Language of document : ECLI:EU:C:2016:702

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Settembru 2016 (*)

“Appell – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru – Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro li tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru – Rikors għal annullament”

Fil‑Kawżi magħquda C‑105/15 P sa C‑109/15 P,

li għandhom bħala suġġett ħames appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2015,

Konstantinos Mallis, residenti f’Larnaka (Ċipru) (C‑105/15 P),

Elli Konstantinou Malli, residenti f’Larnaka (C‑105/15 P),

Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou, stabbilit f’Nikosija (Ċipru) (C‑106/15 P),

Petros Chatzithoma, residenti f’Makedonitissa (Ċipru) (C‑107/15 P),

Elenitsa Chatzithoma, residenti f’Makedonitissa (C‑107/15 P),

Lella Chatziioannou, residenti f’Nikosija (C‑108/15 P),

Marinos Nikolaou, residenti fi Strovolos (Ċipru) (C‑109/15 P),

irrappreżentati minn E. Efstathiou, K. Efstathiou u K. Liasidou, dikigoroi,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn A. Koutsoukou O. Heinz u K. Laurinavičius, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, Rechtsanwalt,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur) u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2016,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Konstantinos Mallis u Elli Konstantinou Malli, fil‑Kawża C‑105/15 P, Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou, fil‑Kawża C‑106/15 P, Petros Chatzithoma u Elenitsa Chatzithoma, fil‑Kawża C‑107/15 P, Lella Chatziioannou, fil‑Kawża C‑108/15 P, u Marinos Nikolaou, fil‑Kawża C‑109/15 P, qegħdin jitolbu l-annullament, rispettivament, tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ottubru 2014, Mallis u Malli vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑327/13, EU:T:2014:909), tas-16 ta’ Ottubru 2014, Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑328/13, EU:T:2014:906), tas-16 ta’ Ottubru 2014, Chatzithoma vs Il‑Kummissjoni u Il‑BCE (T‑329/13, EU:T:2014:908), tas-16 ta’ Ottubru 2014, Chatziioannou vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑330/13, EU:T:2014:904), kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2014, Nikolaou vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE (T‑331/13, EU:T:2014:905) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2013 li tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni kontenzjuża”).

 Il‑kuntest ġuridiku

 It-Trattat MES

2        Fit-2 ta’ Frar 2012 ġie konkluż, fi Brussell (il-Belġju), it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn ir-Renju tal‑Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal‑Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il‑Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Renju tal‑Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja (iktar 'il quddiem it-“Trattat MES”). Dan it-trattat daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2012.

3        Il-premessa 1 tat-Trattat MES hija fformulata kif ġej:

“Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il‑Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. Dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (‘MES’) ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

4        Konformement mal-Artikoli 1 u 2 kif ukoll mal-Artikolu 32(2) tal-imsemmi trattat, il-partijiet kontraenti, jiġifieri l-Istati Membri li l-munità tagħhom hija l-euro, għandhom jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-MES, li għandha personalità ġuridika.

5        L-Artikolu 3 ta’ dan it-trattat jiddeskrivi l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu b’dan il-mod:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-Membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indipensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ Membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

6        L-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tat-Trattat MES jipprovdu:

“1.      Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.

[...]

3.      L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi qbil reċiproku teħtieġ l-unanimità tal-membri li jkunu qegћdin jieħdu sehem fil-vot. L-astensjonijiet ma jżommux milli deċiżjoni tiġi adottata bi qbil reċiproku.

4.      B’deroga mill-paragrafu 3, għandha tintuża proċedura ta’ votazzjoni ta’ emerġenza f’każijiet fejn kemm il‑Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] jikkonkludu li nuqqas li urġentement tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti jew implimentazzjoni ta’ assistenza finanzjarja, kif definit fl-Artikoli 13 sa 18, jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro. [...]”

7        L-Artikolu 12 tal-imsemmi trattat jiddefinixxi l-prinċipji li għalihom huwa suġġett is-sostenn għall-istabbiltà u jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

8        Il-proċedura għall-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lil membru tal-MES hija deskritta fl-Artikolu 13 tat-Trattat MES bit-termini segwenti:

“1.      Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f’koordinazzjoni mal-BĊE, bil‑kompiti li ġejjin:

(a)      l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-BĊE ma jkunx diġà preżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[(2)];

(b)      l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)];

(c)      l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2.      Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru kkonċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3.      Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – bil‑kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il‑kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il‑kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћal kollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-[Trattat FUE], partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4.      Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5.      Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[...]

7.      Il‑Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

 Id-dikjarazzjoni kontenzjuża

9        Permezz tad-dikjarazzjoni kontenzjuża, il-Grupp tal-Euro indika li kien laħaq ftehim mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm makroekonomiku ta’ aġġustament futur, li kellu l-appoġġ tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro laqa’ l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmija fl-anness ta’ din id-dikjarazzjoni.

 Id-Digrieti Nru 103 u Nru 104 adottati fuq il-bażi tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013

10      Skont il-punt 3(1) u l-punt 5(1) tal-O peri exiyiansis pistotikon kai allon idrimaton nomos (Liġi dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ stabbiliment ta’ kreditu u ta’ stabbilimenti oħra), tat-22 ta’ Marzu 2013 [EE, Anness I (I), Nru 4379, 22.3.2013, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013”], il-Kentriki Trapeza tis Kyprou (il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, iktar ’il quddiem il-“BĊĊ”) kien inkarigat bir-riorganizzazzjoni tal-istabbilimenti koperti mill-imsemmija liġi, flimkien mal-Ypourgeio Oikonomikon (Ministeru tal-Finanzi). Għal dan il-għan, minn naħa, il-punt 12(1) tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013 jipprovdi li l-BĊĊ jista’, permezz ta’ digriet, jirristruttura d-djun u l-obbligi ta’ stabbiliment suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, inkluż permezz ta’ tnaqqis, ta’ emenda, ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ novazzjoni tal-kapital nominali jew tal-bilanċ ta’ kwalunkwe tip ta’ krediti eżistenti jew futuri fuq dan l-istabbiliment jew permezz ta’ konverżjoni ta’ titoli ta’ dejn f’fondi proprji. Min-naħa l-oħra, dan il-punt jipprovdi li d-“depożiti ggarantiti”, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-punt 2 tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, huma esklużi minn dawn il-miżuri. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn id-depożiti huma dawk ta’ inqas minn EUR 100 000.

11      It-to peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 103 [Digriet tal-2013 dwar ir-riorganizzazzjoni permezz ta’ mezzi proprji tat-Trapeza Kyprou Dimosia Etaireia Ltd, att amministrattiv leġiżlattiv Nru 103, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 769, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 103”] jipprevedi rikapitalizzazzjoni tat-Trapeza Kyprou Dimosia Etaireia Ltd (iktar ’il quddiem il-“Bank of Cyprus”), li l-ispejjeż tagħha kellhom jiġu sostnuti, b’mod partikolari, mid-depożituri mhux iggarantiti, mill-azzjonisti tiegħu u mid-detenturi ta’ bonds tiegħu, bil-għan li dan il-bank ikun jista’ jkompli jipprovdi servizzi bankarji. B’hekk, id-depożiti mhux iggarantiti ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-Bank of Cyprus (37.5 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit), f’titoli konvertibbli mill-Bank of Cyprus, jew f’azzjonijiet jew f’depożiti (22.5% ta’ kull depożitu mhux iggarantit), u f’titoli li jistgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ (40 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit). Konformement mal-punt 10 tiegħu, dan id-digriet daħal fis-seħħ fis-sitta ta’ filgħodu tad-29 ta’ Marzu 2013.

12      Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-punti 2 u 5 tat-to Peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi No. 104 [Digriet tal-2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tas-Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd (iktar ’il quddiem is-“Cyprus Popular Bank”, att amministrattiv leġiżlattiv Nru 104, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 781, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 104”] jipprevedu li fis-sitta u għaxra ta’ filgħodu tad-29 ta’ Marzu 2013 ċerti elementi ta’ assi u ta’ djun tas-Cyprus Popular Bank kellhom jiġu ttrasferiti lill-Bank of Cyprus, inklużi d-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000. Id-depożiti ta’ iktar minn EUR 100 000 inżammu mas-Cyprus Popular Bank fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

13      Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, ċerti banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom is-Cyprus Popular Bank u l-Bank of Cyprus, sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji. Ir-Repubblika ta’ Ċipru għalhekk qieset li kien meħtieġ li dawn jiġu rrikapitalizzati u f’dan id-dawl ippreżentat lill-President tal-Grupp tal-Euro talba għal assistenza finanzjarja mill-FESF jew mill-MES.

14      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-Euro indika li l-assistenza finanzjarja mitluba kienet ser tingħata jew mill-FESF, jew mill-MES, fil‑kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jieħu s-sura ta’ memorandum ta’ qbil li n-negozjati fir-rigward tiegħu kellhom jitmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u mal-FMI, u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

15      Ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Istati Membri l-oħra li l-munità tagħhom hija l-euro waslu għal ftehim politiku dwar l-abbozz ta’ memorandum ta’ qbil f’Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro laqa’ dan il-ftehim u semma ċerti miżuri ta’ aġġustament previsti, fosthom il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji. Il-Grupp tal-Euro indika li, fid-dawl ta’ dan il‑kuntest, huwa kien qiegħed jikkunsidra li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja li setgħet tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona tal-euro kien, bħala prinċipju, iġġustifikat u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex iħaffu n-negozjati li kienu għaddejjin.

16      Fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ordnat l-għeluq tal-banek fid-19 u fl-20 ta’ Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-istess ġurnata, il-President tal-Grupp tal-Euro indika li t-taxxa fuq id-depożiti bankarji, flimkien mal-assistenza finanzjarja mitluba, kienu ser jintużaw sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tas-settur bankarju Ċiprijott u, għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja ta’ Ċipru. Madankollu, huwa speċifika li l-Grupp tal-Euro kien tal-fehma li d-depożituri żgħar kellhom jibbenefikaw minn trattament differenti minn dak tad-depożituri kbar, filwaqt li enfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti b’mod sħiħ id-depożiti ta’ inqas minn EUR 100 000. Fl-aħħar nett, il-President tal-Grupp tal-Euro, f’isem dan tal-aħħar, inkoraġġixxa lill-awtoritajiet u lill-Parlament Ċiprijotti sabiex jimplementaw rapidament il-miżuri miftiehma.

17      L-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu l-għeluq tal-banek sat-28 ta’ Marzu 2013 sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn jinġibdu ammonti kbar ta’ flus mill-kaxxieri tal-banek.

18      Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott irrifjuta l-abbozz ta’ liġi tal-Gvern Ċiprijott dwar il-ħolqien ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha f’Ċipru. Sussegwentement, dan il-parlament adotta l-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013.

19      Fil-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp tal-Euro għamel id-dikjarazzjoni kontenzjuża. Fl-istess ġurnata, il-Gvernatur tal-BĊĊ issuġġetta lill-Bank of Cyprus u lis-Cyprus Popular Bank għal proċedura ta’ riorganizzazzjoni. Fid-29 ta’ Marzu 2013, id-Digrieti Nru 103 u Nru 104 ġew ippubblikati għal dan il-għan, fuq il-bażi tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013. Il‑Kummissjoni għalhekk bdiet diskussjonijiet ġodda mal-awtoritajiet Ċiprijotti bil-għan li jiġi ffinalizzat il-memorandum ta’ qbil.

20      Waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ April 2013, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES:

–        ikkonferma, minn naħa, li l-Kummissjoni u l-BĊE kienu ġew inkarigati sabiex iwettqu l-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tat-Trattat MES u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-BĊE u mal-FMI, kienet ġiet inkarigata sabiex tinnegozja l-memorandum ta’ qbil mar-Repubblika ta’ Ċipru;

–        iddeċieda li jagħti sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja, konformement mal-proposta tad-Direttur Maniġerjali tal-MES;

–        approva l-abbozz tal-memorandum ta’ qbil innegozjat mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-BĊE u mal-FMI, u mir-Repubblika ta’ Ċipru;

–        inkariga lill-Kummissjoni sabiex tiffirma dan il-memorandum f’isem il-MES.

21      Il-memorandum ta’ qbil ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013 mill-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-Gvernatur tal-BĊĊ u minn O. Rehn, Viċi President tal-Kummissjoni, f’isem il-MES.

22      Fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva l-ftehim dwar il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja kif ukoll proposta dwar il-modalitajiet ta’ ħlas tal-ewwel parti tal-għajnuna lir-Repubblika ta’ Ċipru. Din il-parti kienet maqsuma f’żewġ pagamenti ta’ madwar 2 biljuni u ta’ 1 biljun euro, li twettqu, rispettivament, fit-13 ta’ Mejju 2013 u fis-26 ta’ Ġunju 2013. It-tieni parti tal-għajnuna, ta’ ammont ta’ 1.5 biljuni, tħallset fis-27 ta’ Settembru 2013.

 Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

23      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2013, l-appellanti ppreżentaw ħames rikorsi intiżi li l-Qorti Ġenerali:

–        tannulla d-dikjarazzjoni kontenzjuża, “li kisbet il-forma definittiva tagħha permezz tad-[Digriet Nru 104] tal-Gvernatur tal-[BĊĊ], li qed jaġixxi fil‑kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas-[Sistema Ewropea tal-banek ċentrali], li permezz tagħha ġie deċiż ‘il-bejgħ ta’ ċeti attivitajiet’ [tas-Cyprus Popular Bank] u li tikkostitwixxi essenzjalment deċiżjoni komuni tal-[BĊE] kif ukoll tal-Kummissjoni”;

–        sussidjarjament, tiddikjara li, indipendentement mill-forma u mit-tip tagħha, id-dikjarazzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi, essenzjalment, “deċiżjoni komuni tal-[BĊE] u/jew tal-Kummissjoni”;

–        iktar sussidjarjament, tannulla d-dikjarazzjoni kontenzjuża, “indipendentament mill-forma u mit-tip tagħha”;

–        dejjem iktar sussidjarjament, tannulla “d-deċiżjoni komuni tal-[BĊE] u/jew tal-Kummissjoni […] adottata permezz tal-Grupp tal-Euro, indipendentament mill-forma u mit-tip tagħha”, u

–        tikkundanna lill-BĊE u/jew lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Permezz ta’ atti separati, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 u fid-9 ta’ Ottubru 2013, rispettivament, il‑Kummissjoni u l-BĊE qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, kif emendati l-aħħar fid-19 ta’ Ġunju 2013. Huma talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi fl-intier tagħhom bħala manifestament inammissibbli.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digrieti appellati, u

–        tannulla l-kundanna tagħhom għall-ispejjeż fl-ewwel istanza.

27      Il‑Kummissjoni u l-BĊE jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Awwissu 2015, il‑kawżi C‑105/15 P sa C‑109/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-appelli

29      Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji li permezz tagħhom qegħdin jipprovaw juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta qieset li d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma kellhiex, fil‑konfront tagħhom, il‑karatteristiċi ta’ att li l-annullament tiegħu jista’ jintalab fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

30      Il‑Kummissjoni u l-BĊE jitolbu li l-appelli jiġu ddikjarati inammissibbli u jżidu li, fi kwalunkwe każ, l-aggravji invokati insostenn tal-appelli għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli

31      Il‑Kummissjoni u l-BĊE jeċċepixxu l-inammissibbiltà tal-appelli għaliex l-appellanti qegħdin, essenzjalment, sempliċement jirriproduċu l-motivi u l-argumenti li huma diġà ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali u għaliex l-appellanti qegħdin jikkontestaw l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-diversi provi mressqa.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravji ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali li jippreġudikaw l-interessi tar-rikorrent jew fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Barra minn hekk, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikoli 168(1)(d) u 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li ntalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 43).

34      B’mod partikolari, l-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-regoli jeżiġi li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati.

35      B’hekk, appell li sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fil‑kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk dan iwassal sabiex appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il‑każ, permezz tal-aggravji tagħhom, l-appellanti qegħdin jipprovaw juru li d-digrieti appellati ma humiex immotivati jew huma mmotivati b’mod insuffiċjenti u qegħdin jikkontestaw it-tweġiba li l-Qorti Ġenerali tat espressament għal punti ta’ liġi, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell.

38      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appelli huma identifikati l-punti tar-raġunijiet ikkontestati tad-digrieti appellati u l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità fid-dritt.

39      Minn dan isegwi li l-appelli huma ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tal-appelli

 L-argumenti tal-partijiet

40      Permezz tat-tliet aggravji tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta qieset, fil-punt 45 tad-digrieti appellati, li d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi imputata lill-Kummissjoni jew lill-BĊE. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kien imissha rrikonoxxiet il‑kompetenza deċiżjonali tal-Kummissjoni u tal-BĊE fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mal-MES u, mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, kien imissha ddeduċiet li din id-dikjarazzjoni għandha tiġi imputata lilhom.

41      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 41 tad-digrieti appellati, ikklassifikat lill-Grupp tal-Euro bħala sempliċi “forum ta’ diskussjoni”. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma weġbitx għall-argument tagħhom li, peress li ebda waħda mill-kompetenzi tal-Kummissjoni jew tal-BĊE ma ngħatat jew ġiet iddelegata lill-Grupp tal-Euro, minn dan kellu jiġi dedott li l-Grupp tal-Euro jikkositwixxi l-mezz li permezz tiegħu l-Kummissjoni u l-BĊE jieħdu deċiżjonijiet dwar il‑kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-MES jew mal-istabbiltà finanzjarja. L-appellanti jsostnu li l-BĊE u l-Kummissjoni huma obbligati jaġixxu b’osservanza tal-qafas legali ddefinit mit-Trattati u mill-Protokolli tagħhom kif ukoll mid-dritt sekondarju. L-eżerċizzju, barra minn dan il-qafas, ta’ kwalunkwe kompetenza jew ta’ kwalunkwe setgħa jkun ekwivalenti għal abbuż ta’ poter.

42      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wieġbet għall-argument tagħhom li r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Cyprus kienet biss il‑konsegwenza tal-kundizzjonijiet imposti fuq ir-Repubblika ta’ Ċipru mill-Kummissjoni u mill-BĊE permezz tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro. Skonthom, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-fatt kien imissu wassal lil-Qorti Ġenerali għall-konklużjoni li, f’dan il‑każ, id-dannu mġarrab mill-appellanti kien ġie kkawżat mill-atti u mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tal-BĊE. Barra minn hekk, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 61 tad-digrieti appellati, li d-dikjarazzjoni kontenzjuża fiha formulazzjonijiet li jistgħu jidhru li huma kategoriċi, mingħajr ma siltet il‑konsegwenzi ta’ tali konstatazzjoni u mingħajr ma eżaminat l-argument, minn naħa, li l-Gvernatur tal-BĊĊ, meta adotta d-Digrieti Nru 103 u Nru 104, applika “letteralment” id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-BĊE permezz tal-Grupp tal-Euro u, min-naħa l-oħra, li l-kwalità tiegħu ta’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BĊE hija ta’ natura li tagħmel l-atti u/jew l-ommissjonijiet tiegħu imputabbli lil din l-istituzzjoni.

43      L-appellanti jilmentaw ukoll li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 53 u 56 tad-digrieti appellati, ma kklassifikatx id-dikjarazzjoni kontenzjuża bħala att li jista’ jiġi kkontestat u astjeniet milli twieġeb għall-argument tagħhom li din id-dikjarazzjoni pproduċiet effetti kemm fuq id-drittijiet tagħhom u kemm fuq il-patrimonju tagħhom.

44      Il‑Kummissjoni u l-BĊE jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-aggravji.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digrieti appellati, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 36 u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil‑kawża. Il-motivazzjoni tista’ tkun ukoll impliċita, bil‑kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil‑kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il‑każ, wara li osservat, fil-punt 39 tad-digrieti appellati, li l-Grupp tal-Euro jissemma fl-Artikolu 137 TFUE, li jipprovdi li l-kompożizzjoni u l-modalitajiet tal-laqgħat bejn ministri tal-Istati Membri li l-munità tagħhom hija l-euro huma stabbiliti permezz tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, anness mat-Trattat FUE, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 40 tal-imsemmija digrieti, fakkret li, konformement mal-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll, dawn il-ministri jiltaqgħu bejniethom b’mod informali sabiex jiddiskutu kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jikkondividu fil-qasam tal-munità unika.

47      Fil-punti 41 sa 45 tad-digrieti appellati, filwaqt li bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq din id-dispożizzjoni tal-imsemmi protokoll, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, qieset li l-Grupp tal-Euro huwa forum ta’ diskussjoni, fil-livell ministerjali, għar-rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munità tagħhom hija l-euro, u ma huwiex korp deċiżjonali. It-tieni nett, hija osservat li, għalkemm il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-BĊE fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro hija prevista fl-Artikolu 1 tal-istess protokoll, il-Grupp tal-Euro jikkostitwixxi laqgħa informali tal-ministri tal-Istati Membri kkonċernati. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali osservat li ebda element ma kien jippermetti li jitqies li l-Grupp tal-Euro huwa kkontrollat mill-Kummissjoni jew mill-BĊE, jew li dan jaġixxi bħala mandatarju ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi imputata lill-Kummissjoni jew lill-BĊE.

48      Fil-punti 47 sa 49 tal-imsemmija digrieti, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat MES, eskludiet ukoll li d-dikjarazzjoni kontenzjuża, għalkemm setgħet tiġi attribwita lill-MES u mhux lill-Grupp tal-Euro, tista’ tiġi imputata lill-Kummissjoni jew lill-BĊE minħabba allegat kontroll li dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw fuq il-MES. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni u l-BĊE ma setgħux jitqiesu li kienu l-oriġini tal-adozzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni.

49      Għal finijiet ta’ kompletezza, fil-punti 51 sa 62 tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li l-Grupp tal-Euro ma kienx korp deċiżjonali, dikjarazzjoni minn dan tal-aħħar ma tistax titqies li hija att intiż li jipproduċi effetti legali fil‑konfront ta’ terzi. Hija indikat ukoll li din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-eżami tal-kontenut tad-dikjarazzjoni kontenzjuża, li hija wettqet b’mod iddettaljat fil-punti 54 sa 59 ta’ dawn id-digrieti u li wassalha sabiex tikkonstata, fil-punt 60 ta’ dawn tal-aħħar, li din id-dikjarazzjoni hija ta’ natura purament informattiva.

50      Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-digrieti appellati, imfakkra fil-punti 46 sa 49 ta’ din is-sentenza, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

51      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament min-natura jew mill-forma ta’ dawn l-atti, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 16).

52      F’dan il‑każ, fir-rigward tal-argument tal-appellanti, ibbażat fuq żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li l-kuntest tal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni kontenzjuża u tal-mod ta’ funzjonament tal-Grupp tal-Euro juri li din id-dikjarazzjoni tikkorrispondi għal deċiżjoni komuni tal-Kummissjoni u tal-BĊE, għandu jiġi osservat li mid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tas-27 ta’ Ġunju 2012 jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES, il-Kummissjoni u l-BĊE kienu ġew inkarigati mill-Bord tal-Gvernaturi sabiex jinnegozjaw mal-awtoritajiet Ċiprijotti programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jieħu s-sura ta’ memorandum ta’ qbil.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rwol tal-Kummissjoni u tal-BĊE, kif iddefinit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, ma jistax ikun iktar estiż minn dak attribwit lil dawn l-istituzzjonijiet mit-Trattat MES. Issa, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 48 tad-digrieti appellati, mill-punt 161 tas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756), jirriżulta li, għalkemm it-Trattat MES jagħti lill-Kummissjoni u lill-BĊE ċerti kompiti marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, minn naħa, il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil‑kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu l-eżerċizzju ta’ ebda setgħa deċiżjonali proprja u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil‑kuntest ta’ dan it-trattat jorbtu biss lill-MES.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-missjonijiet attribwiti lill-Kummissjoni fil‑kuntest tat-Trattat MES jikkonsistu fl-evalwazzjoni tat-talbiet għal sostenn għall-istabbiltà [Artikolu 13(1)], fl-evalwazzjoni tal-urġenza tagħhom [Artikolu 4(4)], fin-negozjati dwar memorandum ta’ qbil li jispeċifika l-kundizzjonijiet li għalihom għandha tkun suġġetta l-assistenza finanzjarja mogħtija [Artikolu 13(3)], fil-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-assistenza finanzjarja [Artikolu 13(7)] u fil-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi bħala osservatur [Artikoli 5(3) u 6(2)] (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 156).

55      Skont l-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES, il‑Kummissjoni hija inkarigata wkoll sabiex tiffirma l-memorandum ta’ qbil f’isem il-MES, sakemm dan il-memorandum josserva l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan it-trattat u sakemm dan il-memorandum ikun ġie approvat mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MES.

56      Fir-rigward tal-BĊE, il‑kompiti li ġew attribwiti lilu fil‑kuntest tat-Trattat MES jikkonsistu fl-evalwazzjoni tal-urġenza tat-talbiet għal sostenn għall-istabbiltà [Artikolu 4(4)], fil-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi bħala osservatur [Artikolu 5(3) u Artikolu 6(2)] u, flimkien mal-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tat-talbiet għal sostenn għall-istabbiltà [Artikolu 13(1)], fin-negozjati dwar memorandum ta’ qbil [Artikolu 13(3)] u fil-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom tkun suġġetta l-assistenza finanzjarja [Artikolu 13(7)] (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 157).

57      Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-fatt li l-Kummissjoni u l-BĊE jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro ma jibdilx in-natura tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar u ma jistax iwassal sabiex jitqies li d-dikjarazzjoni kontenzjuża hija l-espressjoni ta’ setgħa deċiżjonali ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda element li jikkostitwixxi espressjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-BĊE li jinħoloq, għall-Istat Membru kkonċernat, obbligu legali li jimplementa l-miżuri inklużi fiha.

59      Kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment osservat fil-punt 60 tad-digrieti appellati, din id-dikjarazzjoni, ta’ natura purament informattiva, kienet intiża li tinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza ta’ ftehim politiku bejn il-Grupp tal-Euro u l-awtoritajiet Ċiprijotti li kien jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ rieda komuni li jitkomplew in-negozjati skont it-termini tal-imsemmija dikjarazzjoni.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni, mir-Repubblika ta’ Ċipru, tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, li ħolqot il-qafas legali neċessarju għar-ristrutturazzjoni tal-istabbilimenti bankarji kkonċernati u li awtorizzat lill-BĊĊ jadotta d-Digrieti Nru 103 u Nru 104 ma tistax titqies li kienet imposta minn allegata deċiżjoni komuni tal-Kummissjoni u tal-BĊE li kienet ġiet espressa fil-forma tad-dikjarazzjoni kontenzjuża.

61      Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti, permezz tar-rikorsi tagħhom, talbu l-annullament ta’ dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro, ma għandux jiġi osservat biss li l-kwalifika “informalment” tintuża fil-formulazzjoni tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-Trattat FUE, iżda għandu jiġi osservat ukoll li l-Grupp tal-Euro ma jinsabx fost id-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, elenkati fl-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu adottati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, tal-1 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, L 325, p. 35), li l-lista tagħhom tissemma fl-Artikolu 16(6) TUE. Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Grupp tal-Euro la jista’ jiġi assimilat ma’ formazzjoni tal-Kunsill u lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appelli għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

64      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il‑kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

65      Peress li l-Kummissjoni u l-BĊE talbu li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu fir-rigward tal-aggravji tagħhom, hemm lok li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta mal-appelli.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli fil‑Kawżi C‑105/15 P sa C‑109/15 P huma miċħuda.

2)      Konstantinos Mallis, Elli Konstantinou Malli, Tameio Pronoias Prosopikou Trapezis Kyprou, Petros Chatzithoma, Elenitsa Chatzithoma, Lella Chatziioannou u Marinos Nikolaou huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.