Language of document : ECLI:EU:T:2016:489





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016 –
U4U et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill

(Kawża T‑17/14)

“Dispożizzjonijiet partikolari u derogi applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Karriera ta’ uffiċjali li għandhom il-grad ta’ amministratur – Emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Irregolaritajiet matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti – Nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u mal-organizzazzjonijiet sindakali”

1.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal – Rikors ippreżentat mill-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali – Ksur allegat tal-proċedura ta’ konsultazzjoni – Ammissibbiltà (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 76, 88-90)

2.                     Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura għall-adozzjoni – Konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal – Konsultazzjoni mill-ġdid fil-każ ta’ bidla sostanzjali fil-proposta inizjali – Portata tal-obbligu (Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10) (ara l-punti 129, 130, 135, 138, 140)

3.                     Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura għall-adozzjoni – Applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni – Rifjut tal-Parlament li jipparteċipa fl-imsemmija proċedura – Ksur tad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema – Assenza (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 27) (ara l-punti 144-146, 148, 149)

4.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata (Artikolu 296 TFUE) (ara l-punt 181)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(27), (61), (70) u (73)(k), tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jemendaw l-Artikolu 45 u l-Annessi I, X u XIII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, annessi għar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

L-Union pour l’Unité (U4U), l-Unité & solidarité – Hors Union (USHU), ir-Regroupement Syndical (RS) u Georges Vlandas huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.