi tnaqqis tas-salarji fis-settur pubbliku minħabba kriżi baġitarja – Dmir ta’ kooperazzjoni leali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Ottubru 2016

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Dispożizzjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Applikabbiltà għall-kunċett ta’ “kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009” fis-sens tar-Regolament Nru 593/2008

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikolu 28)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament Nru 593/2008 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Kuntratt konkluż qabel id-dħul fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li sussegwentement ikun ġie suġġett għal modifika – Esklużjoni – Limiti – Modifiki tant kbar li jkunu taw lok għal kuntratt ġdid

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikolu 28)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament Nru 593/2008 – Regoli mandatorji – Teħid inkunsiderazzjoni, bħala regoli ġuridiċi, ta’ regoli mandatorji oħra għajr dawk previsti minn dan ir-regolament – Inammissibbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-regoli bħala punt ta’ fatt – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Assenza

(Artikolu 4(3) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikolu 9(3))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-30)

2.      L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 593/2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol konkluża qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biss jekk din ir-relazzjoni tkun ġiet suġġetta, bl-effett ta’ kunsens reċiproku tal-partijiet kontraenti li mmaterjalizza minn din id-data, għal modifika tant kbira li jkollu jitqies li ġie konkluż kuntratt ta’ xogħol ġdid b’effett mill-imsemmija data, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda li r-Regolament Ruma I ikollu applikazzjoni immedjata li permezz tagħha l-effetti futuri ta’ kuntratti konklużi qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Isegwi li, kull kunsens tal-partijiet kontraenti, wara s-16 ta’ Diċembru 2009, li titkompla l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż preċedentement ma jistax ikollu l-effett li jrendi r-Regolament Ruma I applikabbli għal din ir-relazzjoni kuntrattwali, mingħajr ma jikser ir-rieda espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Din l-għażla tkun kompromessa jekk kwalunkwe modifika, anki jekk minima, magħmula mill-partijiet, b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, fir-rigward ta’ kuntratt inizjalment konkluż qabel din id-data, tkun suffiċjenti sabiex dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u dan mingħajr kunsiderazzjoni għaċ-ċertezza legali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li kuntratt, konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009, ikun suġġett għal modifika, b’effett minn din id-data, li tkun ġiet miftiehma bejn il-partijiet kontraenti, tant kbira li tagħti lok mhux għal sempliċi aġġornament jew adattament tal-imsemmi kuntratt, iżda għall-ħolqien ta’ relazzjoni ġuridika ġdida bejn dawn il-partijiet kontraenti, b’mod li l-kuntratt inizjali jkollu jitqies li ġie ssostitwit b’kuntratt ġdid, konkluż b’effett mill-imsemmija data, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I.

(ara l-punti 33-37, 39, u d-dispożittiv 1)

3.      L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 593/2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi li regoli mandatorji għajr dawk tal-Istat tal-forum jew tal-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, jistgħu jiġu applikati, bħala regoli ġuridiċi, mill-qorti tal-forum, iżda ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar ta’ tali regoli mandatorji oħra bħala punt ta’ fatt sa fejn dan huwa pprovdut mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, l-enumerazzjoni fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I ta’ regoli mandatorji li jistgħu jingħataw effett mill-qorti tal-forum hija eżawrjenti. Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-qorti tal-forum tapplika regoli mandatorji tal-ordinament ġuridiku ta’ Stati Membri għajr dawk li hemm riferiment espress għalihom fl-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Ruma I tista’ tikkomprometti t-twettiq sħiħ tal-għan ġenerali tiegħu li, skont il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, huwa ċ-ċertezza legali fl-ispazju tal-ġustizzja Ewropew.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Ruma I jarmonizza r-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet u mhux ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-kuntratti, sa fejn dawn tal-aħħar jipprovdu li l-qorti tal-forum tieħu inkunsiderazzjoni, bħala punt ta’ fatt, regola mandatorja tal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru ieħor għajr l-Istat tal-forum jew l-Istat tal-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ma jistax jostakola lill-qorti adita milli tieħu inkunsiderazzjoni dan il-punt ta’ fatt.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Fil-fatt, dan il-prinċipju ma jawtorizzax lil Stat Membru jevita l-obbligi li huma imposti fuqu mid-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant ma huwiex ta’ natura li jippermetti lill-qorti tar-rinviju tinjora l-fatt li l-enumerazzjoni tar-regoli mandatorji li jistgħu jingħataw effett minnha, kif esposta fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, hija eżawrjenti, sabiex tagħti effett, bħala regoli ġuridiċi, lil regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 46, 49, 52, 54, 55 u d-dispożittiv 2)