Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2014 – U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-17/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Union pour l’Unité (U4U) (Brussell, il-Belġju); Unité & Solidarité – Hors Union (USHU) (Brussell); Regroupement Syndical (RS) (Saint Josse-ten-Noode, il-Belġju); u Georges Vlandas (Brussell) (rappreżentant: F. Krenc, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla r-Regolament Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan

1) jemenda l-Anness X ta’ dawn ir-regolamenti (Artikolu 1, Nru 70);

2) jemenda l-Artikolu 45 ta’ dawn ir-regolamenti u l-Anness I, u jżid it-Taqsima 5 fl-Anness XIII (Artikolu 1, Nru 27, Nru 61 u Nru 73(k)).

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel tliet motivi jirrigwardaw l-emenda tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal”).

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 12, 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”) u tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem “il-KEDB”), b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-riforma tal-Anness X.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 12, 27 u 28 tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-KEDB minħabba l-assenza ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni reali u adegwati mas-sindakati, mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal fir-rigward tar-riforma tal-Anness X.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ leġiżlazzjoni tajba u b’mod partikolari tad-dmir ta’ reqqa u tad-dmir ta’ motivazzjoni.

L-aħħar tliet motivi jirrigwardaw l-emenda tal-Artikolu 45 u tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll iż-żieda tat-Taqsima 5 fl-Anness XIII tal-imsemmija regolamenti.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 12, 27 u 28 tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-KEDB, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-riforma tal-karrieri AD.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 12, 27 u 28 tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-KEDB minħabba l-assenza ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni reali u adegwati mas-sindakati, mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal fir-rigward tar-riforma tal-karrieri AD.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ leġiżlazzjoni tajba u b’mod partikolari tad-dmir ta’ reqqa u tad-dmir ta’ motivazzjoni.