Language of document : ECLI:EU:C:2016:702

Kawżi magħquda C-105/15 P sa C-109/15 P

Konstantinos Mallis et

vs

Il-Kummissjoni Ewropeau Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà tar-Repubblika ta’ Ċipru – Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro li tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru – Rikors għal annullament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Settembru 2016

1.        Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali – Assenza ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 168(1)(d) u 169(2))

2.        Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

3.        Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro li tawtorizza lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew jibdew negozjati ma’ Stat Membru dwar programm ta’ aġġustament makroekonomiku – Esklużjoni

(Artikoli 137 TFUE u 263(1) TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 1; Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà)

4.        Rikors għal annullament – Kwalità ta’ konvenut – Grupp tal-Euro – Assenza ta’ kwalità ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni

(Artikolu 16(6) TUE; Artikoli 137 TFUE u 263(1) TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937, Anness)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32-36)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 45)

3.      Rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament min-natura jew mill-forma ta’ dawn l-atti, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu.

Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2013 li tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 13(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew kienu ġew inkarigati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MES sabiex jinnegozjaw mal-awtoritajiet ta’ Stat Membru programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jieħu s-sura ta’ memorandum ta’ qbil. F’dan ir-rigward, ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Bank, kif iddefinit mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, ma jistax ikun iktar estiż minn dak attribwit lil dawn l-istituzzjonijiet mit-Trattat MES. Issa, għalkemm it-Trattat MES jagħti lill-Kummissjoni u lill-Bank ċerti kompiti marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, minn naħa, il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-Bank fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu l-eżerċizzju ta’ ebda setgħa deċiżjonali proprja u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ dan it-trattat jorbtu biss lill-MES.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni u l-Bank jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro ma jibdilx in-natura tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar u ma jistax iwassal sabiex jitqies li d-dikjarazzjoni kontenzjuża hija l-espressjoni ta’ setgħa deċiżjonali ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għandu jingħad ukoll li l-imsemmija dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro ma tinkludi ebda element li jikkostitwixxi espressjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank li jinħoloq, għall-Istat Membru kkonċernat, obbligu legali li jimplementa l-miżuri inklużi fiha. Din id-dikjarazzjoni, ta’ natura purament informattiva, hija intiża li tinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza ta’ ftehim politiku bejn il-Grupp tal-Euro u l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ rieda komuni li jitkomplew in-negozjati skont it-termini tal-imsemmija dikjarazzjoni.

(ara l-punti 51-53, 57-59)

4.      Peress li, minbarra l-fatt li l-kwalifika “informalment” tintuża fil-formulazzjoni tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-Trattat FUE, il-Grupp tal-Euro ma jinsabx fost id-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill, elenkati fl-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, adottati permezz tad-Deċiżjoni 2009/937, li l-lista tagħhom tissemma fl-Artikolu 16(6) TUE, il-Grupp tal-Euro msemmi fl-Artikolu 137 TFUE la jista’ jiġi assimilat ma’ formazzjoni tal-Kunsill u lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punt 61)