Language of document : ECLI:EU:C:2016:278

KAWŻA C-441/14

Dansk Industri (DI)

vs

Eredi ta’ Karsten Eigil Rasmussen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2000/78/KE – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra direttiva – Possibbiltà għal individwu li jikkontesta r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni – Tilwima bejn individwi – Bilanċ ta’ diversi drittijiet u prinċipji – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Rwol tal-qorti nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ April 2016

1.        Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Rabta mad-Direttiva 2000/78 – Leġizlazzjoni nazzjonali li teskludi allowance ta’ tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar imħallsa mill-persuna li timpjegahom u li ssieħbu fl-iskema ta’ pensjoni tagħhom qabel l-età ta’ 50 sena – Inammissibbiltà – Żamma tal-ħaddiem fis-suq tax-xogħol – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali ġġudikata li tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età – Obbligi ta’ qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi – Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoniijiet nazzjonali kuntrarji – Supremazija tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Assenza ta’ effett tal-possibbiltà għall-individwu li jinvoka r-responsabbiltà tal-Istat Membru

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

1.        Il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, kif ikkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, anki f’tilwima bejn individwi, leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad impjegat mid-dritt li jibbenefika minn allowance ta’ tkeċċija peress li dan tal-aħħar jista’ jibbenefika minn pensjoni tax-xjuħija dovuta mill-persuna li timpjegah abbażi ta’ skema ta’ pensjoni li dan l-impjegat ikun issieħeb fiha qabel l-età ta’ 50 sena, indipendentement minn jekk ikunx għażel li jibqa’ fis-suq tax-xogħol jew li jirtira.

F’dan ir-rigward, peress li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, iżda tikkonkretizza dan il-prinċipju biss fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol, il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva ma taqbiżx dik mogħtija minn dan il-prinċipju.

Min-naħa l-oħra, u fid-dawl tal-fatt li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li timpjegahom skont skema ta’ pensjoni li fiha huma ssieħbu qabel ma kellhom l-età ta’ 50 sena ma jistgħux, minħabba dan il-fatt biss, jibbenefikaw minn allowance speċjali għal tkeċċija intiż sabiex jiffavorixxi r-reintegrazzjoni professjonali ta’ ħaddiema li jkun ilhom jaħdmu għal iktar minn tnax-il sena fl-impriża, dan japplika wkoll fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li tiegħu l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età jikkostitwixxi biss espressjoni partikolari.

(ara l-punti 23, 26, 27 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti tar-rinviju, adita b’tilwima bejn individwi li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, meta tkun qed tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, għandha tinterpretahom b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod konformi ma’ din id-direttiva jew, jekk tali interpretazzjoni konformi tkun impossibbli, li tħalli, jekk meħtieġ, mhux applikata kull dispożizzjoni ta’ dan id-dritt nazzjonali, li tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età. La l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u lanqas il-possibbiltà għall-individwu li jħossu ppreġudikat mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni li jinvoka r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, ma jistgħu jqiegħdu f’dubju dan l-obbligu.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età jagħti lill-individwi dritt suġġettiv li jista’ jiġi invokat bħala tali li, anki fit-tilwim bejn individwi, jobbliga lill-qrati nazzjonali li jwarrbu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jkunux konformi mal-imsemmi prinċipju.

Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax iservi bħala bażi għal qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi, sabiex tkompli tapplika regola tad-dritt nazzjonali ġġudikata, mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, kif ikkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju sabiex tkompli tiġi applikata tali regola tad-dritt nazzjonali, twassal, fir-realtà, sabiex tillimita l-effetti fiż-żmien tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, b’dan il-mod, din l-interpretazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata fil-kawża miġjuba quddiem il-qorti nazzjonali. Madankollu, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tad-dritt tal-Unjoni, barra ċ-ċirkustanzi pjuttost eċċezzjonali, għandha tiġi applikata mill-qorti nazzjonali anki għal relazzjonijiet ġuridiċi mfassla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni.

Fi kwalunkwe każ, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma tistax tiġi invokata biex individwu, li ressaq l-azzjoni li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fis-sens li dan jipprekludi r-regola ta’ dritt nazzjonali inkwistjoni, jiġi rrifjutat il-benefiċċju ta’ din l-interpretazzjoni.

(ara l-punti 33, 36-41, 43 u d-dispożittiv 2)