Language of document : ECLI:EU:T:2008:29

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

12 ta’ Frar 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti implementata mill-Irlanda fis-suq ta’ l-assigurazzjoni privata kontra l-mard – Skema ta’ għajnuna – Servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Artikolu 86 (2) KE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità”

Fil-kawża T-289/03,

British United Provident Association Ltd (BUPA), stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

BUPA Insurance Ltd, stabbilita f’Londra,

BUPA Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

irrappreżentati minn N. Green, QC, K. Bacon, J. Burke, barristers, u B. Amory, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn N. Khan u J. Flett, wara minn Khan u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn N. Bel, bħala aġent,

minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Hogan, SC, u E. Regan, barrister,

u minn

Voluntary Health Insurance Board, stabbilit f’Dublin, irrappreżentat minn D. Collins, G. FitzGerald, D. Clarke, solicitors, u P. Gallagher, SC,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament imressaq, b’mod partikolari, minn BUPA Ireland Ltd, li tipprovdi servizzi ta’ assigurazzjoni privata kontra l-mard fl-Irlanda, kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 1322 finali, tat-13 ta’ Mejju 2003, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, skond l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), dwar it-twaqqif ta’ skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti (RES) fis-suq Irlandiż ta’ l-assigurazzjoni privata kontra l-mard (għajnuna mill-Istat N 46/2003-l-Irlanda),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili, J. Azizi, E. Cremona u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Dispożizzjonijiet tat-Trattat

1        L-Artikolu 16 KE jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73, 86 u 87, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku [importanza ekonomika] ġenerali fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali [ta’ l-Unjoni], il-Komunità u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet [funzjonijiet] tagħhom”.

2        Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 43 KE:

“[…] ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.

3        Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 KE, “ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

4        L-Artikolu 86 KE jipprovdi:

“1. Dwar impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 [KE] sa 89 [KE] inklużi.

2. Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali […] għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità.

3. Il-Kummissjoni għandha tassigura l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u għandha, fejn meħtieġ, toħroġ direttivi jew deċiżjonijiet opportuni lill-Istati Membri”.

5        L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni”.

6        L-Artikolu 88(2) u (3) KE jipprovdi:

“2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87 [KE…], hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

[…]

3. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87 [KE], hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali”.

7        L-Artikolu 152 (1) u (5) KE jipprovdi:

“1. Il-Livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji.

L-Azzjoni tal-Komunità, li għandha tikkumplimenta l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana […]

[…]

5. L-Azzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bi sħiħ ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika […]”.

II –  Regolament (KE) Nru 659/1999

8        L-Artikolu 4 (3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), jipprovdi:

“3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu [87](1) [KE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn’l quddiem imsejjaħ “deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet”). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88](2) [KE] (minn hawn’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni”)”.

III –  Direttiva 92/49/KEE

9        L-Artikolu 54(1) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (ĠU L 228, p. 1, iktar’il quddiem it-“tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja”) jipprovdi:

“Minkejja kull dispożizzjoni għall-kuntrarju, Stat Membru li fih kuntratti li jkopru r-riskji fil-klassi 2 tal-punt 2 ta’ l-Anness mad-Direttiva 73/239/KEE jistgħu jservu bħala alternattiva parzjali jew kompleta għal kopertura tas-saħħa prevista mis-sistema [skema] statutorja ta’ sigurtà soċjali, jista’ jeħtieġ li dawk il-kuntratti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet legali speċifiċi adottati minn dak l-Istat Membru biex jipproteġi l-ġid ġenerali f’dik il-klassi ta’ assigurazzjoni, u li l-kondizzjonijiet ġenerali u speċjali ta’ dik l-assigurazzjoni jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel l-użu”.

IV –  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ importanza ġenerali fl-Ewropa

10      Skond il-punt 14 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ interess [importanza] ġenerali fl-Ewropa (ĠU 2001, C 17, p. 4, iktar’il quddiem “il-Komunikazzjoni dwar is-servizzi ta’ importanza ġenerali”):

“ Servizzi ta’ interess [importanza] ġenerali ekonomiku huma differenti mis-servizzi ordinarji billi l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw illi jeħtieġu li jiġu pprovvduti saħansitra meta s-suq jista’ ma jkollux l-inċentivi biżżejjed għalbiex jagħmel dan […] [J]ekk l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw illi ċerti servizzi huma fl-interess ġenerali u l-forzi tas-suq […] [jistgħu ma jkunux tali li jassiguraw provvista sodisfaċenti ta’ dawn is-servizzi], jistgħu jistabbilixxu […] [numru ta’ servizzi speċifiċi] għalbiex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet fil-għamla ta’ obbligi [ta’ servizzi] ta’ interess [importanza] ġenerali […] Il-każ klassiku huwa l-obbligu […] tas-servizz [universali] […], jiġifieri l-obbligu li jiġi provvdut ċertu servizz mat-territorju kollu b’tariffi li jkunu jistgħu jitħallsu u […] [ta’ kwalità simili], […] irrispettiv[ament] mill-profitabbiltà tal-ħidmiet individwali”.

11      Il-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar is-servizzi ta’ importanza ġenerali jgħid:

“L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-obbligi ta’ interess [importanza] ġenerali fis-suq jew, f’uħud mill-każijiet, li jinnominaw operatur jew numru limitat ta’ operaturi b’obbligi speċifiċi, mingħajr ma jikkonċedu drittijiet speċjali jew esklussivi. B’dan il-mod, titħalla l-ikbar kompetizzjoni u l-utenti jżommu l-libertà massima rigward il-għażla tal-provveditur tas-servizz […]”.

12      Il-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar is-servizzi ta’ importanza ġenerali jgħid dan li ġej:

“Il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu [servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali] tfisser illi l-Istati Membri huma primarjament responsabbli li jiddefinixxu dak li jikkunsidraw [bħala tali servizzi] […] fuq il-bażi tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attivitajiet. Din id-definizzjoni tista’ tkun biss bla ħsara għall-kontroll [stħarriġ] ta’ żball manifest. Jistgħu jikkonċedu drittijiet speċjali jew esklużivi li jkunu meħtieġa għall-impriżi fdati […] [bil-provvista ta’ dawn is-servizzi], jirregolaw l-attivitajiet tagħhom u, meta approprjat, […] [jissussidjawhom]. Fiż-żoni li m`humiex koperti b’mod speċifiku […] [mid-dritt] Komunitarj[u] l-Istati Membri jgawdu [minn] marġini wiesg[ħ]a għalbiex jiffurmaw il-politika tagħhom, li tista tkun bla ħsara biss għall-kontroll [stħarriġ] ta’ żball manifest. Jekk servizz għandux jiġi kunsidrat bħala servizz ta’ interess [importanza] ġenerali u kif għandu jitħaddem huma kwistjonijiet li l-ewwel u qabel kollox jiġu deċiżi lokalment. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li jiżgura li l-mezzi mħaddna huma kompatibbli mal-liġijiet Komunitarji. Madankollu, f’kull wieħed mill-każijiet, sabiex tapplika l-eċċezzjoni pprovduta bl-Artikolu 86(2) [KE], il-missjoni [funzjoni] tas-servizz pubbliku teħtieġ li tiġi ddefinita biċ-ċar u trid tiġi fdata b’mod espliċitu permezz ta’ att ta’ [l-]awtorità pubblika (inklużi l-kuntratti) […]. Dan l-obbligu huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati […] [ċ-ċertezza] legali kif ukoll it-trasparenza […] [fil-konfront taċ-ċittadini] u huwa indispensabbli […] [sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika jekk ġiex osservat il-kriterju ta’ proporzjonalità]”.

13      Il-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar is-servizzi ta’ importanza ġenerali jgħid:

“Il-proporzjonalità skond l-Artikolu 86(2) timplika li l-mezzi [u]żati għalbiex titwettaq il-missjoni [funzjoni] ta’ interess [importanza] ġenerali ma […] [joħolqux distorsjonijiet kummerċjali inutili]. B’mod speċifiku, irid jiġi żgurat li kull restrizzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-KE, u b’mod partikolari, r-restrizzjonijiet tal-kompetittività u l-limitazzjonijiet tal-libertajiet tas-suq intern ma jaqbżux dak li hu meħtieġ sabiex jiggarantixxu t-twettiq effettiv tal-funzjoni. […] [Il-provvista] tas-serv[i]zz ta’ interess [importanza] ġenerali ekonomiku [t]rid [t]iġi żgurat[a] u l-impriżi fdati jridu jkunu kapaċi jwettqu l-piż speċifiku u l-ispejjeż netti […] [supplimentari] tal-kompitu partikolari assenjat lilhom. Il-Kummissjoni teżerċita dan il-kontroll [stħarriġ] tal-proporzjonalità […] [taħt l-istħarriġ ġuridiku] tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod illi huwa raġjonevoli u realistiku, kif muri bl-użu li hija tagħmel attwalment […] [mis-setgħat ta’ deċiżjoni] konferiti fuqha bl-Artikolu 86(3) [KE]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

V –  Introduzzjoni ta’ skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti fis-suq Irlandiż ta’ l-assigurazzjoni privata kontra l-mard

14      L-assigurazzjoni privata kontra l-mard (iktar’il quddiem l-“APKM”) ġiet formalment introdotta fl-Irlanda fl-1957 bit-twaqqif tal-Voluntary Health Insurance Board (Kunsill ta’ l-assigurazzjoni privata kontra l-mard, iktar’il quddiem il-“VHI”), essenzjalment sabiex persuni mingħajr dritt għas-servizzi ta’ l-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard jingħataw aċċess għall-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-isptar. F’dak iż-żmien, il-VHI kien l-uniku operatur li kellu liċenzja mogħtija mill-Ministru tas-Saħħa sabiex joffri servizzi ta’ assigurazzjoni privata kontra l-mard (iktar’il quddiem is-“servizzi APKM”). Mill-1987, wara talba tal-Ministru tas-Saħħa, il-VHI joffri polza ta’ assigurazzjoni msemmija “pjan P” li tipprovdi kopertura għall-ispejjeż ta’ l-isptar sostnuti fi sptarijiet pubbliċi, u li għalih applikaw madwar 1 % tal-popolazzjoni Irlandiża.

15      Mill-1991, l-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, li hi essenzjalment iffinanzjata minn dħul fiskali, toffri kopertura lill-popolazzjoni Irlandiża kollha indipendentement mid-dħul tal-persuni kkonċernati. Għalhekk, ir-rwol ta’ l-assiguraturi attivi fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM (iktar’il quddiem l-“assiguraturi APKM”) jikkonsisti milli jipprovdi kopertura alternattiva għal dik ta’ l-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard.

16      Is-suq Irlandiż ta’ l-APKM ġie lliberalizzat wara l-adozzjoni, fl-1994, tal-Health Insurance Act, 1994 (liġi fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-1994) u, fl-1996, tal-Voluntary Health Insurance (Amendment) Act, 1996 (liġi li temenda l-assigurazzjoni volontarja kontra l-mard ta’ l-1996) kif ukoll dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni inklużi fil-Health Insurance Regulations, 1996 (regolamenti dwar l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-1996). Dawn ta’ l-aħħar jinqasmu f’numru ta’ regolamenti, jiġifieri l-Health Insurance Act, 1994 (Open Enrolment) Regulations 1996 (regolamenti ta’ l-1996 li timplementa l-liġi fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-1994 fir-rigward ta’ l-adeżjoni miftuħa), il-Health Insurance Act, 1994 (Lifetime Cover) Regulations 1996 (regolamenti ta’ l-1996 li timplementa l-liġi fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-1994 fir-rigward tal-kopertura għal tul il-ħajja kollha), u l-Health Insurance Act, 1994 (Minimum Benefit) Regulations 1996 (regolamenti ta’ l-1996 li timplementa l-liġi fuq l-assigurazzjoni kontra l-mard ta’ l-1994 fir-rigward tas-servizzi minimi).

17      BUPA Ireland, stabbilita skond din il-liġi, topera fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM mill-1 ta’ Jannar 1997. Minn dak iż-żmien hija tikkostitwixxi, b’sehem mis-suq ta’ madwar 15 % għal dak li jirrigwarda affiljati u ta’ madwar 11 % għal dak li jirrigwarda dħul fil-mument li fih ġie ppreżentat ir-rikors għal din il-kawża, il-kompetitriċi prinċipali tal-VHI fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, fejn din ta’ l-aħħar għandha sehem mis-suq ta’ madwar 85 % għal dak li jirrigwarda dħul u ta’ madwar 80 % għal dak li jirrigwarda affiljati. Attwalment, madwar 50 % tal-popolazzjoni Irlandiża hija koperta minn APKM.

18      Il-Health Insurance Act, 1994 kif ukoll il-Health Insurance Regulations, 1996 jagħtu barra minn hekk il-kompetenza lill-Ministru tas-Saħħa sabiex jordna u jirregola, b’mod partikolari, it-twaqqif ta’ “Risk equalisation scheme” (skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti, iktar’il quddiem ir-“RES”). Fl-1997, il-Ministru tas-Saħħa ħatar kumitat konsultattiv bil-mandat li jagħti rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ RES. Fir-rapport tiegħu ta’ l-1998, il-kumitat konsultattiv ikkonkluda li kien hemm bżonn li tiġi introdotta RES. Matul is-sena 1999, il-Ministru tas-Saħħa ippubblika qabel xejn dokument tekniku għal skopijiet ta’ konsultazzjoni u sussegwentement abbozz li jipproponi RES.

19      Fit-2 ta’ Marzu 1999, BUPA Ireland ippreżentat quddiem il-Kummissjoni lment kontra l-implementazzjoni tar-RES proposta minħabba ksur, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Bejn Marzu 1999 u April 2003, hija sostniet dan l-ilment billi ressqet numru ta’ osservazzjonijiet, rapporti u dokumenti.

20      Fl-2001, il-Health Insurance Act, 1994 ġiet emendata permezz tal-Health Insurance (Amendement) Act, 2001 li tagħti lill-Ministru tas-Saħħa l-kompetenza sabiex jimplementa r-RES u jistabbilixxi l-Health Insurance Authority (awtorità għall-assigurazzjoni kontra l-mard, iktar’il quddiem il-“HIA”). Il-HIA ngħatat b’mod partikolari l-kompitu li tagħti pariri lill-Ministru dwar il-bidu ta’ ħlasijiet skond r-RES (iktar’il quddiem il-“ħlasijiet RES” jew il-“ħlasijiet ta’ ekwivalenza”) u l-amministrazzjoni ta’ dawn il-ħlasijiet permezz ta’ fond imwaqqaf speċjalment għal dan ir-rigward.

21      Il-leġiżlazzjoni li tawtorizza l-implementazzjoni tar-RES daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003.

22      F’Ottubru 2004, assiguratur ġdid ta’ l-APKM, il-kumpannija Vivas Healthcare, daħal fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM eżentata, skond l-Artikolu 12a tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendata, mill-ħlasijiet RES għal perijodu ta’ tliet snin.

23      Fid-29 ta’ April 2005, il-HIA tat lill-Ministru tas-Saħħa r-rakkomandazzjoni, abbażi tar-rapport tagħha ta’ April 2005 li jistabbilixxi “differenza fir-riskji” ta’ 4.7 %, sabiex jibdew il-ħlasijiet RES.

24      Wara l-introduzzjoni minn BUPA Insurance Ltd u BUPA Ireland, ta’ rikors quddiem il-High Court (Qorti Għolja tal-Ġustizzja, l-Irlanda) kontra, minn naħa, il-leġiżlazzjoni Irlandiża li tirregola r-RES u, min-naħa l-oħra, ir-rakkomandazzjoni tal-HIA tad-29 ta’ April 2005, il-High Court, b’sentenza ta’ l-24 ta’ Mejju 2005, mibdula fit-30 ta’ Mejju u fid-29 ta’ Diċembru 2005, ċaħdet it-talba intiża sabiex tipprojbixxi lill-Ministru tas-Saħħa milli jordna li jinbdew il-ħlasijiet RES, iżda madankollu ssospendiet l-implementazzjoni tal-ħlasijiet RES mir-rikorrenti fl-istennija ta’ deċiżjoni fuq il-mertu fil-kawża prinċipali.

25      Fis-27 ta’ Ġunju 2005, il-Ministru tas-Saħħa ddeċieda li ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni tal-HIA tad-29 ta’ April 2005. Wara rakkomandazzjoni ġdida mill-HIA, il-Ministru tas-Saħħa ddeċieda, fit-23 ta’ Diċembru 2005, li jiffissa d-data tal-bidu tal-ħlasijiet RES għall-1 ta’ Jannar 2006 bl-eċċezzjoni għas-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni ta’ l-imsemmija ħlasijiet mir-rikorrenti, kif ordnat mill-High Court.

26      B’sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, il-High Court tat id-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu u ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti.

VI –  Kif taħdem ir-RES

A –  L-għan tar-RES

27      Ir-RES tikkostitwixxi, essenzjalment, mekkaniżmu li jipprovdi, minn naħa, il-ħlas ta’ miżata lill-HIA mill-assiguraturi APKM li jkollhom profil ta’ riskju iktar b’saħħtu mill-profil ta’ riskju medju tas-suq u, min-naħa l-oħra, il-ħlas korrispondenti mill-HIA lill-assiguraturi APKM li jkollhom profil ta’ riskju inqas b’saħħtu mill-profil ta’ riskju medju tas-suq. Dawn il-ħlasijiet isiru permezz ta’ fond maħluq speċjalment għal dan ir-rigward u amministrat mill-HIA (Artikolu 12 tar-RES).

B –  L-attivazzjoni tal-ħlasijiet RES

28      Skond il-leġiżlazzjoni rilevanti, l-attivazzjoni tal-ħlasijiet RES isseħħ skond l-istadji deskritti iktar’il quddiem.

29      L-assiguraturi APKM suġġetti għar-RES għandhom jipprovdu rapporti lill-HIA li jkopru perijodi ta’ sitt xhur, fejn l-ewwel rapport għandu jkopri s-sitt xhur li jibdew mill-1 ta’ Lulju 2003 (Artikolu 9 tar-RES). Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-HIA teżamina u tevalwa kif jinqasmu r-riskji fost l-assiguraturi APKM u tippreżenta rapport u, jekk ikun il-każ, rakkomandazzjoni lill-Ministru tas-Saħħa (Artikolu 10 tar-RES).

30      Fid-dawl ta’ dan ir-rapport u, jekk ikun il-każ, ir-rakkomandazzjoni tal-HIA, il-Ministru tas-Saħħa jiddeċiedi jekk hemmx lok li jibdew il-ħlasijiet RES. Din id-deċiżjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin (Artikolu 10 tar-RES):

–        differenza fir-riskji bejn l-operaturi ta’ mhux iktar minn 2 % mhijiex biżżejjed sabiex jingħata lok għall-ħlasijiet RES;

–        differenza fir-riskji minn 2 sa 10 % tippermetti lill-Ministru tas-Saħħa jiddeċiedi li jingħata lok għall-ħlasijiet RES biss fuq rakkomandazzjoni tal-HIA;

–        differenza fir-riskji bejn l-operaturi iktar minn 10 % tobbliga, bħala prinċipju, lill-Ministru tas-Saħħa jagħti bidu għall-ħlasijiet RES, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet validi sabiex dan ma jsirx.

C –  Metodu ta’ kalkolu tal-ħlasijiet RES

31      Il-metodu ta’ kalkolu tal-ħlasijiet RES li għandhom isiru, wara d-deċiżjoni li jingħata bidu għall-imsemmija ħlasijiet, huwa ppreċiżat fl-Anness II tar-RES u spjegat fid-dettal fil-Guide to the Risk Equalisation Scheme, 2003 as prescribed in Statutory Instrument No. 261 of 2003, July 2003 (gwida għar-RES tal-HIA ta’ l-2003, iktar’il quddiem il-“gwida għar-RES”).

32      Id-determinazzjoni tal-ħlasijiet RES hija strettament marbuta mad-differenza fil-profili ta’ riskju ta’ l-assiguraturi APKM fejn l-evalwazzjoni tagħhom tiddependi mit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ numru ta’ kriterji ta’ riskju. Dawn il-kriterji jinkludu, fl-ewwel lok, l-età u s-sess ta’ l-affiljati kif ukoll, jekk ikun il-każ, fattur ta’ aġġustament (bejn 0 u 50 %) imsejjaħ “fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa” (health status weight factor) li huwa bbażat fuq l-użu osservat tal-kapaċità ta’ ospitalizzazzjoni. Sa dan il-mument, il-HIA m’għamlitx użu minn dan il-fattur ta’ aġġustament, li attwalment huwa ta’ żero, u bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq id-differenza fir-riskji bejn l-assiguraturi APKM biss fuq il-kriterji ta’ l-età u tas-sess tal-persuni assigurati.

33      Skond, il-gwida għar-RES (p. 14 et seq), il-prinċipju li jirregola l-kalkolu tal-ħlasijiet RES huwa li kull assiguratur APKM għandu jsostni l-ispejjeż li kellu jsostni li kieku l-profil tiegħu ta’ riskju kellu jkun ekwivalenti għall-profil medju ta’ riskju tas-suq. L-ispejjeż relatati mal-profil reali ta’ riskju ta’ l-assiguratur kif ukoll il-profil medju ta’ riskju tas-suq huma kkalkolati skond l-età u s-sess ta’ l-affiljati. Sabiex dan isir, dawn l-affiljati l-ewwel nett jinqasmu fi gruppi differenti ta’ età u ta’ sess sabiex tiġi identifikata s-somma ta’ l-ispejjeż iġġenerati rispettivament minn dawn il-gruppi u sabiex tiġi ddeterminata l-medja ta’ l-ispejjeż effettivi għall-kull persuna assigurata ta’ kull grupp. Skond l-Artikolu 3 tar-RES, l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, huma esklużivament dawk li jirriżultaw mit-talbiet għal ħlas lura (claims costs) magħmula mill-affiljati għand l-assiguraturi APKM matul il-perijodu ta’ riferiment u li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi tas-saħħa matul mawra fl-isptar. Sussegwentement, il-HIA tiddetermina l-profil ta’ riskju medju tas-suq għal kull grupp ta’ età u ta’ sess, meta mqabbel mal-popolazzjoni kollha assigurata, abbażi ta’ data mogħtija mill-assiguraturi APKM. Dan il-profil ta’ riskju medju tas-suq huwa sussegwentement issostitwit minflok il-profil ta’ riskju reali ta’ l-assiguraturi APKM għal kull grupp ta’ età u ta’ sess sabiex jiġu identifikati l-ispejjeż ipotetiċi li dawn l-assiguraturi kienu jsostnu li kieku kellhom effettivament dan il-profil ta’ riskju medju tas-suq. Id-differenza fl-ispejjeż iddeterminata abbażi tal-paragun bejn l-ispejjeż effettivi (abbażi tal-profil ta’ riskju reali ta’ l-assiguratur) u ta’ l-ispejjeż ipotetiċi (abbażi tal-profil ta’ riskju medju tas-suq ta’ l-assiguratur) isservi fl-aħħar nett sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż ta’ ekwivalenza, kif inhu msemmi fil-punt 27 iktar’il fuq. Dawn il-ħlasijiet għandhom jikkorrispondu eżattament ma’ din id-differenza fl-ispejjeż u jistgħu jkunu suġġetti, skond il-“fattur korrettiv li jibda’ minn żero” (zero sum adjustment factor), għal aġġustament sabiex jiġi ggarantit li l-iskema tiffinanzja lilha nnifisha.

34      Jekk ir-RES tista’, teoretikament, tapplika għal kull assiguratur APKM attiv fis-suq Irlandiż, il-partijiet jaqblu billi jirrikonoxxu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tagħha twassal essenzjalment għal trasferiment ta’ fondi minn BUPA Ireland favur il-VHI.

VII –  Id-deċiżjoni kkontestata

35      Fit-23 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet Irlandiżi nnotifikaw formalment ir-RES lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 88(3) KE.

36      Permezz tad-Deċiżjoni C (2003) 1322 finali tat-13 ta’ Mejju 2003 (Għajnuna mill-Istat Nru 46/2003-Irlanda) (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, skond l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999, fir-rigward ta’ l-introduzzjoni tar-RES fl-Irlanda.

37      L-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid li:

“Ir-[RES] timplika ħlasijiet li huma limitati għall-minimu neċessarju sabiex l-assiguraturi [APKM] jitħallsu lura għall-obbligi tagħhom ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali u ma jimplikax għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38      Fil-kuntest tal-preżentazzjoni fattwali tar-RES magħmula fil-punti 17 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet, b’mod iddettaljat, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll kif taħdem ir-RES. Fil-punti 20 sa 30 ta’ l-imsemmija deċiżjoni huma deskritti l-kundizzjonijiet li jagħtu lok għall-ħlasijiet RES (punti 20 sa 24) kif ukoll il-kriterji u l-metodu għall-kalkolu tal-ħlasijiet RES (punti 25 sa 30).

39      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ġuridika tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-miżura notifikata “ma [tikkostitwix] għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE jew, alternattivament, [setgħet] tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 86(2) KE” (punti 37 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

40      In sostenn ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat essenzjalment, minn naħa, li r-RES tissoddisfa, bħala prinċipju, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE. Hija tosserva f’dan ir-rigward li l-ħlasijiet RES kienu jiġu minn riżorsi pubbliċi, minn fondi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet obbligatorji u kkontrollati mill-awtoritajiet ta’ l-Istat, li prattikament kienu jivvantaġġaw lill-VHI, impriża f’pożizzjoni dominanti b’85 % ta’ sehem mis-suq, biex jiġu kkumpensati l-ispejjeż li normalment dan kien ikollu jsostni. Hija qieset li dawn il-ħlasijiet setgħu jaffetwaw il-kompetizzjoni u l-kummerċ intra-Komunitarju u li r-RES setgħet, għaldaqstant, tiġi meqjusa bħala għajnuna mill-Istat (punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Il-Kummissjoni kkunsidrat, min-naħa l-oħra, li l-kumpens assigurat mir-RES madankollu ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, minħabba li jirrigwarda, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C‑53/00, Ġabra p. I‑9067, punt 27), kumpens intiż sabiex jingħata ħlas għas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar’il quddiem l-“obbligi SIEĠ”) imposti fuq l-assiguraturi kollha attivi fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, jiġifieri obbligi intiżi sabiex jassiguraw lil kull persuna li tgħix fl-Irlanda livell minimu ta’ servizzi APKM għal prezz aċċettabbli u taħt kundizzjonijiet simili ta’ kwalità. Hija osservat (fil-punti 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata) li dan l-għan għandu jseħħ billi tiġi stabbilita solidarjetà bejn il-persuni assigurati u li, b’mod partikolari:

–        l-obbligu ta’ adeżjoni miftuħa, jiġifieri l-obbligu għall-assiguratur APKM li joffri kuntratt APKM lil kull persuna li tapplika għaliha, indipendentement mill-età tagħha, mis-sess tagħha jew mill-istat ta’ saħħa tagħha, kien jevita l-esklużjoni mill-APKM tal-persuni anzjani jew li jbatu minn mard kroniku;

–        l-obbligu ta’ kopertura matul il-ħajja kien jevita li l-assiguraturi APKM jirrifjutaw lill-persuni assigurati meta dawn jimirdu jew jixjieħu;

–        ir-rata komuni kienet timponi fuq l-assiguraturi APKM l-obbligu li japplikaw l-istess primjum għall-persuni kollha assigurati għall-istess tip ta’ prodott, indipendentement mill-istat tas-saħħa tagħhom, l-età tagħhom jew is-sess tagħhom; il-primjums, b’konsegwenza ta’ dan, jiġu ffissati b’rata ogħla minn dik li l-persuni żgħażagħ ikollhom iħallsu għal provvista ta’ servizzi APKM li r-rata tagħhom tkun ibbażata fuq evalwazzjoni ta’ riskju u l-primjums mħallsa mill-persuni anzjani jew morda jkunu ferm iktar aċċettabbli milli kieku kellhom jiġu ffissati skond ir-riskju assigurat; għaldaqstant, ir-rata komuni kienet il-bażi nnifisha tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet billi tiggarantixxi lill-persuni kollha assigurati li l-preżenza ta’ marda kronika jew ferita gravi ma tirriżultax fl-impossibbiltà li wieħed ilaħħaq ma’ l-ispiża tal-kopertura;

–        fl-aħħar nett, ir-regolamenti dwar il-provvisti minimi kienu jiggarantixxu li l-prodotti proposti jirrispettaw ċertu standards ta’ kwalità minima, minkejja li l-assiguraturi APKM kienu liberi li jiddefinixxu l-prodotti tagħhom ta’ assigurazzjoni.

42      Fir-rigward tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti, fl-ilment tagħhom, li l-obbligi msemmija fil-punt 41 iktar’il fuq jikkostitwixxu obbligi SIEĠ, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li kien leġittimu għall-awtoritajiet nazzjonali li jikkunsidraw li ċertu servizzi huma ta’ importanza ġenerali u għandhom jiġu assigurati permezz ta’ obbligi SIEĠ ladarba l-forzi tas-suq mhumiex suffiċjenti sabiex jiggarantixxu l-provvista tagħhom. Hija osservat barra minn hekk li, fin-nuqqas ta’ ekwivalenza fuq livell Komunitarju fir-rigward tas-settur ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, l-awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti sabiex jimponu obbligi SIEĠ fuq l-operaturi kollha tas-suq in kwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-libertà mogħtija fl-Irlanda lill-operaturi li jiffissaw il-prezzijiet u li jiddefinixxu l-prodotti ta’ assigurazzjoni tagħhom ma kinitx tmur kontra l-fatt li l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni rilevanti jikkostitwixxu obbligi SIEĠ safejn l-imsemmija obbligi jservu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar’il quddiem il-“missjoni SIEĠ”), bħall-aċċess ta’ kull persuna li tgħix fl-Irlanda għal ċertu livell ta’ servizzi APKM għal prezz raġonevoli u taħt kundizzjonijiet simili ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-awtoritajiet Irlandiżi ma wettqux żball manifest billi kkwalifikaw bħala SIEĠ servizzi li jmorru lilhinn minn dawk offerti mill-iskema pubblika ta’ sigurtà soċjali u ammettiet, konsegwentement, li l-obbligi in kwistjoni f’dan il-każ jistgħu ikunu kkwalifikati bħala obbligi SIEĠ skond id-dritt Komunitarju (punti 42 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat, essenzjalment, li l-applikazzjoni tar-RES kienet strettament neċessarja għall-ippreżervar ta’ l-istabbiltà tas-suq rilevanti, għat-tneħħija tad-differenza fil-profili ta’ riskju bejn l-assiguraturi APKM u għall-ikkumpensar ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ in kwistjoni. Hija kkonkludiet għaldaqstant li r-RES kienet ta’ natura proporzjonata (punti 50 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fir-rigward tal-bżonn tar-RES, hija tosserva li studji ekonomiċi enfasizzaw il-fatt li, fi skema ta’ rata komuni u minkejja l-obbligu ta’ adeżjoni miftuħa, l-assiguraturi APKM huma, fin-nuqqas ta’ RES, imħajra ħafna li jolqtu, permezz ta’ strateġiji selettivi ta’ marketing per eżempju, lill-konsumaturi b’riskju ridott u f’saħħithom sabiex jiffissaw primjum komuni inqas għoli minn dak tal-kompetituri tagħhom. Hija osservat ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki fin-nuqqas ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, il-konsumaturi x’aktarx ibiddlu l-assiguratur tagħhom, li jista’ jagħti lok għal konsegwenza ta’ spejjeż li jikbru għall-assiguraturi APKM fejn il-profil ta’ riskju tagħhom huwa kkostitwit minn proporzjoni iktar importanti ta’ assigurati li mhumiex f’saħħithom.

45      Għal dak li jirrigwarda s-suq Irlandiż ta’ l-APKM, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tar-rapport ta’ l-Irish Society of Actuaries ta’ April 2002 u tad-data disponibbli, li s-sitwazzjoni attwali segħet tinbidel u twassal għal “konsegwenzi gravi ħafna” safejn ċertu assiguraturi APKM ippruvaw iħajru konsumaturi żgħażagħ u, għalhekk, meqjusa f’saħħithom, permezz ta’ strateġija ta’ selezzjoni tar-riskji pjuttost milli permezz ta’ strateġija ta’ kwalità u ta’ effiċjenza (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, hija qieset li, anki jekk għadha ma setgħetx tiġi osservata instabbiltà fis-suq, il-periklu ta’ selezzjoni tar-riskji fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM ibbażat fuq rata komuni ma setgħetx tiġi eskluża, b’mod li kien neċessarju li tiġi ppreżervata l-istabbiltà ta’ dan is-suq bl-introduzzjoni tar-RES li kienet tiggarantixxi li r-riskji fl-imsemmi suq jinqasmu b’mod approprjat. Fil-fatt, f’suq ta’ l-APKM li jkollu rata bbażata fuq ir-riskju, ir-RES ma tkunx neċessarja (punti 50 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Rigward in-natura proprozjonata tar-RES, minn naħa, il-Kummissjoni osservat, essenzjalment, li tqassim mhux ugwali tar-riskji fost l-assiguraturi APKM ma jwassalx awtomatikament għall-adozzjoni tar-RES, iżda li din kienet tidħol fis-seħħ ladarba ċertu kundizzjonijiet jiġu soddisfatti u, b’mod partikolari, ladarba ċertu perċentwali ta’ differenza fir-riskji jintlaħqu. Min-naħa l-oħra, hija osservat li r-RES kienet tillimita t-trasferimenti ta’ ħlasijiet bejn l-assiguraturi APKM għal livell strettament neċessarju sabiex titneħħa d-differenza bejn il-profili ta’ riskju tagħhom. Hija qieset li skema li tikkumpensa l-assiguraturi APKM minħabba spejjeż sostnuti sabiex jiġu koperti riskji “ħżiena” li jaqbżu l-medja tas-suq kienet strettament neċessarja għall-ikkumpensar ta’ l-obbligi SIEĠ li tpoġġew fuqhom, li tipprojbilhom milli jiffisaw l-ammont tal-primjums skond ir-riskju assigurat u li jwarrbu r-riskji “ħżiena”.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-ħlasijiet kollha ta’ l-assiguraturi APKM lill-persuni assigurati ma jagħtux lok għal ekwivalenza, peress li r-RES tipprovdi limitu determinat li jikkorrispondi għal-livell tas-servizzi li minnhom jibbenefikaw il-maġġoranza tal-persuni assigurati fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, bl-eċċezzjonijiet tas-servizzi “ta’ lussu”. Hija osservat ukoll li r-RES kienet tieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż medji ta’ l-assiguratur li jirriżultaw mit-talbiet ta’ ħlasijiet lura b’mod li tiġi evitata ekwivalenza ta’ l-ispiża medja għal kull kategorija ta’ persuni assigurati u li tippermetti lill-assiguraturi APKM jippreżervaw il-qliegħ miksub permezz ta’ l-effiċjenza tagħhom innifisha. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat li r-RES kienet tillimita l-applikazzjoni tal-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju, għal 50 % ta’ l-użu osservat tal-kapaċitajiet ta’ ospitalizzazzjoni (imsejħa wkoll “esperjenza tas-suq”), li kienet garanzija supplimentari sabiex l-assiguraturi jingħataw l-inċentiva biex jippromwovu t-tnaqqis tat-tul ta’ żmien fl-isptarijiet, id-detezzjoni kmieni tal-mard u amministrazzjoni korretta b’mod ġenerali. Hija osservat li, konsegwentement, ir-RES qatt ma tekwivali d-differenza sħiħa bejn ir-riskji fis-suq (punti 27, 28 u 53 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-Kummissjoni kkonkludiet li, anki jekk l-ikkumpensar ta’ l-obbligi SIEĠ kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, l-element ta’ għajnuna kien kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 86(2) KE, bla ħsara għal kompatibbiltà eventwali ma regoli oħra tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mat-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, fejn l-eżami għandha ssir fil-kuntest tal-proċeduri approprjati (punti 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ġunju 2003, b’risposta għall-ittra tar-rikorrenti tas-7 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni informat lil dawn ta’ l-aħħar dwar il-fatt li hija kienet ikkunsidrat li r-RES ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE jew setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 86(2) KE.

50      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni kkomunikat, fuq talba tar-rikorrenti, kopja tad-deċiżjoni kkontestata li huma rċevew fil-11 ta’ Ġunju 2003.

51      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni kkonfermat lir-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata kienet timplika ċ-ċaħda ta’ l-ilment tagħhom u bagħtitilhom, bħala risposta għal talba oħra tagħhom, lista ta’ seba’ studji ekonomiċi in sostenn tan-notifika ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi fejn ippreċiżaw li dawn kienu “pubbliċi”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

52      B’talba rreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Awwissu 2003, ir-rikorrenti ressqu r-rikors preżenti. B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 14(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din ta’ l-aħħar iddeċidiet li tisma’ l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

53      Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess jum, ir-rikorrenti talbu, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ proċedura mħaffa. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2003, il-konvenuta ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din it-talba. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Settembru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza informat lir-rikorrenti dwar id-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa.

54      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament fis-27 ta’ Novembru, fit-12 u fis-17 ta’ Diċembru 2003, l-Irlanda, ir-Renju ta’ l-Olanda u l-VHI talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża in sostenn tal-konvenuta. Permezz ta’ digrieti tat-3 ta’ Frar u tat-2 ta’ April 2004, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ammetta rispettivament, minn naħa, l-Irlanda u r-Renju ta’ l-Olanda u, min-naħa l-oħra, il-VHI sabiex jintervjenu f’din il-kawża in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta.

55      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 2004, l-Irlanda ressqet oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti u talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tibagħtilha verżjoni kompleta ta’ l-atti kollha tal-proċedura. Permezz ta’ digriet ta’ l-4 ta’ Marzu 2005, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-Irlanda u ordna li tintbagħtilha verżjoni kompleta ta’ l-atti tal-proċedura.

56      L-intervenjenti ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti fit-termini mogħtija.

57      Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti ressqu talba sabiex jiġu ordnati miżuri provviżorji skond l-Artikoli 242 KE u 243 KE, irreġistrata taħt ir-referenza T-289/03 R, sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti rrinunzjaw għat-talba tagħhom li jiġu ordnati miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ordna t-tħassir tal-kawża T-289/03 R u rriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

58      Fid-19 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal trattament prijoritarju skond l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-konvenuta, l-Irlanda u l-VHI ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba.

59      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tibda’ il-proċedura orali u li tagħti t-trattament prijoritarju tal-kawża skond l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura taħt l-Artikolu 64 ta’ l-istess regoli, stiednet il-partijiet iwieġbu għal mistoqsijiet bil-miktub fis-seduta. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija.

60      Instemgħu s-sottomissjonjijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2007.

61      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż;

–        tiddikjara inammissibbli l-argumenti ta’ l-Irlanda u tal-VHI ibbażati fuq l-Artikolu 87(1) KE;

–        tordna li l-intervenjenti jbatu l-ispejjeż.

62      Il-konvenuta u l-intervenjenti in sostenn tagħha jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-dritt

VIII –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

63      Fil-kontroreplika, il-konvenuta tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li r-rikorrenti mhumiex individwalment jew direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

64      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-konvenuta ssostni li r-RES tapplika għall-assiguraturi APKM kollha attivi fis-suq Irlandiż u, għaldaqstant, tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tipproduċi effetti ġuridiċi biss fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni kkunsidrati b’mod astratt. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport tal-HIA lill-Ministru tas-Saħħa tat-28 ta’ April 2004, ikkomunikat lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Mejju 2004, u bil-kontra ta’ l-affermazzjoni fformulata fir-rikors li tgħid li r-rikorrenti u l-VHI jaqgħu biss taħt ir-RES, assiguratur ieħor, l-iStaff Medical Provident Fund ta’ l-Electricity Supply Board (iktar’il quddiem l-“SMPF”), huwa wkoll suġġett għar-RES. Għalhekk, ir-rikorrenti mhumiex individwalment ikkonċernati minħabba kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra. p. I‑6677, punt 36) u lanqas ma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik li minnha oriġinat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill (C‑358/89, Ġabra p. I‑2501). Il-possibbiltà li f’mument partikolari tiġi ddeterminata l-identità probabbli tal-benefiċjarji tar-RES ma’ tneħħi xejn mill-portata ġenerali ta’ l-iskema in kwistjoni.

65      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta ssostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex neċessarjament bħala konsegwenza l-applikazzjoni tar-RES, peress li barra minn hekk din teħtieġ rakkomandazzjoni tal-HIA u approvazzjoni ministerjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni, T‑9/98, Ġabra p. II‑3367, punt 51). F’dan ir-rigward, il-konvenuta ppreċiżat waqt is-seduta li r-rikorrenti ma kinux direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-implementazzjoni tar-RES kienet tiddependi minn miżuri intermedji li kellhom jittieħdu mill-awtoritajiet Irlandiżi u li jistgħu jiġu suġġetti għal rikors quddiem il-qrati nazzjonali.

66      Fir-rigward ta’ l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, skond l-Artikolu 88(2) KE, il-konvenuta żżid li l-għan essenzjali tar-rikors huwa li jiġi kkontestat il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli minħabba li għandu bħala suġġett talba intiża għall-osservanza tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE, kif inhuma rikonoxxuti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C‑198/91, Ġabra p. I‑2487).

67      Ir-rikorrenti jsostnu li l-motiv ta’ inammissibbiltà sostnut mill-konvenuta jmur kontra l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura minħabba li tqajjem tardivament b’kontroreplika. Huma jfakkru, barra minn hekk, minn naħa, li l-applikazzjoni tar-RES inevitabbilment ikollha bħala konsegwenza ħlasijiet min-naħa ta’ BUPA Ireland favur VHI u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet fl-aħħar tal-proċedura preliminari ta’ eżami skond l-Artikolu 88(3) KE. Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-SMPF hija wkoll suġġetta għar-RES u li din tista’ wkoll tibbenefika minn trasferiment ta’ fondi fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tagħha.

68      Ir-rikorrenti jikkonkludu li, skond il-ġurisprudenza, huma individwalment u direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Huma jżidu li r-rikors tagħhom huwa bbażat ukoll fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE, u huwa intiż sabiex jiggarantixxi d-drittijiet proċedurali tagħhom. Huma jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni (T‑157/01, Ġabra p. II‑917, punt 41), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat li huwa leġittimu għar-rikorrent li jinvoka l-motivi ta’ illegalità li jrid u li huma elenkati fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, safejn huwa jkollu l-intenzjoni li jikseb l-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.     Fuq l-amissibbiltà tal-motiv ta’ inammissibbiltà

69      Bħala tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-motiv ta’ inammissibbiltà tqajjem tardivament, fir-rigward ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi osservat li, f’kull każ, il-motiv ta’ inammissibbiltà dovut għan-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti jikkostitwixxi motiv ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, fis-sens ta’ l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ teżamina ex officio f’kull stadju tal-proċedura u indipendentement mill-motivi u argumenti mressqa mill-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punti 20 sa 22, u tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, T‑210/02, Ġabra p. II‑2789, punt 57). Ġie kkonstatat barra minn hekk li l-konvenuta tistabbilixxi fil-kontroreplika element fattwali ġdid li dwaru hija ġiet informata mill-Irlanda biss fl-14 ta’ Mejju 2004, jiġifieri li assiguratur APKM ieħor, l-SMPF, kien ukoll suġġett għall-obbligu tal-ħlasijiet RES.

70      Għaldaqstant, hemm lok sabiex jiġi eżaminat il-mertu tal-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuta.

2.     Fuq il-mertu tal-motiv ta’ inammissibbiltà

a)     Fuq l-interess individwali tar-rikorrenti

71      Il-konvenuta tikkontesta, prinċipalment, li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE tad-deċiżjoni kkontestata.

72      F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabblita, is-suġġetti minbarra dawk li huma d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu ikunu individwalment ikkonċerati biss jekk din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċertu kwalitajiet speċifiċi għalihom jew sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, jiġu individwalizzati b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju tat-tali deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; Cook vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punt 20, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 36). Fir-rigward b’mod iżjed partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ l-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa, il-fażi preliminari ta’ l-eżami ta’ l-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li għandha biss l-għan tagħha li tippermetti lill-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ l-eżami prevista fil-paragrafu 2 ta’ l-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi ta’ l-ezami, intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni tagħti intimazzjoni lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cook vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 38, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punti 33 u 34).

73      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 ta’ l-istess artikolu, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jassiguraw ir-rispett ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem qorti Komunitarja (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 40). Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors ikun li permezz ta’ tali rikors jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punti 23 sa 26, u Matra vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punti 17 sa 20). Issa, il-persuni interessati fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE li, b’dan il-mod, jistgħu, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, iressqu rikors għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu eventwalment affetwati permezz ta’ l-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikoli, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 72 iktar’il fuq, punti 35 u 36).

74      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna nnifisha, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala persuna interessata fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din ikollha għaldaqstant tipprova li qegħda f’pożizzjoni partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tiġi sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 72 iktar’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw, b’mod partikolari fl-ewwel u fit-tieni motivi tagħhom, il-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, u huwa biss is-sitt motiv li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami u, għaldaqstant, fuq in-nuqqas ta’ rispett tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, li minnhom setgħu jibbenefikaw ir-rikorrenti bħala partijiet interessati. Fil-kuntest ta’ dan l-aħħar motiv, ir-rikorrenti jsostnu barra minn hekk li l-Kummissjoni jmissha fetħet il-proċedura formali ta’ eżami minħabba dubji li kienu jeżistu fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-RES mas-suq komuni minħabba l-kumplessità fattwali u ekonomika tal-kawża.

76      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-locus standi tar-rikorrenti sabiex jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom, il-konvenuta ma tikkontestax li r-rikorrenti u b’mod partikolari BUPA Ireland, bħala kompetitriċi prinċipali ta’ VHI fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, jistgħu jitqiesu bħala partijiet interessati fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar’il fuq. F’dan ir-rigward, il-fatt li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà, wara li ġie ppreżentat l-ilment tagħhom kontra r-RES fl-1999, jiġifieri qabel ma l-Kummissjoni ma bdiet l-investigazzjoni tagħha tar-RES innotifikata mill-Irlanda fl-2003, jesponu l-argumenti tagħhom diġà matul il-proċedura preliminari ta’ eżami, skond l-Artikolu 88(3) KE, ma jċaħħadhomx mid-dritt għar-rispett tal-garanzija proċedurali mogħtija lilhom espliċitament mill-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T‑34/02, Ġabra p. II‑267, punti 94 sa 98). Għaldaqstant ir-rikorrenti għandhom locus standi safejn għandhom l-intenzjoni li jassiguraw ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom taħt l-Artikolu 88(2) KE.

77      Fir-rigward, sussegwentement, tal-locus standi tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta żbaljatament issostni li r-rikorrenti mhumiex ikkonċernati, fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Plaumann iċċitata fil-punt 72 iktar’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata.

78      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward ta’ BUPA Ireland, huwa stabbilit li, anki jekk ir-RES teoretikament tista’ tapplika għall-assiguraturi kollha attivi fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, minn naħa, BUPA Ireland hija l-kompetitriċi prinċipali ta’ VHI fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM li fih din ta’ l-aħħar tokkupa pożizzjoni dominanti, u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tar-RES neċessarjament tagħti lok, inizjalment, għal ħlasijiet RES min-naħa ta’ BUPA Ireland biss favur VHI permezz tal-fondi amministrati mill-HIA. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata mhux biss taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ BUPA Ireland fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, iżda tidentifikaha wkoll, fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħha, bħala l-unika kontributriċi netta għall-fondi mwaqqfa mir-RES. F’dan ir-rigward ma jistax jiġi milqugħ l-argument tal-konvenuta li jgħid li ċ-ċirku ta’ persuni kkonċernati mir-RES u, għaldaqstant, il-portata tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi estiż ukoll għall-SMPF, tant li ma ġiex sostnut li din iċ-ċirkustanza hija tali li tbiddel l-piż impost fuq BUPA Ireland bħala l-unika kontributriċi netta. Għandu jingħad ukoll li huwa minħabba l-biża’ ta’ bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom, saħansitra li jkollhom jitilqu mis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, li BUPA Ireland ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni u li hija kienet l-unika parti terza kkonċernata li pparteċipat attivament, wara kontestazzjoni ta’ madwar tliet snin, fil-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tagħha hija ddeterminat, mill-inqas parzjalment, il-kontenut (ara, b’mod partikolari, il-punti 33 sa 35 u 42 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi minn dak li jippreċedi li BUPA Ireland b’hekk stabbiliet l-eżistenza ta’ numru ta’ elementi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizzaha, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Extramet Industrie vs Il-Kunsill, punt 64 iktar’il fuq, punt 17). Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna lil BUPA Ireland bħala destinatarja.

80      Sussegwentement fir-rigward ta’ l-interess individwali ta’ l-ewwel u tat-tieni rikorrent, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 78 u 79 iktar’il fuq japplikaw mutatis mutandis peress li, minn meta ġie ppreżentat ir-rikors preżenti sa issa, dawn ir-rikorrenti jiffurmaw flimkien ma’ BUPA Ireland grupp ta’ impriżi li fil-kuntest tiegħu l-ewwel rikorrenti, BUPA United Provident Association Ltd, tikkontrolla s-sussidarji tagħha BUPA Insurance Ltd (it-tieni rikorrenti) u BUPA Ireland (it-tielet rikorrenti) għal 100 % (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ April 1999, Monsanto vs Il-Kummissjoni, T‑112/97, Ġabra p. II‑1277, punti 57 u 58, mhux imsemmija fl-appell li ta lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Jannar 2002, France vs Monsanto u l-Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1).

b)     Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

81      Rigward il-kwistjoni ta’ l-interess dirett imqajma mill-konvenuta, hija ġurisprudenza stabbilita li l-miżura kkontestata għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-parti interessata u l-implementazzjoni tagħha għandha tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mis-sempliċi leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr ma jiġu applikati atti oħra intermedji. Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tawtorizza għajnuna, l-istess jgħodd għal meta l-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li ma jagħtux l-għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni kontezjuża tal-Kummissjoni tkun purament teorika u li l-volontà ta’ l-imsemmija awtoritajiet li jaġixxu f’dan is-sens ma tqajjem l-ebda dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar’il fuq, punti 47 u 48; tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra p. II‑1281, punti 60 u 61, u AAC et vs Il-Kummissjoni, T‑442/93, Ġabra p. II‑1329, punti 45 u 46; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punti 43 u 44).

82      F’dan il-każ, jirriżulta minn dak li jippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-provvedimenti li ttieħdu wara li ġie liberalizzat is-suq Irlandiż ta’ l-APKM, inkluż it-twaqqif tal-HIA (ara l-punti 18 et seq iktar’il fuq), li l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom l-intenzjoni stretta li jimplementaw ir-RES, li l-operat tagħha ġie diskuss u rivedut numru ta’ drabi, fejn l-uniċi kwistjonijiet li baqgħu sabiex jiġu solvuti kienu d-data eżatta ta’ dħul fis-seħħ tar-RES u d-data li fiha kellhom jibdew il-ħlasijiet RES kif ukoll id-determinazzjoni ta’ l-ammonti ta’ l-imsemmija ħlasijiet. Għalhekk, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà li l-awtoritajiet Irlandiżi jiddeċiedu li ma jimplementawx ir-RES kienet purament teorika, peress li d-dewmien fl-implementazzjoni tagħha kienet dovuta biss għar-rikorsi mressqa mir-rikorrenti quddiem il-High Court kontra l-miżuri ta’ applikazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

83      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-konvenuta li jgħid li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex neċessarjament bħala konsegwenza l-applikazzjoni tar-RES peress li l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom jieħdu ċerti miżuri intermedji li jagħtu lok għal rikors.

84      B’hekk ir-rikorrenti huma direttament u individwalment interessati, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, mid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikors għandu jiġi ddikjarat kollu kemm hu ammissibbli.

85      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta għandha tiġi miċħuda.

IX –  Fuq il-mertu

A –  Osservazzjoni preliminari

86      Ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi in sostenn tar-rikors tagħhom, jiġifieri, l-ewwel nett, motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 87(1) KE, it-tieni nett, motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 86(2) KE, it-tielet nett, motiv ibbażat fuq żball tad-dritt minħabba nuqqas ta’ eżami tal-legalità tar-RES fir-rigward ta’ l-Artikolu 86(1) fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE, ir-raba’ nett, motiv ibbażat fuq żball tad-dritt minħabba nuqqas ta’ eżami tal-legalità tar-RES fir-rigward ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-ħames nett, motiv ibbażat fuq żball tad-dritt u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba nuqqas ta’ eżami adegwat tal-legalità tar-RES fir-rigward tat-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, is-sitt nett, motiv ibbażat fuq l-astensjoni illegali milli tinfetaħ il-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE, u, is-seba’ nett, motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE.

87      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, b’mod preliminari, li l-argumenti tal-partijiet imressqa fil-kuntest ta’ l-ewwel u t-tieni motivi huma simili f’ħafna aspetti. Huma jitrattaw b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ kif ukoll dik tal-bżonn tar-RES għall-eżekuzzjoni ta’ din il-funzjoni u tan-natura proporzjonata tagħha. Jeħtieġ għaldaqstant li, l-ewwel nett, tinżamm is-sustanza ta’ dawn l-argumenti kollha sabiex ikunu jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod utli, sussegwentement, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ dawn iż-żewġ motivi.

B –  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi

1.     Argumenti tal-partijiet

a)     Fuq il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 87(1) KE

 i) L-argumenti tar-rikorrenti


 1) Osservazzjonijiet ġenerali

88      Ir-rikorrenti jindikaw, preliminarjament, li huma jikkontestaw, permezz ta’ l-ewwel motiv tagħhom, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li r-RES “ma timplikax għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) [KE]”. Huma josservaw li l-konvenuta ma ppreżentatx argumenti ta’ difiża kontra dan il-motiv, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sempliċement minħabba din ir-raġuni.

89      Ir-rikorrenti jżidu li l-Kummissjoni ddikjarat, ġustament, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li, bħala prinċipju, ir-RES tissoddisfa l-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) KE u li, għaldaqstant, tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, fil-punti 61 u 62 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni żbaljatament ikkunsidrat li r-RES xorta waħda ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba l-fatt li tikkumpensa l-obbligi SIEĠ. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-ikkumpensar ta’ l-obbligi SIEĠ, kif imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq, punt 27, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar’il quddiem is-“sentenza Altmark”, punti 87 sa 93), ma ġewx soddisfatti. B’mod partikolari fis-sentenza Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens għas-servizzi li ġew provduti minn impriżi benefiċjarji li jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawn l-impriżi ma japprofittawx ruħhom, fil-verità, minn vantaġġ finanzjarju, u li l-imsemmi intervent għaldaqstant ma jkollux bħala effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla ma’ l-impriżi li jikkompetu magħhom, dan l-intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 87(1) KE (sentenza Altmark, iċċitata iktar’il fuq, punt 87). Barra minn hekk, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, għal dan jeħtieġ li jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivament (sentenza Altmark, iċċitata iktar’il fuq, punti 88 sa 93), li mhuwiex il-każ hawnhekk.

90      F’dan ir-rigward, it-tentattiv tal-konvenuta li teskludi mill-annullament id-deċiżjoni kkontestata billi tibbaża ruħha biss fuq l-Artikolu 86(2) KE ma jistax ikollu suċċess peress li d-dispożittiv ta’ l-imsemmija deċiżjoni ma tagħmilx riferiment għall-Artikolu 86(2) KE u peress li l-motivazzjoni f’dan ir-rigward, fil-punt 61 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, mhijiex suffiċjenti. Anki fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) KE huma l-istess bħal dawk ta’ l-Artikolu 87(1) KE, li l-konvenuta ma tikkontestax, l-argument tagħha ma jistax jiġi milqugħ minħabba li ma jipprovax, f’kull każ, l-eżistenza ta’ obbligu SIEĠ li jiġġustifika r-RES u n-natura proporzjonata tar-RES kemm fis-sens tas-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, kif ukoll ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

91      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu barra minn hekk li, b’differenza għall-konvenuta u għar-Renju ta’ l-Olanda, l-Irlanda u l-VHI jippruvaw jiddefendu l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata billi jallegaw li l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ġew sodisfatti. Issa, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom jidħlu fil-kawża in statu et terminis b’mod li ma jistgħux ibiddlu l-kuntest tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 1997, British Steel vs Il-Kummissjoni, T‑243/94, Ġabra p. II‑1887, punt 70), skond kif iddefinit fis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti u tal-konvenuta. Għaldaqstant, peress li l-konvenuta rrinunzjat milli tippreżenta argumenti bbażati fuq l-Artikolu 87(1) KE, il-kawża kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 86(2) KE. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, b’hekk l-argumenti ta’ l-Irlanda u ta’ VHI rigward l-Artikolu 87(1) KE għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

92      F’kull każ, in-nuqqasijiet fir-raġunar tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu limitati, matul l-istanza u retroattivament, permezz ta’ argumenti ġodda ta’ dritt u ta’ fatt invokati mill-partijiet intervenjenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punti 255, 271 u 282; il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Fennelly għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzjas tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, I‑8894, punt 70). B’hekk, l-argumenti ta’ l-Irlanda u ta’ VHI għandhom, wara kollox, jiġu miċħuda bħala infondati.

93      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sottomissjonijiet ta’ l-intervent ta’ l-Irlanda, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl ta’ l-Artikolu 116(4)(b) tar-Regoli tal-Proċedura u tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punti 31 u 34), l-argumenti fuq il-mertu li jinsabu fl-Annessi 4, 7, 9 u 10 ta’ dawn is-sottomissjonijiet huma ammissibbli biss safejn dawn ġew invokati fl-imsemmija sottomissjonijiet innifishom.

94      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, f’dan il-każ, l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ma ġewx sodisfatti fir-rigward tar-RES. Il-Kummissjoni barra minn hekk naqset kompletament milli teżamina t-tieni, it-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet, wara li aċċettat, mingħajr ma wettqet evalwazzjoni approprjata, il-pożizzjoni ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni.

 2) Fuq l-ewwel kundizzjoni, dwar obbligi SIEĠ reali u ddefiniti b’mod ċar

95      Ir-rikorrenti jfakkru l-ewwel kundizzjoni msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq (punt 89), li tgħid li l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu kjarament iddefiniti.

96      Ir-rikorrenti jqisu li, minħabba b’mod partikolari r-rabta stretta bejn l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 86(2) KE, il-kunċett ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku użat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa ekwivalenti għall-obbligu SIEĠ (il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano għas-sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq, Ġabra p. I‑9069, punti 51 u 60, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra p. I‑13769, I‑13772). Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, in-natura ekwivalenti ta’ dawn iż-żewġ kunċetti, Barra minn hekk, hija spjegat pubblikament li dawn iż-żewġ kunċetti jirreferu għal servizzi b’karatteristiċi partikolari, li jissoddisfaw il-bżonnijiet tal-pubbliku b’mod ġenerali (rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tax-xogħolijiet li jikkonċernaw il-linji gwida dwar l-għajnuniet mogħtija mill-[I]stat marbuta mas-[SIEĠ], sezzjoni 2), li ma jibbenefikawx lil kategoriji speċifiċi ta’ utenti (non-papers tal-Kummissjoni fuq is-SIEĠ u l-għajnuna mill-Istat, tat-12 ta’ Novembru 2002, p. 21) u li, għaldaqstant, jissodisfaw l-elementi komuni li ġejjin: servizz universali, kontinwità, kwalità tas-servizz, aċċessibbiltà tar-rati/prezzijiet, protezzjoni ta’ l-utenti u tal-konsumatur (Green paper tal-Kummissjoni fuq is-servizzi ta’ interess [importanza] ġenerali, tal-21 ta’ Mejju 2003, COM (2003) 270 finali, punt 49).

97      Fl-opinjoni tar-rikorrenti, fir-rigward tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-obbligi SIEĠ, il-kundizzjonijiet imsemmija iktar’il fuq jimplikaw karatteristika essenzjali supplimentari, jiġifieri li, bħala servizz universali, il-provvista tas-servizz għandha tkun obbligatorja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1981, Züchner, 172/80, Ġabra p. 2021, punt 7; ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Merci Convenzionali Porto di Genova, C‑179/90, Ġabra p. I‑5889, punt 27; tas-27 ta’ April 1994, Almelo, C‑393/92, Ġabra p. I‑1477, punt 48; tas-17 ta’ Lulju 1997, GT‑Link, C‑242/95, Ġabra p. I‑4449, u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, Ġabra p. I‑3949, punt 45).

98      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tad-definizzjoni speċifika u limitata tal-kunċett ta’ obbligu SIEĠ, anki jekk kull leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi fuq impriża setgħet tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata fl-interess ġenerali jew pubbliku, dan ma jgħoddx safejn dawn l-obbligi kollha jikkostitwixxu obbligi SIEĠ fis-sens restrittiv, għall-eżekuzzjoni ta’ liema l-Istat jista’ validament jikkumpensa l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza u l-prattika tal-Kummisjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-introduzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ, minn naħa, u l-istħarriġ u r-regolamentazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriżi, min-naħa l-oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Gustizzja tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni, 7/82, Ġabra p. 483, punti 31 u 32, u tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, Ġabra p. I‑5941, punt 22; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 97/606/KE tas-26 ta’ Ġunju 1997 skond l-Artikolu [86(3) KE] rigward id-dritt esklużiv li jixxandru riklami televiżivi fil-Fjandri, ĠU L 244, p. 18, premessa 14, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑266/97, Ġabra p. II‑2329). Skond ir-rikorrenti, li kieku dan ma kienx il-każ u li kieku l-Istati Membri ma kinux marbuta jirrispettaw din id-definizzjoni preċiża u limitata tal-kunċett ta’ obbligu SIEĠ, huma jkunu f’pożizzjoni li jevitaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE billi jikkumpensaw kull tip ta’ obbligi imposti fuq l-impriżi fl-interess pubbliku.

99      Ir-rikorrenti josservaw li l-kunċett ta’ obbligu SIEĠ huwa kunċett tad-dritt Komunitarju ta’ interpretazzjoni oġġettiva bl-istess mod bħall-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, li tagħha hija tifforma parti sħiħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 13, u tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25; il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza GEMO, punt 96 iktar’il fuq, punt 73). Dan huwa sostnut mill-ġurisprudenza li tgħid li l-kunċett ta’ SIEĠ, fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE għandu jiġi interpretat restrittivament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja GT‑Link, punt 97 iktar’il fuq, punt 50, u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑157/94, Ġabra p. I‑5699, punt 37), sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħarbu faċilment mill-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat.

100    Filwaqt li l-Istat Membru għandu l-libertà jiddeċiedi, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu, il-metodu li bih għandu l-intenzjoni jassigura u jirregola l-provvista tas-SIEĠ (rapport tal-Kummissjoni fuq l-istat tax-xogħolijiet fuq il-linji gwida għall-għajnuniet mill-[I]stat marbuta mas-[SIEĠ], sezzjoni 4.1; Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (99) D/10201, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1999, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 88/98 – Ir-Renju Unit), il-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligu SIEĠ hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1985, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 41/83, Ġabra p. 873, punt 30).

101    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjonijiet tal-konvenuta u ta’ l-intervenjenti li jgħidu li, minn naħa, il-kunċett ta’ obbligu SIEĠ u l-applikazzjoni tiegħu huma suġġetti biss għal stħarriġ ta’ żball manifest u, min-naħa l-oħra, id-definizzjoni tal-portata ta’ dan il-kunċett essenzjalment jirriżulta mid-diskrezzjoni ta’ l-Istat Membri. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza invokata mill-intervenjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 104, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra p. II‑229, punt 137) tikkonferma, bil-kontra, l-allegazzjoni tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, skond dawn ta’ l-aħħar, l-intervenjenti ma jressqu l-ebda argument li jista’ jikkontesta d-definizzjoni Komunitarja tal-kunċett ta’ obbligu SIEĠ.

102    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, f’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ma ġietx soddisfatta minħabba n-nuqqas ta’ obbligi SIEĠ marbuta mar-RES. L-evalwazzjoni kuntrarja tal-Kummissjoni, fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żbaljata minn żewġ aspetti.

103    Minn naħa, il-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligi SIEĠ invokati mill-awtoritajiet Irlandiżi, jiġifieri l-bżonnijiet ta’ l-adeżjoni miftuħa, tar-rati komuni, tal-kopertura matul il-ħajja u ta’ provvisti minimi (iktar’il quddiem l-“obbligi APKM”), jikkostitwixxux effettivament u oġġettivament obbligi SIEĠ. Fil-verità, il-Kummissjoni evitat din il-kwistjoni billi qieset żbaljatament li kienet taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi u li l-istħarriġ tagħha kien limitat għal żbalji manifesti mwettqa minn dawn l-awtoritajiet fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-bżonn ta’ definizzjoni Komunitarja restrittiva u oġġettiva ta’ l-obbligi SIEĠ u ddelegat illegalment lill-awtoritajiet Irlandiżi s-setgħa li tiddefinixxi dak li kienu jikkostitwixxu dawn l-obbligi. B’hekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx il-livell ta’ stħarriġ meħtieġ mill-Artikolu 87(1) KE.

104    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligi APKM ma jirriflettux natura ta’ obbligu SIEĠ għar-raġunijiet esposti iktar’il quddiem.

105    L-ewwel nett, skond il-ġurisprudenza u l-prattika tal-Kummissjoni, l-obbligi APKM huma obbligi regolatorji normali marbuta ma’ l-awtorizzazzjoni tal-provvista ta’ servizz u ma’ l-istħarriġ mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ l-attività ta’ l-operaturi kkonċernati. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma timponix fuq l-operaturi kkonċernati l-obbligu li jipprovdu servizzi APKM, u wisq inqas livell minimu ta’ dawn is-servizzi jew servizz universali. Dan jirrigwarda biss awtorizzazzjoni li jiġu pprovduti dawn is-servizzi skond id-domanda tas-suq suġġett għall-kundizzjoni li l-operatur in kwistjoni jirrispetta l-prinċipji ta’ adeżjoni miftuħa, ta’ kopertura matul il-ħajja, ta’ rata komuni u ta’ provvista minima. Dan jirrigwarda wkoll il-VHI li, b’eċċezzjoni għall-pjan P, mhuwiex suġġett għal obbligu leġiżlattiv li jipprovdi servizzi APKM speċifiċi.

106    It-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-obbligi APKM huma intiżi sabiex jiġi assigurat ċertu livell ta’ servizzi APKM lill-persuni kollha li jgħixu l-Irlanda għal prezz raġonevoli u taħt kundizzjonijiet ta’ kwalità simili hija manifestament żbaljata, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li jiġu esklużi mis-servizzi APKM il-persuni anzjani u dawk li huma diġà morda. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-regola ta’ adeżjoni miftuħa tevita l-esklużjoni ta’ dawn il-persuni hija żbaljata. Bil-kontra, l-assiguraturi APKM għandhom id-dritt jeskludu l-persuni li qabżu l-età ta’ 65 sena, jiġifieri madwar 8 % tal-popolazzjoni Irlandiża, li jixtiequ jaderixxu għall-ewwel darba (it-tielet inċiż tal-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata u, prattikament, il-VHI u BUPA Ireland ma joffrux poloz ta’ assigurazzjoni għat-tali persuni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-persuni diġà morda, l-asiguraturi APKM għandhom id-dritt li jillimitaw il-kopertura billi jimponu perijodu ta’ stennija ta’ bejn ħamsa sa għaxar snin skond l-età tal-persuni kkonċernati qabel ma dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kopertura, liema possibbiltà kemm il-VHI – ħlief għall-pjan P – kif ukoll BUPA Ireland prattikament jagħmlu użu minnha. Fl-aħħar nett, skond il-figuri attwali, madwar 49 % tal-popolazzjoni Irlandiża ma jibbenefikawx mis-servizzi APKM. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-provvista minima tipprovdi livell ta’ kopertura għal dan il-livell baxx li, fil-prattika, hija ftit utli minħabba l-fatt li dan il-livell jinqabeż kunsiderevolment mill-poloz ta’ assigurazzjoni iktar bażiċi disponibbli fis-suq, bħal dawk imsemmija “pjan A” tal-VHI.

107    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-obbligi APKM jiggarantixxu rati uniformement aċċettabbli. Anki għall-persuni li għandhom aċċess għal dawn is-servizzi u li jistgħu għaldaqstant jibbenefikaw mir-rati komuni, ir-rati, b’eċċezzjoni għal dawk tal-pjan P, huma esklużivament stabbiliti mis-suq innifsu. Għalhekk, promozzjonijiet jew riduzzjonijiet sinjifikattivi ta’ primjums huma permessi b’mod partikolari għall-persuni li għandhom inqas minn 18-il sena jew dawk bejn 18 u 23 sena. B’hekk, ir-rata komuni tippermetti biss uniformità tar-rati determinati liberament mill-assiguraturi skond il-kundizzjonijiet tas-suq.

108    Ir-raba’ nett, l-obbligi APKM ma jippreżentawx, f’kull każ, in-natura ta’ obbligu SIEĠ. Fil-fatt,’il bogħod milli jikkostitwixxu servizz universali introdott fl-interess ġenerali, bħal servizz li jissostitwixxi l-iskema pubblika tas-sigurtà soċjali, is-servizzi APKM in kwistjoni huma sempliċement servizzi finanzjarji addizzjonali mhux obbligatorji intiżi sabiex jiggarantixxu kopertura kumplementari jew supplimentari meta mqabbla mas-servizz universali. F’dan ir-rigward, din il-kawża għandha tiġi distinta mis-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK-Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I‑2493), rigward l-iskema Ġermaniża ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, li hija obbligatorja għall-maġġoranza kbira ta’ l-impjegati Ġermaniżi u li tissostitwixxi l-provvista ta’ kura għas-saħħa (pubblika) univerali (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza AOK-Bundesverband et, iċċitata iktar’il fuq, Ġabra p. I‑2495; is-sentenza Albany, punt 101 iktar’il fuq). Ir-rikorrenti jżidu li l-każ in kwistjoni huwa pjuttost analogu għas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar’il fuq (punti 90 sa 92), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-kwalifikazzjoni ta’ SIEĠ fir-rigward ta’ servizz ta’ trasport, minħabba l-fatt li l-attivitajiet ta’ trasport in kwistjoni kienu suġġetti għall-kompetizzjoni bejn id-diversi impriżi ta’ trasport li kienu attivi fis-suq u li kienu jinsabu kollha fl-istess sitwazzjoni.

109    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkontestaw l-allegazzjoni tal-konvenuta, sostnuta essenzjalment fis-sottomissjonijiet tad-difiża tagħha (punti 13 u 35 sa 43) u mhux fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hija l-provvista tas-servizzi APKM – pjuttost milli l-obbligi APKM – li jikkostitwixxu l-vera funzjoni SIEG u, mingħajr r-RES, is-suq Irlandiż ta’ l-APKM ma jistax jaħdem taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. Fil-fatt, dan mhuwiex il-każ minħabba n-nuqqas ta’ obbligu għal BUPA Ireland jew għall-VHI, ħlief fir-rigward tal-pjan P, li jipprovdu servizzi AMP. Fil-verità, id-deċiżjoni kkontestata tikkomporta biss l-implementazzjoni ta’ l-obbligi APKM li hija żbaljatament tikkwalifika bħala obbligi SIEĠ. Barra minn hekk, minkejja li s-servizzi APKM, bħala servizzi finanzjarji mhux obbligatorji, jipprovdu kopertura li tissigura aċċess iktar mgħaġġel u aħjar għall-kura tas-saħħa, ma jissoddisfawx neċessità u huma, kif isostni l-Kumitat Ewropew ta’ l-Assigurazzjonijiet, mhux obbligatorji u mhux sostitutivi għall-iskema pubblika. Jekk il-Kummissjoni xtaqet xorta waħda tistabbilixxi li r-regoli li jirregolaw is-servizzi APKM jikkostitwixxu fihom infushom obbligi SIEĠ, liema kwistjoni mhijiex rilevanti f’din il-kawża, hija jmissha pprovat, liema prova hija ma tatx, li l-imsemmija regoli kienu ta’ natura ta’ obbligu SIEĠ.

110    F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi milqugħ it-tentattiv tal-konvenuta, fil-kontroreplika, li tillimita l-argument kontradittorju tagħha billi ssostni li, fil-fatt, hija l-provvista tas-servizzi APKM fiha nnifisha jew magħquda ma’ l-obbligi APKM li tikkostitwixxi l-SIEĠ rilevanti. L-uniċi obbligi ddefiniti mid-deċiżjoni kkontestata, li huma meqjusa bħala obbligi SIEĠ applikabbli għall-assiguraturi APKM kollha u li l-ispejjeż tagħhom jistgħu jiġu kkumpensati fis-sens tas-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, huma l-obbligi APKM u mhux is-servizzi APKM stess li ebda assiguratur m’għandu l-obbligu li jipprovdi. Dan l-argument huwa sostnut ukoll mill-VHI u mill-Irlanda.

111    Fl-aħħar nett, fis-seduta, ir-rikorrenti żiedu li, kif inhu kkonfermat mis-sentenza tal-High Court, il-Kummissjoni bbażata r-raġunar tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq interpretazzjoni ħażina tal-prinċipju ta’ rata komuni u, għaldaqstant, fuq fatti li mhumiex rilevanti, billi rreferew biss għall-obbligu ta’ rata komuni għall-kuntratti APKM individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 7 tan-1994 Health Insurance Act, kif emendat, filwaqt li l-ġustifikazzjoni mressqa mill-Irlanda fir-rigward tan-neċessità tal-kumpens prevista mir-RES hija dovuta għall-prinċipju ta’ rata komuni applikabbli għas-suq Irlandiż kollu ta’ l-APKM fis-sens ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-imsemmija leġiżlazzjoni.

 3) Fuq it-tieni kundizzjoni, relatata mal-parametri oġġettivi u trasparenti għall-kalkolu tal-kumpens

112    Ir-rikorrenti jfakkru t-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenz Altmark, punt 89 iktar’il fuq, (punt 90), li tgħid li l-parametri li fuqhom huwa kkalkulat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li din ma tikkomportax vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fil-konfronti ta’ impriżi kompetitriċi. Skond ir-rikorrenti, l-iffissar tal-kumpens abbażi ta’ kriterji stretti, trasparenti, oġġettivi u ddeterminati minn qabel jikkostitwixxi garanzija essenzjali għall-kompetituri ta’ l-impriża benefiċjarja li tippermettilhom jippjanifikaw aħjar id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom minħabba l-għarfien tal-portata tal-kumpens li minnu jibbenefika l-kompetitur tagħhom (sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, punt 59).

113    Ir-rikorrenti jsostnu li din it-tieni kundizzjoni lanqas ma ġiet sodisfatta f’dan il-każ minħabba n-nuqqas ta’ parametri oġġettivi sabiex jiġi kkalkulat il-kumpens ta’ l-allegati obbligi SIEĠ. Skond ir-rikorrenti, il-parametri kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-ħlasijiet RES la huma oġġettivi u lanqas trasparenti u jiddependu mill-eżerċizzju ta’ deskrizzjoni wiesgħa tal-HIA u tal-Ministru tas-Saħħa.

114    L-ewwel nett, il-HIA għandha diskrezzjoni wiesgħa fid-determinazzjoni tad-differenza fir-riskji bejn l-assiguraturi APKM abbażi tal-formola msejħa “perċentwali ta’ ekwivalenza tas-suq”, li tista’ tinfluwenza l-ammont tal-ħlasijiet RES. Din il-perċentwali għandha l-ewwel nett tiġi determinata skond l-età u s-sess ta’ l-affiljati ta’ kull assiguratur APKM filwaqt li tista’ tiġi aġġustata mill-HIA billi jittieħed in kunsiderazzjoni kemm dawn l-affiljati jitolbu servizzi ta’ kura (Artikolu 10 tar-RES, linji gwida għar-RES, p. 14). Dan il-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa huwa ddefinit fir-RES bħala perċentwali li l-HIA “tista’ tiddetermina minn żmien għall-ieħor” (paragrafu 1 ta’ l-Anness II tar-RES) u li jista’ jvarja minn 0 sa 50 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espliċitament li l-HIA “għandha s-setgħa li tiddetermina kemm għandu jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-fattur, fil-limiti tal-parametri preskritti, taħt il-kundizzjoni li l-HIA tkun stabbiliet li dan huwa ġġustifikat minn ċirkustanzi relattivi għad-differenzi fil-profili ta’ riskju bejn l-assiguraturi [APKM] u li dan ikun fl-interess globali tal-kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni”.

115    It-tieni nett, il-HIA hija marbuta tikkomunika din id-differenza fir-riskji lill-Ministru tas-Saħħa filwaqt li tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali li tirrakkomanda, fil-każ fejn id-differenza tkun ta’ bejn 2 u 10 %, li tingħata lok għall-ekwivalenza tar-riskji (Artikolu 10(4) tar-RES), liema diskrezzjoni hija rikonoxxuta wkoll mill-Kummissjoni. It-tielet nett, il-Ministru tas-Saħħa għandu wkoll is-setgħa ta’ diskrezzjoni jekk isegwix jew le t-tali rakkomandazzjoni tal-HIA bbażata fuq differenza fir-riskji bejn 2 u 10 %. Anki meta d-differenza fir-riskji tkun superjuri għall-10 % u bħala prinċipju għandu jingħata lok għall-ekwivalenza tar-riskji, il-Ministru tas-Saħħa jista’ xorta waħda jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu billi jeżamina jekk jeżistux raġunijiet validi li ma jingħatax lok għall-ekwivalenza tar-riskji (Artikolu 10(6) u (7) tar-RES). Ir-raba’ nett, fil-każ ta’ deċiżjoni li jingħata lok għar-RES, l-għażla tal-ġurnata li fihom għandhom jinbdew il-ħlasijiet RES tiġi wkoll minn deċiżjoni diskrezzjonali tal-Ministru tas-Saħħa (Artikolu 13 tar-RES). Il-ħames nett, il-kalkolu tal-ħlasijiet RES isir mill-HIA, b’mod diskrezzjonali, abbażi tar-rapporti supplimentari ta’ l-assiguraturi filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni d-differenza fir-riskji jew il-“perċentwali ta’ ekwivalenza tas-suq” determinat, jekk ikun il-każ, wara li jiġi applikat il-fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat ta’ saħħa.

116    Ir-rikorrenti jikkonkludu minn dak li jippreċedi li l-għażla ta’ meta għandu jingħata lok għar-RES u ta’ l-ammont tal-ħlasijiet RES li għandhom isiru mhijiex ibbażata fuq fatturi oġġettivi u trasparenti fis-sens tat-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, iżda tiddependi ħafna mid-diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi. Dan huwa kkonfermat mit-tliet rapporti adottati mill-HIA mill-2003 li fihom hija kkonstatat differenza fir-riskju ta’ bejn 3 % u 10 % u kkonkludiet li ma kinux jeżistu provi li juru instabbiltà fl-imgħoddi jew iminenti tas-suq. Għal raġunijiet mhux magħrufa mir-rikorrenti, it-tielet rapport madankollu rrakkomanda li l-ħlasijiet RES għandhom jinbdew. Bil-kontra ta’ l-opinjoni ta’ l-Irlanda u tal-VHI, dan in-nuqqas ta’ oġġettività u ta’ trasparenza ma jistax jiġi limitat mill-fatt li l-parametri għall-ħidma tar-RES ġew “imħabbra b’mod ċar” u ppubblikati minn qabel, peress li dawn il-parametri jinkludu fihom infushom numru ta’ kriterji diskrezzjonali. Issa, fin-nuqqas ta’ kriterji oġġettivi relatati man-nuqqas ta’ ekwilibriju tas-suq, il-HIA u l-Ministru tas-Saħħa, fil-verità, huma f’pożizzjoni li jibbażaw l-evalwazzjonijiet tagħhom fuq elementi oħra, liema ċirkustanza t-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, għandha preċiżament l-intenzjoni li tevita.

 4) Fuq it-tielet kundizzjoni, relatata man-neċessità stretta tal-kumpens

117    Ir-rikorrenti jfakkru t-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, (punt 92), li tgħid li l-kumpens ma jistax imur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti parzjalment jew kompletament l-ispejjeż sostnuti mill-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dħul relatat ma’ dan kif ukoll benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, din il-kundizzjoni teżiġi li l-kumpens ikun strettament neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ in kwistjoni (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza GEMO, punt 96 iktar’il fuq, punt 119). Dan jimplika, mill-inqas l-identifikazzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ rilevanti, l-identifikazzjoni ta’ l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-obbligi, u ta’ l-ispejjeż fissi u varjabbli b’imputazzjoni approprjata ta’ l-ispejjeż ġenerali mill-obbligi SIEĠ, il-kwantifikazzjoni tad-dħul miksub mill-impriża li tibbenefika mill-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ, id-determinazzjoni ta’ benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ, u fl-aħħar nett il-garanzija li l-benefiċċju li jirriżulta mill-għajnuna ma jaqbisx l-ispejjeż addizzjonali attribwibbli għall-obbligu SIEĠ, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul rilevanti u l-benefiċċju raġonevoli.

118    Ir-rikorrenti jqisu li din il-kundizzjoni, ekwivalenti għall-kriterju ta’ proporzjonalità fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE lanqas ma ġiet soddisfatta f’dan il-każ. Minn naħa, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-elementi rilevanti msemmija fil-punt 117 iktar’il fuq, nuqqasijiet li jikkostitwixxu żball ta’ liġi u żball li jaffettwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kriterju tal-proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-nuqqas ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE, il-konvenuta ma tistax tinvoka validament is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T‑125/96 u T‑152/96, Ġabra p. II‑3427), li tikkonċerna l-istħarriġ restrittiv tad-diskrezzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju fil-qasam tal-politika agrikola komuni.

119    F’kull każ, anki li kieku l-Kummissjoni kienet għamlet dan l-eżami, ir-RES ma tissoddisfax il-kundizzjoni ta’ neċessità stretta essenzjalment għal tliet raġunijiet.

120    L-ewwel nett, li kieku kellu jitqies li l-obbligi APKM jistgħu, mill-inqas parzjalment, jiġu kkwalifikati bħala obbligi SIEĠ, huma ma joħolqux oneru finanzjarju għall-assiguraturi APKM, inkluż l-VHI. Skond ir-rikorrenti, kif jirriżulta mis-sezzjoni 3 tar-rapport tal-konsulent NERA, anness mar-rikors (iktar’il quddiem ir-“rapport NERA”), l-obbligi APKM ma jipprekludux lill-assiguraturi APKM milli jissalvagwardjaw il-profittabbiltà tagħhom, b’mod partikolari, permezz ta’ miżuri kummerċjali. Għaldaqstant, huma jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskji “ħżiena” billi jirrifjutaw affiljati ġodda’l fuq minn 65 sena jew billi jimponu perijodi twal ta’ stennija lill-persuni morda. Bl-istess mod, l-assiguraturi APKM huma kapaċi jaġġustaw il-kundizzjonijiet kuntrattwali u jvarjaw il-primjums sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni r-riskji varji li għalihom huma suġġetti taħt l-obbligi APKM. Għalhekk, huma jistgħu jaqsmu s-suq skond ir-riskju assigurat u jikkumpensaw l-ispejjeż iktar importanti marbuta mar-riskji “ħżiena” permezz ta’ primjums iktar għoljin.

121    It-tieni nett, li kieku kellu jitqies li l-obbligi APKM jikkostitwixxu spejjeż, ir-RES ma tistax tikkumpensahom. Il-ħlasijiet RES bl-ebda mod ma huma marbuta ma’ l-obbligi APKM u ma’ l-ispejjeż li dawn jistgħu eventwalment jiġġeneraw, iżda huma kkalkulati abbażi tad-differenza fir-riskji bejn l-assiguraturi APKM, imkejla permezz tal-“perċentwali ta’ ekwivalenza tas-suq”. Issa, id-determinazzjoni ta’ din id-differenza fir-riskji lanqas ma tiddependi mill-kalkolu ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-obbligi APKM li r-RES għandha l-intenzjoni tikkumpensa. Dan it-tip ta’ eżerċizzju jimplika b’mod partikolari d-distinzjoni bejn l-imsemmija spejjeż u l-ispejjeż li jirriżultaw minn attivitajiet oħra u l-kwantifikazzjoni tagħhom, il-kejl tad-dħul rilevanti u l-kalkolu ta’ benefiċċju raġonevoli. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-argument tal-konvenuta espost fis-sottomissjonijiet tad-difiża tagħha jikkonferma li r-RES hija fil-verità intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvista tas-servizzi APKM innifishom. Issa, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ta’ l-aħħar ma jikkostitwixxux, f’kull każ, SIEĠ. Relazzjoni astratta bejn l-obbligi APKM u l-ispejjeż ta’ kull assiguratur APKM mhuwiex biżżejjed u ma jissoddisfax il-ħtieġa ta’ limitazzjoni stretta tar-RES għal spejjeż eventwali (ikkwantifikati b’mod ċar) iġġenerati minn obbligi APKM. Fl-aħħar nett, l-argument ta’ l-Irlanda li jgħid li l-oneru finanzjarju speċifiku marbut ma’ l-obbligi APKM jista’ jikkonsisti fid-“differenza fir-rata komuni tas-suq u l-ispiża relatata mad-domandi nnifishom ta’ l-assiguratur” mhuwiex validu meta jitqies b’mod partikolari n-nuqqas ta’ konnessjoni ma’ l-ispejjeż effettivi kkawżati mill-irregolar tat-talbiet ta’ ħlas lura.

122    It-tielet nett, ir-RES lanqas ma hija tali li tikkumpensa r-riskji “ħżiena” ta’ l-assiguraturi APKM. Bil-kontra, kif inhu espost fis-sezzjoni 4.2 tar-rapport NERA, ir-RES ma tieħux in kunsiderazzjoni l-primjums u d-dħul ta’ l-assiguratur APKM. B’dan il-mod, ir-RES tinjora li l-ispejjeż tat-talbiet għal ħlas lura supplimentari tal-klijenti ta’ riskju għoli huma fil-fatt ikkumpensati minn primjums iktar għoljin. Issa, fin-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan id-dħul, mhijiex possibbli l-evalwazzjoni ta’ jekk oneru finanzjarju nett ta’ l-assiguratur APKM li għandu jiġi kkumpensat, jirriżultax mir-riskji “ħżiena”.

 5) Fuq ir-raba’ kundizzjoni, relatata ma’ l-ipparagunar ma’ impriża effiċjenti

123    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jfakkru r-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq (punt 93), li tgħid li, meta l-għażla ta’ l-impriża inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku, f’każ konkret, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jiġi magħżul il-kandidat li huwa kapaċi jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-kollettiv, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat minn analiżi ta’ l-ispejjeż li impriża medja, amministrata sew u mogħnija b’biżżejjed mezzi sabiex tkun tista’ tissoddisfa l-bżonnijiet mitluba tas-servizz pubbliku, tkun sostniet biex teżegwixxi dawn l-obbligi, billi tieħu in kunsiderazzjoni d-dħul konness miegħu kif ukoll benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Ir-rikorrenti josservaw li din il-kundizzjoni timplika essenzjalment li, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, il-livell ta’ kumpens għandu jiġi ddeterminat, skond il-kriterji msemmija fil-punt 117 iktar’il fuq, b’riferiment għal dak li kien meħtieġ minn impriża (ipotetika) effiċjenti, pjuttost milli b’riferiment għall-ispejjeż speċifiċi ta’ impriża partikolari. Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju ta’ kwantifikazzjoni fir-rigward ta’ l-impriża benefiċjarja għandu jinkludi eżerċizzju komparattiv flimkien ma’ l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ impriżi oħra fis-settur jew flimkien ma’ dak li qed jiġi raġonevolment mistenni f’dan ir-rigward taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Mejju 2005 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ aġġustament tar-riskji u ta’ żamma tar-riżervi introdotta mill-awtoritajiet Olandiżi fis-settur ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, il-kumpens għandu jkun limitat għall-ispejjeż extraordinarji ta’ operatur effiċjenti billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-primjums (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2005, relatata ma’ l-għajnuna mill-Istat N 541/04 u N 542/04 – L-Olanda – Skema ta’ aġġustament tar-riskji u żamma tar-riżervi, ĠU 2005, C 324, p. 28; iktar’il quddiem id-“deċiżjoni dwar ir-RES Olandiża”).

124    Ir-rikorrenti jsostnu li r-raba’ kundizzjoni tas-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ma ġietx soddisfatta f’dan il-każ, peress li ma sarx paragun ma’ impriża effiċjenti. Huma jqisu li l-Kummissjoni lanqas ma eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż eventwali tal-VHI li jirriżultaw mir-rispett ta’ l-obbligi APKM kinux paragunabbli ma’ dawk sostnuti minn operatur effiċjenti. Huma josservaw li, sabiex tiġi stmata d-differenza fir-riskji, ir-RES la tipprovdi punt ta’ riferiment sabiex tevalwa l-effiċjenza u lanqas skema sabiex jiġu pparagunati l-prezzijiet kif ukoll l-istruttura tal-kuntratti u l-prattiċi ta’ amministrazzjoni tar-riskji ta’ l-assiguraturi APKM meta mqabbla ma’ dawk ta’ operatur effiċjenti. Huma jżidu li, fid-deċiżjoni li tikkonċerna r-RES Olandiża, il-Kummissjoni preċiżament osservat il-fatt li l-kumpens imħallas ma kienx jissoddisfa r-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq.

 ii) L-argumenti tal-konvenuta

125    Il-konvenuta tosserva, preliminarjament, li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi, l-ewwel nett, għall-ġurispruidenza eżistenti fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha, b’mod partikolari għas-sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq, biex tikkonkludi li r-RES mhijiex għajnuna mill-Istat. Madankollu, mill-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rfinat, fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, il-kundizzjonijiet ifformolati fis-sentenza Ferring. Madankollu, skond il-konvenuta, l-implikazzjonijiet tas-sentenza Altmark mhumiex determinanti għal din il-proċedura peress li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha wkoll fuq l-Artikolu 86(2) KE, biex tiddikjara li, anki jekk ir-RES tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija xorta waħda kompatibbli mas-suq komuni. Il-konvenuta tindika li, għal din ir-raġuni, hija tikkonċentra l-argument tagħha fuq l-Artikolu 86(2) KE fejn hija ma tippreżentax argumenti fir-rigward tal-motiv dovut għall-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

 iii) L-argumenti ta’ l-Irlanda u tal-VHI

126    L-Irlanda ssostni li l-ħsieb tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, huwa, essenzjalment, dak segwit fis-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU (240/83, Ġabra p. 531, punti 3 u 18), u Ferring, punt 41 iktar’il fuq (punt 27). Barra minn hekk, l-Irlanda u l-VHI huma tal-fehma li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, ir-RES kif ukoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha imposti mis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq.

 iv) L-argumenti tar-Renju ta’ l-Olanda

127    Fl-opinjoni tal-konvenuta, ir-Renju ta’ l-Olanda tosserva li din il-kawża tikkonċerna essenzjalment l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) KE u li, b’hekk, għandu l-intenzjoni jillimita l-intervent tiegħu għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari tal-kunċett ta’ SIEĠ u tal-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tagħha għal impriża.

b)     Fuq il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

 i) L-argumenti tar-rikorrenti


 1) Osservazzjoni preliminari

128    Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, f’kull każ, l-elementi eventwali ta’ għajnuna tar-RES jistgħu jitqiesu bħala li huma kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 86(2) KE, ma tirriflettix ruħha fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma hija sostnuta b’motivazzjoni suffiċjenti fl-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija manifestament żbaljata fid-dritt. Skond ir-rikorrenti, ir-RES u l-obbligi APKM marbutin magħha ma jissodisfawx il-ħtiġijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

 2) Fuq in-nuqqas ta’ obbligi SIEĠ

129    Fl-ewwel lok, fil-fehma tar-rikorrenti, kif isostnu fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv (ara l-punti 95 sa 100 iktar’il fuq), l-obbligi APKM ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet oġġettivi u stretti li għandhom jissodisfaw l-obbligi SIEĠ skond l-Artikolu 86(2) KE u li l-eżami tagħhom ġie ddelegat illegalment mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Irlandiżi.

 3) Fuq in-nuqqas ta’ att li jattribwixxi funzjoni SIEĠ

130    Fit-tieni lok, skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 86(2) KE jeħtieġ li impriżi jiġu “inkarigati” mill-amministrazzjoni ta’ SIEĠ, li jimplika obbligu impost mill-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu s-servizz in kwistjoni. Issa, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-prattika tagħha, is-sempliċi awtorizzazzjoni li jiġi pprovdut dan is-servizz mhijiex suffiċjenti (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 81/1030/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1981, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [82 KE] IV/29.839 – GVL, ĠU L 370, p. 49, punt 66; Deċiżjoni 97/606, punt 14, u d-Deċiżjoni relatata mar-RES Olandiża). Din il-kundizzjoni tieħu b’mod partikolari in kunsiderazzjoni n-natura universali tas-SIEĠ in kwistjoni fejn il-provvista tagħha għandha tiġi suġġetta għas-sempliċi ħidma tas-suq. Madankollu, f’dan il-każ, ħlief għall-ħtieġa imposta fuq il-VHI li joffri l-pjan P, ma teżistix funzjoni awtentika ta’ servizz universali ta’ natura obbligatorja, fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE, marbuta ma’ l-obbligi APKM, iżda sempliċement awtorizzazzjoni mogħtija lill-operaturi kkonċernati li jipprovdu ċerti servizzi billi jiġu rispettati ċertu obbligi leġiżlattivi. F’dan ir-rigward, it-tentattiv tar-Renju ta’ l-Olanda li jillimita, fl-istanza, in-nuqqas ta’ eżami, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-attribuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ ma rnexxiex. B’mod partikolari, mhuwiex legalment fondat l-argument tar-Renju ta’ l-Olanda li jgħid li obbligu espliċitu li tinkiseb funzjoni SIEĠ mhuwiex neċessarju ladarba numru ta’ impriżi huma inkarigati mill-imsemmija funzjoni u huwa biżżejjed li teżisti skema ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ stħarriġ. Skond ir-rikorrenti, bil-kontra, ir-rispett ta’ l-Artikolu 86(2) KE jissupponi neċessarjament l-attribuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ permezz ta’ att uffiċjali, att li f’dan il-każ huwa nieqes. Huma jirreferu f’dan ir-rigward għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 86(2) [KE] għall-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku mogħtija lil ċertu impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni tas-[SIEĠ], għall-abbozz ta’ qafas Komunitarju ta’ l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku u għad-deċiżjoni relatata mar-RES Olandiża (Sezzjoni 4.2.1).

 4) Fuq in-nuqqas ta’ neċessità u ta’ natura proporzjonata tar-RES

Osservazzjonijiet preliminari

131    Fit-tielet lok, skond ir-rikorrenti, fir-rigward ta’ l-Artikolu 86(2) KE, l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE għandu jostakola l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ fir-rigward ta’ l-impriża li ġiet inkarigata. Fil-każ ta’ l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew għajnuna finanzjarja lil impriża, il-ġurisprudenza teħtieġ li dawn il-miżuri jippermettu l-impriża in kwistjoni taħdem taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C‑320/91, Ġabra p. I‑2533, punti 14 sa 16; tal-21 ta’ Settembru 1999, Brentjens’, C‑115/97 sa C‑117/97, Ġabra p. I‑6025, punt 107, u ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post, C‑147/97 u C‑148/97, Ġabra p. I‑825, punt 49; konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra p. I‑14243, I‑14247, punt 102 u nota 76). Dan jimplika ħtieġa kemm ta’ neċessità kif ukoll ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-vijabbiltà ekonomika tal-provvista tas-SIEĠ partikolari, mingħajr ma din tkun timplika l-għan li tiġi protetta l-impriża inkarigata mis-SIEĠ bħala tali (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/310/KE tat-12 ta’ Frar 1997, rigward l-għoti lill-Portugall ta’ termini supplimentari għall-implementazzjoni mill-Portugall tad-Direttivi 90/388/KEE u 96/2/KE fir-rigward tal-kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjoni, ĠU l 133, p. 19, punt 10; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser vs Il-Kummissjoni, 258/78, Ġabra p. 2015, punti 8 u 9). Din il-ħtieġa ta’ proporzjonalità hija barra minn hekk analoga, jew saħansitra identika, għall-kriterju ta’ neċessità stretta fis-sens tat-tielet kundizzjoni għall-kumpens ta’ l-obbligi SIEĠ ifformulata fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, peress li timponi li jiġi limitat is-sussidju għall-ammont neċessarju sabiex jiġi kkumpensat it-telf li jista’ jiġi kkawżat fl-għoti tas-servizz universali in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra p. I‑4109, punti 57 u 58).

Fuq in-nuqqas ta’ neċessità tar-RES

132    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tatx prova tan-neċessità tar-RES. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet xi żbalji li jeffettwaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll żbalji fattwali.

133    Minn naħa, fir-rigward ta’ l-iżbalji li jaffettwaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat żbaljatament li r-RES kienet neċessarja sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ rata komuni, ta’ kopertura matul il-ħajja u ta’ adeżjoni miftuħa. Din il-kunsiderazzjoni hija kontradetta mill-fatti esposti fid-deċiżjoni kkontestata stess li tosserva li s-suq in kwistjoni, sa minn meta ġie liberalizzat u minn meta daħlet fis-suq BUPA Ireland, m’għaddiex minn problemi ta’ instabbiltà. F’dan ir-rigward, l-unika possibbiltà ta’ periklu ta’ selezzjoni tar-riskji – periklu purament teoretiku, spekulattiv, mhux realistiku u mhux ikkwantifikat abbażi ta’ fatti ekonomiċi – mhijiex, fl-ebda każ, suffiċjenti sabiex tingħata prova ta’ tali instabbiltà.

134    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-iżbalji fattwali, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-possibbiltà u l-konsegwenzi tat-tali selezzjoni tar-riskji huma manifestament żbaljati. Bil-kontra ta’ l-argumenti ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi msemmija fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, l-assiguraturi APKM mhumiex imħajra jagħżlu attivament ir-riskji t-“tajbin” u jeskludu r-riskji l-“ħżiena”. Bil-kontra, peress li dawn l-assiguraturi joffru għażla ta’ servizzi bi primjums varjati u li jinsabu f’pożizzjoni li jadattaw il-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħhom skond ir-riskju assigurat, huma jistgħu, indipendentement mill-profil tagħhom ta’ riskju, jikkumpensaw l-iktar riskji għoljin permezz ta’ żieda fil-primjums u koperturi differenzjati. B’hekk, m’hemm l-ebda benefiċċju finanzjarju li jittieħed minn but l-affiljati ta’ riskju mhux għoli meta mqabbel mal-but ta’ affiljati ta’ riskju għoli. Bl-istess mod, bil-kontra tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma teżisti selezzjoni passiva tar-riskji li jirriżultaw minn allegata tendenza dejjem tikber ta’ individwi li jbiddlu assiguratur APKM. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għas-seba’ studji ekonomiċi, mhux spjegati fid-deċiżjoni kkontestata u li dwarhom ir-rikorrenti saru jafu biss tardivament, mhuwiex suffiċjenti sabiex isostni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u din lanqas ma kienet kapaċi ssostnihom fis-sottomissjonijiet tad-difiża tagħha. Waħda minn dawn l-istudji biss, nieqsa minn rilevanza peress li tikkonċerna s-suq Żvizzeru, tirrimarka r-rieda tal-konsumaturi li jbiddlu assiguratur APKM u l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni studju rilevanti għas-suq Irlandiż (The Private Health Insurance Market in Ireland, Marzu 2003, li sar minn Amárach Consulting għall-HIA, iktar’il quddiem ir-“rapport Amárach”), invokat mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, li jgħid li l-affiljati ta’ bejn 18 u 34 sena huma inqas inklinati jbiddlu assiguratur APKM mill-persuni ta’ bejn 35 u 64 sena.

135    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jopponu l-allegazzjoni li tgħid li n-nuqqas ta’ simetrija tal-profili ta’ riskju, bħal dik li teżisti bejn BUPA Ireland u l-VHI fir-rigward ta’ l-età ta’ l-affiljati, hija dovuta għas-selezzjoni tar-riskji. Dawn id-differenzi huma r-riżultat ta’ żewġ fatturi oħra, jiġifieri, minn naħa, l-inerzja u n-nuqqas ta’ volontà għolja ħafna ta’ l-affiljati li jbiddli assiguratur APKM u, min-naħa l-oħra, l-istrateġija ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-VHI. Fir-rigward ta’ l-ewwel fattur, ir-rikorrenti taw prova, matul il-proċedura amministrattiva, li, fid-dawl tal-bżonn li jiġu offerti servizzi APKM b’differenza fil-prezz kbira ħafna sabiex l-affiljati jiġu mħajra jbiddlu assiguratur APKM, operatur ġdid fis-suq għandu neċessarjament jolqot il-klijenti “ġodda” li huma, bħala definizzjoni, iż-żgħażagħ. Rigward it-tieni fattur, ir-rikorrenti jallegaw li l-livelli tal-primjums offerti mill-VHI lill-individwi b’riskju elevat ma jkoprux l-ispejjeż medji tal-klejms. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-VHI ibigħ bit-telf u, b’hekk, BUPA Ireland ma tkunx lesta tikkompeti miegħu fir-rigward tal-klijenti ġeneralment anzjani.

136    Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljatament ikkonkludiet, fuq is-sempliċi bażi ta’ nuqqas ta’ simetrija tal-profili ta’ riskju u mingħajr prova fattwali u ekonomika rilevanti, li kien ser jkun hemm instabbiltà eventwali fis-suq. Issa, kemm il-VHI kif ukoll BUPA Ireland huma perfettament kapaċi jattiraw klijenti żgħażagħ b’riskju inqas għoli u dan jagħmluh effettivament. Ir-rikorrenti jqisu, fil-fatt, li l-età medja tal-klijenti aderenti għall-VHI huwa inferjuri għall-età medja tal-klijenti aderenti ma’ BUPA Ireland. Barra minn hekk, l-ispejjeż għoljin li jimplikaw il-bidla minn klijent ta’ assiguratur APKM għall-assiguratur l-ieħor għandhom effett stabbilizzanti, li jmur kontra l-argument ta’ “konsegwenzi gravi ħafna” imqajjem fid-difiża tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-RES, din tista’ taffettwa, b’mod sinjifikattiv, l-istabbiltà tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM minħabba li jkollha bħala konsegwenza li jogħlew il-primjums għall-klijenti żgħażagħ, eliminazzjoni ta’ BUPA Ireland minn dan is-suq u żieda fl-impedimenti għad-dħul. Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-konvenuta fir-risposta tagħha, iżda mhux fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li r-ratios ta’ vijabbiltà tal-VHI kienu’l bogħod milli jkunu sodisfaċjenti u deterjorament supplimentari tal-finanzi tagħha ma kienx aċċettabbli, huwa purament spekulattiv, mhux sostnut minn provi u kontradett mid-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonkludi għan-nuqqas ta’ instabbiltà tas-suq fl-imgħoddi. Ir-rikorrenti jżidu li n-nuqqas ta’ instabbiltà iminenti u futura tas-suq in kwistjoni huwa espliċitament ikkonfermat mit-tliet rapporti ppreżentati mill-HIA sa mill-2003 (ara l-punt 116 iktar’il fuq) fejn kull wieħed minnhom ikkonkluda li kien hemm nuqqas ta’ provi rilevanti. L-argumenti kuntrarji mressqa mill-Irlanda f’dan ir-rigward huma biss spekulattivi jew irrilevanti minħabba li huma marbutin ma’ skemi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ pajjiżi oħra. F’kull każ, dawn l-argumenti ġodda mhumiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-RES minħabba li l-Artikolu 86(2) KE huwa intiż sabiex jippreżerva s-SIEĠ bħala tali u mhux impriżi speċifiċi (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 99 iktar’il fuq, punt 43).

 Fuq in-nuqqas ta’ natura proporzjonali tar-RES

137    Ir-rikorrenti jsostnu barra minn hekk li l-Kummissjoni żbaljatament ikkonkludiet għall-proporzjonalità tar-RES fir-rigward ta’ l-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tatx prova li l-ħlasijiet RES ma jeċċedux l-ammont neċessarju sabiex il-VHI jiġi kkumpensat għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-obbligi APKM tiegħu.

138    F’dan ir-rigward, il-ħames argumenti mressqa mill-Kummissjoni huma neqsin minn rilevanza. L-ewwel nett, id-differenza fir-riskji ta’ 2 % meħtieġa sabiex tibda’ topera r-RES m’għandhiex effett prattiku, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-profil ta’ riskju huwa kkalkolat abbażi ta’ l-età u s-sess u li BUPA Ireland neċessarjament għandha profil ta’ età iktar żagħżugħa minn dik ta’ VHI b’mod li dan il-limitu inevitabbilment inqabeż. It-tieni nett, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ħlasijiet kollha favur assigurati, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-provvista “lussużi”, mhumiex approssimati hija manifestament ineżatta. Bil-kontra, id-dispożizzjonijiet relatati mal-“ħlasijiet approssimati massimi” jkopru, bħala prinċipju, il-poloz kollha APKM, ħlief għat-talbiet ta’ ħlas lura ta’ l-ogħla livell. It-tielet nett, bil-kontra ta’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-RES tieħu in kunsiderazzjoni l-ispiża medja tat-talbiet ta’ ħlas lura sabiex l-assiguraturi APKM ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-effiċjenza tagħhom stess, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż effettivi tagħhom jagħti lok għal ħlasijiet iktar importanti favur assiguraturi APKM li għandhom l-ogħla spejjeż u, għaldaqstant, tħajjarhom ma jkunux effiċjenti. B’hekk, bil-kontra ta’ dak li jallega l-VHI, ir-RES tippermetti l-kumpens ta’ spejjeż li mhumiex sostnuti minn assiguratur APKM effiċjenti. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-limitazzjoni għal 50 % tal-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa, filwaqt li din ma kinitx marbuta la ma’ l-obbligi APKM u lanqas mal-ġustifikazzjoni tar-RES. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni tiffavorixxi wkoll in-nuqqas ta’ effiċjenza tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż reali pjuttost milli l-ispejjeż ta’ operatur effiċjenti. Il-ħames nett, fir-rigward ta’ l-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-RES għall-operaturi ġodda matul l-ewwel tliet snin ta’ l-attività tagħhom fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, ir-rikorrenti jqisu li mhijiex tali li tnaqqas l-effett kunsiderevolment dissważiv tar-RES għal dawn l-operaturi. Is-sitt nett, għad-diffierenza tar-RES Olandiża, ir-RES ma tipprovdix mekkaniżmu korrettur intiż sabiex jiġi evitat kumpens żejjed.

139    Fl-aħħar nett, fis-seduta, ir-rikorrenti żiedu li, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-konvenuta u l-Irlanda, il-kriterju ta’ l-effiċjenza ta’ l-operatur li jibbenefika minn għajnuna għandu japplika, fil-kuntest ta’ l-eżami tan-natura proporzjonata skond l-Artikolu 86(2) KE bl-istess mod bħal fil-kuntest ta’ l-analiżi tar-raba’ kundizzjoni fformulata fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Minn naħa, din l-evalwazzjoni ta’ l-effiċjenza hija inerenti għal dik tal-kriterju ta’ proporzjonalità prevista wkoll mill-Artikolu 86(2) KE li jeħtieġ li l-kumpens għandu jiġi limitat għal dak li huwa neċessarju mill-aspett ta’ operatur effiċjenti. Min-naħa l-oħra, din il-ħtieġa tirriżulta mill-ġurisprudenza li tgħid li l-Artikolu 86(2) KE mhuwiex intiż sabiex jipprotegi operaturi speċifiċi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-kriterju ta’ l-effiċjenza f’dan il-kuntest imur kontra l-prinċipju ta’ suq intern b’kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u, għaldaqstant, l-interess Komunitarju. Fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ effiċjenza eventwali li laqtu l-assiguraturi APKM kollha minħabba t-teħid in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħlasijiet RES, tal-“fattur korrettiv li jibda’ minn żero” (zero sum adjustment factor)”, ir-rikorrenti indikaw madankollu li l-ilment tagħhom ma jirrigwardax dan l-aspett u rrikonoxxew li l-ammonti potenzjalment ikkonċernati fil-ħlasijiet RES huma negliġibbli. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjaraw ukoll fis-seduta li n-nuqqasijiet ta’ effiċjenza eventwali marbutin ma konsum żejjed, jew il-fatt li assiguratur APKM jista’ jħajjar lill-affiljati jgħaddu minn trattamenti inutili mill-aspett mediku u li jitolbu l-ħlas lura ta’ l-ispejjeż relatati, qatt ma ġew imqajma la matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas matul l-istanza u li l-ilment tagħhom kien iffoka fuq in-neċessità ta’ paragun bejn l-assiguratur APKM benefiċjarju ma’ operatur effiċjenti.

 5) Fuq l-impatt fuq l-iżvilupp tal-kummerċ

140    Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 86(2) KE jitlob li d-deroga mir-regoli tal-kompetizzjoni tat-trattat ma jkollux bħala effett li jaffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Komunità. Madankollu, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza (sentenza Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar’il fuq, punt 96), fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la eżaminat u lanqas tat prova tan-nuqqas ta’ effetti negattivi fuq l-iżvilupp tal-kummerċ.

 ii) L-argumenti tal-konvenuta


 1) Osservazzjonijiet preliminari

141    Il-konvenuta ssostni, preliminarjament, li l-ilment dovut għan-nuqqas ta’ riferiment għall-Artikolu 86(2) KE fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, imqajma fir-replika, hija inammissibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura u, f’kull każ, hija infondata u għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

 2) Fuq il-kompetenza sabiex tiddefinixxi obbligi SIEĠ

142    Rigward il-kwistjoni tal-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ, il-konvenuta tikkontesta, l-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li din il-kwalifikazzjoni hija dovuta, fl-ewwel lok, għall-kompetenza ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u għal interpretazzjoni ta’ kunċett oġġettiv u speċifiku ta’ dritt Komunitarju. Bil-kontra, jirriżulta mill-prattika tal-Kummissjoni li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu dak li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ u li l-istħarriġ tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa limitat għall-istħarriġ ta’ l-iżbalji manifesti.

143    Il-konvenuta ssostni li l-punti 44, 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata huma perfettament konformi ma’ din il-premessa u neqsin minn kull żball.

 3) Fuq il-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ

144    Fir-rigward tal-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ, fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE, il-konvenuta tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tesponi, fil-punti 44 sa 46, ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet favur din il-kwalifikazzjoni, bħal dawk li jikkonċernaw ir-rikonoxximent tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex ifasslu s-SIEĠ, l-armonizzazzjoni limitata tal-leġiżlazzjonijiet dwar l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-kompetenza ta’ l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa skond l-Artikolu 152 KE. F’dan ir-rigward, huma żbaljati l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti fondati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-obbligi APKM huma fil-verità sempliċi kundizzjonijiet legali, imposti fl-interess ġenerali, bħala reazzjoni għall-attività kummerċjali ta’ l-assiguraturi APKM, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ garanzija ta’ livell minimu ta’ servizzi APKM u ta’ libertà ta’ aċċess, bi prezz raġonevoli, għal dawn is-servizzi u, it-tielet nett, fuq il-fatt li s-servizzi APKM ma jissostitwixxux l-iskema pubblika tas-sigurtà soċjali.

 4) Fuq l-impożizzjoni ta’ obbligi SIEĠ fuq l-assiguraturi APKM

145    Skond il-konvenuta, ir-rikorrenti żbaljatament isemmu leġiżlazzjoni li tobbliga l-VHI u BUPA Ireland jipprovdu servizzi APKM meta, skond il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti li operatur ikun marbut jirrispetta ċertu kundizzjonijiet previsti meta jingħata konċessjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra p. I‑5815). F’dan il-każ, il-Health Insurance Act, 1994 teħtieġ li l-assiguraturi APKM jinkitbu fir-reġistru ta’ l-impriżi u jirrispettaw, taħt il-penalità li jitneħħew mill-imsemmi reġistru, l-obbligi APKM. Din is-sitwazzjoni hija analoga għal dik li tat lok għas-sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq.

 5) Fuq in-neċessità tar-RES

146    Fir-rigward tan-neċessità tar-RES, il-konvenuta tfakkar li l-Istati Membri jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom meta jassenjaw SIEĠ. Fir-rigward tal-ġurisprudeza (sentenza Albany, punt 101 iktar’il fuq, punti 107 sa 111), il-kwistjoni essenzjali mhijiex dwar jekk r-RES tissodisfax rekwiżit assolut ta’ neċessità, iżda pjuttost dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidrax b’mod żbaljat li r-RES hija neċessarja fis-sens li n-nuqqas ta’ RES jipprekludi s-suq Irlandiż ta’ l-APKM milli jaħdem taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. B’hekk, in-neċessità tar-RES għandha tiġi evalwata skond dak li huwa ekonomikament aċċettabbli u mhux skond dak li jirriżulta indispensabbli.

147    Rigward il-periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, il-konvenuta ssostni, essenzjalment, li r-rispett ta’ l-obbligi APKM, bħall-adeżjoni miftuħa u r-rata komuni, iħajjar neċessarjament l-assiguraturi APKM sabiex jagħżlu attivament ir-riskji u jnaqqsu n-numru ta’ assigurati ta’riskju għoli. Barra minn hekk, il-konvenuta tippreċiża li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħidx li d-dħul tar-rikorrenti fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM għandu bħala konsegwenza inevitabbli l-instabbiltà ta’ l-imsemmi suq, iżda hija bbażata fuq il-possibbiltà ta’ selezzjoni tar-riskji bħala fattur ta’ instabbiltà. Dan huwa suffiċjenti fir-rigward tas-sentenza Albany, punt 101 iktar’il fuq, u tal-livell ta’ stħarriġ ristrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija msejħa teżerċita rigward il-kriterju ta’ neċessità.

 6) Fuq in-natura proporzjonata tar-RES

148    Fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ l-ammont tal-ħlasijiet RES meta mqabbla ma’ l-ispejjeż sostnuti, il-konvenuta tosserva li huma r-rikorrenti li għandhom juru, liema prova huma ma tawx, li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li r-RES tikkostitwixxi skema proporzjonata (sentenza Boehringer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punti 74 et seq). Fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali f’idejn l-Istati Membri kemm għad-definizzjoni ta’ SIEĠ kif ukoll għall-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens ta’ l-obbligi SIEĠ, fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE, ir-rikorrenti jmisshom taw prova li r-RES kienet manifestament sproporzjonata bħala mezz li jassigura l-ħidma tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza AOK-Bundesverband et, punt 108 iktar’il fuq, punti 95 sa 101). Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li jekk l-Istat Membru, meta jinvoka l-Artikolu 86(2) KE, għandu “jagħti prova li l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, dan l-oneru ta’ prova ma jistax jeżiġi minn dan l-Istat Membru, meta jesponi b’mod dettaljat ir-raġunijiet għalfejn, fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri inkriminati, il-kisba, taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, tal-funzjonijiet ta’ importanza ekonomika ġenerali li bihom kienet inkarigata impriża, tiġi, fl-opinjoni tiegħu, ikkontestata, li juri wkoll, b’mod pożittiv, li l-ebda miżura oħra immaġinabbli, ipotetika bħala definiżżjoni, ma tista’ tippermetti l-assigurazzjoni tal-kisba ta’ l-imsemmija funzjonijiet taħt l-istess kundizzjonijiet” (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 99 iktar’il fuq, punt 58). Issa, ir-rikorrenti ma pprovdux din il-prova.

149    Il-konvenuta tikkonkludi għaldaqstant li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 iii) L-argumenti ta’ l-Irlanda u tar-Renju ta’ l-Olanda

150    L-Irlanda tadotta l-argument żviluppat mill-Kummissjoni in sostenn taċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

151    Ir-Renju ta’ l-Olanda jqis li, f’dan il-każ, l-obbligi APKM jissoddisfaw il-kundizzjonijiet li għandhom jissoddisfaw l-obbligi SIEĠ fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-argumenti ta’ l-Irlanda u tal-VHI rigward l-ewwel motiv

152    L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li huma inammissibbli, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-argumenti mressqa mill-Irlanda u mill-VHI kontra l-ewwel motiv dovut għall-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

153    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi statut, it-talba għal intervent għandha ssostni biss it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jaċċetta l-kawża fl-istat li tinsab fiha fil-mument ta’ l-intervent tiegħu. Issa, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-intervenjent isemmi argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jkun qed isostni, dan huwa madankollu suġġett għaċ-ċirkustanza li ma jiġix modifikat il-kuntest tal-kawża u li l-intervent ikun intiż dejjem bħala sostenn tat-talbiet ippreżentati minn din ta’ l-aħħar (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑237/02, Ġabra p. II-5131, punt 40).

154    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-konvenuta fil-fatt irrinunzjat, b’mod espliċitu, milli tippreżenta argumenti għad-difiża fir-rigward ta’ l-ewwel motiv. Xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, l-ewwel motiv, kif imqajjem mir-rikorrenti, jibqa’ parti integranti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi rinunzja tal-konvenuta li tressaq l-argumenti tagħha fuq dan il-motiv mhijiex tali li tillimita l-portata ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, mingħajr ma timplika l-ammissjoni fuq il-mertu ta’ l-imsemmi motiv, din ir-rinunzja hija motivata mill-argument li jgħid li dan il-motiv huwa mingħajr rilevanza għar-riżultat tal-kawża. Barra minn hekk, fil-kuntest tad-difiża tagħha fir-rigward tat-tieni motiv, il-konvenuta tikkontesta, essenzjalment, l-argument imressaq mir-rikorrenti in sostenn ta’ l-ewwel motiv tagħhom safejn dan l-argument jirreferi għall-kriterji għall-applikazzjoni kemm ta’ l-Artikolu 86(2) KE kif ukoll ta’ l-Artikolu 87(1) KE, kif inhuma ppreċiżati fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma teżisti, f’dan il-każ, l-ebda limitazzjoni tal-kuntest tal-kawża fir-rigward ta’ l-ewwel motiv li tipprojbixxi lill-intervenjenti milli jqajmu argumenti li jingħaqdu ma’ dawk invokati mill-konvenuta. Fil-fatt, l-Irlanda u l-VHI jirrispettaw kompletament il-portata ta’ l-ewwel motiv billi jinvokaw argumenti sabiex juru li l-erba’ kriterji kumulattivi tas-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ġew sodisfatti. Bl-istess mod, dawn l-argumenti ma jaffettwawx it-talbiet tal-konvenuta rigward iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors kollu kemm hu, liema talbiet l-Irlanda u l-VHI jkomplu jsostnu.

155    Madankollu, safejn l-Irlanda għandha l-intenzjoni li ssostni, fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, li r-RES ma timplikax għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punti 59 sa 61), dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ bħala ammissibbli fir-rigward tar-raba’paragrafu ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Minkejja li l-konvenuta ma tesprimix ruħha fuq dan il-punt fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, dan l-argument imur kontra l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li r-RES timplika effettivament it-trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi. Barra minn hekk, l-imsemmija konstatazzjoni ma ġietx diskussa mir-rikorrenti fir-rikors. Issa, flimkien mar-risposta, ir-rikors jiddetermina l-kuntest tal-kawża li l-intervenjenti għandhom jaċċettaw fl-istat li tkun tinsab fiha fil-mument ta’ l-intevent tagħhom. Għaldaqstant, l-argument in kwistjoni ta’ l-Irlanda huwa inammissibbli peress li jimmodifika l-portata tas-suġġett tal-kawża fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar’il fuq. Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi ammess li, skond l-evalwazzjoni li magħha jaqblu r-rikorrenti u l-konvenuta, ir-RES tikkostitwixxi skema li timplika t-trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

156    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li minbarra l-argument dovut għan-nuqqas ta’ trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi, l-argumenti ta’ l-Irlanda u tal-VHI fir-rigward ta’ l-ewwel motiv huma ammissibbli.

b)     Fuq l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Altmark

157    Għandu jiġi mfakkar li l-ewwel motiv huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-kundizzjonijiet imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, li ngħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf dwar il-kontenut ta’ din is-sentenza meta tat id-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq is-sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx, fiż-żmien, il-portata tal-prinċipji tas-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq. Fin-nuqqas ta’ din il-limitazzjoni ta’ żmien, dawn il-prinċipji li jirriżultaw minn interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE huma għaldaqstant kompletament applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika ta’ din il-kawża hekk kif dehret għall-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

159    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni Komunitarja tillimita ruħha sabiex tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, kif kellha tinftiehem u tiġi applikata minn meta daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata wkoll għal relazzjonijiet ġuridiċi mibdija u stabbiliti qabel is-sentenza in kwistjoni u huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku Komunitarju, tasal sabiex tillimita l-possibbiltà għal kull persuna interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti taħt bona fede. Issa, limitazzjoni bħal din tista’ tiġi ammessa biss fis-sentenza nnifisha li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punti 66 u 67, u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et , C‑292/04, Ġabra p. I-1835, punti 34 sa 36, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw minn ġurisprudenza li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-dmir ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-qorti nazzjonali japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet Komunitarji meta jiġu msejħa jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju li sussegwentement jiġu interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

160    Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk u safejn id-deċiżjoni kkontestata hijiex kompatibbli mal-kriterji msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, liema portata, kif jammettu wkoll ir-rikorrenti, għandha fatturi komuni ma’ dik tal-kriterji ta’ l-Artikolu 86(2) KE. Madankollu, fid-dawl tan-natura partikolari tal-funzjoni SIEĠ invokata f’dan il-każ, li tikkonsisti fl-obbligu għall-operaturi kollha attivi fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM li jirrispettaw numru ta’ obbligi kkwalifikati mid-deċiżjoni kkontestata bħala obbligi SIEĠ u li, dak iż-żmien, il-qorti Komunitarja ma kinitx taf dwarhom, jeħtieġ li jiġu applikati l-kriterji fformulati fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, skond l-ispirtu u l-finalità li kienu preżenti meta dawn il-kriterji ngħataw, b’mod adattat għall-informazzjoni partikolari tal-każ in kwistjoni.

c)     Fuq l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ fis-sens ta’ l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark u ta’ l-Artikolu 86(2) KE

 i) Osservazzjoni preliminari

161    Skond l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, (punt 89), l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi tas-servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar.

162    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kunċett ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku msemmi minn din is-sentenza huwa dak tas-SIEĠ kif stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata u li dan ma jmurx kontra l-obbligu msemmi fl-Artikolu 86(2) KE.

163    Fil-kuntest ta’ l-ewwel u t-tieni motivi, ir-rikorrenti sostnew essenzjalment li l-kunċett ta’ SIEĠ huwa kunċett tad-dritt Komunitarju ta’ natura restrittiva u oġġettiva, li r-rispett tiegħu huwa suġġett għal stħarriġ sħiħ ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u li ma jistax jiġi ddelegat lill-awtoritajiet nazzjonali. Minkejja li l-Istati Membri għandhom ċertu libertà fir-rigward ta’ kif għandhom l-intenzjoni jassiguraw u jirregolaw il-provvista ta’ SIEĠ, id-determinazzjoni ta’ l-imsemmi SIEĠ jiddependi minn numru ta’ kriterji oġġettivi, bħal b’mod partikolari l-universalità tas-servizz u n-natura obbligatorja tiegħu, liema preżenza għandha tiġi vverifikata mill-istituzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, m’hemmx obbligu, jew saħansitra funzjoni ta’ importanza ġenerali, impost fuq l-assiguraturi li jipprovdu ċertu servizzi APKM u dawn is-servizzi mhumiex aċċessibbli għall-popolazzjoni Irlandiża kollha. Is-servizzi APKM jikkostitwixxu biss servizzi finanzjarji mhux obbligatorji, saħansitra “lussużi”, u mhumiex intenzjonati li jissostitwixxu lilhom infushom għall-iskema pubblika tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tidentifika bħala SIEĠ l-obbligi APKM biss iżda mhux is-servizzi APKM. Issa, l-obbligi APKM, minkejja li adottati fl-interess ġenerali, huma sempliċement obbligi regolamentari ordinarji li japplikaw għall-eżerċizzju u għall-istħarriġ ta’ l-attività ta’ l-assiguraturi APKM, li, skond il-ġurisprudenza u skond il-prattika tal-Kummissjoni, mhumiex suffiċjenti sabiex jiġu kkwalifikati bħala SIEĠ.

164    Il-konvenuta, sostnuta mill-Irlanda, mir-Renju ta’ l-Olanda u mill-VHI, issostni li, minn naħa, id-definizzjoni tas-SIEĠ tirriżulta, prinċipalment, mill-kompetenza u mis-setgħa diskrezzjonali ta’ l-Istati Membri u li l-istħarriġ, li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma permessi jeżerċitaw f’dan ir-rigward, huwa limitat għal dak ta’ l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, li f’dan il-każ ma jeżistix. Il-konvenuta u l-Irlanda jenfasizzaw li l-APKM tikkostitwixxi strument importanti tal-politika soċjali u tas-saħħa segwita mill-Irlanda, qasam essenzjalment riżervat, skond l-Artikolu 152 KE, għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri, kif ukoll suppliment importanti għall-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard mingħajr ma tissostitwixxi ruħha għal din ta’ l-aħħar. F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, is-servizzi APKM bħala tali, flimkien ma’ l-obbligi APKM, jikkostitwixxu s-SIEĠ rilevanti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, l-obbligi APKM, inkluż l-adeżjoni miftuħa u r-rata komuni, jiggarantixxu li s-servizzi APKM ikunu aċċessibbli għal kulħadd. F’dan ir-rigward, bil-kontra ta’ l-opinjoni tar-rikorrenti, mhuwiex neċessarju li s-servizzi APKM ikollhom natura universali u obbligatorja fis-sens restrittiv, ikunu b’xejn jew ekonomikament aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha Irlandiża u li jikkostitwixxu sostitut għall-iskema pubblika tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, fl-opinjoni tar-Renju ta’ l-Olanda, fid-dawl tal-kunċett dinamiku ta’ SIEĠ, huwa suffiċjenti li l-Istat jimponi lill-assiguraturi kollha ċertu ħtiġijiet, bħall-obbligi APKM, li r-rispett tagħhom huwa suġġett għal skema ta’ awtorizzazzjoni u ta’ stħarriġ, sabiex wieħed ikun jista’ jikkwalifikahom bħala obbligi SIEĠ. Għalhekk, l-għotja ta’ dritt speċjali jew esklużiv lil impriża mhijiex neċessarja.

 ii) Fuq il-kunċett ta’ funzjoni SIEĠ u fuq is-setgħat ta’ definizzjoni u ta’ stħarriġ tas-SIEĠ

165    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dritt Komunitarju u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE, ma teżisti la definizzjoni leġiżlattiva ċara u preċiża tal-kunċett ta’ funzjoni SIEĠ, u lanqas kunċett ġuridiku stabbilit li jiffissa, b’mod definittiv, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ validament jinvoka l-eżistenza u l-protezzjoni ta’ funzjoni SIEĠ, kemm fis-sens ta’ l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, kif ukoll fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

166    Fir-rigward tal-kompetenza sabiex tiġi ddeterminata n-natura u l-portata ta’ funzjoni SIEĠ fis-sens tat-Trattat, kif ukoll tal-livell ta’ stħarriġ li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jeżerċitaw f’dan il-kuntest, jirriżulta mill-punt 22 tal-Komunikazzjoni fuq is-servizzi ta’ importanza ġenerali (ara l-punt 12 iktar’il fuq) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ u li d-definizjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra p. II‑2031, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Din il-prerogattiva ta’ l-Istat Membru fir-rigward tad-definizzjoni tas-SIEĠ hija kkonfermata kemm min-nuqqas ta’ kompetenza speċjalment attribwita lill-Komunità kif ukoll min-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża u kompleta tal-kunċett ta’ SIEĠ fid-dritt Komunitarju. Fil-fatt, id-determinazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ funzjoni SIEĠ fl-oqsma ta’ azzjoni partikolari, li jew ma jirriżultawx mill-kompetenza tal-Komunità, fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5 KE, jew huma bbażati fuq kompetenza Komunitarja li hija biss limitata jew kondiviża, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tibqa’, bħala prinċipju, f’idejn l-Istati Membri. Issa, kif isostnu l-konvenuta u l-Irlanda, is-settur tas-saħħa jaqa’ taħt kompetenza kważi esklużiva ta’ l-Istati Membri. F’dan is-settur, il-Komunità tista’ tipproċedi biss, skond l-Artikolu 152(1) u (5) KE, għal azzjonijiet ġuridikament mhux restrittivi filwaqt li jirrispettaw kompletament ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika. B’hekk id-determinazzjoni ta’ obbligi SIEĠ f’dan il-kuntest tirriżulta wkoll, prinċipalment, mill-kompetenza ta’ l-Istati Membri. Din il-kondiviżjoni tal-kompetenzi hija barra minn hekk riflessa, b’mod ġenerali, fl-Artikolu 16 KE li jgħid li, fir-rigward tal-post li jokkupaw is-SIEĠ fost il-valuri komuni ta’ l-Unjoni kif ukoll ir-rwol li għandhom fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali ta’ l-Unjoni, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, kollha fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, għandhom jaraw li dawn is-SIEĠ jaħdmu abbażi ta’ prinċipji u taħt kundizzjonijiet li jippermettulhom jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

168    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jinvokaw is-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1985, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar’il fuq (punt 30), biex jagħtu prova tan-neċessità ta’ stħarriġ komplet u sħiħ mill-istituzzjonijiet Komunitarji ta’ l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ fis-settur tas-saħħa. Fil-fatt, jirriżulta mill-imsemmija sentenza li l-kompetenza ta’ l-Istat Membru li jieħu azzjoni, skond l-Artikolu 86(2) KE, u, għaldaqstant il-kompetenza ta’ definizzjoni tas-SIEĠ, mhijiex limitata u ma tistax tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju sempliċement sabiex settur partikolari, bħal dak tat-telekomunikazzjonijiet, jaħrab mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

169    Għaldaqstant, l-istħarriġ li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma awtorizzati jeżerċitaw fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-Istat Membru fid-determinazzjoni tas-SIEĠ huwa limitat għat-tfittxija ta’ l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata (punt 44), il-Kummissjoni ġustament eżerċitat dan l-istħarriġ billi eżaminat jekk l-evalwazzjoni ta’ l-Irlanda għal dak li jirrigwarda l-preżenza ta’ funzjoni SIEĠ kif ukoll il-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ kinitx ivvizzjata minn żball manifest.

170    B’hekk, l-ilment ibbażat fuq delega illegali lill-awtoritajiet Irlandiżi tad-definizzjoni tas-SIEĠ in kwistjoni u għan-nuqqas ta’ stħarriġ komplet u sħiħ ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-imsemmija awtoritajiet fir-rigward ta’ definizzjoni oġġettiva u restrittiva tas-SIEĠ fid-dritt Komunitarju ma jistax jiġi milqugħ.

 iii) Fuq l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ fil-każ in kwistjoni


 1) Fuq kif għandu jinqasam l-oneru tal-prova

171    Jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri nnotifikati mill-Iranda kellhomx x’jaqsmu ma’ funzjoni SIEĠ kemm fis-sens ta’ l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, kif ukoll fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

172    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li anki jekk l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward id-determinazzjoni ta’ dak li huwa jikkunsidra bħala SIEĠ, dan ma jfissirx, meta jinvoka l-eżistenza u n-neċessità tal-protezzjoni ta’ funzjoni SIEĠ, li m’għandux jara li din ta’ l-aħħar tissoddisfa ċerti kriterji minimi komuni għal kull funzjoni SIEĠ fis-sens tat-Trattat KE, kif inhu ppreċiżat mill-ġurisprudenza, u li juri li dawn il-kriterji ġew sodisfatti kif suppost fil-każ in kwistjoni. Dawn huma, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att ta’ awtorità pubblika li tagħti funzjoni SIEĠ lill-operaturi in kwistjoni kif ukoll in-natura universali u obbligatorja ta’ din il-funzjoni. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ prova mill-Istat Membru li dawn il-kriterji huma sodisfatti jew in-nuqqas ta’ rispett min-naħa tiegħu tista’ tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-Kummissjoni hija marbuta tippenalizza, taħt il-piena li hija stess tikkommetti żball manifest. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza relatata ma’ l-Artikolu 86(2) KE li l-Istat Membru għandu jindika raġunijiet li għalihom huwa jqis li s-servizz in kwistjoni jixraqlu, minħabba n-natura speċifika tiegħu, li jiġi kkwalifikat bħala SIEĠ u li jiġi distint minn attivitajiet ekonomiċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Merci Convenzionali Porto di Genova, punt 97 iktar’il fuq, punt 27, u Enirisorse, punt 131 iktar’il fuq, punti 33 u 34). Fil-fatt, mingħajr din il-motivazzjoni, stħarriġ, anki jekk marġinali, min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, kemm skond l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, kif ukoll skond l-Artikolu 86(2), relatat ma’ żball manifest imwettaq mill-Istat Membru fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, mhuwiex possibbli.

173    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti intiżi sabiex juru li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni żbaljatament ammettiet l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ.

 2) Fuq l-identità u fuq in-natura tal-funzjoni SIEĠ in kwistjoni

174    F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux fuq l-identità u fuq in-natura tas-SIEĠ li jifformaw is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant tal-miżura nnotifikata. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss l-obbligi APKM, li l-kwalifikazzjoni tagħhom bħala obbligi SIEĠ hija ammessa mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni ma tevalwax il-kwistjoni dwar jekk is-servizzi APKM fihom infushom jikkostitwixxux SIEĠ, li bl-ebda mod ma huwa l-każ (ara l-punt 110 iktar’il fuq). Il-konvenuta u l-Irlanda jwieġbu li, fid-dawl tar-rabta qawwija bejn is-servizzi APKM u l-obbligi APKM li jirregolaw il-provvista tas-servizzi, id-deċiżjoni kkontestata, billi tikkwalifika l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ, tirrikonoxxi neċessarjament ukoll in-natura ta’ SIEĠ tas-servizzi APKM bħala tali.

175    Huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata teżamina, prinċipalment, b’mod partikolari fil-punti 41 sa 49, taħt it-titolu “Obbligi ta’ servizz pubbliku”, l-obbligi APKM, jiġfieri r-rata komuni, l-adeżjoni miftuħa, il-kopertura matul il-ħajja u l-provvisti minimi, billi tispjega r-raġunijiet li għalihom dawn għandhom jiġu kkwalifikati bħala obbligi SIEĠ. Issa, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn b’mod espliċitu dwar jekk is-servizzi APKM b’mod ġenerali jirrappreżentawx ukoll SIEĠ, l-imsemmija deċiżjoni tiddikjara, fil-punti 41 u 47, li l-“obbligi [APKM] għandhom l-intenzjoni li jassiguraw l-eżekuzzjoni ta’ funzjoni ta’ importanza ġenerali, jiġifieri ċertu livell ta’ [servizzi] APKM għal kull persuna li tgħix fl-Irlanda, għal prezz raġonevoli u taħt kundizzjonijiet simili ta’ kwalità”. Barra minn hekk, fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-awtoritajiet Irlandiżi ma wettqux żball manifest “billi inkludew fil-kunċett tagħhom ta’ SIEĠ servizzi li jmorru lilhinn minn dawk offerti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali bażika”. Dawn il-konstatazzjonijiet jikkonfermaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ammettiet ukoll, għall-inqas impliċitament, li s-servizzi APKM kienu fihom infushom ta’ natura ta’ SIEĠ. F’kull każ, fid-dawl tar-rabta qawwija bejn l-obbligi APKM u s-servizzi APKM, kien impossibbli għall-Kummissjoni li tillimita l-evalwazzjoni tagħha għall-obbligi APKM biss mingħajr ma tieħu wkoll in kunsiderazzjoni s-servizzi APKM li jiffurmaw is-suġġett u li l-provvista tagħhom hija suġġetta għar-rispett ta’ l-imsemmija obbligi.

176    B’hekk, bil-kontra ta’ l-opinjoni tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi kemm li l-obbligi APKM jikkostitwixxu obbligi SIEĠ u li s-servizzi APKM jirriżultaw minn funzjoni SIEĠ.

 3) Fuq id-distinzjoni bejn ir-regolamentazzjoni ta’ l-attività ta’ l-operaturi u l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ attribwita permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika.

177    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ funzjoni SIEG, billi jqisu li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tissuġġetta l-attività ta’ l-assiguraturi APKM għal obbligi regolatorji “normali”, mingħajr ma dan ikun jimplika l-attribuzzjoni ta’ funzjoni partikolari ddefinita minn att ta’ awtorità pubblika.

178    Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-provvista tas-servizz in kwistjoni għandha jkollha, bħala definizzjoni, importanza ġenerali jew pubblika. F’dan ir-rigward, is-SIEĠ huma distinti b’mod partikolari mis-servizzi li jservu interess privat, meta anki dawn jistgħu jkunu ftit jew wisq kollettivi jew rikonoxxuti mill-Istat Membru bħala leġittimi jew ta’ ġid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Züchner, punt 97 iktar’il fuq, punt 7, u GVL vs Il-Kummissjoni, punt 98 iktar’il fuq, punti 31 u 32). Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti, l-importanza ġenerali jew pubblika invokata mill-Istat Membru m’għandhiex tfisser il-bżonn li s-suq li qed jiġi kkunsidrat jiġi suġġett għal ċertu regoli jew l-attività kummerċjali ta’ l-operaturi kkonċernati għal awtorizzazzjoni ta’ l-Istat. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-leġiżlatur nazzjonali jimponi, fis-sens wiesa’ ta’ l-importanza ġenerali, ċerti regoli ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ħidma jew ta’ stħarriġ fuq l-operaturi kollha ta’ settur, bħala prinċipju, ma jikkostitwixxix funzjoni SIEĠ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi GVL vs Il-Kummissjoni, punt 98 iktar’il fuq, punt 32, u GB-Inno-BM, punt 98 iktar’il fuq, punt 22).

179    Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ funzjoni SIEĠ ma jippreżumix neċessarjament li l-operatur inkarigat minn din il-funzjoni jingħata dritt esklużiv jew speċjali sabiex din il-funzjoni tinkiseb. Jirriżulta minn interpretazzjoni magħquda tal-paragrafi (1) u (2) ta’ l-Artikolu 86 KE li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, dritt speċjali jew esklużiv mogħti lil operatur u, min-naħa l-oħra, il-funzjoni SIEĠ li, jekk ikun il-każ, tintrabat ma’ dan id-dritt (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Merci Convenzionali Porto di Genova, punt 97 iktar’il fuq, punti 9 u 27; Almelo, punt 97 iktar’il fuq, punti 46 sa 50, u Albany, punt 101 iktar’il fuq, punti 98 u 104 sa 111). L-għotja ta’ dritt speċjali jew esklużiv lil operatur jikkostitwixxi biss l-istrument eventwalment ġustifikat, li jippermetti lil dan l-operatur jikseb funzjoni SIEĠ. B’hekk, kif isostni r-Renju ta’ l-Olanda, ma fiha l-ebda żball il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-punti 14 u 15 tal-Komunikazzjoni fuq is-servizzi ta’ importanza ġenerali, li tgħid li l-attribuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ tista’ tikkostitwixxi wkoll obbligu impost fuq maġġoranza, jew saħansitra fuq l-operaturi kollha attivi fuq l-istess suq (ara, fir-rigward ta’ funzjoni SIEĠ mogħtija fil-kuntest ta’ kuntratt mhux esklużiv taħt id-dritt pubbliku, is-sentenza Almelo, punt 97 iktar’il fuq, punt 47).

180    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ hija eskluża minħabba l-issuġġettar ta’ l-assiguraturi kollha APKM ma jistax jiġi milqugħ.

181    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, essenzjalment, kemm l-ewwel kundizzjoni msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, kif ukoll il-kliem ta’ l-Artikolu 86(2) KE fihom infushom jeħtieġu li l-operatur in kwistjoni jiġi inkarigat minn funzjoni SIEĠ permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika u li dan jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi SIEĠ in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Züchner, punt 97 iktar’il fuq, punt 7; tal-11 ta’ April 1989, Ahmed Saeed Flugreisen, 66/86, Ġabra p. 803, punt 55; GT‑Link, punt 97 iktar’il fuq, punt 51, et Altmark, punt 89 iktar’il fuq, punt 89; is-sentenza Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar’il fuq, punt 186).

182    F’dan il-każ, bil-kontra ta’ l-argument espost mir-rikorrenti, il-leġiżlazzjoni Irlandiża rilevanti ma tikkostitwixxix regolament jew awtorizzazzjoni li b’xi mod hija relatata ma’ l-attività ta’ l-assiguraturi APKM, iżda għandha tiġi kkwalifikata bħala att ta’ awtorità pubblika li tagħti lok għal u tiddefinixxi funzjoni partikolari li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi APKM fir-rispett ta’ l-obbligi APKM. Fil-fatt, l-Artikoli 7 sa 10 tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendati, fl-aħħar lok, mill-Health Insurance Act, 2001, kif ukoll il-Health Insurance Regulations, 1996 (ara l-punt 16 iktar’il fuq) jiddefinixxu b’mod dettaljat l-obbligi APKM, bħar-rata komuni, l-adeżjoni miftuħa, il-kopertura matul il-ħajja u l-provvisti minimi, li għalihom huma suġġetti l-assiguraturi kollha APKM fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, permezz ta’ l-għan iddikjarat li jintlaħaq l-interess ġenerali billi madwar nofs il-popolazzjoni Irlandiża tkun tista’ tibbenefika minn kopertura alternattiva għal ċertu kura tas-saħħa, b’mod partikolari ta’ sptarijiet, l-obbligi APKM imsemmija iktar’il fuq jillimitaw il-libertà kummerċjali ta’ l-assiguraturi APKM b’mod li jmur ferm lilhinn mill-kundizzjonijiet ordinarji ta’ awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata attività f’settur partikolari (ara l-punti 191 et seq iktar’il quddiem).

183    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din il-leġiżlazzjoni tissoddisfa l-kundizzjoni ta’ definizzjoni ċara u preċiża ta’ l-obbligi SIEĠ in kwistjoni fis-sens ta’ l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq (punt 89), li r-rikorrenti ma jikkontestawx. Barra minn hekk, peress li l-iskema magħżula mill-Irlanda ma tipprovdix għall-għoti ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali, iżda l-kisba ta’ din il-funzjoni mill-operaturi kollha attivi fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, li hija għażla possibbli ta’ l-Istat Membru (ara l-punt 179 iktar’il fuq), wieħed ma jistax jitlob, bil-kontra ta’ dak li jidher li qed isostnu r-rikorrenti, li kull wieħed mill-operaturi suġġetti għall-obbligi APKM jingħata separatament l-imsemmija funzjoni permezz ta’att jew mandat individwali.

184    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-issuġġettar ta’ l-attività ta’ l-assiguraturi APKM għal obbligi regolatorji “normali” u għan-nuqqas ta’ att ta’ awtorità pubblika bbażat fuq il-ħolqien u l-attribuzzjoni ta’missjoni SIEĠ.

 4) Fuq in-natura universali u obbligatorja tas-servizzi li jirriżultaw mill-funzjoni SIEĠ

185    Ir-rikorrenti jeċċepixxu n-nuqqas ta’ natura universali u obbligatorja tas-servizzi APKM sabiex jaslu għall-ineżistenza ta’ funzjoni SIEĠ f’dan il-każ.

 Ġeneralitajiet

186    Fir-rigward ta’ l-universalità tas-servizzi APKM, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li, bil-kontra ta’ l-allegazzjoni mressqa mir-rikorrenti, ma jirriżultax mid-dritt Komunitarju li, biex ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala SIEĠ, is-servizz in kwistjoni għandu jikkostitwixxi servizz universali fis-sens strett, bħall-iskema pubblika tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, il-kunċett ta’ servizz universali, fis-sens tad-dritt Komunitarju, ma jimplikax li s-servizz in kwistjoni għandu jissoddisfa bżonn komuni għall-popolazzjoni kollha jew li għandu jingħata fuq territorju partikolari kollu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Ahmed Saeed Flugreisen, punt 181 iktar’il fuq, punt 55; Corsica Ferries France, punt 97 iktar’il fuq, punt 45, u Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar’il fuq, punti 186 et seq). Kif isemmi l-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata meta jirreferi għall-punt 14 tal-Komunikazzjoni fuq is-servizzi ta’ importanza ġenerali, minkejja li dawn il-karatteristiċi jikkonċernaw tip ta’ SIEĠ klassiku u huwa l-iktar wieħed komuni fl-Istati Membri, dan ma jeskludix l-eżistenza ta’ tipi oħra ta’ SIEĠ li huma wkoll legali u li l-Istati Membri jistgħu validament jagħżlu li joħolqu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

187    Għalhekk, il-fatt li l-obbligi SIEĠ in kwistjoni għandhom biss kamp ta’ applikazzjoni territorjali jew materjali waħda ristretta jew li mis-servizzi kkonċernati jibbenefikaw grupp relattivament ristrett ta’ utenti ma jmurx neċessarjament kontra n-natura universali ta’ funzjoni SIEĠ fis-sens tad-dritt Komunitarju. B’hekk, l-interpretazzjoni restrittiva tar-rikorrenti rigward in-natura universali ta’ SIEĠ, ibbażata fuq ċertu rapport jew dokumenti tal-Kummissjoni, li l-kontenut tagħhom, barra minn hekk, mhuwiex ġuridikament restrittiv, mhijiex kompatibbli mal-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri rigward id-definizzjoni ta’ funzjoni SIEĠ. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

188    Fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li s-servizzi APKM jirrappreżentaw sempliċement servizzi finanzjarji mhux obbligatorji, jew saħansitra “ta’ lussu”, intiżi sabiex jiggarantixxu kopertura komplementari jew supplimentari fir-rigward tas-servizzi universali obbligatorji previsti mill-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, għandu jiġi osservat li n-natura obbligatorja tas-servizz in kwistjoni jikkostitwixxi fil-fatt kundizzjoni essenzjali għal eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ fis-sens tad-dritt Komunitarju. Din in-natura obbligatorja għandha tinftihem fis-sens li l-operaturi inkarigati mill-funzjoni SIEĠ minn att ta’ awtorità pubblika huma, bħala prinċipju, marbutin joffru s-servizz in kwistjoni billi jirrispettaw l-obbligi SIEĠ li jirregolaw il-provvista ta’ l-imsemmi servizz. Mill-aspett ta’ l-operatur inkarigat minn funzjoni SIEĠ, din in-natura obbligatorja – li fiha nnifisha tmur kontra l-libertà kummerċjali u l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera – tista’ tikkonsisti b’mod partikolari, speċjalment fil-każ ta’ l-għoti ta’ dritt esklużiv jew speċjali, f’obbligu li tiġi eżerċitata ċertu attività kummerċjali indipendentement mill-ispejjeż marbuta magħha (ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 14 tal-Komunikazzjoni fuq is-servizzi ta’ importanza ġenerali). F’dan il-każ, dan l-obbligu huwa dovut għall-protezzjoni tal-funzjoni SIEĠ u l-pożizzjoni tas-suq konness magħha mill-att li jattribwixxi din il-funzjoni. Fin-nuqqas ta’ dritt esklużiv jew speċjali, in-natura obbligatorja ta’ funzjoni SIEĠ tista’ tinsab fl-obbligu ta’ l-operatur in kwistjoni, previst minn att ta’ awtorità pubblika, li joffri ċerti servizzi lil kull ċittadin li jitlobhom (ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 15 tal-Komunikazzjoni fuq is-servizzi ta’ importanza ġenerali).

189    Madankollu, kontra l-fehma tar-rikorrenti, in-natura restrittiva tal-funzjoni SIEĠ ma tippreżumix li l-awtoritajiet pubbliċi jimponu fuq l-operatur ikkonċernat l-obbligu li jipprovdu servizz ta’ kontenut kjarament predeterminat, bħal fil-każ tal-pjan P offrut mill-VHI (ara l-punt 14 iktar’il fuq). Fil-fatt, in-natura obbligatorja tal-funzjoni SIEĠ ma teskludix l-eżistenza ta’ ċerta libertà mogħtija lill-operatur fis-suq, inkluż fir-rigward tal-kontenut u l-iffissar tal-prezz tas-servizzi li huwa għandu l-intenzjoni li jipprovdi. F’dawn il-kundizzjonijiet, jiġi ggarantit minimu ta’ libertà ta’ azzjoni lill-operaturi u, għaldaqstant, ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u l-kontenut tas-servizzi in kwistjoni, li hija tali li tillimita, fl-interess Komunitarju, il-portata tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li tirriżulta wkoll mill-attribuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ, mingħajr ma din taffettwa l-għanijiet ta’ din ta’ l-aħħar.

190    B’hekk, fin-nuqqas ta’ dritt esklużiv jew speċjali, huwa biss meħtieġ, sabiex jiġi kkunsidrat li servizz huwa obbligatorju, li l-operatur inkarigat minn din il-funzjoni jiġi ssuġġettat għall-obbligu li jipprovdi dan is-servizz lil kull utent li jitlob dan. Fi kliem ieħor, in-natura obbligatorja tas-servizz u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ jiġu stabbiliti jekk min jipprovdi s-servizz jiġi obbligat jidħol f’kuntratt, b’kundizzjonijiet kostanti, mingħajr ma jkun jista’ jirrifjuta l-parti kontraenti l-oħra. Dan l-aħħar element jippermetti li ssir distinzjoni bejn is-servizz li jirriżulta minn funzjoni SIEĠ u kull servizz ieħor ipprovdut fis-suq u, għaldaqstant, minn kull attività oħra eżerċitata kompletament b’mod liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi GT‑Link, punt 97 iktar’il fuq, punt 53, u Merci Convenzionali Porto di Genova, punt 97 iktar’il fuq, punt 27).

 Applikazzjoni għall-każ in kwistjoni

191    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jirriżulta mid-diversi obbligi APKM magħquda flimkien imposti fuq l-assiguraturi APKM Irlandiżi kollha, jiġifieri obbligi ta’ adeżjoni miftuħa, ta’ rata komuni, ta’ kopertura matul il-ħajja u ta’ provvisti minimi, li s-servizzi APKM għandhom jiġu kkunsidrati bħala obbligatorji.

192    Fil-fatt, l-obbligu ta’ adeżjoni miftuħa (Artikolu 8 tal-Health Insurance Act, 1994 kif emendat), jiġifieri l-obbligu għall-assiguratur APKM li joffri kuntratt APKM lil kull persuna li titlob dan, indipendentement mill-età, is-sess jew is-stat tas-saħħa tiegħu, huwa biżżejjed sabiex tiġi rikonoxxuta n-natura obbligatorja tas-servizzi APKM ikkonċernati. Din in-natura obbligatorja hija msaħħa mill-fatt li l-obbligu li l-assiguraturi jidħlu f’kuntratt huwa assoċjat ma’ ħtiġijiet oħrajn li jillimitaw il-libertà kummerċjali ta’ l-assiguraturi APKM fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-kuntratti APKM, jiġifieri l-obbligi ta’ rata komuni, ta’ kopertura matul il-ħajja u ta’ provvista minima.

193    Fil-fatt, skond l-obbligu ta’ rata komuni, meta assiguratur APKM joffri kopertura APKM fis-suq, huwa marbut joffri s-servizzi APKM ikkonċernati b’rata uniformi tkun liema tkun is-sitwazzjoni personali ta’ l-assigurat, l-evoluzzjoni ta’ l-istat tas-saħħa u l-frekwenza tat-talbiet ta’ din il-persuna għal ħlas lura (Artikolu 7 tan-1994 Health Insurance Act, kif emendat). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kopertura matul il-ħajja, wara sottoskrizzjoni mill-assigurat għal din il-kopertura, l-assiguratur APKM ma jistax itemm unilateralment il-kuntratt ta’ APKM u lanqas ma jista’ jirrifjuta li jġeddu jekk l-assigurat jitlob dan (Artikolu 9 tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendat). Fl-aħħar nett għandu jiġi osservat li r-regoli fuq il-provvista minima jipprovdu li l-ħlasijiet lura tal-kura koperta mill-kuntratti ta’ APKM għandhom isiru fir-rispett ta’ l-ammonti u tal-perċentwali minimi ta’ l-ispejjeż sostnuti (Artikolu 10 tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendat, fid-dawl tar-regoli fuq il-provvista minima).

194    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostnew li l-obbligu ta’ provvista minima mhuwiex suffiċjenti sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ minħabba li l-livell ta’ kopertura hekk iddeterminata f’dan il-punt tant ikun baxx li, fil-prattika, dan il-livell jinqabeż konsiderevolment anki mill-iktar poloz ta’ asigurazzjoni bażiċi disponibbli fis-suq, bħall-pjan A tal-VHI. Issa, dan l-argument ma jistax jikkontesta n-natura obbligatorja tal-ħtiġijiet li għalihom l-assiguraturi APKM huma suġġetti skond l-obbligi APKM. Minn naħa, hija tagħmel kunsiderazzjoni żbaljata li n-natura obbligatorja ta’ funzjoni SIEĠ ma tirrikjedix li l-liġi titlob u tiddetermina minn qabel il-provvista ta’ servizz partikolari billi tiċħad kull libertà kummerċjali lill-operatur in kwistjoni (ara l-punt 188 iktar’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-prattika kummerċjali stabbilita fis-suq, anki jekk ġeneralment turi livell ta’ servizz superjuri għall-provvista minima preskritta, ma tistax tikkontesta n-natura ta’ obbligu legali tal-provvista minima li kull assiguratur APKM għandu jirrispetta fiċ-ċirkustanzi kollha.

195    Il-kwalifikazzjoni tas-servizzi APKM bħala servizzi universali u obbligatorji lanqas ma titpoġġa fid-dubju mill-argument li jgħid li l-imsemmija servizzi mhumiex obbligatorji fis-sens li l-provvista tagħhom titħalla f’idejn kemm l-assiguraturi kif ukoll l-assigurati u li, għalhekk, dawn is-servizzi ma jissostitwixxux is-servizzi universali jew li jservu bħala bażi għas-sigurtà soċjali. Minn naħa, ma jmurx kontra l-għarfien ta’ natura obbligatorja tal-funzjoni SIEĠ l-fatt li l-konsumaturi jistgħu jagħżlu li ma jitolbux il-provvista tas-servizzi in kwistjoni meta l-Istat Membru jqis li, minħabba kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ politika soċjali u tas-saħħa, l-imsemmi servizz jissoddisfa l-bżonn reali ta’ parti kbira mill-popolazzjoni – f’dan il-każ attwalment madwar 50 % tal-popolazzjoni Irlandiża – u tagħmilhom aċċessibbli permezz ta’ obbligu impost fuq il-fornitur ta’ l-imsemmi servizz li jidħol f’kuntratt. Fil-fatt, in-natura universali u obbligatorja tas-SIEĠ mhijiex kundizzjonata minn obbligu reċiproku ta’ kuntratt, jiġifieri, f’dan il-każ, minn affiljazzjoni obbligatorja fl-APKM. Kif jammettu l-istess rikorrenti, fil-punt 29 tal-replika, is-sentenza Albany, punt 101 iktar’il fuq (punti 98 et seq), ma ssemmix interpretazzjoni oħra peress li l-affiljazzjoni obbligatorja fl-iskema ta’ pensjoni komplementari li tat lok għal din il-kawża ma kienet fl-ebda każ determinanti għar-rikonoxximent ta’ l-imsemmija skema mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tirriżulta minn funzjoni SIEĠ.

196    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura tal-funzjoni SIEĠ in kwistjoni, ibbażata fuq obbligi APKM imposti fuq l-assiguraturi APKM kollha u mhux marbutin ma’ dritt speċjali jew esklużiv, il-possibbiltà ta’ rtirar volontarju ta’ assiguratur mis-suq Irlandiż ta’ l-APKM ma jippreġudikax il-kontinwità tal-provvista tas-servizz APKM ikkonċernat u, għaldaqstant, l-universalità u l-aċċessibbiltà tiegħu. B’hekk, filwaqt li l-assiguraturi APKM li ddeċidew li joffru kopertura fis-suq għandhom jirrispettaw kompletament l-obbligi APKM in kwistjoni, is-sempliċi possibbiltà għall-assiguratur APKM li jirrinunzja kompletament milli jipprovdi s-servizzi APKM jew li jitlaq mis-suq lanqas ma jista’ jaffettwa n-natura universali u obbligatorja ta’ l-imsemmija servizzi.

197    Ir-rikorrenti jsostnu barra minn hekk li n-natura universali u obbligatorja tas-servizzi APKM hija kontradetta mid-diversi eċċezzjonijiet, previsti mil-liġi, rigward l-obbligu ta’ l-adeżjoni miftuħa [Artikolu 8 tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendat, fid-dawl tal-Health Insurance Act, 1994 (Open Enrolment) Regulations 1996]. Fil-fatt, jistgħu jiġi rrifjutati mill-assiguraturi APKM il-persuni ta’ 65 sena jew iktar li jixtiequ jissottoskrivu ruħhom għall-ewwel darba għal kopertura APKM [Artikolu 6 tal-Health Insurance Act, 1994 (Open Enrolment) Regulations 1996]. L-isfel mill-età ta’ 65 sena, l-assiguraturi APKM jistgħu jimponu, wara s-sottoskrizzjoni għal kopertura APKM, perijodi ta’ stennija inizjali li jikkonċernaw it-talbiet għal ħlas lura li huma, bħala prinċipju, ta’ 26 ġimgħa għall-persuni ta’ età inferjuri għal 55 sena u ta’ 52 ġimgħa għal persuni minn 55 sa 65 sena [Artikolu 7 tal-Health Insurance Act, 1994 (Open Enrolment) Regulations 1996]. Fir-rigward tal-persuni li huma diġà morda, jekk huma għandhom dritt li jaffiljaw ruħhom, jistgħu jiġu imposti, skond l-età tagħhom, perijodi ta’ stennija minn ħames sa għaxar snin għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ ċertu kura [Artikolu 8 tal-Health Insurance Act, 1994 (Open Enrolment) Regulations 1996]. F’dan ir-rigward, il-konvenuta u l-Irlanda wieġbu, essenzjalment, li, minn naħa, dawn l-eċċezzjonijiet ma jnaqsux, b’mod sensittiv, il-veru portata ta’ l-obbligu ta’ adeżjoni miftuħa u li, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu, f’kull każ, miżuri leġittimi u oġġettivament ġustifikati sabiex jipproteġu s-suq ta’ l-APKM Irlandiż suġġett għall-obbligi APKM kontra anormalitajiet jew abbużi.

198    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, anki li kieku kellu jitqies li l-esklużjoni ta’ persuni ta’ iktar minn 65 sena li qatt ma ssottoskrivew ruħhom għal kopertura APKM – liema esklużjoni kienet tinsab fil-leġiżlazzjoni Irlandiża meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata – tista’ tikkonċerna, kif isostnu r-rikorrenti, teoretikament 8 % tal-popolazzjoni Irlandiża, l-importanza ta’ din l-eċċezzjoni tidher li hi limitata fil-prattika. Fil-fatt, minn naħa, kif tenfasizza l-konvenuta, din l-eċċezzjoni ma tapplikax għall-persuni li huma jew li diġà kienu affiljati ma’ APKM u li jixtiequ jġeddu din l-affiljazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-affermazzjoni tal-konvenuta u ta’ l-Irlanda li tgħid li, fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ l-APKM fl-Irlanda mill-1957, teżisti tendenza normali ta’ sottoskrizzjoni għall-ewwel darba għal polza APKM f’età ħafna iktar żagħżugħa minn żmienijiet oħra, tant li l-perijodi ta’ stennija inizjali, progressivi skond l-età, jikkostitwixxu inċentiv supplimentari sabiex dan isir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’, fil-fatt, jistenna li n-numru ta’ persuni hekk esklużi mill-APKM jinżel. Mhuwiex għalhekk mistenni li, fil-prattika, numru importanti ta’ persuni jiġi affettwat, iktar’il quddiem, mill-possibbiltà ta’ affiljazzjoni rrifjutata mill-età ta’ 65 sena. F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din ir-restrizzjoni limitata ma tikkontradixxix il-fatt li l-adeżjoni miftuħa tiggarantixxi aċċess liberu għall-APKM għall-poplazzjoni Irlandiża kollha.

199    Fir-rigward tal-perijodi ta’ stennija inizjali, il-konvenuta u l-Irlanda sostnew, mingħajr ma ġew verament kontradetti mir-rikorrenti, li, minkejja li dawn il-perijodi jillimitaw temporanjament l-aċċess għal kopertura APKM, huma jikkostitwixxu miżuri essenzjali u leġittimi intiżi sabiex jevitaw abbużi li jikkonsistu milli tinkiseb kopertura temporanja biss sabiex persuni jieħdu kura malajr mingħajr ma jkunu kkontribwixxew minn qabel, bil-ħlas ta’ primjums, għall-iskema APKM ta’ rata komuni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif isostnu l-konvenuta u l-Irlanda, ir-rata komuni hija intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta’ primjums li jsiru uniformi għal koperturi identiċi (ara l-punt 192 iktar’il fuq), tqassim ugwali ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-kura tas-saħħa ta’ l-assigurati kollha tal-ġenerazzjonijiet kollha. Għalhekk, ir-rata komuni, bħall-adeżjoni miftuħa, għandha finalment bħala għan li tassigura li jitqassmu r-riskji kif ukoll is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, għanijiet li l-għażla tagħhom mill-Istat Membru, fir-rigward ta’ l-Artikoli 16 KE u 152 KE, ma tistax tiġi kkontestata mill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara l-punt 167 iktar’il fuq).

200    Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrikonoxxi bħala possibbli li prattika bħal dik deskritta iktar’il fuq tista’ tipperikola dan l-għan. Barra minn hekk, kif issostni l-konvenuta, in-nuqqas ta’ perijodi ta’ stennija jkollu bħala konsegwenza li l-assiguraturi APKM, meta jiffaċjaw żieda fit-talbiet ta’ ħlas lura, ikollhom iżidu l-primjums għad-detriment ta’ l-assigurati kollha sabiex ikopru l-ispejjeż supplimentari li jirriżultaw. Konsegwenza bħal din tmur kontra l-għan ta’ l-aċċessibbiltà tal-kopertura APKM iggarantita għall-assigurati kollha, għan li jinkludi wkoll ir-rata komuni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tammetti li l-perijodi ta’ stennija inizjali huma inerenti għas-suq ta’ l-APKM suġġett għall-adeżjoni miftuħa u għar-rata komuni u li dawn jikkostitwixxu mezz approprjat sabiex jiġu rrikonċiljati l-aċċessibbiltà u l-universalità tas-servizz APKM inkwantu jippermettu li jiġi evitat li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tintuża b’mod abbużiv minn persuni li jħallu s-sottoskrizzjoni tagħhom għall-APKM għall-mument fejn huma jkollhom bżonnijiet importanti ta’ kura.

201    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li kunsiderazzjoni kollettiva ta’ l-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa, ta’ rata komuni, ta’ kopertura matul il-ħajja u ta’ provvista minima hija tali li tiggarantixxi lill-popolazzjoni Irlandiża aċċess wiesa’ u faċli għas-servizzi APKM, li jiġġustifika l-kwalifikazzjoni tagħhom bħala universali fis-sens tad-dritt Komunitarju. Ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minkejja li jingħaqdu l-primjums li jirriżultaw mir-rata komuni, is-servizzi APKM mhumiex universali peress li mhumiex possibbli għal-livelli soċjali kollha tal-popolazzjoni Irlandiża. L-ewwel nett, kif issemma fil-punt 186 iktar’il fuq, il-kriterju ta’ l-universalità ma jirrikjedix li l-popolazzjoni kollha tagħmel użu jew tkun tista’ tagħmel użu minnu fil-prattika. It-tieni nett, il-fatt li madwar 50 % tal-popolazzjoni Irlandiża ssottoskriviet ruħha għal kopertura APKM jindika li, f’kull każ, is-servizzi APKM jissodisfaw talba importanti ħafna fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM u li jikkontribwixxu, b’mod sostanzjali, għall-ħidma korretta ta’ l-iskema ta’ sigurtà soċjali, fis-sens wiesa’ fl-Irlanda. It-tielet nett, dan l-argument ma jieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti stess, is-servizzi APKM disponibbli fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM jinqasmu f’diversi gruppi ta’ kopertura, fost liema b’mod partikolari koperturi bażiċi, koperturi medji u koperturi “ta’ lussu”, li jiġu offerti bi prezzijiet differenti u li jissodisfaw il-ħtiġijiet differenti ta’ l-assigurati.

202    F’dan il-kuntest, il-fatt li l-prezzijiet tas-servizzi APKM ma huma la rregolati u lanqas limitati lanqas ma jaffettwa n-natura universali tagħhom. Jekk huwa minnu li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-primjums tal-koperturi APKM, il-livell tar-rati għal din il-kopertura huwa, bħala prinċipju, stabbilit mis-suq innifsu, xorta jibqa’ l-fatt li, minħabba l-obbligu ta’ rata komuni, ir-rata ffissata ssir uniformi u applikabbli għall-kuntratti kollha APKM li jofru kopertura identika, u dan indipendentement mill-età, mis-sess u mill-istat tas-saħħa tal-persuni assigurati. Issa, minħabba din l-unformità fir-rati kif ukoll fil-kompetizzjoni li tikkonċerna r-rati bejn id-diversi assiguraturi APKM suġġetti għall-obbligi APKM, favur l-assigurati kollha, ir-riskju ta’ rata eċċessiva, ekonomikament impossibbli għal ċertu gruppi ta’persuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-koperturi APKM bażiċi, tidher limitata ħafna fil-prattika. Bil-kontra, kif tenfasizza l-Irlanda, ir-rata komuni tippermetti sussidju trażversali tal-primjums favur l-assigurati l-iktar vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni anzjani u l-invalidi, u b’hekk tiggarantilhom aċċess iktar faċli għas-servizzi APKM, liema aċċess jista’ jiġi potenzjalment limitat, jew saħansitra eskluż, f’suq b’rata bbażata fuq ir-riskju.

203    Barra minn hekk, il-kriterju ta’ l-universalità ma jitlobx li s-servizz in kwistjoni jkun b’xejn jew li jiġi propost mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-profittabbiltà ekonomika. Fil-fatt, il-fatt li ċerti utenti partikolari m’għandhomx il-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex igawdu mill-koperturi APKM kollha disponibbli fis-suq, b’mod partikolari l-koperturi “ta’ lussu”, ma jipprekludix in-natura universali ladarba s-servizz in kwistjoni jiġi propost b’rati uniformi u mhux diskriminatorji u b’kundizzjonijiet ta’ kwalità simili għall-klijenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Corbeau, punt 131 iktar’il fuq, punt 15; Almelo, punt 97 iktar’il fuq, punt 48, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I–8089, punt 55).

204    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-argument ġenerali ħafna tar-rikorrenti rigward in-natura mhux obbligatorja, komplementari u “ta’ lussu” tas-servizzi APKM mhuwiex validu. Minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma jieħdux in kunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, il-livelli differenti ta’ kopertura APKM disponibbli, huma ma kkontestawx, b’mod dettaljat, it-teżi mressqa mill-konvenuta u mill-Irlanda li tgħid li l-APKM Irlandiż jikkostitwixxi, flimkien ma’ l-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, it-tieni pilastru ta’ l-iskema Irlandiża tas-saħħa, l-eżistenza ta’ liema tissodisfa għan imperattiv ta’ koeżjoni soċjali u ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet segwit mill-politika tas-saħħa fl-Irlanda. Skond l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din ta’ l-aħħar, l-APKM tikkontribwixxi sabiex tiġi ggarantita l-effiċjenza u l-profittabbiltà ta’ l-iskema pubblika ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard billi tnaqqas il-pressjoni fuq l-ispejjeż li normalment hija tinvolvi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kura pprovduta fl-isptarijiet pubbliċi. Issa, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ ristrett li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma kompetenti jeżerċitaw f’dan ir-rigward, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati la mill-Kummissjoni u lanqas mill-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, jeħtieġ li jiġi ammess li s-servizzi APKM jintużaw mill-Irlanda, fl-interess ġenerali, bħala strument indispensabbli għall-amministrazzjoni korretta ta’ l-iskema nazzjonali tas-saħħa u li jiġi rikonoxxut lilhom, minħabba l-obbligi APKM, in-natura ta’ SIEĠ.

205    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ natura universali u obbligatorja tas-serivzzi APKM għandhom jiġu miċħuda bħala infondati fit-totalità tagħhom.

206    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma fhijiex żball il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-obbligi APKM huma intiżi sabiex jiggarantixxu lill-popolazzjoni Irlandiża kollha ċertu livell ta’ servizzi APKM, bi prezzijiet raġonevoli u taħt kundizzjonijiet simili ta’ kwalità. Barra minn hekk, lanqas ma fiha żball il-konstatazzjoni li tgħid li l-libertà f’idejn l-assiguraturi APKM rigward l-iffissar tal-primjums u l-kontenut tal-koperturi APKM ma tipprekludix il-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ. B’hekk, din il-libertà tippreżerva ċertu livell ta’ kompetizzjoni mingħajr ma min-naħa l-oħra taffettwa l-implementazzjoni tal-funzjoni SIEĠ in kwistjoni (ara l-punt 188 iktar’il fuq).

207    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punti 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tas-servizzi APKM u ta’ l-obbligi APKM li jirriżultaw minn funzjoni SIEĠ ġew sodisfatti u li l-Irlanda ma kinitx wettqet żball manifest f’dan ir-rigward.

208    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ funzjoni SIEĠ fis-sens ta’ l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, u fl-Artikolu 86(2) KE għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq l-eżistenza ta’ parametri kjarament iddefiniti għall-kalkolu tal-kumpens skond r-RES fis-sens tat-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark

 i) Osservazzjonijiet preliminarji

209    Il-Qorti ta-Prim’Istanza tfakkar, l-ewwel nett, li, skond it-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq (punt 90), il-parametri li fuqhom jiġi kkalkolat il-kumpens għall-eżerċizzju tal-funzjoni SIEĠ għandhom jiġu ddefiniti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti.

210    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 157 sa 160 iktar’il fuq, il-Kummissjoni tirriferi biss, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-analiżi tagħha dwar l-għoti ta’ kumpens għall-ispejjeż sostnuti fl-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi SIEĠ in kwistjoni, għas-sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq (punt 27). Skond din is-sentenza, l-imsemmi kumpens għandu jaqbel ma’ l-ispejjeż ulterjuri realment sostnuti mill-operatur inkarigat minn funzjoni SIEĠ. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din il-ħtieġa tippreżumi neċessarjament ċertu trasparenza u ċertu oġġettività tal-kriterji tal-kumpens, li mingħajrhom stħarriġ anki jekk marġinali mill-istituzzjonijiet Komunitarji ma jkunx possibbli.

211    Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkunsidra, anki jekk impliċitament, li, f’dan il-każ, il-kriterji għall-għoti ta’ kumpens previsti mir-RES kienu suffiċjentement trasparenti u oġġettivi sabiex jissodisfaw it-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark.

 ii) Fuq in-natura oġġettiva u trasparenti tal-kriterji li jirregolaw il-kalkolu tal-kumpens fir-rigward tar-RES.

212    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu (ara l-punti 113 et seq iktar’il fuq) li l-kalkolu tal-kumpens fir-rigward tar-RES ma jsirx skond parametri oġġettivi u trasparenti, iżda jiddependi kunsiderevolment mill-evalwazzjoni tal-HIA u mill-Ministru tas-Saħħa fuq numru ta’ livelli. B’hekk, l-evalwazzjoni tad-differenza fir-riskji u b’mod partikolari dik ibbażata fuq il-fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa titħalla kunsiderevolment għas-setgħa diskrezzjonali tal-HIA. Dan huwa kkonfermat mit-tliet rapporti diverġenti ppubblikati mill-HIA mill-2003 li kienu kkonstataw differenza fir-riskji kompletament differenti u li kienu waslu għal konklużjonijiet kuntradittorji rigward ir-realtà ta’ instabbiltà tas-suq. Barra minn hekk, il-HIA u l-Ministru tas-Saħħa għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward id-deċiżjoni li jinbdew il-ħlasijiet RES fir-rigward tal-perċentwali ta’ differenza fir-riskji miksuba.

213    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi l-ewwel nett ikkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, is-setgħa diskrezzjonali tal-HIA u, jekk ikun il-każ, tal-Ministru tas-Saħħa rigward id-deċiżjoni li jibdew il-ħlasijiet RES, liema deċiżjoni timplika b’mod partikolari l-konstatazzjoni ta’ differenza fir-riskji li taqbeż ċertu perċentwali u instabbilità tas-suq, mhijiex marbuta mal-kwistjoni ta’ jekk il-kalkolu nnifsu tal-kumpens isirx skond parametri oġġettivi u trasparenti. Fil-fatt, dan il-kalkolu jsir abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-assiguraturi APKM suġġetti għar-RES u, għaldaqstant, tal-profili ta’ riskju rispettivi tagħhom, biss wara li d-deċiżjoni li tirrigwarda l-introduzzjoni tal-ħlasijiet RES tkun ittieħdet. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jħawdu d-determinazzjoni tad-differenza fir-riskji, bħala stadju li jippreċedi d-deċiżjoni li jinbdew il-ħlasijiet RES, mal-kalkolu tal-kumpens mogħti fil-forma ta’ ħlasijiet RES, li jiddependi mill-paragun iddettaljat bejn il-profil ta’ riskju reali u l-profil ta’ riskju medju tas-suq għal kull wieħed mill-assiguraturi APKM (ara l-punt 33 iktar’il fuq).

214    Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħlasijiet RES, liema possibbiltà hija kkontestata mill-Irlanda, din is-setgħa diskrezzjonali fiha nnifisha ma tkunx inkompatibbli ma’ l-eżistenza ta’ parametri oġġettivi u trasparenti, fis-sens tat-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq. Kif issostni l-Irlanda, din il-kundizzjoni ma tipprojbixxix lil-leġiżlatur nazzjonali milli jħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali ċerta setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeterminaw il-kumpens ta’ l-ispejjeż sostnuti fl-eżekuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ. Bil-kontra, kif ġie ppreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa mhux biss fir-rigward tad-definizjoni ta’ funzjoni SIEĠ iżda wkoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens ta’ l-ispejjeż, li tiddependi minn evalwazzjoni ta’ fatti ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar’il fuq, punti 99 u 100). Huwa barra minn hekk preċiżament minħabba li din id-determinazzjoni hija suġġetta biss għal stħarriġ ristrett mill-istituzzjonijiet Komunitarji li t-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, teħtieġ li l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jivverifikaw l-eżistenza ta’ parametri oġġettivi u trasparenti, fejn dawn il-parametri għandhom jiġu ppreċiżati b’mod li jiġi eskluż kull abbuż mill-Istat Membru fil-konfronti tal-kunċett ta’ SIEĠ.

215    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti rigward in-nuqqas ta’ parametri oġġettivi u trasparenti għall-kalkolu tal-kumpens minħabba l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi mhumiex validi u għandhom jiġu miċħuda.

216    Għandu jiġi kkonstatat sussegwentement li, fil-punti 25 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 38 iktar’il fuq), il-Kummissjoni tesponi fid-dettal il-kriterji, il-metodu u l-proċedura li tirregola d-determinazzjoni tal-ħlasijiet RES. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-metodu għall-kalkolu tal-ħlasijiet RES espost fil-punti 31 sa 33 iktar’il fuq li l-parametri differenti ta’ kalkolu użati huma stabbiliti b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari fl-Anness II tar-RES. B’hekk, hija tipprovdi, fid-dettal, b’mod mhux diskriminatorju u trasparenti, li l-assiguraturi APKM suġġetti għar-RES għandhom jipprovdu regolarment informazzjoni rigward il-profil ta’ riskju tagħhom u l-ispejjeż korrispondenti skond il-gruppi ta’ età u ta’ sess ta’ l-assigurati tagħhom (partijiet II u III tar-RES). Fid-dawl ta’ din l-infromazzjoni, il-HIA twettaq evalwazzjoni komparattiva sabiex tiddetermina d-differenza fir-riskji bejn l-assiguraturi APKM (parti IV fid-dawl ta’ l-Anness II tar-RES), liema evalwazzjoni tiddetermina, min-naħa tagħha, il-kalkolu tal-ħlasijiet RES (parti V tar-RES). Fl-aħħar nett, huma wkoll previsti fil-parti V fid-dawl ta’ l-Anness II tar-RES il-parametri u l-formuli ekonomiċi u matematiċi dettaljati ta’ dan il-kalkolu, inkluż l-metodu ta’ aġġustament ma’ l-applikazzjoni tal-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa.

217    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li s-sempliċi kumplessità tal-formuli ekonomiċi u matematiċi li jirregolaw il-kalkoli li għandhom isiru ma taffettwax in-natura preċiża u kjarament iddeterminata tal-parametri rilevanti. F’kull każ, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestaw in-natura preċiża, trasparenti u oġġettiva ta’ dawn il-parametri, iżda essenzjalment invokaw l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’idejn l-awtoritajiet Irlandiżi rigward id-deċiżjoni, qabel il-kalkolu tal-kumpens, li jintroduċu l-ħlasijiet RES (ara l-punti 210 u 211 iktar’il fuq). Din il-kunsiderazzjoni hija valida wkoll għall-kriterji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa – mhux attwalment applikabbli –, imsemmija fl-Anness II tar-RES, li l-HIA għandha tirrispetta ladarba hija tiddeċiedi li tieħu in kunsiderazzjoni dan il-fattur ukoll għal-limitu massimu ta’ 50 % ffissat għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-użu osservat tal-kapaċità ta’ l-isptarijiet fid-determinazzjoni tal-profili ta’ riskju ta’ l-assiguraturi APKM (punti 28 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

218    Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tar-RES fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(1) KE, il-parametri differenti li jirregolaw il-kalkolu tal-ħlasijiet RES. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 160 iktar’il fuq, il-punti 25 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li jidħlu biss fil-kuntest tal-preżentazzjoni fattwali tar-RES (ara l-punt 38 iktar’il fuq), jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, u l-kontenut tagħhom ittieħed debitament in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-metodu ta’ kumpens in kwistjoni ma’ l-Artikolu 87(1) KE.

219    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq it-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

e)     Fuq in-neċessità u n-natura proporzjonata tal-kumpens previst mir-RES fis-sens tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark

 i) Fuq il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjaru

220    Fir-rigward tal-portata ta’ l-istħarriġ tan-neċessità u tan-natura proporzjonata tal-kumpens li jirrigwarda r-RES kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi osservat li dan l-istħarriġ huwa neċessarjament ristrett fid-dawl tal-fatt li l-Irlanda ġġustifikat ir-RES bl-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ (ara l-punt 166 iktar’il fuq). Minn naħa, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali li għandu l-Istat Membru rigward id-definizjoni ta’ funzjoni SIEĠ u l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tagħha, inkluż biex jiġu evalwati l-ispejjeż eċċessivi sostnuti minħabba l-eżekuzzjoni tagħha li jiddependu minn fatti ekonomiċi kumplessi, il-portata ta’ l-istħarriġ li l-Kummissjoni tista’ teżerċita f’dan ir-rigward hija limitata għal dik ta’ żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar’il fuq, punt 100, u Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar’il fuq, punt 216). Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li l-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jistax jaqbeż il-limitu nnifsu u li, għalhekk, dan l-istħarriġ għandu jeżamina jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun meta kkonstatat jew ċaħdet l-eżistenza ta’ żball manifest min-naħa ta’ l-Istat Membru.

221    Barra minn hekk, dan l-istħarriġ jimplika li l-qorti Komunitarja tiddetermina jekk il-provi prodotti mill-partijiet rikorrenti humiex suffiċjenti sabiex titneħħa l-plawżibbiltà ta’ l-evalwazzjonijiet tal-fatti ekonomiċi kumplessi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 59). Bla ħsara għal dan l-eżami tal-plawżibbiltà, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ekonomiċi kumplessi rilevanti għal dik ta’ l-awtriċi tad-deċiżjoni. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiffoka fuq il-verifika kemm tar-rispett mill-Kummissjoni tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar’il fuq, punt 101; tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 91; Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar’il fuq, punt 266, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 138, u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ l-istħarriġ tan-natura proporzjonata tal-kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ, hekk kif inhu stabbilit minn att ta’ portata ġenerali, ġie ppreċiżat, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza li dan l-istħarriġ għandu jillimita ruħu li jivverifika jekk il-kumpens previst huwiex neċessarju sabiex il-funzjoni SIEĠ in kwistjoni tkun tista’ tinkiseb taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 99 iktar’il fuq, punt 53, u Albany, punt 101 iktar’il fuq, punti 107 u 111, u l-ġurisprudenza ċċitata), jew, min-naħa l-oħra, jekk il-miżura in kwistjoni hijiex manifestament mhux approprjata fil-konfronti ta’ l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Boehringer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punti 73 u 74).

223    B’hekk, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li jeħtieġ li jiġi eżerċitat stħarriġ sħiħ f’dan il-kuntest (ara l-punt 118 iktar’il fuq).

 ii) Fuq in-neċessità u n-natura proporzjonata tal-kumpens mogħti permezz tal-ħlasijiet RES


 1) Osservazzjonijiet preliminari

224    Fir-rigward tan-neċessità u tan-natura proporzjonata tal-kumpens previst mir-RES, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-partijiet jaqblu billi jirrikonoxxu li t-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, jaqbel fil-parti l-kbira mal-kriterju ta’ proporzjonalità kif stabbilit mill-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) KE. B’hekk l-analiżi tagħhom tapplika mutatis mutandis għat-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, safejn il-partijiet ma jaqblux bejniethom, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tal-kumpens previst mir-RES, rigward il-bżonn li tittieħed in kunsiderazzjoni l-effiċjenza ta’ l-operatur ikkonċernat u ta’ l-influwenza tiegħu fuq id-determinazzjoni ta’ dan il-kumpens, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-argumenti mressqa dwar dan il-punt ma’ l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas tar-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq.

225    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond ir-rikorrenti, it-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, jiġifieri dik tan-neċessità stretta ta’ kumpens, mhijiex sodisfatta. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-elementi kollha rilevanti f’dan ir-rigward, li jikkostitwixxi żball ta’ liġi jew ta’ żball li jaffettwa l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata rigward l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ proporzjonalità. It-tieni nett, ir-rispett ta’ l-obbligi APKM ma joħloqx piż finanzjarju għall-assiguraturi APKM peress li dawn huma f’pożizzjoni li jissalvagwardjaw il-profittabbiltà tagħhom b’miżuri kummerċjali. Min-naħa l-oħra, l-assiguraturi APKM jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskji “ħżiena”, per eżempju, billi jirrifjutaw affiljati ġodda b’età ta’ iktar minn 65 sena jew billi jimponu perijodi twal ta’ stennija għall-persuni morda. Min-naħa l-oħra, huma kapaċi jaġġustaw il-kundizzjonijiet kuntrattwali u jvarjaw il-primjums skond ir-riskji sabiex b’hekk jikkumpensaw, permezz tal-primjums iktar għoljin, l-ispejjeż l-iktar importanti marbuta mar-riskji “ħżiena” li huma għandhom jieħdu ħsieb skond l-obbligi APKM. It-tielet nett, f’kull każ, fin-nuqqas ta’ rabta bejn l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi APKM u r-RES, din ta’ l-aħħar ma tistax tikkumpensa għall-imsemmija spejjeż. Il-ħlasijiet RES jiġu kkalkolati abbażi ta’ differenza fir-riskji ta’ l-assiguraturi APKM u ma jiddependux mill-kalkolu ta’ l-ispejjeż effettivi sostnuti minħabba l-osservanza ta’ l-obbligi APKM. Barra minn hekk, ir-RES hija intiża fil-verità sabiex tagħti kumpens għall-ispiża tal-provvista tas-servizzi APKM innifishom li madankollu mhumiex – fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata – SIEĠ. Issa, relazzjoni astratta ta’ dan it-tip bejn l-obbligi APKM u l-ispejjeż ta’ l-assiguratur APKM mhijiex suffiċjenti u ma tissoddisfax il-ħtieġa ta’ limitazzjoni stretta tar-RES għall-ispejjeż ikkwantifikati b’mod ċar. Ir-raba’ nett, ir-RES lanqas ma hija tali li tikkumpensa r-riskji “ħżiena”. Hija ma tieħux in kunsiderazzjoni l-primjums u d-dħul ta’ l-assiguraturi APKM li jistgħu jikkumpensaw dawn ir-riskji u, b’hekk, mhuwiex possibbli li jiġi evalwat jekk ir-riskji “ħżiena” joħolqux piż finanzjarju nett għall-assiguratur APKM. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-RES tieħu in kunsiderazzjoni l-ispiża medja tat-talbiet ta’ ħlas lura sabiex l-assiguraturi APKM ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-effiċjenza tagħhom stess (punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti joġġezzjonaw li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż effettivi tagħhom jagħti lok għal ħlasijiet RES għola favur assiguraturi APKM li għandhom l-ogħla spejjeż u, għaldaqstant, iħajjarhom ma jibqgħux effiċjenti. Fl-aħħar nett, f’kull każ, fin-nuqqas ta’ punt ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-effiċjenza u ta’ metodu sabiex jiġu pparagunati l-prezzijiet, ir-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, dwar in-neċessità li jiġi ddeterminat il-livell tal-kumpens meta mqabbel mal-bżonnijiet ta’ impriża effiċjenti, billi jiġu inklużi d-dħul u l-benefiċċji, ma ġietx soddisfatta.

226    Il-konvenuta twieġeb li r-rikorrenti la taw prova li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tar-RES u lanqas ma stabbilixxew li l-imsemmija RES kienet manifestament sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għan li jiġi assigurat li s-suq Irlandiż ta’ l-APKM jaħdem taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara l-punt 148 iktar’il fuq). Barra minn hekk, il-konvenuta, sostnuta mill-Irlanda u mill-VHI, tikkontesta l-argument li jgħid li l-kumpens mogħti taħt ir-RES mhuwiex marbut ma’ l-ispejjeż sostnuti minħabba l-osservanza ta’ l-obbligi APKM. Il-ħlasijiet RES huma marbutin ma’ l-ispejjeż iġġenerati mid-differenzi fil-profil ta’ riskju – determinati mill-grupp ta’ età u ta’ sess – bejn l-assiguraturi APKM u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti fl-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi APKM. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni li tirregola r-RES ma tittrattax l-ispejjeż fissi u varjabbli, id-dħul jew il-marġini benefiċjarji. Fil-fatt, ma teżistix korrelazzjoni preċiża bejn id-dħul u r-riskji, peress li din tmur kontra l-prinċipju ta’ rata komuni, li timplika li l-primjum jirrifletti r-riskju rrappreżentat mill-kollettiv u mhux minn grupp ta’ affiljati li potenzjalment mhumiex wisq rappreżentattivi. Bl-istess mod, l-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni jeħtieġu li l-assiguraturi APKM ma jistgħux jiksbu parti minn portfolio ta’ riskji li huwa iktar vantaġġuż minn dak ta’ assiguraturi APKM oħra. Ir-RES hija b’hekk neċessarja għall-ħidma korretta tar-rata komuni u sabiex tiġi stimulata l-kompetizzjoni bejn l-assiguraturi APKM, għall-klassijiet kollha ta’ età, permezz ta’ inizjattivi kummerċjali, bħal dawk relatati mal-marketing, mal-kwalità tas-servizzi, mar-rabtiet ma’ min jipprovdi l-kura jew ma’ l-effiċjenza ta’ l-amministrazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-leġiżlazzjoni rilevanti tordna l-kwantifikazzjoni ta’ l-ispejjeż marbutin ma’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi APKM u t-tqassim ekwu ta’ dawn l-ispejjeż bejn l-assiguraturi APKM permezz tar-RES. Min-naħa l-oħra, peress li l-assiguraturi APKM jistgħu jiddeterminaw liberament il-primjums u l-profittabbiltà tagħhom skond il-kundizzjonijiet tas-suq, ir-RES mhijiex intiża sabiex tekwivali l-ispejjeż li jiddependu mill-effiċjenza tagħhom u l-assiguraturi APKM iżommu l-benefiċċju ta’ l-amministrazzjoni korretta tagħhom. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li r-RES tipprovdi kumpens lill-assiguraturi APKM biss għad-differenza bejn il-profil ta’ riskju tagħhom stess u l-profil ta’ riskju medju tas-suq, assiguratur APKM ma jistax jikkunsidra r-RES bħala inċentiv sabiex wieħed ma jkunx effiċjenti. Fil-fatt, il-metodoloġija tal-kalkolu tal-kumpens teskludi, fil-prattika, li l-applikazzjoni tar-RES tiddependi mill-ispejjeż sostnuti minħabba l-amministrazzjoni żbaljata ta’ assiguratur APKM. Skond l-Artikolu 3 tar-RES, il-metodu għall-kalkolu tal-ħlasijiet RES jieħu biss in kunsiderazzjoni l-ispejjeż li jirriżultaw mit-talbiet ta’ ħlas lura indirizzati lill-assiguraturi APKM, b’eċċezzjoni ta’ spejjeż oħra, bħall-ispejjeż amministrattivi u ta’ marketing, b’mod li huwa eskluż li dan il-metodu ta’ kalkolu jkollu bħala konsegwenza li nuqqasijiet eventwali ta’ effiċjenza jiġu sostnuti mill-assiguraturi APKM kollha. Barra minn hekk, ir-RES hija intiża biss għall-ekwivalenza, permezz ta’ dan il-metodu, ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mill-varjazzjonijiet bejn il-profili ta’ riskju ta’ l-imsemmija assiguraturi, iżda mhux l-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizzi APKM innifishom, u lanqas id-dħul jew il-profitti relatati.

227    Il-konvenuta u l-Irlanda jikkontestaw ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-assiguraturi APKM għandhom il-possibbiltà li jwarrbu r-riskji “ħżiena” permezz ta’ miżuri kummerċjali. Fil-prattika, mhuwiex possibbli li jinqasam is-suq skond ir-riskju permezz ta’ determinazzjoni flessibbli tal-primjums u li jiġu imposti fuq il-konsumaturi ta’ riskju għoli primjums iktar għoljin sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ikkawżati mit-talbiet supplimentari ta’ ħlas lura. Minn naħa, il-konsumaturi ta’ riskju għoli ma jwaqqfux l-kopertura ta’ livell inferjuri minħabba li dan jimplika t-telf tal-benefiċju tar-rata komuni. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-pressjoni kompetittiva tas-suq, portfolio ta’ affiljati ta’ riskju għoli ma jistax jiġi faċilment ikkumpensat permezz ta’ primjums iktar għoljin. Fl-aħħar nett, it-teżi kuntrarja tar-rikorrenti hija kontradetta mill-istrateġija tagħhom stess li jorbtu l-prezzijiet tas-servizzi APKM tagħhom ma’ dawk tal-VHI. Il-konvenuta, sostnuta mill-VHI, iżżid li l-kalkoli tal-ħlasijiet RES ma jsirux b’relazzjoni mat-totalità tal-klejms irregolati mill-assiguraturi APKM, iżda huma limitati għas-sempliċi klejms koperti mill-koperturi APKM li jinbiegħu iktar u li jiswew inqas. Barra minn hekk, il-korrettiv ikkostitwit mill-fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa, limitat għal 50 %, attwalment ma jitteħidx in kunsiderazzjoni mir-RES. In-neċessità ta’ dan il-korrettiv, madankollu, jirriżulta mill-fatt li l-età u s-sess mhumiex tali li jispjegaw id-differenzi kollha fil-profili ta’ riskju ta’ l-assiguraturi APKM u, b’hekk, li jirriflettu kompletament in-nuqqas ta’ ekwilibriju li jirriżulta minn dan.

 2) Fuq ir-relazzjoni bejn ir-RES u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi APKM

228    Qabel ma jiġi eżaminat jekk l-argumenti tal-partijiet rigward in-natura tal-kumpens mogħti mill-ħlasijiet RES, fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-fondatezza tat-teżi mressqa mir-rikorrenti li tgħid li tali kumpens mhuwiex neċessarju minħabba li l-assiguraturi APKM jistgħu jevitaw kull spiża marbuta mar-rispett b’mod partikolari ta’ l-obbligu ta’ rata komuni billi jaqsmu s-suq ta’ l-APKM skond ir-riskju assigurat permezz ta’ miżuri kummerċjali, b’mod partikolari permezz ta’ differenzjar tal-koperturi APKM u tal-primjums relatati.

229    Jekk huwa minnu li l-assiguraturi APKM huma bħala prinċipju ħielsa, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji, li jiddeterminaw il-portata, il-kwalità u l-prezz tal-koperturi APKM skond il-bżonnijiet tal-gruppi differenti ta’ assigurati u skond l-istrateġija kummerċjali tagħhom stess, din il-libertà tiġi limitata ħafna mill-obbligi APKM meta l-assiguratur APKM jagħmel l-għażla tiegħu rigward il-kontenut preċiż ta’ polza APKM u jiddeċiedi li joffriha fis-suq (ara l-punt 192 iktar’il fuq). Fil-fatt, l-obbligu ta’ rata komuni previst fl-Artikolu 7 tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendat, li jgħid li kull assigurat, indipendentement mill-età, mis-sess u mill-istat tas-saħħa tiegħu, għandu jibbenefika mill-istess primjums għall-istess koperturi APKM, jipprojbixxi milli ssir diskriminazzjoni għad-detriment ta’ l-assigurati li jippreżentaw riskji għoljin billi jiġu imposti fuqhom primjums ogħla għall-istess kopertura jew billi titnaqqas il-portata jew il-kwalità tal-kopertura ta’ kuntratt APKM filwaqt li jinżamm il-livell tal-primjum. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestawx verament l-argument li r-rispett ta’ dan l-obbligu jinvolvi spejjeż supplimentari għall-assiguratur APKM peress li jipprekludih milli jadatta l-primjum skond ir-riskju assigurat u li jikkumpensa b’hekk permezz ta’ primjums iktar għoljin il-ħlasijiet lura iktar importanti relatati ma’ riskji “ħżiena”.

230    Barra minn hekk, minkejja l-kontestazzjoni tat-teżi tagħhom mill-konvenuta u mill-Irlanda, ir-rikorrenti ma spjegawx, suffiċjentement, ir-raġunijiet li għalihom dawn l-ispejjeż supplimentari jistgħu jiġu kkumpensati minn prattika kwalunkwe ta’ differenzjar tal-koperturi u tal-primjums b’mod li jkun ammissibbli fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ rata komuni. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-assiguraturi APKM attivi fis-suq Irlandiż joffru poloz APKM li jassiguraw koperturi distinti u adattati għall-bżonnijiet tad-diversi gruppi ta’ assigurati mhuwiex biżżejjed biex it-teżi tar-rikorrenti ssir plawżibbli, meta anki l-iktar koperturi bażiċi, ġeneralment ippreferiti miż-żgħażagħ u mill-persuni f’saħħithom, jibqgħu u għandhom jibqgħu aċċessibbli għall-persuni b’riskju, liema sitwazzjoni tissoddisfa l-għan essenzjali ta’ l-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni. Issa, kif issostni l-Irlanda, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda element li juri li dawn il-persuni li jinsabu f’riskju ma jitolbux iżjed jew jirtiraw minn dawn il-koperturi bażiċi, fejn il-prezz tagħhom huwa partikolarment attraenti għalihom minħabba r-rata komuni, b’reazzjoni għal bdil eventwali fil-kuntratti APKM. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-informazzjoni dettaljata pprovduta mill-konvenuta in sostenn ta’ l-argument tagħha li jgħid li l-koperturi APKM offerti minn BUPA Ireland u mill-VHI huma simili ħafna u l-assigurati, b’mod partikolari dawk mal-VHI, baqgħu pjuttost indifferenti fir-rigward tad-differenzi fil-vantaġġi u fil-primjums (ara l-punt 147 iktar’il fuq).

231    F’dan ir-rigward, lanqas ma jista’ jitqies bħala validu l-argument li jgħid li l-assiguraturi APKM jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra spejjeż eċċessivi dovuti għat-talbiet ta’ ħlas lura ppreżentati minn persuni li jinsabu f’riskju billi ma jaċċettawx il-persuni li kisbu l-età ta’ 65 sena jew billi jimponu perijodi ta’ stennija inizjali twal. Minn naħa, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 198 iktar’il fuq li l-possibbiltà li jiġu rrifjutati persuni ta’ età ta’ 65 sena jew iżjed tidher limitata ħafna fil-prattika, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan jirrigwarda biss persuni li qatt ma ssottoskrivew ruħhom għal kopertura APKM. Min-naħa l-oħra, il-perijodi ta’ stennija inizjali, li jikkostitwixxu mezz leġittimu ta’ protezzjoni tas-suq APKM suġġett għall-adeżjoni miftuħa u għar-rata komuni (ara l-punt 199 iktar’il fuq), jippermetti li jiġu evitati temporanjament biss l-ispejjeż dovuti għar-riskji “ħżiena”, minħabba li, ladarba jiskadi dan il-perijodu, l-assiguratur APKM jinsab kompletament espost għat-talbiet ta’ ħlas lura tal-persuni li jinsabu f’riskju, liema talbiet huwa għandu jaċċetta skond l-obbligu ta’ adeżjoni miftuħa. B’hekk, kontra l-opinjoni tar-rikorrenti, dawn ir-restrizzjonjiet mhumiex biżżejjed biex jikkumpensaw l-ispejjeż supplimentari li jirriżultaw mill-assimilar tar-riskji “ħżiena” li l-assiguraturi APKM ma jistgħux jevitaw minħabba l-obbligi APKM.

232    B’hekk, l-argument dovut għan-nuqqas ta’ neċessità ta’ kumpens minħabba l-libertà mogħtija lill-assiguraturi APKM li jiddeterminaw il-kontenut tal-koperturi APKM u li jaqsmu s-suq skond ir-riskju assigurat ma jistax jiġi milqugħ.

233    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat, l-argument li jgħid li, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, l-iskema ta’ kumpens prevista mir-RES għandha tintrabat direttament ma’ l-ispejjeż sostnuti minħabba r-rispett ta’ l-obbligi APKM.

234    F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-funzjoni SIEĠ in kwistjoni tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi APKM fir-rispett ta’ l-obbligi APKM (ara l-punt 175 iktar’il fuq). B’hekk, mhuwiex fondat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kumpens attribwit permezz tal-ħlasijiet RES ma jistax jiġi ġġustifikat mill-ispejjeż tal-provvista tas-servizzi APKM innifishom minħabba li dawn ta’ l-aħħar ma jikkostitwixxux SIEĠ. Huwa barra minn hekk paċifiku li l-ispejjeż meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet RES huma biss dawk sostnuti mill-assiguraturi APKM meta jieħdu ħsieb it-talbiet ta’ ħlas lura ta’ l-affiljati (ara l-punt 33 iktar’il fuq) u li, għaldaqstant, dawn l-ispejjeż huma direttament marbutin mal-provvista tas-servizzi APKM in kwistjoni. Ir-rikorrenti għalhekk żbaljatament jiċħdu l-eżistenza ta’ rabta bejn l-ispejjeż konnessi mal-provvista tas-servizzi APKM u l-kumpens previst mir-RES.

235    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva madankollu li, fil-ħidma ta’ l-iskema ta’ kumpens ikkostitwita mir-RES, ma teżistix relazzjoni diretta bejn l-ammonti effettivament irregolati mill-assiguratur APKM wara talba ta’ ħlas lura u l-kumpens attribwit permezz tal-ħlasijiet RES. Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ħlasijiet RES mhumiex intiżi sabiex jikkumpensaw spejjeż jew spejjeż eċċessivi eventwali marbutin ma’ provvista preċiża ta’ ċertu servizzi APKM, iżda biss sabiex issir ekwivalenza ta’ l-ispejjeż supplimentari li huma meqjusa li jirriżultaw minn differenza negattiva fil-profil ta’ riskju ta’ assiguratur APKM meta mqabbel ma’ profil ta’ riskju medju tas-suq (ara l-punt 33 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, l-ammonti effettivament imħallsa lura mill-assiguraturi APKM matul ċertu perijodu jservu biss bħala bażi sabiex jiġi kkalkolat il-profil ta’ riskju medju tas-suq kif ukoll id-differenza bejn dan u l-profil ta’ riskju individwali u reali ta’ kull wieħed mill-assiguraturi APKM suġġetti għal RES. B’hekk, il-profil ta’ riskju individwali u reali ta’ assiguratur APKM jirrappreżenta l-ispejjeż ta’ ħlas lura medji sostnuti minnu matul dan il-perijodu, fejn l-ammont huwa għola, tant li dan l-assiguratur ikollu numru kbir ta’ affiljati ta’ riskju għoli li jippreżentaw talbiet frekwenti ta’ ħlas lura u għal ammont għoli. Dan il-profil ta’ riskju individwali u reali ta’ kull wieħed mill-assiguraturi APKM jiġi mbagħad imqabbel mal-profil ta’ riskju medju tas-suq, li jirrappreżenta l-ispejjeż medji sostnuti mill-assiguraturi APKM kollha meta jieħdu ħsieb talbiet għal ħlas lura, u dan sabiex jirriproduċu, kemm jista’ jkun korrettement, il-medja ta’ l-ispejjeż li jiġġeneraw il-medja tat-total ta’ l-assigurati fis-suq ta’ l-APKM.

236    Issa, kif isostnu l-konvenuta u l-Irlanda, l-għan essenzjali ta’ l-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni huwa li jinqasmu l-ispejjeż b’mod ekwu fis-suq kollu Irlandiż ta’ l-APKM, b’mod li kull assiguratur APKM isostni biss l-ispejjeż marbutin mal-profil ta’ riskju medju tas-suq. Jekk ma ssix ekwivalenza ta’ dawn l-ispejjeż, il-ħidma tar-rata komuni intiża sabiex jinqasmu b’mod ugwali r-riskji bejn l-assiguraturi APKM li jippermettu s-sussidju tal-primjums bejn il-ġenerazzjonijiet tiġi prekluża. B’hekk, l-ispejjeż supplimentari li assiguratur APKM għandu jsostni minħabba l-profil ta’ riskju negattiv tiegħu meta mqabbel mal-profil ta’ riskju medju tas-suq jirrappreżentaw l-ispejjeż eċċessivi li assiguratur APKM għandu jsostni f’suq APKM suġġett għall-adeżjoni miftuħa u għar-rata komuni minħabba l-obbligu tiegħu li jaċċetta persuni b’riskju għoli mingħajr ma jiffissa l-ammont tal-primjums skond ir-riskju assigurat. Huma biss l-ispejjeż eċċessivi li r-RES għandha l-intenzjoni li tikkumpensa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ħlasijiet RES mhumiex marbutin ma’ l-ispejjeż ikkawżati mir-rispett ta’ l-obbligi APKM u mhumiex tali li jikkumpensaw it-tqassim mhux ugwali tar-riskji “ħżiena” fis-suq ta’ l-APKM ma jistax jiġi aċċettat.

237    Fil-kuntest ta’ l-istħarriġ ristrett li japplika f’dan il-każ (ara l-punti 220 sa 222 iktar’il fuq), il-validità ta’ l-għanijiet imfittxija mill-iskema ta’ kumpens ikkostitwita mir-RES kif inhu deskritt fil-punt 235 iktar’il fuq u l-legalità tar-regoli li jirregolaw il-ħidma tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati. F’dan ir-rigward, hemm ċertament lok li jiġi osservat li din il-ħidma hija radikalment differenti minn dik ta’ l-iskemi ta’ kumpens li huma s-suġġett tas-sentenzi Ferring, punt 41 iktar’il fuq, u Altmark, punt 89 iktar’il fuq. B’hekk ma tistax tissoddisfa strettament it-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, li teżiġi li jkunu jistgħu jiġu ddeterminati l-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ obbligu SIEĠ. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis madankollu li l-kwantifikazzjoni ta’ l-ispejjeż eċċessivi bħala mezz sabiex isir paragun bejn il-profil ta’ riskju reali ta’ assiguratur APKM u profil ta’ riskju medju tas-suq fid-dawl ta’ l-ammonti mħallsa lura mill-assiguraturi APKM suġġetti għar-RES hija konformi ma’ l-għan u l-ispirtu tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, safejn il-kalkolu tal-kumpens huwa bbażat fuq elementi oġġettivi konkreti, kjarament identifikabbli u li jistgħu jiġu kkontrollati (ara l-punt 216 iktar’il fuq). Wara kollox, minkejja li huma jinvokaw in-nuqqas ta’ rispett tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ir-rikorrenti ma kkontestawx li l-kalkolu tal-ħlasijiet RES jissoddisfa dawn il-kriterji. Barra minn hekk, huma ma waslux jikkontestaw l-eżistenza ta’ rabta, skond kif deskritt fil-punt 235 iktar’il fuq, bejn ir-rispett ta’ l-obbligi APKM, b’mod partikolari ta’ l-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni, u l-kumpens mogħti permezz tal-ħlasijiet RES.

238    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tawx prova tan-natura manifestament mhux approprjata tar-RES sabiex tikkumpensa l-ispejjeż eċċessivi li jirriżultaw minħabba r-rispett ta’ l-obbligi APKM. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma fihiex żball manifest il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid, essenzjalment, li r-RES tillimita l-ħlasijiet bejn l-assiguraturi APKM għal-livell strettament neċessarju għat-tneħħija tad-differenza bejn il-profili ta’ riskju tagħhom u għall-kumpens ta’ l-ispejjeż sostnuti sabiex jiġu koperti riskji “ħżiena” superjuri għall-medja tas-suq, u dan sabiex jiġu kkumpensati dawn l-assiguraturi mill-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-obbligi APKM li jipprojbixxu fil-konfronti tagħhom rata tal-primjums skond ir-riskju assigurat u ċ-ċaħda tar-riskji “ħżiena”.

239    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni jmissha ħadet in kunsiderazzjoni f’dan il-każ, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, id-dħul u benefiċċju raġonevoli li l-assiguraturi APKM setgħu jagħmlu billi jeżegwixxu l-obbligi APKM.

240    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 235 iktar’il fuq li l-iskema ta’ kumpens ikkostitwita mir-RES hija kompletament indipendenti mid-dħul u mill-benefiċċji ġġenerati mill-assiguraturi APKM peress li, minn naħa, hija bbażata esklużivament fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mit-talbiet ta’ ħlas lura li jiġu rrispettati mill-assiguraturi APKM matul ċertu perijodu u peress li, min-naħa l-oħra, għandha biss bħala għan li tekwivali l-ispejjeż li jirriżultaw mid-differenza bejn il-profil ta’ riskju individwali u reali ta’ assiguratur APKM u l-profil ta’ riskju medju tas-suq. Kif issostni l-konvenuta, b’mod partikolari bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fi skema bħal din, ma teżistix, b’definizzjoni, korrelazzjoni bejn il-profil ta’ riskju u d-dħul, li jippermetti li jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn ta’ l-aħħar għal finijiet tad-determinazzjoni tal-kumpens ta’ spejjeż eċċessivi eventwali. Fil-fatt, f’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax ikun hemm kumpens eċċessiv ta’ spejjeż b’riferiment għad-dħul filwaqt li l-ispejjeż meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kumpens mhumiex direttament marbutin mal-provvista ta’ SIEĠ u mad-dħul li b’hekk jirriżulta.

241    Għaldaqstant, filwaqt li r-RES mhijiex intiża sabiex tikkupensa l-ispejjeż li huma direttament marbutin mal-provvista tas-servizzi APKM (ara l-punt 235 iktar’il fuq), li hija s-sitwazzjoni li tinvolvi preċiżament it-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark punt 89 iktar’il fuq, m’hemmx bżonn li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul miġbur minn dawn is-servizzi sabiex jiġu stabbiliti l-eventwali spejjeż eċċessivi konkreti ta’ din il-provvista. Dan imur saħansitra kontra l-prinċipju tar-rata komuni li teħtieġ li l-primjum għal kopertura APKM jirrifletti r-riskju rrappreżentat mill-assigurati kollha u mhux minn grupp ta’ affiljati partikolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, applikazzjoni stretta tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, li ssemmi forma differenti ta’ kumpens ta’ obbligu SIEĠ, ma tieħux in kunsiderazzjoni l-partikolarità tal-ħidma ta’ l-iskema prevista mir-RES. Bil-kontra, dan jinvolvi l-kontestazzjoni ta’ l-għażla nnifisha ta’ l-Irlanda li tistabbilixxi skema bħal din, li hija kompletament indipendenti mid-dħul u mill-benefiċċji ta’ l-assiguraturi APKM u li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-ħidma korretta tas-suq APKM li huwa suġġett għall-obbligi APKM. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li la l-għan u lanqas l-ispirtu tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, ma teħtieġ it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul fil-kuntest ta’ skema ta’ kumpens li topera indipendentement minnhom.

242    Għal dawn ir-raġunijiet, wieħed ma jistax jakkuża l-Kummissjoni talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dħul u l-benefiċċji magħmula mill-assiguraturi APKM fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi APKM. Barra minn hekk, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li lanqas ma jista’ jiġi milqugħ l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni ma eżaminatx din il-kwistjoni u ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat ruħha espliċitament, fil-kuntest ta’ l-analiżi tagħha ta’ l-eżistenza ta’ għajnuna fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(1) KE, fuq is-sentenza Ferring, punt 41 iktar’il fuq, li teħtieġ li jiġu ddeterminati l-ispejjeż eċċessivi realment sostnuti mill-operaturi inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligu SIEĠ (punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, il-Qorti ta-Prim’Istanza tqis li, kif ġie kkonfermat u ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja wara fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, il-kriterju ta’ l-ispejjeż eċċessivi jimplika bħala prinċipju, fil-każ ta’ skema ta’ kumpens bħal dik imsemmija f’dawn il-kawżi, id-determinazzjoni ta’ l-ispejjeż realment sostnuti mill-operatur ikkonċernat waqt l-eżekuzzjoni ta’ funzjoni SIEĠ u d-dħul marbut magħha. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament tosserva, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-ispejjeż eċċessivi kienu sempliċement dawk li kienu jirriżultaw minn profil ta’ riskju negattiv, li jimplika li hija rrikonoxxiet ġustament li l-metodu ta’ kalkolu previst mir-RES ma ppermettiex it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul li eventwalment għamlu l-assiguraturi APKM (ara l-punt 240 iktar’il fuq).

243    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tawx prova li l-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, billi qieset li l-iskema ta’ kumpens previst mir-RES kienet neċessarja u proporzjonata meta mqabbla ma’ l-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi APKM.

244    B’hekk, l-ilment ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

f)     Fuq il-paragun ma’ operatur effiċjenti fis-sens tar-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark

245    Skond ir-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq (punt 93), fin-nuqqas ta’ għotja ta’ funzjoni SIEĠ lil impriża permezz ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi ta’ l-ispejjeż li impriża medja, amministrata sew u li għanda mezzi adegwati sabiex tkun tista’ tissoddisfa l-ħtiġijiet ta’ servizz pubbliku mitluba, tkun sostniet sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, billi jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll benefiċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li din il-kundizzjoni ma ġietx sodisfatta fin-nuqqas ta’ punt ta’ riferiment fir-RES li jippermetti li tiġi mkejla l-effiċjenza u ta’ paragun ma’ operatur effiċjenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jmissha eżaminat jekk l-ispejjeż eventwali ta’ l-assiguraturi APKM, b’mod partikolari l-VHI, li jirriżultaw mir-rispett ta’ l-obbligi APKM kinux paragunabbli ma’ dawk li ġew sostnuti minn operatur effiċjenti.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li jirriżulta kemm mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 239 sa 242 iktar’il fuq kif ukoll mill-rabta stretta bejn ir-raba’ u t-tielet kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, li jeħtieġu li kulħadd jiddetermina l-ispejjeż u d-dħul u benefiċċji relatati ma’ l-eżekuzzjoni ta’ obbligi SIEĠ, li l-premessi ta’ dan l-ilment huma żbaljati. Fid-dawl tan-newtralità ta’ l-iskema ta’ kumpens ikkostitwita mir-RES fir-rigward tad-dħul u l-benefiċċji ta’ l-assiguraturi APKM, minn naħa, u l-partikolarità ta’ l-ispejjeż eċċessivi marbutin ma’ profil ta’ riskju negattiv ta’ l-imsemmija assiguraturi, min-naħa l-oħra, ir-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, inkwantu hija timponi li jiġu pparagunati l-ispejjeż u d-dħul direttament marbutin mal-provvista ta’ SIEĠ, ma tistax tiġi applikata, b’mod strett, fil-każ in kwistjoni. Dan huwa wara kollox diġà kkonfermat mill-għan tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq (punt 93) li huwa li jiġi ggarantit li l-SIEĠ in kwistjoni jiġi pprovdut bl-inqas spiża possibbli għal kulħadd. Huqa fil-fatt paċifiku li r-RES mhuwiex intiż sabiex jikkumpensa spiża partikolari kkawżata mill-provvista ta’ servizz APKM.

247    Jeħtieġ sussegwentement li jiġi mfakkar li l-ħlasijiet RES ma jiġux iddeterminati biss skond il-ħlasijiet lura mwettqa mill-assiguatur APKM benefiċjarju tal-kumpens – liema sitwazzjoni tkun analoga għal dik imsemmija mit-tielet u mir-raba’ kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq –, iżda wkoll skond il-ħlasijiet lura mwettqa mill-assiguratur APKM li jikkontribwixxi, fejn dawn il-ħlasijiet jirriflettu d-differenza fil-profili ta’ riskju ta’ dawn iż-żewġ assiguraturi meta mqabbla mal-profil ta’ riskju medju tas-suq.

248    B’hekk, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li, f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, paragun bejn il-benefiċjarji potenzjali tal-ħlasijiet RES u operatur effiċjenti ma kienx neċessarju. Barra minn hekk, anki li kieku kien probabbli, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li, inizjalment, il-VHI kellu jkun il-benefiċjarju prinċipali tal-ħlasijiet RES, ir-RES ġiet introdotta mill-awtoritajiet Irlandiżi ulterjorment biss minħabba l-evoluzzjoni tal-profili ta’ riskju fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM. B’hekk, fin-nuqqas ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni futura tad-diversi assiguraturi APKM attivi fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, kien impossibbli għall-Kummissjoni li tidentifika bi preċiżjoni l-benefiċjarji potenzjali ta’ ħlasijiet RES u li twettaq paragun konkret tas-sitwazzjoni tagħhom ma’ operatur effiċjenti.

249    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-għan tar-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, il-Kummissjoni kienet madankollu marbuta li tassigura li l-kumpens previst mir-RES ma kienx jimplika l-possibbiltà li jiġu kkumpensati l-ispejjeż li setgħu jirriżultaw minħabba nuqqas ta’ effiċjenza ta’ l-assiguraturi APKM suġġetti għar-RES. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkonstatat espliċitament, fil-punti 27 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-RES kienet ħadet in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ ħlasijiet lura medji ta’ l-assiguraturi APKM, li kellha bħala konsegwenza li ekwivalenza ta’ l-ispejjeż medji għal kull grupp ta’ assigurati ma kinitx possibbli u li l-assiguraturi setgħu jżommu l-benefiċċju ta’ l-effiċjenza tagħhom stess.

250    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-ħlasijiet lura effettivi ta’ l-assiguraturi APKM, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħlasijiet RES, jagħti lok għal ħlasijiet għola favur l-assiguraturi APKM inqas effiċjenti u li jkollhom spejjeż għoljin. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 235 iktar’il fuq, dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw biss l-ispejjeż marbutin mal-ħlasijiet lura li jsiru mill-assiguraturi APKM matul ċertu perijodu, ħlief għal kull spiża ta’ amministrazzjoni oħra, bħall-ispejjeż amministrattivi jew ta’ marketing fejn l-assiguraturi APKM għandhom il-kompetenza. Issa, ir-rikorrenti la kkontestaw dan il-punt u lanqas ippreċiżaw safejn dan il-metodu ta’ kalkolu seta’ jagħti lok għal riperkussjoni ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw eventwalment minn nuqqas ta’ effiċjenza meta jiġu ttrattati t-talbiet ta’ ħlas lura. Bil-kontra ta’ l-opinjoni tar-rikorrenti, peress li l-kalkolu tal-kumpens skond ir-RES jiddependi biss mill-ispejjeż li mhumiex marbutin ma’ l-effiċjenza ta’ l-operaturi in kwistjoni, huwa eskluż li dan il-kumpens jista’ jagħti lok għal tqassim ta’ l-ispejjeż li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ effiċjenza tagħhom u li jistgfħu jaffetwaw il-possibbiltà għal dawn l-operaturi li jżommu kompletament il-benefiċċju ta’ l-amministrazzjoni korretta tagħhom.

251    Din l-evalwazzjoni mhijiex invalidata mis-sempliċi konstatazzjoni tal-HIA, fir-rapport tagħha ta’ April 2005 (p. 30), li tgħid li l-ispiża medja ta’ BUPA Ireland għal kull ġurnata ta’ trattament hija ta’ madwar 17 % inferjuri għall-ispiża medja tas-suq, peress li din l-ispiża inferjuri tista’ preċiżament tirriżulta mill-profil ta’ riskju iktar favorevoli ta’ BUPA Ireland meta mqabbel ma’ assiguraturi oħra APKM. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-HIA tindika li d-differenza bejn l-ispejjeż għal kull ġurnata ta’ trattament tista’ tiġi spjegata minn differenzi li jikkonċernaw l-effiċjenza, il-prodotti APKM u l-istat tas-saħħa tal-persuni assigurati, fejn din l-ispiża tista’ tvarja skond l-età tal-pazjent. Issa, huwa evidenti li assiguratur APKM li għandu affiljati li huma inqas f’saħħithom mill-medja ta’ l-affiljati huwa espost għal spejjeż ta’ trattament proporzjonalment iktar għoljin. Ir-rikorrenti ma jindikawx barra minn hekk jekk il-kliem “differenzi fl-effiċjenza” li jintużaw mill-HIA jirreferux għall-amministrazzjoni ta’ l-assiguraturi APKM innifishom jew għal dawk ta’ l-isptarijiet, li minnhom joriġinaw l-ispejjeż ta’ trattament, u lanqas ma jindikaw kemm dawn id-differenzi jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ ħlasijiet lura u jkollhom riperkussjoni fuq il-ħlasijiet ta’ ekwivalenza.

252    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-impatt ta’ l-ispejjeż għoljin ta’ ħlas lura fuq il-livell tal-ħlasijiet RES iħajjar l-assiguratur APKM benefiċjarju sabiex ma jkunx effiċjenti lanqas ma huwa fondat. Kif ammettaw ir-rikorrenti stess fis-seduta, huma ma ppreċiżawx in-natura tan-nuqqasijiet eventwali ta’ effiċjenza li jistgħu jirriżultaw minħabba din is-sitwazzjoni, iżda essenzjalment ikkuntentaw ruħhom jinvokaw in-nuqqas ta’ paragun ma’ operatur effiċjenti fis-sens tar-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq. Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, il-konvenuta ssostni, mingħajr ma tiġi kkontestata mir-rikorrenti, li, skond l-Anness I tar-RES, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ħlasijiet RES, l-ispejjeż ta’ ħlas lura jittieħdu biss in kunsiderazzjoni sa EUR 550 għal kull jum fl-isptar indipendentement mil-livell ta’ kopertura kkonċernata, filwaqt li l-ispejjeż medji tal-VHI fir-rigward ta’ l-isptar, per eżempju, kienu jammontaw għal EUR 640 għal kull jum fl-isptar, li fih innifsu jikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni kontra l-konsum eċċessiv u kontra amministrazzjoni ħażina ta’ l-ispejjeż mill-assiguratur APKM. Barra minn hekk, dan il-limitu fuq l-ispejjeż possibbli fir-rigward tar-RES huwa spjegat, fid-dettal, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata.

253    Madankollu, il-konvenuta u l-Irlanda rrikonoxxew li l-metodu ta’ kalkolu tal-ħlasijiet RES jista’ madankollu jippermetti, b’mod limitat ħafna, li jinqasmu l-vantaġġi marbutin ma’ l-effiċjenza jew l-ispejjeż marbutin man-nuqqas ta’ effiċjenza ta’ l-assiguraturi APKM differenti, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti kriterji ta’ aġġustament, jiġifieri, minn naħa, tal-“fattur korrettiv li jibda’ min żero (zero sum adjustment factor )” li jservi sabiex jiġi ggarantit l-awtofinanzjament ta’ l-iskema u, min-naħa l-oħra, tal-fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa li huwa bbażat fuq l-użu osservat tal-kapaċitajiet ta’ ospitalizzazjoni (punti 28 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

254    Fir-rigward tal-“fattur korrettiv li jibda’ minn żero (zero sum adjustment factor)”, ir-rikorrenti rrikonoxxew madankollu fis-seduta li l-ilment tagħhom ma kienx intiż għal dan l-aspett tar-RES u li l-varjazzjonijiet tal-livell ta’ ħlasijiet RES li setgħu jirriżultaw kienu negliġibbli u ma kinux tali li jagħtu lok għal ekwivalenza sensittiva ta’ l-ispejjeż marbutin man-nuqqas ta’ effiċjenza. Fir-rigward tal-fattur ta’ kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa, ir-rikorrenti jsostnu madankollu li l-applikazzjoni tagħha tagħti lok għat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ effiċjenza peress li hija bbażata fuq l-ispejjeż reali ta’ l-assiguraturi APKM pjuttost milli fuq l-ispejjeż ta’ operatur effiċjenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ aġġustament, li attwalment huwa ta’ żero, huwa suġġett għal ċertu kundizzjonijiet, kif ippreċiżati fl-Anness II tar-RES, u b’mod partikoalri li huwa limitat għal 50 % ta’ l-użu osservat tal-kapaċità disponibbli fl-isptarijiet. Issa, fir-rigward ta’ din l-importanza limitata ta’ l-imsemmi fattur u peress li r-rikorrenti ma ressqux provi konkreti li juru li l-użu reali tal-kapaċità disponibbli fl-isptarijiet setgħu jirriflettu nuqqasijiet ta’ effiċjenza, bħal konsum eċċessiv tas-servizzi mediċi, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li l-iskema ta’ kumpens ikkostitwit mir-RES, u b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa, ma kinitx timplika l-possibbiltà li l-ispejjeż marbutin man-nuqqas ta’ effiċjenza jaqgħu fuq l-assiguraturi APKM kollha.

255    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni esponiet kjarament, fil-punti 28 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet stretti għall-applikazzjoni ta’ l-imsemmi fattur jippermettu li tiġi evitata l-ekwivalenza ta’ l-effetti tad-differenza fir-riskju kollha kemm huma kif ukoll inċentiv sabiex il-pazjenti jmorru l-isptar u li, bil-kontra, il-limitu ta’ 50 % kien garanzija supplimentari sabiex l-assiguraturi APKM jingħataw l-inċentiva sabiex jippromwovu t-tnaqqis tat-tul ta’ żmien fl-isptarijiet, id-detezzjoni kmieni tal-mard u l-amministrazzjoni korretta b’mod ġenerali. Issa, ir-rikorrenti baqgħu lura milli jikkontestaw din l-evalwazzjoni, b’mod dettaljat, fl-istanza. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kif isostnu l-konvenuta u l-Irlanda, sa llum, l-awtoritajiet Irlandiżi m’għamlux użu minn dan il-fattur u bbażaw l-evalwazzjoni tagħhom tad-differenza fir-riskju bejn l-assiguraturi APKM biss fuq il-kriterji ta’ età u ta’ sess ta’ l-assigurati.

256    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, kif trid il-liġi, fil-punti 26 sa 28, 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, elementi li jippermettulha tikkonkludi n-newtralità tal-kumpens previst mir-RES meta mqabbel ma spejjeż eventwali marbutin man-nuqqas ta’ effiċjenza subita minn ċertu assiguraturi APKM.

257    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni m’għamlitx kunsiderazzjoni żbaljata tar-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 89 iktar’il fuq, u li dan l-ilment għandu jiġi kollu kemm hu miċħud.

258    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament iddikjarat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-RES ma kinitx timplika l-għotja ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. B’hekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis madankollu li huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

g)     Fuq in-neċessità u n-natura proporzjonata tar-RES fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE

 i) Osservazzjoni preliminari

259    Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw essenzjalment in-neċessità u n-natura proporzjonata ta’ l-introduzzjoni tar-RES innifisha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’dan it-tieni motiv biss safejn dawn iqajmu kwistjonijiet li ma ġewx eżaminati fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv.

260    Għandu jiġi miċħud mill-bidu l-ilment tar-rikorrenti relatat man-nuqqas ta’ riferiment espliċitu ta’ l-Artikolu 86(2) KE fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 90 u 128). Kif tosserva l-konvenuta, ma jirrizulta la mil-leġiżlazzjoni rilevanti u lanqas mill-ġurisprudenza li l-formulazzjoni ta’ provvediment tad-deċiżjonijiet li ttieħdu għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 KE u ta’ l-Artikolu 86(2) KE flimkien, għandhom imperattivament jissodisfaw preskrizzjonijiet preċiżi. Jeħtieġ barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-portata ġuridika reali ta’ att, li d-dispożittiv tiegħu ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu, li jiġi interpretat, jekk hemm bżonn, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T‑346/02 u T‑347/02, Ġabra p. II‑4251, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, minkejja li huwa mixtieq, minħabba kjarezza u ċertezza legali, li l-Kummissjoni ssemmi espliċitament, fid-dispożittiv ta’ l-att, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li hija tapplika, in-nuqqas tiegħu ma jikkostitwixxix żball ta’ liġi sakemm jirriżulta kjarament minn interpretazzjoni magħquda tal-motivi u tal-provvediment ta’ l-att li huma preċiżament dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni ma rreferietx, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) KE, hija xorta waħda semmiet din id-dispożizzjoni fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata li jiġbor fih il-konklużjonijiet finali tagħha. B’hekk, permezz ta’ interpretazzjoni attentiva tad-deċiżjoni kkontestata m’hemmx lok għal żball dwar il-portata ġuridika reali tagħha.

 ii) Fuq in-neċessità ta’ l-introduzzjoni tar-RES innifisha


 1) Osservazzjonijiet ġenerali

261    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni billi qieset, fil-punti 50 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-RES kienet neċessarja sabiex tippreżerva l-istabbiltà tas-suq suġġett għall-obbligi APKM kif ukoll l-effett utli ta’ dawn l-obbligi. Id-deċiżjoni kkontestata stess tirrikonoxxi, fil-punt 51, li s-suq Irlandiż ta’ l-APKM sa dakinhar kien għadu ma kellux problemi ta’ stabbiltà. Barra minn dan, il-periklu allegat ta’ selezzjoni tar-riskji huwa purament spekulattiv u mhuwiex sostnut mill-fatti. Fil-verità, dan il-periklu mhuwiex dovut għan-nuqqas ta’ inċentiv milli jiġu magħżula attivament ir-riskji tajbin u min-nuqqas ta’ selezzjoni passiva tar-riskji (ara l-punt 134 iktar’il fuq). Fil-fatt, l-assiguraturi APKM huma kapaċi jikkumpensaw ir-riskji ħżiena billi jadattaw il-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħhom, u b’mod partikoalri billi jżidu l-primjums u billi jiddifferenzjaw il-koperturi. F’kull każ, peress li l-affiljati huma, bħala regola ġenerali, kif juri r-rapport Amárach, ftit disposti jbiddlu assiguratur, operatur ġdid fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM għandu neċessarjament jikkonċentra fuq il-klijenti ġodda, li, normalment, ikunu żgħażagħ. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-affiljati anzjani, il-VHI ibigħ b’telf, b’mod li BUPA Ireland ma tkunx tista’ tikkompeti effettivament. Fl-aħħar nett, l-istudji ekonomiċi invokati mill-konvenuta, dwar swieq oħrajn minbarra l-Irlanda, la huma rilevanti u lanqas tali li jsostnu t-teżi tas-selezzjoni tar-riskji. Min-naħa l-oħra, it-tliet rapporti ppreżentati mill-HIA sa mill-2003 jikkonfermaw in-nuqqas ta’ instabbiltà imminenti jew futura tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM (ara l-punti 131 sa 138 iktar’il fuq).

262    Il-konvenuta twieġeb, essenzjalment, li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkontestaw l-indikazzjonijiet li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ riskju ta’ selezzjoni attiva tar-riskji fi skema ta’ rata komuni u ta’ adeżjoni miftuħa, riskju li l-prinċipju tiegħu ġie rikonoxxut saħansitra fir-rapport NERA. L-Irlanda żżid li l-ħtiġijiet tar-rata komuni u ta’ l-adeżjoni miftuħa għandhom neċessarjament jiġu bbilanċjati mir-RES sabiex tiġi evitata selezzjoni preferenzjali tar-riskji mill-assiguraturi ġodda fis-suq ta’ l-APKM. Fin-nuqqas ta’ dan il-korrettiv, dawn ta’ l-aħħar, minħabba l-profil ta’ riskju favorevoli tagħhom, huma f’pożizzjoni li joħolqu benefiċċji “tekniċi” importanti billi jżommu, b’detriment għall-assigurati kollha, l-ammonti tal-primjums għal-livelli virtwali għoljin ħafna, li jkun jista’ jaffetwa l-istabbiltà tas-suq ta’ l-APKM. L-istabbiltà tas-suq jiġi wkoll mhedded meta assiguratur, bi profil ta’ riskju favorevoli, inaqqas il-primjums tiegħu, b’mod kunsiderevoli, sabiex jagħti lok għal “spirali’l isfel” li tikkonsisti minn sitwazzjoni fejn l-iktar affiljati li jbiddlu assiguratur imorru kollha lejn dan l-assiguratur u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-assiguraturi kompetituri ssir delikata, li, minħabba r-rata komuni, ma jkunux jistgħu joffru l-prodotti tagħhom bi prezzijiet kompetittivi u jiġbdu klijenti ġodda lejhom. Din hija s-sitwazzjoni attwali tal-VHI, fejn ir-ratios ta’ likwidità tiegħu naqsu kompletament meta mqabbla ma’ dawk ta’ BUPA Ireland.

263    Fl-opinjoni tal-konvenuta u ta’ l-Irlanda, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-possibbiltà għall-assiguraturi li jikkumpensaw ir-riskji “ħżiena” permezz ta’ aġġustamenti kuntrattwali mhijiex rilevanti u hija kkontestata mir-realtà. Minn naħa, kunsiderazzjoni bħal din tmur kontra l-prinċipju tar-rata komuni, u, minn kull aspett, imprattikabbli u mhijiex tali li żżomm l-ekwilibriju tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM. Min-naħa l-oħra, is-servizzi APKM offerti mill-VHI u minn BUPA Ireland huma simili ħafna u, fil-prattika, l-affiljati huma, f’kull każ, indifferenti għal iddifferenzjar eventwali tal-vantaġġi offerti minn polza APKM. Barra minn hekk, l-informazzjoni fuq il-profil ta’ età ta’ l-affiljati tal-VHI tindika kjarament l-eżistenza tat-tali selezzjoni tar-riskji. Fir-rigward tar-riskju ta’ selezzjoni passiva, il-konvenuta, sostnuta mill-Irlanda, tikkontesta l-interpretazzjoni li jagħtu r-rikorrenti tar-rapport Amárach, li jikkonferma l-eżistenza ta’ ċaqliq ta’ konsumaturi minn assiguratur għall-ieħor. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq l-allegat iffissar ta’ prezzijiet b’telf mill-VHI rigward il-klijenti ta’ riskju għoli mhuwiex sostnut u huwa inammissibbli. Il-konvenuta tenfasizza fl-aħħar nett li d-deċiżjoni kkontestata titlaq mis-sempliċi premessa tal-konstatazzjoni ta’ eventwalità ta’ selezzjoni tar-riskji, li hija fattur ta’ instabbiltà, li huwa suffiċjenti fir-rigward tas-sentenza Albany, punt 101 iktar’il fuq, u tal-livell ta’ stħarriġ limitat li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżerċita rigward il-kriterju ta’ neċessità.

 2) Is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ l-istħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza

264    Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ l-argumenti differenti mqajma mill-partijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat is-suġġett ta’ l-eżami li sar mill-Kummissjoni fil-każ in kwistjoni, peress li l-eżami li sar mill-Kummissjoni huwa wkoll suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

265    Għandu jiġi kkonstatat li r-RES, kif innotifikata, tikkostitwixxi skema ġenerali, jiġifieri skema bbażata fuq numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali, li l-implementazzjoni tagħha hija ċertament predeterminata, sa ċertu livell, minn kriterji oġġettivi u trasparenti (ara l-punti 213 sa 217 iktar’il fuq), iżda mhux prevedibbli fid-dettalji kollha tagħha. B’mod partikolari, peress li din l-iskema hija intiża sabiex tadatta ruħha u sabiex tirreaġixxi għall-iżviluppi mgħaġġla tas-suq in kwistjoni, il-ħidma tagħha hija suġġetta għal ċerti dispożizzjonijiet ġenerali li jimplikaw marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni mill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tagħha. Dan huwa minnu b’mod partikolari għall-parti IV tar-RES dwar is-setgħat diskrezzjonali u ta’ rakkomandazzjoni tal-HIA rigward l-eżistenza ta’ differenza fir-riskju li tista’ tagħti lok għall-ħlasijiet RES.

266    B’hekk, skond id-definizzjoni tal-portata ta’ l-istħarriġ amministrattiv u ġuridiku mfakkar fil-punti 220 u 221 iktar’il fuq, l-istħarriġ li l-Kummissjoni hija msejħa teżerċita f’dan ir-rigward, abbażi ta’ l-Artikolu 87 KE flimkien ma’ l-Artikolu 86(2) u (3) KE, b’mod partikolari rigward in-neċessità ta’ l-iskema notifikata, hija neċessarjament limitata għall-verifika tal-kwistjoni dwar jekk, minn naħa, l-imsemmija skema tistrieħx fuq premessi ekonomiċi u fattwali manifestament żbaljati u jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmija skema hijiex manifestament mhux approprjata sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, fir-rigward tagħha, teżamina b’mod partikolari jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hijiex suffiċjentement plawżibbli sabiex issostni n-neċessità ta’ l-iskema in kwistjoni.

267    Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, jeħtieġ l-ewwel nett, minn naħa, li jiġi eżaminat jekk il-problemi fil-ħidma tas-suq invokati mill-Istat Membru biex tiġi ġġustifikata l-introduzzjoni u l-protezzjoni tal-funzjoni SIEĠ in kwistjoni kinux suffiċjentement plawżibbli u, min-naħa l-oħra, li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni setgħetx raġonevolament tikkunsidra li skema bħar-RES, kienet, min-natura tagħha stess, neċessarja u approprjata sabiex issolvi l-problemi invokati. Hija mbagħad il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq dawn iż-żewġ punti hijiex fondata fir-rigward tal-kundizzjonijiet attwali u ta’ l-evoluzzjoni probabbli tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM, hekk kif jidhru fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni għandha jew li normalment imissu kellha.

268    Fir-rigward b’mod partikolari tal-portata ta’ l-istħarriġ tal-Kummissjoni, skond kif jissemma fil-punti 220 sa 222 iktar’il fuq, hija ma tistax tieħu post l-Istat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jidhru li qed jallegaw ir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tan-neċessità, il-Kummissjoni mhijiex kompetenti tivverifika, abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, jekk, minn naħa, is-suq jistax jevolvi effettivament b’ċertu mod u jekk, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ l-istrumenti regolatorji previsti mill-iskema nnotifikata ssirx minħabba f’hekk, f’mument preċiż, indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-kisba tal-funzjoni SIEĠ in kwistjoni. Fil-fatt, l-istħarriġ tan-neċessità ma jeħtieġx li l-Kummissjoni tikseb il-konvinzjoni li l-Istat Membru ma jistax jirrinunzja, fid-dawl tal-kundizzjonijiet attwali jew futuri tas-suq, għall-miżuri notifikati, iżda huwa limitat għat-tfittxija ta’ żball manifest fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ l-Istat Membru rigward il-mod li jiġi assigurat li l-funzjoni SIEĠ tista’ tinkiseb taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 99 iktar’il fuq, punt 58, u Albany, punt 101 iktar’il fuq, punti 107 u 111).

269    Fl-aħħar nett, jekk dan l-istħarriġ eżerċitat mill-Kummissjoni huwa ristrett, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed in kunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-qorti Komunitarja fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Dan l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun iktar ristrett peress li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna fatti ekonomiċi kumplessi (ara l-punti 220 u 221 iktar’il fuq). Dan huwa partikolarment validu għall-istħarriġ eżerċitat abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari meta l-att ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ l-Istat ta’ portata ġenerali. Fil-fatt, dan l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat għal verfika ta’ jekk dawn il-miżuri humiex manifestament mhux approprjati meta mqabbla ma’ l-għan imfittex (ara, b’analoġija, is-sentenza Boehringer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punti 73 u 74).

270    Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma talbitx lill-Irlanda tagħti prova tan-natura indispensabbli tar-RES sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta’ l-obbligi APKM. B’hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-RES għandu jkun indispensabbli u l-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-portata ta’ l-istħarriġ li hija għandha teżerċita f’dan ir-rigward.

 3) Fuq il-preżenza ta’ selezzjoni tar-riskji fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM


 Osservazzjoni preliminari

271    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi eżaminat – l-ewwel nett mill-aspett ġenerali mbagħad fir-rigward tal-kundizzjonijiet partikolari tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM – jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkunsidra li r-RES kienet tikkostitwixxi korrettiv neċessarju f’suq ta’ l-APKM suġġett għal obbligi ta’ adeżjoni miftuħa, ta’ rata komuni, ta’ kopertura matul il-ħajja, u ta’ provvista minima. F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverfikat b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha fuq elementi li jippermettu li tingħata prova biżżejjed li suq ta’ l-APKM b’rata komuni kien espost għal periklu ta’ selezzjoni tar-riskji u jekk hija setgħetx raġonevolment tqis li din is-sitwazzjoni setgħet tolqot l-ekwilibriju ta’ l-imsemmi suq.

 Fuq is-selezzjoni attiva tar-riskji

–       Fuq il-premessi ekonomiċi ġenerali

272    Fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, huwa paċifiku bejn il-partijiet li operatur ġdid fis-suq ta’ l-APKM, bħal BUPA Ireland fl-1997, ikollu interess li jsib klijentela b’riskju minuri sabiex ir-riskji ekonomiċi tiegħu jiġu ridotti u tissaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq li għadha delikata. Dan jiġri b’mod partikolari fir-rigward ta’ suq li jkollu struttura kompetittiva li għadha milquta sew mis-sitwazzjoni preċedenti għal meta ġie liberalizzat u minn ċertu inerzja tal-konsumaturi fejn il-maġġoranza tagħhom hija affiljata ma’ l-operatur qadim li kellu monopolju, f’dan il-każ bħall-VHI. Kif josservaw l-istess rikorrenti, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-klijentela żagħżugħa u f’saħħitha, b’mod partikolari, tikkostitwixxi grupp importanti ta’ klijenti ġodda li jistgħu jaqgħu b’mod partikolari taħt il-mira ta’ l-operatur il-ġdid fis-suq ta’ l-APKM billi dan joffrilhom rati inqas għoljin minn dawk offerti mill-assiguraturi l-oħra APKM.

273    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestawx, b’mod suffiċjentement preċiż u dettaljat, it-teżi li tgħid li din it-tendenza li jiġu mfittxija r-riskji hija msaħħa mill-obbligu ta’ rata komuni. Issa, huwa paċifiku li, fir-rigward ta’ dan l-obbligu, l-assiguratur APKM mhuwiex kompletament liberu li jekwilibrija, permezz ta’ primjums iktar għoljin, ir-riskju ekonomiku iktar importanti li jimplika l-kopertura APKM ta’ persuna anzjana jew marida li dan l-assiguratur ma jistax jirrifjuta minħabba l-obbligu ta’ adeżjoni miftuħa. Minn naħa, fin-nuqqas tal-possibbiltà ta’ rata bbażata fuq ir-riskju assigurat, l-assiguratur APKM huwa marbut joffri l-istess koperturi APKM taħt l-istess tip ta’ rati għall-affiljati kollha indipendentement mill-età, mis-sess u mill-istat ta’ saħħa tagħhom (Artikolu 7 tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendat) u li jwettaq b’hekk sussidju trażversali tal-primjums bejn id-diversi riskji assigurati. Min-naħa l-oħra, l-assiguratur APKM lanqas ma jista’ joffri l-koperturi APKM għal primjums ffissati skond l-iktar riskju għoli li tiegħu għandu jieħu responsabbiltà, inkella ma jkunx iktar kapaċi jiġbed lejh il-klijenti żgħażagħ u f’saħħithom meta dawn huma essenzjali għall-ekwilibriju ekonomiku fi skema ta’ sussidjar trażversali tal-primjums.

274    Ir-rikorrenti ma nvokawx elementi konkreti li jinvalidaw din id-deskrizzjoni tal-fenomenu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji f’suq ta’ l-APKM b’rata komuni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment invokaw il-possibbiltà għall-assiguraturi APKM li jaqsmu s-suq skond ir-riskju billi jiddefinixxu l-kontenut tal-koperturi APKM u billi jiffissaw l-ammont tal-primjums sabiex ikunu jistgħu jikkumpensaw ir-riskji “ħżiena” permezz ta’ primjums iktar għoljin. Issa, għandu jiġi mfakkar li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 229 u 231 iktar’il fuq, l-argument dwar il-libertà kuntrattwali ta’ l-assiguraturi APKM ma jistax jiġi milqugħ.

275    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, għal kuntrarju, dan l-argument pjuttost jidher li jikkonferma l-eżistenza ta’ riskju akkumulat ta’ selezzjoni tar-riskji “tajbin” f’suq ta’ l-APKM b’rata komuni, li jimplika li, fil-prattika, l-assiguraturi APKM jippruvaw jikkumpensaw, b’mod legali, l-effetti tal-projbizzjoni tar-rata skond ir-riskju assigurat b’definizzjoni partikolari tal-kopertura APKM u l-iffissar tal-primjums korrispondenti skond il-bżonnijiet ta’ gruppi ta’ affiljati distinti. Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li assiguratur APKM jista’ jiġbed lejh klijenti żgħażagħ u “ta’ riskju tajjeb” permezz ta’ koperturi speċjalment adattati għall-bżonnijiet tagħhom u primjums attraenti, fejn bħala konsegwenza gruppi oħra ta’ assigurati, inklużi dawk “ta’ riskju ħażin”, ma jingħatawx l-inċentiva, jew saħansitra jiġu dissważi milli jidħlu għal kopertura li mhijiex konvenjenti għalihom. Issa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-istrateġija ta’ diskriminazzjoni indiretta bejn assigurati – li mhijiex indirizzata mir-rata komuni billi din tipprojbixxi biss id-diskriminazzjoni diretta ta’ prezzijiet – tistax issir, liema kwistjoni tikkontesta b’mod partikolari l-Irlanda, din l-istrateġija tidher ferm iktar possibbli ladarba l-kompetizzjoni bejn l-assiguraturi APKM hija partikolarment intensa fir-rigward tal-klijenti ġodda l-iktar żgħażagħ, bħal fil-każ in kwistjoni, skond l-opinjonijiet taż-żewġ partijiet, bejn BUPA Ireland u l-VHI. Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ l-opinjoni tar-rikorrenti, din l-istrateġija ma tmurx kontra l-eżistenza tal-fenomenu tas-selezzjoni attiva tar-riskji, iżda pjuttost tikkonfermha, jew saħansitra tkabbarha. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-libertà kuntrattwali ta’ l-assiguraturi APKM huwa ineffettiv sabiex juri l-eżistenza ta’ selezzjoni attiva tar-riskji. Għalhekk, ma fhijiex żball manifest il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward l-eżistenza ta’ periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, li tgħid li l-assiguraturi APKM jistgħu jippruvaw itejbu l-profil ta’ riskju tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ strateġiji selettivi ta’ marketing, permezz tad-definizzjoni tal-kontenut tal-koperturi jew permezz tad-differenzjar tal-kwalità tas-servizz.

276    F’dan ir-rigward, il-Qorti ta-Prim’Istanza tammetti li hija possibbli l-ipoteżi li tgħid li periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji u, għaldaqstant, riskju ta’ instabbiltà tas-suq, huwa reali u sinjifikattiv ladarba l-assiguratur APKM bi profil ta’ riskju favorevoli jadotta strateġija ta’ “kaċċa” għall-prezzijiet, kif inhu deskritt fil-punt 6 tal-gwida tar-RES. Min-naħa l-oħra, dan il-periklu jidher inqas sinjifikattiv, imma dejjem suffiċjentement importanti, meta dan l-assiguratur jadotta – kif issostni l-konvenuta, l-Irlanda u l-VHI rigward l-imġieba ta’ BUPA Ireland – strateġija ta’ “insegwitur” tal-prezzijiet, li tikkonsisti milli jiġu ffissati r-rati għas-servizzi APKM tiegħu stess kemmxejn l-isfel mir-rati tal-kompetituri prinċipali għall-istess servizzi. Fil-fatt, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-inċentiv finanzjarju għall-klijent li jbiddel assiguratur APKM jidher inqas importanti milli fl-ipoteżi tal-“kaċċa” tal-prezzijiet. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-konvenuta u l-Irlanda jsostnu, mingħajr ma jiġu kkontestati mir-rikorrenti, li strateġija bħal din tippermetti li jiġu magħżula r-riskji t-“tajbin” u li, fuq kollox, hija taffetwa l-ħidma korretta tas-suq APKM u tmur kontra l-għan ta’ rata komuni minħabba ż-żamma ta’ primjums għoljin wisq, għad-detriment tal-klijenti, meta mqabbla ma’ l-ispejjeż ta’ ħlas lura li l-assiguratur APKM bi profil ta’ riskju favorevoli għandu effettivament isostni.

277    Jidher ukoll possibbli li l-istrateġija ta’ “insegwitur” tal-prezzijiet għandha bħala effett li l-assiguratur APKM joqgħod lura, minkejja l-ispejjeż inqas għoljin tiegħu, milli jnaqqas l-ammont tal-primjums, li madankollu huwa fl-interess tal-konsumaturi u skond l-għan tar-rata komuni, għas-sempliċi finijiet li jżid il-profitti tiegħu. Bl-istess mod, ma jidhirx li huwa eskluż li assiguratur APKM bi profil ta’ riskju vantaġġuż iwettaq selezzjoni attiva tar-riskji billi jadotta l-istrateġija ta’ “insegwitur” ta’ prezzijiet sakemm id-differenza fil-prezz tkun kbira biżżejjed sabiex jiġbed lejh il-konsumaturi “ta’ riskju tajjeb”.

278    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li kemm l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, sostnew, b’mod plawżibbli, li din il-prattika kummerċjali kienet kapaċi toħloq ċirku vizjuż u tiddestabbilizza b’dan il-mod l-ekwilibriju u l-ħidma tas-suq APKM b’rata komuni safejn l-assiguraturi APKM bi profil ta’ riskju favorevoli jkunu kapaċi jiġbdu dejjem iktar lejhom klijenti żgħażagħ u f’saħħithom biex b’hekk itejbu favurihom il-profil ta’ riskju tagħhom, filwaqt li l-assiguraturi APKM bi profil ta’ riskju sfavorevoli jiġu dejjem iktar suġġetti għal pressjoni finanzjarja minħabba n-nuqqas ta’ ekwilibriju li dejjem jikber bejn il-primjums u l-ispejjeż sostnuti minħabba t-talbiet ta’ ħlas lura ta’ numru kbir ta’ affiljati anzjani li mhumiex f’saħħithom.

279    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma hemm l-ebda żball manifest fil-kunsiderazzjoni, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, f’suq ta’ l-APKM suġġett għar-rata komuni, l-adeżjoni miftuħa u l-kopertura għal matul il-ħajja, jeżisti, mingħajr skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti, inċentiv għall-assiguraturi sabiex iwettqu selezzjoni tar-riskji favorevoli sabiex ikunu jistgħu joffru s-servizzi APKM bi prezzijiet iktar vantaġġużi lill-assigurati kollha jew sabiex ikollhom profitti iktar għoljin minn dawk ta’ l-assiguraturi APKM kompetituri.

–        Fuq is-sitwazzjoni fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM

280    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji ma setax jiġi eskluż anki jekk kienet għadha ma setgħetx tiġi osservata instabbilità ta’ l-imsemmi suq.

281    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ma’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, BUPA Ireland kellha profil ta’ riskju kompletament iktar favorevoli minn dak tal-VHI, il-kompetitur prinċipali tagħha. Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk ir-ratios ta’ solvenza ta’ VHI humiex soddisfaċenti jew le, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestawx verament l-eżattezza u r-rilevanza ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta, mill-Irlanda u mill-VHI rigward is-sitwazzjoni ekonomika, il-profil ta’ riskju ta’ VHI u l-ogħla spejjeż medji tagħha għall-ħlasijiet lura għal kull affiljat, iżda ammettaw li dan ta’ l-aħħar kellu profil ta’ riskju inqas f’saħħtu minn dak ta’ BUPA Ireland (ara l-punti 135 u 138 iktar’il fuq).

282    Barra minn hekk, in sostenn ta’ l-evalwazzjoni tagħha rigward l-eżistenza ta’ periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi li juru li BUPA Ireland, fil-fatt, kienet adottat strateġija ta’ selezzjoni attiva tar-riskji flimkien ma’ strateġija ta’ “insegwitriċi” ta’ prezzijiet billi pproponiet rati li parti minnhom kienu kompletamet inferjuri għal dawk tal-VHI għal gruppi ta’ konsumaturi ta’ inqas minn 19-il sena (b’differenza fil-prezz ta’ 10 %) u ta’ bejn 19 u 54 sena (b’differenza fil-prezz ta’ 4 %) filwaqt li hija talbet primjums ogħla (ta’ 20 %) għal persuni b’età ta’ iktar minn 54 sena (punt 51 u nota ta’ qiegħ il-paġna 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti baqgħu lura, fl-istanza, inkluż fis-seduta, milli jieħdu pożizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-provi minkejja l-fatt li kemm il-konvenuta kif ukoll l-Irlanda u l-VHI bbażaw ruħhom espliċitament, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, fuq il-prattika allegata ta’ “insegwitur” tal-prezzijiet ta’ BUPA Ireland.

283    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti allegaw, li, bħala operatriċi ġdida fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM u minħabba l-inerzja ta’ l-assigurati diġà marbuta ma’ assiguratur, BUPA Ireland neċessarjament kellha tolqot il-konsumaturi żgħażagħ li kienu qed jitolbu kopertura għall-ewwel darba. Minkejja li din l-allegazzjoni hija plawżibbli u sostnuta mil-konklużjonijiet tar-rapport Amárach dwar ir-rata baxxa ta’ tibdil minn assiguratur għall-ieħor mill-konsumaturi Irlandiżi, hija ma tistax madankollu, waħedha, tinvalida l-konklużjoni dwar il-preżenza ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, iżda pjuttost tikkonferma din il-konklużjoni (ara l-punt 274 iktar’il fuq).

284    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti allegaw li l-VHI kien ibiegħ b’telf koperturi APKM intiżi għall-assigurati anzjani u, għaldaqstant, b’riskju għoli, li jfisser li kien impossibbli għal BUPA Ireland li tikkompeti kontra l-VHI fir-rigward ta’ dan il-grupp ta’ kljienti. Issa, dan l-argument li ma tantx fih dettal, ikkontestat mill-konvenuta u mill-Irlanda, ma ġiex sostnut mir-rikorrenti matul l-istanza u, f’kull każ, huwa nieqes minn fondatezza. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn dan il-bejgħ b’telf kellu jkun minnu, dan diffiċilment jissoddisfa loġika ekonomika minħabba li jkun jimplika li l-VHI għandu l-intenzjoni li jżomm l-affiljati tiegħu ta’ riskju għoli u jwaqqafhom milli jmorru ma’ assiguraturi APKM oħrajn billi joffrilhom primjums partikolarment vantaġġużi li ma jkoprux l-ispejjeż ta’ ħlas lura. Imġieba bħal din ma tagħmilx sens ekonomiku peress li dawn l-affiljati huma r-raġuni għall-profil ta’ riskju sfavorevoli tal-VHI, taż-żieda fl-ispejjeż tiegħu u, għaldaqstant, tal-fatt li l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq ta’ l-APKM qegħda tiddgħajjef.

285    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni kellha provi rilevanti suffiċjenti sabiex tikkonkludi, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma twettaq żball manifest f’dan ir-rigward, li periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji ma setax jiġi eskluż fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ l-istħarriġ ristrett li japplika f’dan il-każ (ara l-punti 220 sa 222 u 265 sa 270 iktar’il fuq), il-Kummissjoni setgħet raġonevolament tiddeduċi mill-eżistenza ta’ dan il-periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji l-preżenza ta’ riskju ta’ instabbiltà tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM (punti 50 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

286    F’dan ir-rigward, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkonstata wkoll li, fl-imgħoddi, instabbiltà tas-suq kienet għadha ma ġietx osservata, mhijiex tali li taffettwa l-legalità ta’ din il-konklużjoni. Fil-fatt, fir-rigward tas-setgħa ta’ stħarriġ ristrett fil-konfront ta’ l-Istat Membru (ara l-punti 220 sa 222 u 269 iktar’il fuq), il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-evoluzzjoni tas-suq Irlandiż ta’ l-APKM ma’ dik ta’ l-Irlanda. Il-Kummissjoni madankollu aċċertat ruħha, kif trid il-liġi, li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet li jippermettu l-ġustifikazzjoni ta’ l-introduzzjoni ta’ skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti sabiex fil-futur tiġi evitata instabbiltà ta’ l-imsemmi suq li setgħu jirriżultaw minn selezzjoni attiva tar-riskji ġew soddisfatti. B’hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni żbaljatament aċċettat it-teżi ta’ instabbiltà tas-suq mingħajr ma kellha provi ekonomiċi suffiċjenti f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura plawżibbli tal-preżenza ta’ riskju ta’ instabbiltà tas-suq ibbażata fuq is-selezzjoni attiva tar-riskji, lanqas m’hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx ukoll validament tikkonkludi, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm il-preżenza ta’ periklu ta’ selezzjoni passiva tar-riskji.

 4) Fuq in-natura approprjata tar-RES sabiex tinsab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ekwilibriji jew għall-instabbiltà tas-suq ta’ l-APKM

287    Fl-aħħar nett għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx raġonevolment tikkunsidra li r-RES kienet tikkostitwixxi strument approprjat sabiex tinsab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ekwilibriju li jista’ jirriżulta minn selezzjoni attiva tar-riskji.

288    Għal dan il-għan, għandhom jiġu mfakkra, l-ewwel nett, l-elementi essenzjali li jirregolaw il-ħidma tar-RES (ara l-punti 31 sa 33 iktar’il fuq).

289    Skond ir-RES, il-profil ta’ riskju individwali u reali ta’ l-assiguraturi APKM jiġi l-ewwel nett iddeterminat abbażi ta’ l-informazzjoni perjodika tagħhom dwar l-ispejjeż ta’ ħlas lura ġġenerati mill-affiljati tagħhom, li, f’dan ir-rigward, jinqasmu fi gruppi differenti skond l-età (li jiġbru flimkien kategoriji ta’ età) u ta’ sess. Dan il-profil ta’ riskju individwali u reali jibbaża ruħu fuq l-ispiża effettiva medja ta’ kull assigurat ta’ l-imsemmija gruppi u fit-totalità tagħha tikkorrispondi għall-medja ta’ l-ispejjeż ta’ ħlas lura ġġenerati minn dawn il-gruppi kollha. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-assiguraturi suġġetti għar-RES, il-HIA mbagħad tiddetermina l-profil ta’ riskju medju tas-suq meta mqabbel ma’ kull wieħed minn dawn il-gruppi.

290    Sussegwentement, dan il-profil ta’ riskju medju tas-suq jiġi ssostitwit mal-profil ta’ riskju individwali u reali sabiex jiġu identifikati l-ispejjeż ipotetiċi li l-assiguraturi jkunu sostnew (għal kull grupp) li kieku kellhom it-tali profil ta’ riskju. Id-differenza fl-ispejjeż – sew jekk pożittiv, sew jekk negattiv – bejn, minn naħa, il-profil ta’ riskju individwali u reali u, min-naħa l-oħra, il-profil ta’ riskju medju tas-suq u ipotetiku hija għalhekk ta’ kobor li tiddependi fuq l-informazzjoni ta’ l-assiguraturi APKM kollha suġġetti għar-RES. Fl-aħħar nett, din id-differenza fl-ispejjeż għandha tikkorrispondi, wara l-applikazzjoni eventwali tal-“fattur korrettiv li jibda’ minn żero” (zero sum adjustment factor), eżattament għall-ammont li fir-rigward tiegħu għandha ssir ekwivalenza bejn l-assiguraturi APKM. Billi tapplika dan il-metodu, ir-RES tistabbilixxi rabta diretta bejn, minn naħa, il-profil ta’ riskju ta’ l-assiguraturi APKM, li huwa mqabbel ma’ pofil ta’ riskju medju tas-suq u ipotetiku, u, min-naħa l-oħra, id-differenza fl-ispejjeż li jirriżultaw mill-ispejjeż ta’ ħlas lura hekk iddeterminati. Minn dan jirriżulta li, iktar ma l-profil ta’ riskju jkun pożittiv meta mqabbel mal-profil medju ipotetiku, iktar l-ispejjeż ikunu jistgħu jaqgħu taħt il-medja ta’ l-ispejjeż tas-suq u viċi versa.

291    Barra minn hekk, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 235 iktar’il fuq li hemm rabta reali bejn l-ispejjeż eċċessivi marbutin ma’ profil ta’ riskju negattiv u b’mod partikolari l-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni kif ukoll li l-għanijiet intiżi minn dawn l-obbligi APKM ma jistgħux jinkisbu fin-nuqqas ta’ korrettiv bħal dak previst mir-RES.

292    Minn naħa, l-għan ta’ rata komuni ma jistax jinkiseb kompletament peress li dan jeħtieġ li jinqasmu b’mod ekwu l-ispejjeż marbutin ma’ l-assigurati u, għaldaqstant, ir-riskji bejn l-assiguraturi APKM u li kull wieħed minnhom ikollu profil ta’ riskju ekwilibrat. Fil-fatt, l-għan tar-rata komuni, jiġifieri l-issussidjar mill-assigurati żgħażagħ u f’saħħithom tal-primjums li normalment għandhom jitħallsu mill-assigurati anzjani u morda u, għaldaqstant, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, tiġi kompromessa jekk assiguratur APKM, f’sitwazzjoni estrema, ikollu biss affiljati anzjani u morda. Fi kliem ieħor, assiguratur APKM jista’ biss isostni l-ispiża ta’ l-adeżjoni miftuħa u tar-rata komuni jekk ikun kapaċi jikkumpensa l-ispejjeż, sproporzjonati meta mqabbla mal-primjums, li jirriżultaw mit-talbiet ta’ ħlas lura ta’ l-affiljati anzjani u morda tiegħu permezz tal-primjums tal-klijentela żagħżugħa u f’saħħitha.

293    Min-naħa l-oħra, f’dawn il-kundizzjonijiet, jidher possibbli li, mingħajr mezz ta’ ekwilibriju mill-ġdid tat-tqassim tar-riskji u ta’ dissważjoni ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, is-suq Irlandiż ta’ l-APKM hekk irregolat jista’ jiffaċċja nuqqas ta’ ekwilibriju li jipperikola l-ħidma tiegħu u, għaldaqstant, it-twettiq innifsu ta’ l-imsemmija għanijiet. Minħabba li l-obbligu ta’ rata komuni jippromwovi l-adozzjoni ta’ prattiki kummerċjali, bħas-selezzjoni attiva tar-riskji, li jistgħu jipperikolaw dan l-ekwilibriju (ara l-punt 273 iktar’il fuq), ir-RES tikkostitwixxi, hekk kif issostni b’mod partikolari l-Irlanda, mezz ta’ ekwilibriju mill-ġdid neċessarju u inerenti għal suq irregolat li huwa suġġett għat-tali obbligi. Fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni, l-ekwilibriju tas-suq jinżamm jew jiġi stabbilit mill-ġdid mis-sempliċi saħħa tas-suq u, b’mod partikolari, permezz ta’ rata bbażata fuq ir-riskju. Issa, jekk din ir-rata tidher tajba biex tnaqqas, b’mod konsiderevoli, l-inċentiv għas-selezzjoni attiva tar-riskji (punt 52 in fine tad-deċiżjoni kkontestata) u, għaldaqstant, biex iżżomm ċertu ekwilibriju tas-suq, hija ma tippermettix li jinkiseb l-għan l-ieħor segwit mill-obbligi ta’ adeżjoni miftuħa u ta’ rata komuni, jiġifieri s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet billi jiggarantixxu aċċess iktar iffaċilitat – grazzi, b’mod partikolari, għas-sussidju trażversali ta’ primjums – ta’ persuni anzjani u morda fl-APKM.

294    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex validu l-argument tar-rikorrenti, imqajjem għall-ewwel darba fis-seduta u kkontestata mill-konvenuta, mill-Irlanda, u mill-VHI, li jgħid li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq interpretazzjoni żbaljata tar-rata komuni sabiex tiġġustifika n-neċessità tar-RES. Fil-fatt, xejn ma jindika fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet li mhumiex dawk imsemmija fil-punti 291 sa 293 iktar’il fuq. Barra minn hekk, kif sostniet b’mod partikolari l-Irlanda, fis-seduta, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, partikolarment dawk imsemmija fil-punti 24, 41 u 60, jirreferu għall-prinċipju ta’ rata komuni skond kif previst kemm fl-Artikolu 7 kif ukoll fl-Artikolu 12(10)(iii) tal-Health Insurance Act, 1994, kif emendat. Fl-aħħar nett, kontra l-opinjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li teżamina l-obbligu ta’ rata komuni fir-rigward tas-sempliċi kuntratti APKM individwali, iżda kkonkludiet, fil-punt 60 tad-deċiżjoni kkontestata, għan-neċessità tar-RES sabiex tinżamm “l-istabbiltà ta’ suq ta’ l-[APKM] b’rata komuni” fl-intier tagħha.

295    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi u fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra li kienet teżisti, minħabba periklu ta’ selezzjoni attiva tar-riskji, possibbiltà ta’ nuqqas ta’ ekwilibriju fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni m’għamlitx kunsiderazzjoni żbaljata ta’ l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ tan-neċessità tar-RES u li hija kkunsidrat validament li r-RES kienet neċessarja sabiex jiġi eżegwiti l-obbligi APKM f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, la ressqu provi li jinvalidaw il-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni msemmija fil-punti 290 sa 293 iktar’il fuq dwar ir-rabta li teżisti bejn id-diversi aspetti rilevanti ta’ l-obbligi APKM u tar-RES u lanqas ma tat prova, kif trid il-liġi, tan-natura manifestament mhux approprjata tar-RES sabiex issolvi n-nuqqas ta’ ekwilibriju identifikat.

296    Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest billi rrikonoxxiet in-neċessità ta’ l-introduzzjoni tar-RES fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM u għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma l-ilmenti tar-rikorrenti fformulati f’dan il-kuntest.

 iii) Fuq in-natura proporzjonata tar-RES innifisha

297    Fir-rigward tan-natura proporzjonata tar-RES innifisha, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 228 sa 243 iktar’il fuq li r-rikorrenti ma tawx prova li l-kumpens li jsir permezz ta’ ħlasijiet RES kien sproporzjonat meta mqabbel ma’ l-ispejjeż eċċessivi marbutin ma’ l-osservanza ta’ l-obbligi APKM. B’hekk, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti, imqajma fil-kuntest tat-tieni motiv, li huma intiżi sabiex jikkontestaw in-natura approprjata u proporzjonata tal-kriterji rilevanti li jirregolaw il-kalkolu tal-ħlasijiet RES safejn, b’mod partikolari, jagħtu lok, skond ir-rikorrenti, għal tqassim ta’ l-ispejjeż marbutin man-nuqqas ta’ effiċjenza favur l-assiguratur APKM benefiċjarju ta’ l-imsemmija ħlasijiet (ara l-punt 138 iktar’il fuq). Peress li l-argumenti dovuti għat-tqassim allegat tan-nuqqas ta’ effiċjenza ġew iddikjarati infondati, f’dan il-każ m’hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, b’mod ġenerali, għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effiċjenza ta’ l-operatur inkarigat minn funzjoni SIEĠ ukoll fil-kuntest ta’ l-eżami tan-natura proporzjonata skond l-Artikolu 86(2) KE (ara l-punt 139 iktar’il fuq).

298    Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkontestaw in-natura proporzjonata tar-RES billi sostnew, l-ewwel nett, li, fid-dawl tad-differenzi fir-riskji li jeżistu bejn BUPA Ireland u l-VHI, il-perċentwali minima ta’ 2 % ta’ din id-differenza sabiex jingħata lok għar-RES (punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata) ma kellhiex effett prattiku, it-tieni nett, li l-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa, anki jekk kien limitat għal 50 % ta’ l-użu osservat tal-kapaċità ta’ sptar (punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kellux rabta la ma’ l-obbligi APKM u lanqas mal-ġustifikazzjoni invokata tar-RES, it-tielet nett, li l-esklużjoni ta’ l-operaturi ġodda mill-applikazzjoni tar-RES għal tliet snin (punt 58 tad-deċiżjoni kkontesta) ma kinitx tikkumpensa l-effett dissważiv tar-RES li tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul u, ir-raba’ nett, li r-RES ma kinitx tipprovdi, bil-kontra tar-RES Olandiża, għal skema li tikkoreġi l-kumpens eċċessiv.

299    Fir-rigward tan-natura ristretta tal-kontrolli amministrattivi u ġuridiċi applikabbli f’dan il-każ (ara l-punti 220 sa 222 u 269 iktar’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma tawx prova, kif trid il-liġi, li l-perċentwali ta’ 2 % ta’ differenza fir-riskji kienet tikkostitwixxi kriterju manifestament mhux approprjat jew sproporzjonat, dan safejn din il-perċentwali neċessarjament ma tagħtix lok għar-RES fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom f’dan ir-rigward (punti 22 sa 24 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 265 iktar’il fuq).

300    Bl-istess mod, ma tistax tiġi milqugħa t-teżi li tgħid li l-fattur tal-kunsiderazzjoni ta’ l-istat tas-saħħa mhuwiex marbut ma’l-obbligi APKM u mal-ġustifikazzjoni tar-RES. F’dan ir-rigward, il-konvenuta u l-Irlanda spjegaw, mingħajr ma ġew ikkontestati mir-rikorrenti, li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ ħlas lura tal-gruppi differenti ta’ età u ta’ sess ma kienx jirrifletti neċessarjament u kompletament il-profil ta’ riskju individwali u reali ta’ assiguratur APKM minħabba b’mod partikolari differenzi li setgħu jeżistu f’dawn il-gruppi, li kienu jinvolvu n-neċessità ta’ l-applikazzjoni, limitata għal 50 %, ta’ aġġustament ibbażat fuq l-użu osservat tal-kapaċità ta’ sptar (punti 28 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, safejn l-applikazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ aġġustament, mhux attwalment previst, huwa intiż sabiex jiddetermina, kemm jista’ jkun preċiżament, id-differenzi reali fir-riskju bejn l-assiguraturi APKM u, għaldaqstant, l-ispejjeż eċċessivi marbutin magħhom, dan il-fattur jintegra ruħu kompletament fil-loġika tal-kumpens previst mir-RES għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-osservanza ta’ l-obbligi APKM (ara l-punti 234 et seq iktar’il fuq).

301    Fir-rigward ta’ l-allegat effett dissważiv tar-RES fir-rigward ta’ l-operaturi potenzjali ġodda, ir-rikorrenti stess jammettu li l-eżenzjoni temporanja ta’ l-applikazzjoni tar-RES matul l-ewwel tliet snin ta’ attività ta’ assiguratur APKM fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM, li ġie previst preċiżament bl-għan li jiġi evitat effett eventwali ta’ preklużjoni minn dan is-suq u sabiex l-operaturi ma jiġux dissważi milli jidħlu ġo fih, hija tali li tnaqqas l-allegat ostakolu għad-dħul. F’kull każ, li kieku kellu jitqies li r-RES issaħħaħ l-ostakoli għad-dħul, din il-konstatazzjoni, waħedha, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li r-RES hija strument manifestament inapproprjat u sproporzjonat. Il-kuntrarju jfisser li tkun qed tiġi kkontestata l-eżistenza nnifisha tas-skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti introdotta mir-RES kif ukoll it-twettiq ta’ l-għanijiet differenti intiżi mill-obbligi APKM (ara l-punti 291 sa 293 iktar’il fuq) u, għaldaqstant, is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur Irlandiż rigward l-organizzazzjoni tas-settur tas-saħħa fl-Irlanda.

302    Barra minn hekk, jekk l-istabbiliment ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM b’detriment għal operaturi ġodda potenzjali hija konsegwenza neċessarja għall-introduzzjoni tar-RES, jirriżulta minn evalwazzjoni ta’ l-għanijiet tar-RES minn naħa u l-interessi implikati min-naħa l-oħra, li dawn l-għanijiet għandhom ikollhom bħala prijorità l-bżonn li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa kkontestat ukoll mid-dħul fis-suq ta’ l-APKM, f’Ottubru 2004, ta’ l-assiguratur APKM Vivas Healthcare (ara l-punt 22 iktar’il fuq), meta l-pjan li jiġi introdott ir-RES kien diġà daħal fis-seħħ, fejn dan id-dħul juri fl-istess ħin li, bil-kontra ta’ l-opinjoni tar-rikorrenti, l-eżenzjoni temporanja ta’ l-applikazzjoni tar-RES matul tliet snin, li minnu jibbenefika dan l-assiguratur, inaqqas l-importanza ta’ l-ostakolu għad-dħul allegat.

303    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 235 iktar’il fuq dwar il-metodu għall-kalkolu tal-ħlasijiet RES, li huma intiżi biss sabiex jikkumpensaw il-ħlasijiet marbuta ma’ l-osservanza ta’ l-obbligi APKM, ma jistax jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-RES għandu jipprovdi skema partikolari sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv flimkien mas-sistemi li diġà huma inklużi għal dan ir-rigward, bħal-limitu ta’ l-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura. Il-paragun li sar mir-rikorrenti, f’dan il-kuntest, mar-RES Olandiża, mhuwiex validu peress li, kif jammettu huma stess, jeżistu differenzi fundamentali bejn din l-iskema u r-RES, fejn l-ewwel waħda hija skema ibrida fil-kuntest ta’ liema l-Istat ikopri 50 % ta’ l-ispejjeż għall-provvista tas-servizzi APKM b’għajnuna diretta.

304    Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, jidher li r-rikorrenti ma tawx prova tan-natura manifestament mhux approprjata u sproporzjonata tar-RES. B’hekk, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball manifest f’dan ir-rigward, għan-natura proporzjonata tar-RES fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE. Dan huwa iktar minnu peress li, kif jissemma fil-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-awtoritajiet Irlandiżi fil-kuntest ta’ l-introduzzjoni tar-RES huma suġġetti għal rikors ġuridiku effettiv, bħal ma tikkonferma wara kollox il-proċedura li tat lok għas-sentenza tal-High Court tat-23 ta’ Novembru 2006 (ara l-punti 24 sa 26 iktar’il fuq).

305    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ natura proporzjonata tar-RES fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

 iv) Fuq l-effett fuq il-kummerċ li huwa tali li jmur kontra l-interess tal-Komunità

306    Ir-rikorrenti jilmentaw fl-aħħar nett li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ li huwa tali li jmur kontra l-interess tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) in fine KE u jenfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda motivazjoni fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li juru, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’, il-ħames u seba’ motivi, li r-RES tmur kontra l-interess tal-Komunità safejn tikser dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju. B’mod partikolari, in sostenn tar-raba’ u tal-ħames motivi tagħhom, huma jsostnu li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ żvilupp eventwali tal-kummerċ intrakomunitarji u ta’ l-interess tal-Komunità, skond l-Artikolu 86(2) KE, il-Kummissjoni kellha teżamina l-kompatibbiltà tar-RES ma’ l-Artikolu 82 KE, mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll mat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja.

307    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tqis, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk il-kumpens previst għall-obbligi SIEĠ in kwistjoni kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, l-element ta’ għajnuna huwa kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 86(2) KE, bla ħsara għal kompatibbiltà eventwali ma’ regoli oħra tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, fejn l-eżami kellu jsir fil-kuntest ta’ proċeduri approprjati.

308    Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-kliem “kompatibbiltà mas-suq komuni skond l-Artikolu 86(2) KE” jinvolvu neċessarjament il-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ li huwa tali li jmur kontra l-interess tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja kif ukoll għal regoli oħra tat-Trattat jimplika li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) KE, l-effett tar-RES b’mod partikolari fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-libertà ta’ stabbiliment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk il-motivazzjoni f’dan ir-rigward tista’ tidher konċiża, hija madankollu biżżejjed sabiex turi li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li r-RES ma kinitx taffetwa l-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Komunità. Fl-aħħar nett, safejn ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx, diliġentement u kompletament, jekk ir-RES kinitx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju u li ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, dan l-ilment għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-seba’ motiv.

309    B’hekk, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami u ta’ motivazzjoni rigward il-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ li huwa tali li jmur kontra l-interess tal-Komunità, fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) in fine KE ma jistax jiġi milqugħ.

310    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala kollu kemm hu infondat.

C –  Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv

1.     L-argumenti tal-partijiet

311    Il-konvenuta ssostni li r-rikorrenti m’għandhomx locus standi abbażi ta’ l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, invokati fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-seba’ motiv. Dawn id-dispożizzjonijiet huma biss rilevanti, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, meta jkunu strettament marbutin mal-provvista ta’ l-għajnuna mill-Istat innifisha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 85), li mhuwiex il-każ in kwistjoni.

312    Ir-rikorrenti jsostnu, fil-kuntest tat-tielet motiv, li, skond ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-istruttura ġenerali tat-Trattat li l-proċedura ta’ l-Artikolu 88 KE m’għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat u li, b’hekk, għajnuna mill-Istat li, minn ċerti aspetti, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, Ġabra p. I‑3175, punt 41, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar’il fuq, punt 78).

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

313    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, kif issostni l-konvenuta, obbligu tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni, b’mod definittiv, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna skond ir-Regolament Nru 659/1999, fuq l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju distinti minn dawk ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE fid-dawl, jekk ikun il-każ, ta’ l-Artikolu 86 KE, imur kontra, minn naħa, ir-regoli u garanziji proċedurali – parzjalment diverġenti ħafna u li jimplikaw konsegwenzi ġuridiċi distinti – li jikkaratterizzaw il-proċeduri speċjalment previsti għall-istħarriġ ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ l-awtonomija tal-proċeduri amministrattivi u tar-rimedji disponibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar barra minn hekk li, anki permezz ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tirrigwarda għajnuna mill-Istat, persuna m’għandhiex locus standi, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest, kontra n-nuqqas li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skond l-Artikolu 226 KE, jew li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattatt minn Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Panhellenic Union of Cotton Ginners and Exporters vs Il-Kummissjoni, T‑148/00, Ġabra p. II‑4415, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

314    Ir-rikorrenti ma jistgħux validament jinvokaw il-ġurisprudenza li tgħid li jirriżulta mill-istruttura ġenerali tat-Trattat li l-proċedura ta’ l-Artikolu 88 KE m’għandha qatt tagħti lok għal riżultat kuntrarju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Skond din il-ġurisprudenza, jekk il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tagħti deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni, madankollu hija għandha l-obbligu li tassigura, fil-kuntest ta’ din id-diskrezzjoni, li l-proċedura ma tagħtix lok għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat, minbarra dawk ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE, b’mod partikolari, meta l-metodi ta’ għajnuna li jiksru dawn id-disopożizzjonijiet f’dan il-punt huma marbutin b’mod indissolubbli mas-suġġett ta’ l-għajnuna b’mod li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati waħedhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, jekk dan l-obbligu huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jgħid li kull applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għandu jsir skond ir-regoli superjuri tad-dritt, b’daqshekk dan ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha tapplika, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda għajnuna, ir-regoli speċjalment previsti għall-istħarriġ ta’ l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra li jipproduċu effetti ġuridiċi magħqudin. Fil-fatt, skond dan l-obbligu, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti li ma jirriżultawx strettament mid-dritt dwar l-għajnuna biss meta ċerti aspetti ta’ l-għajnuna in kwistjoni jkunu daqshekk strettament marbuta mas-suġġett tagħha li n-nuqqas eventwali tagħhom ta’ konformità ma’ l-imsemmija dispożizzjonijiet jaffettwa neċessarjament il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. Issa, fil-każ in kwistjoni, minn naħa r-rikorrenti la spjegaw u lanqas taw biżżejjed provi li l-metodi partikolari ta’ l-implementazzjoni tar-RES, li allegatament jiksru dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, kienu marbutin b’mod indissolubbli mas-suġġett ta’ l-għajnuna in kwistjoni, jiġifieri l-ħlasijiet ta’ ekwivalenza. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li r-RES ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE u li, għalhekk, f’kull każ, dan l-artikolu ma kienx jimplika dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar’il fuq. Għaldaqstant, minħabba dawn ir-raġunijiet biss, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda peress li huma mingħajr effett.

315    Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 88 KE, fil-qasam ta’ l-għajnuna, ma tippermettilhiex tawtorizza l-Istat Membri jidderogaw minn dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju ħlief meta jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1992, Kerafina – Keramische und Finanz-Holding u Vioktimatiki, C‑134/91 u C‑135/91, Ġabra p. I‑5699, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2000, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑184/97, Ġabra p. II‑3145, punt 55). Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tistax tadotta pożizzjoni definittiva, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna, għal dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju li l-istħarriġ tagħhom huwa jaqa’ taħt skema proċedurali oħra. Jirriżulta, min-naħa l-oħra, li, peress li t-teħid ta’ pożizzjoni definittiva u ġuridikament vinkolanti tal-Kummissjoni għandu jkun limitat għall-aspetti ta’ għajnuna, huma biss dawn li huma suġġetti għal ilment, b’differenza għall-aspetti relatati ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dritt Komunitarju li ma jikkostitwixxux is-sostenn neċessarju għad-dispożittiv tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Panhellenic Union of Cotton Ginners and Exporters vs Il-Kummissjoni, punt 313 iktar’il fuq, punti 57 u 58).

316    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, ikunu liema jkunu l-motivi li fuqhom tibbaża ruħha deċiżjoni, huwa biss id-dispożittiv tagħha li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi u, konsegwentement, li dwaru jista’ jsir ilment. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux, waħedhom, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huma jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ ta’ legalità mill-qorti Komunitarja biss safejn, bħala motivi ta’ att li dwaru jsir ilment, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C‑164/02, Ġabra p. I‑1177, punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 186; ara wkoll il-punt 260 iktar’il fuq), jew jekk, mill-inqas, dawn il-motivi jistgħux ibiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv ta’ l-att in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punti 67 u 68). Minn dan jirriżulta, iktar u iktar, li n-nuqqas komplet ta’ ċitazzjoni tad-dispożizzjonijiet li mhumiex dawk relatati mad-dritt ta’ l-għajnuna kemm fid-dispożittiv kif ukoll fil-motivi ta’ deċiżjoni adottata skond l-Artikoli 87 KE u 88 KE, u, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 86(2) KE, mhuwiex tali li jagħti lok lil persuna li tilmenta u li jkollha locus standi.

317    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati, fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li mhuwiex indirizzat lill-Irlanda u ma jikkostitwixxix, la fil-forma u lanqas fis-sustanza tagħha, risposta espliċita għall-ilment tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 45). B’hekk, l-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi interpretata bħala risposta, anki jekk impliċita, għall-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti, inklużi dawk dovuti għall-ksur ta’ l-Artikoli 82 KE, 43 KE u 49 KE, jew tad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja. F’dawn il-kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-ilmenti kemm fid-dispożittiv kif ukoll fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jipproduċux effetti ġuridikament vinkolanti fil-konfronti tar-rikorrenti u mhuwiex tali li jilmentaw minnu, b’mod li huma b’għandhomx locus standi fil-kuntest tar-rikors għal annullament imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament iddikjarat, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni li saret skond l-Artikolu 87 KE u l-Artikolu 86(2) KE kienet bla ħsara għal eżami, fil-kuntest tal-proċeduri approprjati, tal-kompatibbiltà tar-RES ma’ dispożizzjonijiet oħra rilevanti tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, ma’ dawk tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja.

318    Fl-aħħar nett, bil-kontra tat-teżi tar-rikorrenti, il-kliem ta’ l-Artikolu 86(2) KE in fine, ma jinvalidawx din l-evalwazzjoni. Minn naħa, il-kriterju ta’ l-effett fuq il-kummerċ li huwa tali li jmur kontra l-interess tal-Komunità ma jimplikax obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika, b’mod definittiv u komplet, jekk il-miżuri nnotifikati ta’ l-Istat jiksrux dispożizzjonijiet oħra ta’ dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, kif issostni l-konvenuta, it-teżi tar-rikorrenti hija kontradittorja minħabba li l-applikazzjoni tagħha tipprekludi l-Artikolu 86(2) KE minn kull effett utli bħala deroga mir-regoli tat-Trattat. Fil-fatt, deroga bħal din ma tista’ qatt tipproduċi l-effetti tagħha jekk l-applikazzjoni tagħha kellha fl-istess ħin tassigura l-osservanza sħiħa tar-regoli li minnhom għandha tidderoga.

319    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, fil-kuntest tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni kkontestata, it-tielet, ir-raba’, il-ħames u seba’ motiv safejn dawn jibbażaw ruħhom fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 82 KE, 43 KE u 49 KE u fuq it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja.

320    B’hekk, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, u mill-inqas bħala bla effett, mingħajr ma tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tagħhom. Is-seba’ motiv għandu jiġi wkoll miċħud bħala inammissibbli safejn dan jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju speċifikament koperti mit-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv.

D –  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE

1.     L-argumenti tal-partijiet

321    Skond ir-rikorrenti, fir-rigward ta’ dak kollu li jippreċedi, il-Kummissjoni baqgħet lura illegalment milli tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami, skond l-Artikolu 88(2) KE, sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni fid-dawl tal-fatti kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet wara l-eżami preliminari, skond l-Artikolu 88(3) KE, li huwa biss intiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tfassal opinjoni prima facie rigward il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Issa, il-Kummissjoni ma tistax tillimita lilha nnifisha għal dan l-eżami preliminari sakemm dan ma jkunx suffiċjenti sabiex tiġi assigurata din il-kompatibbiltà (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punti 16 u 33; Cook vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punti 22 u 29; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punti 38 u 39, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 312 iktar’il fuq, punti 32 u 33), li mhuwiex il-każ hawnhekk.

322    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha teżamina l-elementi kollha fattwali u l-argumenti kollha mressqa quddiemha mill-impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-għtoja ta’ għajnuna (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 51, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 312 iktar’il fuq, punt 35). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jfakkru l-argumenti tagħhom rigward, minn naħa, in-nuqqas ta’ obbligi SIEĠ u ta’ kundizzjonijiet li jippermettu l-ikkumpensar tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja kif ukoll ta’ l-Artikolu 86(1) flimkien ma’ l-Artikolu 82 KE. Skond ir-rikorrenti, dawn l-argumenti jqajmu kwistjonijiet kumplessi li jeħtieġu provi fattwali u ekonomiċi dettaljati li ma jistgħux jiġu evalwati barra mill-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE. Dan huwa sostnut mill-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx dawn l-argumenti b’mod korrett, jew saħansitra naqset milli teżaminhom.

323    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni li tgħid li l-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami ma kinitx tagħtihom pożizzjoni aħjar sabiex jifformulaw l-oġġezzjonijet tagħhom fir-rigward tar-RES. Ir-regoli li jirregolaw din il-proċedura jimponu obbligi partikolari lill-Kummissjoni, li ma ġewx rispettati f’dan il-każ, bħall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, skond l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u l-ħtieġa, skond l-Artikolu 6 ta’ l-istess regolament, li jiġu mistiedna l-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li jiġu eżaminati dawn l-osservazzjonijiet u li jiġu kkomunikati lill-Istat Membru.

324    Rigward l-argument li jgħid li r-rikorrenti ma spjegawx ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni jmissha kellha dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-RES ma’ l-Artikolu 87 KE, ir-rikorrenti jfakkru li esponew, dettaljatament, l-elementi li juru li dan il-każ ippreżenta diffikulatjiet serji fir-rigward tad-dritt ta’ l-għajnuna mill-Istat. Li kieku kellu jitqies li l-motivi tar-rikorrenti fuq il-mertu jaqgħu, is-sempliċi kumplessità tal-każ in kwistjoni, bħal ma ġie deskritt b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-ewwel u t-tieni motiv, kienet teħtieġ il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, skond l-Artikolu 88(2) KE. Ir-rikorrenti jżidu li l-Kummissjoni eżaminat ir-RES għal erba’ snin qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-kuntest ta’ investigazzjoni daqshekk fit-tul, mhuwiex normali li l-proċedura formali ta’ eżami ma nfetħitx.

325    B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba nuqqas illegali milli tinfetah il-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE.

326    Il-konvenuta, sostnuta mill-Irlanda, issostni li r-rikorrenti, li fuqhom jaqa’ l-oneru tal-prova, naqsu milli jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom hija jmissha kellha xi dubji serji dwar il-kompatibbiltà tar-RES ma’ l-Artikolu 87 KE u, min-naħa l-oħra, liema huma r-raġunijiet li għalihom hija ma setgħetx tevalwa l-allegati kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi tal-każ in kwistjoni mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ressqu numru ta’ osservazzjonijiet u ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ilment tagħhom, huma misshom ippreċiżaw ir-raġunijiet għalfejn kienu jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jikkontestaw ir-RES li kieku l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami. F’kull każ, ir-rikorrenti ma jżidu xejn mal-motivi l-oħra relatati mal-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni kkontesta u qegħdin biss jerġgħu jirrepetuhom taħt dan il-motiv.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

327    Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ taddotta, fi tmiem il-proċedura preliminari ta’ eżami, deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni jekk il-miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 4(4) ta’ l-imsemmi regolament, jekk dawn id-dubji jeżistu, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi regolament.

328    F’dan ir-rigward, għandu jiġi barra minn hekk imfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami b’mod partikolari jekk, fid-dawl ta’ l-informazzjoni miksuba matul il-proċedura preliminari ta’ eżami, jibqa’ jkollha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkunsidrata. Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 88(3) KE, skond kif interpretat mill-ġurisprudenza, u huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(4) flimkien ma’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura illegali tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar’il fuq, punt 165).

329    Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tillimita lilha nnifisha għall-fażi preliminari ta’ l-Artikolu 88(3) sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal miżura ta’ l-Istat jekk hija stess tikseb il-konvinzjoni, fi tmiem eżami preliminari, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, jew, jekk tikkwalifika bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami preliminari jwassal lill-Kummissjoni tikseb il-konvinzjoni kuntrarja, jew ma jippermettilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) KE (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punt 33; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 39, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar’il fuq, punt 166).

330    Dan l-obbligu tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami jirriżulta b’mod partikolari meta l-Kummissjoni, wara li tipproċedi, abbażi ta’ l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat, għal eżami suffiċjenti tal-miżura kontenzjuża ta’ l-Istat, jibqa’ jkollha dubji dwar l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, kif ukoll fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑3657, punti 47 u 48, u s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar’il fuq, punt 167).

331    Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fid-dawl ta’ dawn il-ħtiġijiet, il-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, m’għamlitx kunsiderazzjoni żbaljata tal-portata ta’ l-Artikolu 88(3) KE u lanqas ta’ l-Artikolu 4(2) u (4) tar-Regolament Nru 659/1999.

332    Mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-Qorti tesprimi ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kienu jkunu f’pożizzjoni aħjar, fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami abbażi tal-garanziji proċedurali espliċitament mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2), sabiex isostnu effettivament l-ilmenti tagħhom kontra r-RES, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti setgħu ampjament jiddefendu l-opinjoni tagħhom permezz ta’ l-ilment tagħhom kif ukoll osservazzjonijiet oħra u studji mressqa quddiem il-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

333    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeduċi mill-evalwazzjoni tagħha li tagħti lok għaċ-ċaħda ta’ l-ewwel, it-tieni, it-tielet ir-raba’ u l-ħames motivi li, abbażi ta’ informazzjoni rilevanti pprovduta kemm mill-Irlanda kif ukoll mir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li r-RES, minkejja li kienet teħtieġ analiżi ta’ fatti ekonomikament kumplessi, ma kinitx tqajjem diffikultajiet serji u lanqas dubji rigward l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis fil-fatt li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 157 et seq iktar’il fuq, ma jeżisti l-ebda ħjiel, anki wara li r-rikorrenti żviluppaw l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward, b’mod abbondanti, matul l-istanza, li jsostni l-affermazzjoni li tgħid li r-riżultat ta’ l-evalwazzjoni tar-RES mill-Kummissjoni, fi tmiem il-proċedura formali ta’ eżami, seta’ kien differenti minn dak miksub fid-deċiżjoni kkontestata, li tikkonkludi li l-imsemmija RES ma tikkomportax għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE kif ukoll mal-preżenza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

334    F’dawn il-kundizzjonijiet, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E –  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 253 KE

1.     L-argumenti tal-partijiet

335    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni hekk kif inhu interpretat minn ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑122/94, Ġabra p. I‑881, punt 29). Il-motivazzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni hija kkaratterizzata mir-ripetizzjoni, mingħajr eżami dettaljat tal-provi pprovduti in sostenn, ta’ l-affermazzjonjiet u tal-konklużjonijiet tad-dritt mill-awtoritajiet Irlandiżi. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa partikolarment serju fir-rigward tal-kontestazzjoni mir-rikorrenti ta’ l-analiżi fattwali, ekonomika u ġuridika rilevanti mressqa mill-imsemmija awtoritajiet.

336    Għalhekk, fil-punti 40, 53 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għar-RES bħala strument ta’ kumpens ta’ l-obbligi APKM, il-Kummissjoni ma tidentifika la l-ispejjeż ta’ dawn l-obbligi u lanqas il-ħlasijiet RES prevedibbli. Huma lanqas ma jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom dawn il-ħlasijiet huma strettament neċessarji sabiex jikkumpensaw dawn l-ispejjeż. Fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi biss “studji ekonomiċi” in sostenn tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi. Issa, il-Kummissjoni ammettiet ulterjorment li ħadet in kunsiderazzjoni seba’ studji li minnhom tnejn biss jissemmew fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, minkejja li l-Kummissjoni tikkonkludi, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li għajnuna eventwali mill-Istat kienet kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 86(2) KE, hija ma tispjegax, fil-motivi ta’ l-imsemmija deċiżjoni, jekk l-allegati obbligi SIEĠ ingħatawx lill-VHI jew lil BUPA Ireland u lanqas ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-ħlasijiet RES huma strettament proporzjonati meta mqabbla ma’ l-ispejjeż u mad-dħul rilevanti kif ukoll li r-RES ma taffettwax l-iżvilupp tal-kummerċ kontra l-interess tal-Komunità. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tillimita ruħha billi ssostni, f’sentenza waħda fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-RES ma tiksirx it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja u ma ssemmi mkien il-kwistjoni, imqajma mir-rikorrenti, tal-ksur ta’ l-Artikolu 86(1) flimkien ma’ l-Artikolu 82 KE, kif ukoll il-ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

337    Il-konvenuta titlob iċ-ċaħda tal-motiv preżenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

338    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 313 sa 320 iktar’il fuq, dan il-motiv huwa inammissibbli u mill-inqas mingħajr effett, safejn jirreferi għall-illegalitajiet allegati invokati fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv.

339    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, il-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura ta’ l-att in kwistjoni u mill-kuntest li fih dan ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, b’mod li, minn naħa, tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverfikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ legalità (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 72 iktar’il fuq, punt 63; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 278; ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 119, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 221 iktar’il fuq, punt 62).

340    Fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni allegati fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE u ta’ l-Artikolu 86(2) KE, għandu jiġi l-ewwel nett ikkonstatat li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 171 et seq iktar’il fuq, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ippermettew kollha kemm huma, minn naħa, lir-rikorrenti jikkontestaw b’mod dettaljat il-fondatezza ta’ l-imsemmija deċiżjoni quddiem l-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, lil din ta’ l-aħħar sabiex teżerċita kompletament l-istħarriġ tagħha ta’ legalità. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari ta’ l-allegati nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fil-punti 40, 50, 53, 60 u 61 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward b’mod partikolari n-neċessità u n-natura proporzjonata tal-kumpens previst mir-RES meta mqabbel ma’ l-ispejjeż eċċessivi marbutin mal-profil ta’ riskju negattiv ta’ assiguratur APKM, jeħtieġ sempliċement li jsir riferiment għall-punti 228 et seq iktar’il fuq sabiex jiġi konkluż li dawn in-nuqqasijiet ma kinux jeżistu fl-imsemmija deċiżjoni.

341    Rigward in-nuqqas, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ riferiment għall-ħames studji użati mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u tad-dritt li huma rilevanti, safejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att li jissoddisfa l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 253 KE għandu jiġi evalwat mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 86, u tal-15 ta’ Mejju 1997, Siemens vs Il-Kummissjoni, C‑278/95 P, Ġabra p. I‑2507, punt 17; is-sentenzi Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 221 iktar’il fuq, punt 63, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar’il fuq, punt 141). B’mod partikolari, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenzi Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 280, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 221 iktar’il fuq, punt 64).

342    Fid-dawl tal-kunsiderazzonijiet imsemmija b’mod partikolari fil-punti 228 et seq u 273 et seq iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni esponiet l-argumenti u l-fatti ekonomiċi essenzjali li jsostnu l-analiżi tagħha billi ċċitat, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 9 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-inqas żewġ studji rilevanti in sostenn ta’ din l-analiżi. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni ma ddiskutietx espliċitament, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-riżultati ta’ l-istudji l-oħra ma jistax jiġi milqugħ.

343    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-motivazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li huwa tali li jmur kontra l-interess Komunitarju, jeħtieġ biss li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 308 u 309 iktar’il fuq sabiex jiġi miċħud dan l-ilment.

344    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud bħala infondat.

F –  Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

1.     L-argumenti tar-rikorrenti

345    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-konvenuta, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tippreżenta ċertu dokumenti relatati mal-konultazzjonijiet bejn is-servizzi bejn id-direttorat ġenerali “Kompetizzjoni” u d-direttorat ġenerali “Suq intern” tal-Kummissjoni rigward il-kumpatibbiltà tar-RES mat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, fil-każ fejn il-konvenuta stess ma tiżvelax din id-dokumentazzjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

346    Fid-dawl ta’ l-inammissibbiltà u għall-inqas, tan-natura ineffettiva tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames motiv (ara l-punti 313 sa 320 iktar’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija suffiċjentement informata dwar l-elementi essenzjali u rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni sabiex tagħti deċiżjoni. Għaldaqstant, hemm lok sabiex it-talba għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

347    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tal-konvenuta u tal-VHI skond it-talbiet ta’ dawn ta’ l-aħħar.

348    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) ta’ l-istess regoli, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk l-Irlanda u l-Olanda bħala intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      British United Provident Association Ltd (BUPA), BUPA Insurance Ltd u BUPA Ireland Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-Voluntary Health Insurance Board.

3)      L-Irlanda u r-Renju ta’ l-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Jaeger

Tiili

Azizi

Cremona

 

       Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Frar 2008.

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


Werrej

Il-kuntest ġuridiku

I – Dispożizzjonijiet tat-Trattat

II – Regolament (KE) Nru 659/1999

III – Direttiva 92/49/KEE

IV – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ importanza ġenerali fl-Ewropa

Il-fatti li wasslu għall-kawża

V – Introduzzjoni ta’ skema li tirrendi r-riskji ekwivalenti fis-suq Irlandiż ta’ l-assigurazzjoni privata kontra l-mard

VI – Kif taħdem ir-RES

A – L-għan tar-RES

B – L-attivazzjoni tal-ħlasijiet RES

C – Metodu ta’ kalkolu tal-ħlasijiet RES

VII – Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

VIII – Fuq l-ammissibbiltà

A – L-argumenti tal-partijiet

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1. Fuq l-amissibbiltà tal-motiv ta’ inammissibbiltà

2. Fuq il-mertu tal-motiv ta’ inammissibbiltà

a) Fuq l-interess individwali tar-rikorrenti

b) Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

IX – Fuq il-mertu

A – Osservazzjoni preliminari

B – Fuq l-ewwel u t-tieni motivi

1. Argumenti tal-partijiet

a) Fuq il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 87(1) KE

i) L-argumenti tar-rikorrenti

1) Osservazzjonijiet ġenerali

2) Fuq l-ewwel kundizzjoni, dwar obbligi SIEĠ reali u ddefiniti b’mod ċar

3) Fuq it-tieni kundizzjoni, relatata mal-parametri oġġettivi u trasparenti għall-kalkolu tal-kumpens

4) Fuq it-tielet kundizzjoni, relatata man-neċessità stretta tal-kumpens

5) Fuq ir-raba’ kundizzjoni, relatata ma’ l-ipparagunar ma’ impriża effiċjenti

ii) L-argumenti tal-konvenuta

iii) L-argumenti ta’ l-Irlanda u tal-VHI

iv) L-argumenti tar-Renju ta’ l-Olanda

b) Fuq il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 86(2) KE.

i) L-argumenti tar-rikorrenti

1) Osservazzjoni preliminari

2) Fuq in-nuqqas ta’ obbligi SIEĠ

3) Fuq in-nuqqas ta’ att li jattribwixxi funzjoni SIEĠ

4) Fuq in-nuqqas ta’ neċessità u ta’ natura proporzjonata tar-RES

Fuq in-nuqqas ta’ natura proporzjonali tar-RES

5) Fuq l-impatt fuq l-iżvilupp tal-kummerċ

ii) L-argumenti tal-konvenuta

1) Osservazzjonijiet preliminari

2) Fuq il-kompetenza sabiex tiddefinixxi obbligi SIEĠ

3) Fuq il-kwalifikazzjoni ta’ l-obbligi APKM bħala obbligi SIEĠ

4) Fuq l-impożizzjoni ta’ obbligi SIEĠ fuq l-assiguraturi APKM

5) Fuq in-neċessità tar-RES

6) Fuq in-natura proporzjonata tar-RES

iii) L-argumenti ta’ l-Irlanda u tar-Renju ta’ l-Olanda

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a) Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-argumenti ta’ l-Irlanda u tal-VHI rigward l-ewwel motiv

b) Fuq l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Altmark

c) Fuq l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ fis-sens ta’ l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark u ta’ l-Artikolu 86(2) KE

i) Osservazzjoni preliminari

ii) Fuq il-kunċett ta’ funzjoni SIEĠ u fuq is-setgħat ta’ definizzjoni u ta’ stħarriġ tas-SIEĠ

iii) Fuq l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ fil-każ in kwistjoni

1) Fuq kif għandu jinqasam l-oneru tal-prova

2) Fuq l-identità u fuq in-natura tal-funzjoni SIEĠ in kwistjoni

3) Fuq id-distinzjoni bejn ir-regolamentazzjoni ta’ l-attività ta’ l-operaturi u l-eżistenza ta’ funzjoni SIEĠ attribwita permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika.

4) Fuq in-natura universali u obbligatorja tas-servizzi li jirriżultaw mill-funzjoni SIEĠ

Ġeneralitajiet

Applikazzjoni għall-każ in kwistjoni

d) Fuq l-eżistenza ta’ parametri kjarament iddefiniti għall-kalkolu tal-kumpens skond r-RES fis-sens tat-tieni kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark

i) Osservazzjonijiet preliminarji

ii) Fuq in-natura oġġettiva u trasparenti tal-kriterji li jirregolaw il-kalkolu tal-kumpens fir-rigward tar-RES.

e) Fuq in-neċessità u n-natura proporzjonata tal-kumpens previst mir-RES fis-sens tat-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark

i) Fuq il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjaru

ii) Fuq in-neċessità u n-natura proporzjonata tal-kumpens mogħti permezz tal-ħlasijiet RES

1) Osservazzjonijiet preliminari

2) Fuq ir-relazzjoni bejn ir-RES u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi APKM

f) Fuq il-paragun ma’ operatur effiċjenti fis-sens tar-raba’ kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark

g) Fuq in-neċessità u n-natura proporzjonata tar-RES fis-sens ta’ l-Artikolu 86(2) KE

i) Osservazzjoni preliminari

ii) Fuq in-neċessità ta’ l-introduzzjoni tar-RES innifisha

1) Osservazzjonijiet ġenerali

2) Is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ l-istħarriġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza

3) Fuq il-preżenza ta’ selezzjoni tar-riskji fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM

Osservazzjoni preliminari

Fuq is-selezzjoni attiva tar-riskji

– Fuq il-premessi ekonomiċi ġenerali

– Fuq is-sitwazzjoni fis-suq Irlandiż ta’ l-APKM

4) Fuq in-natura approprjata tar-RES sabiex tinsab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ekwilibriji jew għall-instabbiltà tas-suq ta’ l-APKM

iii) Fuq in-natura proporzjonata tar-RES innifisha

iv) Fuq l-effett fuq il-kummerċ li huwa tali li jmur kontra l-interess tal-Komunità

C – Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D – Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E – Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 253 KE

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F – Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

1. L-argumenti tar-rikorrenti

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.