Language of document : ECLI:EU:T:2010:235





SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

15 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja – Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta – Raġuni assoluta għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑547/08,

X Technology Swiss GmbH, stabbilita f’Wollerau (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. Herbertz u R. Jung, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn C. Jenewein u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal‑Appell tal-UASI tas-6 ta’ Ottubru 2008 (Każ R 846/2008‑4), li tirrigwarda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal li jikkonsisti fl-għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2009,

wara li rat il-kontroreplika ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju 2009,

wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti X Technology Swiss GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li ġiet identifikata mir‑rikorrenti bħala “Trade mark oħra − Trade mark ta’ pożizzjoni” li għandha l-kulur “oranġjo (Pantone 16-1359 TPX)”, hija rriprodotta hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil‑klassi 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni segwenti: “Ilbies, jiġifieri xogħol tal-maljerija għas-saqajn, kalzetti, u kalzetti twal tan-nisa”.

4        Ma l-applikazzjoni għal trade mark kien hemm id-deskrizzjoni segwenti:

“It-trade mark ta’ pożizzjoni hija kkaratterizzata mill-għoti tal-kulur oranġjo, lewn ‘Pantone 16-1359 TPX’, fil-forma ta’ barnuża li tgħatti l-ponta ta’ kull oġġett tas‑saqajn magħmul mill-maljerija. Din ma tgħattix il-ponot kompletament; din għandha limitu li, kif jidher minn quddiem u mill‑ġenb, jidher sostanzjalment orizzontali. It-trade mark dejjem tidher f’kuntrast qawwi ta’ kulur meta mqabbla mal-bqija tal-oġġett tas-saqajn magħmul mill-maljerija u tinsab dejjem fl-istess post.”

5        Fl-24 ta’ April 2008, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark minħabba li din ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009]. Fit-30 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l‑UASI mid‑deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l‑appell.

7        L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-deskrizzjoni tat-trade mark mitluba kienet inammissibbli peress li din kienet tirreferi għall-kuntrast bejn il‑kulur tal-ponta u l-kulur tal-bqija tal-kalzetta. Fil-fatt, din id‑deskrizzjoni ma hijiex preċiża biżżejjed, peress li ma tidentifikax il‑kuluri kollha tat-trade mark. Il-Bord tal-Appell żied li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx tinkludi l-kategorija tat-“trade marks ta’ pożizzjoni”. Konsegwentement, huwa kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet trade mark tridimensjonali jew figurattiva li tirriproduċi fedelment il-prodott, li tikkonsisti fl-għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta bajda.

8        Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma indirizzati għal kull konsumatur finali, peress li dawn huma prodotti ta’ użu komuni li jaqgħu l-iktar fil-kategorija tal‑prezz baxx. Skont il-Bord tal-Appell, il-pubbliku rilevanti jagħti biss attenzjoni żgħira lil tali prodotti.

9        Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala preżentazzjoni tal‑prodott iddettata minn aspetti estetiċi jew funzjonali. Huwa rrefera, f’dan ir‑rigward, l-ewwel nett, għall-eżistenza ta’ numru kbir ta’ disinni ta’ kalzetti, it‑tieni nett, għan-natura abitwali tal-għoti ta’ kulur lil ċerti partijiet tagħhom, inkluż l-oranġjo, it-tielet nett, għall-fatt li l-għoti ta’ kulur lill-ponta seta’ jindika l‑preżenza ta’ element funzjonali, jiġifieri tisħiħ, u, ir-raba’ nett, għall-fatt li l‑pubbliku rilevanti ma kienx abitwat jipperċepixxi l-għoti ta’ kulur lill-ponta ta’ kalzetta bħala indikatur ta’ oriġini. Konsegwentement, skont il-Bord tal-Appell, it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx ta’ karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Ir-rikorrenti tqajjem motiv , ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94. Il-motiv għandu żewġ partijiet, ibbażati, l‑ewwel waħda, fuq żball dwar il-kwalifika tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, u, it-tieni waħda, fuq żball ta’ evalwazzjoni rigward il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

13      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar‑rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq żball dwar il-kwalifika tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti ssostni li t-“trade marks ta’ pożizzjoni” jikkostitwixxu kategorija ta’ trade marks speċifika, għalkemm dan ma huwiex espressament previst mil‑leġiżlazzjoni. Fil-fatt, “trade mark ta’ pożizzjoni” għandha l-għan li tipproteġi sinjal bidimensjonali jew tridimensjonali mqiegħed, b’mod determinat bi preċiżjoni, fuq il-wiċċ ta’ prodott jew fuq parti minnu. Il-protezzjoni mogħtija lil “trade mark ta’ pożizzjoni” tirrigwarda biss l-użu konkret tagħha fuq il-prodotti kkonċernati.

15      Ir-rikorrenti tikkunsidra, konsegwentement, li l-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tirrigwardax il-forma tal-kalzetta jew il-karatteristiċi l-oħra tagħha, iżda tirrigwarda t-tqegħid ta’ sinjal speċifiku, li jikkonsisti fl-għoti ta’ kulur ta’ lewn speċifiku, lil parti preċiża tal-wiċċ tagħha.

16      Ir-rikorrenti żżid li, f’diversi deċiżjonijiet preċedenti, l-UASI rrikonoxxa l‑kapaċità tat-“trade marks ta’ pożizzjoni” li jiġu rreġistrati bħala trade marks.

17      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

18      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, kemm fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, ikkonfermat li l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni kienet tikkonċerna biss l-għoti tal-kulur “oranġjo (Pantone 16‑1359 TPX)” lill-ponta ta’ oġġett magħmul minn xogħol tal-maljerija għas‑saqajn, kif riprodott fil-punt 2 hawn fuq, bl-esklużjoni ta’ partijiet oħra tal‑prodott ikkonċernat. Hija tikkwalifika t-trade mark hekk definita bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”.

19      Dwar din il-kwalifika, għandu jiġi osservat li la r-Regolament Nru 40/94 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), ma jsemmu t-“trade marks ta’ pożizzjoni” bħala kategorija speċifika ta’ trade marks. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009) ma fihx lista eżawrjenti tas-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, dan il-fatt huwa irrilevanti għall-karattru reġistrabbli ta’ “trade marks ta’ pożizzjoni”.

20      Barra minn hekk, jidher li t-“trade marks ta’ pożizzjoni” huma simili għal kategoriji ta’ trade marks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn ikopru l‑applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq il-wiċċ ta’ prodott.

21      Madankollu, il-kwalifika ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni” bħala trade mark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trade marks hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha.

22      Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

23      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis‑sens ta’ dan l-artikolu jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C‑473/01 P u C‑474/01 P, Ġabra p. I‑5173, punt 32, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C‑64/02 P, Ġabra p. I‑10031, punt 42).

24      Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l‑oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il-karattru distintiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 25).

25      Issa, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tista’ tkun influwenzata minn natura tas‑sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. B’hekk, sa fejn il‑konsumaturi medji ma għandhomx l‑abitudni jassumu l-oriġini kummerċjali tal‑prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq sinjali li huma konfużi mad-dehra ta’ dawn l-istess prodotti, tali sinjali huma distintivi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 biss jekk dawn jitbiegħdu b’mod sinjifikattiv, minn normi jew mill-użanzi tal-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punti 30 u 31; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi‑Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punti 28 u 31, u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C‑144/06 P, Ġabra p. I‑8109, punti 36 u 37).

26      L-element determinanti għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 25 hawn fuq ma huwiex il-kwalifika tas-sinjal inkwistjoni bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor, iżda l-fatt li dan ikun konfuż mad-dehra tal-prodott indikat. B’hekk, barra għat-trade marks tridimensjonali (sentenzi Procter & Gamble vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq; Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, u Deutsche SiSi‑Werke vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq), dan il-kriterju ġie applikat għal trade marks figurattivi li jikkonsistu f’riproduzzjoni bidimensjonali tal-prodott indikat (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, iċċitata iktar ’il fuq, u Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq), jew ukoll għal sinjal ikkostitwit minn disinn li jinsab fuq il-wiċċ tal-prodott (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2004, Glaverbel vs UASI, C‑445/02 P, Ġabra p. I‑6267). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tikkunsidra li l-kuluri u l-kombinazzjonijiet astratti tagħhom jistgħu jkollhom karattru intrinsikament distintiv biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li dawn jiġu konfużi mad-dehra tal-prodotti indikati, u li dawn ma humiex, fil-prinċipju, użati bħala mezzi ta’ identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punti 65 u 66, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, Ġabra p. I‑6129, punt 39).

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tiġix konfuża mad-dehra tal-prodott indikat jew jekk, għall‑kuntrarju, din hijiex indipendenti.

28      Issa, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija intiża għall-protezzjoni ta’ sinjal speċifiku mqiegħed fuq parti speċifika tal-wiċċ tal-prodott indikat. B’hekk, it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma tistax tiġi sseparata mill-forma ta’ parti ta’ dan il-prodott, jiġifieri mill-forma tal‑ponta ta’ oġġett magħmul minn xogħol tal-maljerija għas‑saqajn, Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija konfuża mad-dehra tal-prodott indikat u li, konsegwentement, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 hawn fuq hija applikabbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs UASI (Arranġamenti ġeomteriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal‑idejn), T‑152/07, Ġabra p. II‑144, punti 74 sa 83].

29      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar id-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI, għandu jitfakkar li l-legalità tad‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn tal-aħħar (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 66). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid‑deċiżjonijiet iċċitati mir-rikorrenti, il-Bordijiet tal‑Appell tal-UASI applikaw fir-rigward tat-trade marks ikkonċernati l‑ġurisprudenza dwar is-sinjali li huma konfużi mad-dehra tal-prodotti li huma jindikaw.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal‑Appell ma wettaqx żball meta applika din l-istess ġurisprudenza fid-deċiżjoni kkontestata għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni rigward il‑karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti inkwistjoni ma humiex prodotti rħas, peress li hija tipproduċi kalzetti imsejħa “tekniċi” jew “funzjonali”, li jinsabu fil-kategorija tal‑prezz għoli, jiġifieri bejn EUR 10 u EUR 20. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti jagħti biss attenzjoni żgħira għax-xiri ta’ dawn il-prodotti, speċjalment meta ġie aċċettat mill-ġurisprudenza li dan l-istess pubbliku jagħti attenzjoni partikolari għat-trade marks tal-ilbies.

32      Fir-rigward tal-perċezzjoni mill-pubbliku rilevanti tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, ir-rikorrenti tindika, l-ewwel nett, li, skont il‑ġurisprudenza, is‑sempliċi fatt li sinjal huwa pperċepit ukoll, iżda mhux esklużivament, bħala element dekorattiv ma jostakolax il‑protezzjoni tiegħu bħala trade mark.

33      Ir-rikorrenti żżid li, għalkemm il-qasam tax-xogħol tal-maljerija għas-saqajn huwa kkaratterizzat minn varjetà kbira ta’ disinni u ta’ kuluri, dan ma huwiex il-każ f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ kulur lill-ponot tal-kalzetti “tekniċi” jew “funzjonali” inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ varjetà ta’ disinni jew ta’ kuluri ma tistax tostakola r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, peress li l‑iżvilupp kostanti fid-dinja tal-moda jkun jimplika r‑rifjut ta’ prattikament it-trade marks il-ġodda kollha.

34      Barra minn hekk, bħal fis-suq taż-żraben, il-pubbliku kkonċernat huwa abitwat li l-oriġini kummerċjali tal-kalzetti “tekniċi” tkun indikata permezz ta’ element figurattiv speċifiku, li jikkonsisti f’linji, fi strixxi, jew f’forom ġeometriċi viżibbli mqegħda fuq il-prodott, jew fl-għoti ta’ kulur lil ċerti partijiet tiegħu. Hija tispeċifika, f’dan ir-rigward, li r-riferiment għall-prodotti ta’ impriża oħra li tikkumerċjalizza wkoll kalzetti bil-ponta kkulurita, li hija għamlet quddiem l‑UASI, kien intiż biss sabiex jistabbilixxi dan il-fatt.

35      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-pubbliku rilevanti ma huwiex abitwat għall-forma tal-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati msemmija fil-punt 34 hawn fuq, it-tqegħid ta’ trade mark fuq parti tal-prodott li ma kinitx ġiet użata għal dak il-għan qabel ikun, fil-prinċipju, adatt biex jindika l-oriġini kummerċjali. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tenfasizza li, fil‑qasam tal-oġġetti tal-isport, il-manifatturi huma abitwati jqegħdu t-trade marks f’diversi postijiet.

36      Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell barra minn hekk naqas milli jeżamina l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tirreferi għal lewn ta’ kulur iddefinit bi preċiżjoni; dan il-fatt huwa rilevanti kif jirriżulta minn deċiżjoni preċedenti tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI. Ir‑rikorrenti tenfasizza, f’dan il‑kuntest, li hija apparentement l-ewwel impriża li użat il-lewn ikkonċernat biex tagħti kulur lil kalzetti, u li din il-karatteristika, b’mod partikolari, ippermettietilha tkun waħda mill-ewlenin fis-suq tal-kalzetti tekniċi ta’ kwalità għolja.

37      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tispeċifika li l-post, il-forma u kulur tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex imposti minn restrizzjonijiet tekniċi jew funzjonali. F’dan ir-rigward, l-iżviluppi tal-Bord tal-Appell dwar l-użu kbir tal‑ponta tal-kalzetti huma illoġiċi.

38      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet għal darba oħra li r-riskju li sinjal ikun immedjatament is-suġġett ta’ ffalsifikar irendi impossibbli l-użu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009). Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, hemm lok li tiġi aċċettata r-reġistrazzjoni stess ta’ forom ġodda ta’ trade marks.

39      L-UASI tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

40      Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil‑kuntest tat‑tieni parti tal-motiv tagħha fir-rigward tal-prinċipji spjegati fil-punti 22 sa 25 hawn fuq.

41      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-partijiet ma jikkontestawx, kif il-Bord tal‑Appell ġustament ikkunsidra fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑pubbliku rilevanti huwa magħmul mill-konsumaturi finali kollha.

42      Rigward il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi osservat li, meta jeżamina l-karattru reġistrabbli ta’ trade mark, l-UASI jista jieħu inkunsiderazzjoni biss il-lista ta’ prodotti kif tirriżulta mill-applikazzjoni għat‑trade mark ikkonċernata, bla ħsara għal tibdil eventwali tal-istess applikazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ April 2005, Gillette vs UASI – Wilkinson Sword (RIGHT GUARD XTREME sport), T‑286/03, Ġabra p. II‑8, punt 33). Issa, f’dan il‑każ, il-lista ta’ prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tirreferi għall-“ilbies, jiġifieri xogħol tal-maljerija għas-saqajn, kalzetti, u kalzetti twali tan-nisa”, mingħajr iktar spjegazzjoni. Konsegwentement, l-argumenti tar‑rikorrenti dwar il-karattru “tekniku” jew “funzjonali” tal-prodotti tagħha u dwar il-fatt li l-prezz tal-bejgħ ta’ tali oġġetti huwa ogħla huma irrilevanti.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil‑punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata li, sa fejn il-kalzetti huma oġġetti ta’ konsum komuni li jaqgħu iktar fil-kategorija tal-prezz baxx, il-pubbliku rilevanti jagħtihom biss attenzjoni żgħira, huwa bbaża l-analiżi tiegħu fuq fatti li jirriżultaw mill‑esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum ġenerali; fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd u li huma b’mod partikolari magħrufa mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti. Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-Bord tal-Appell ibbażata fuq din l‑esperjenza, hija l-istess rikorrenti li għandha tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ta’ karattru distintiv, peress li hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan, fid-dawl tal-konoxxenza ddettaljata tagħha tas-suq (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, Ġabra p. II‑811, punti 19 u 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega biss li huwa aċċettat mill‑ġurisprudenza li l‑pubbliku rilevanti huwa partikolarment attent għat-trade marks tal-ilbies. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma tissostanzjax din l-allegazzjoni, li hija essenzjalment ta’ natura fattwali. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi aċċettat li l‑konsumatur ikun normalment attent fl-għażla ta’ ċerti oġġetti ta’ ilbies kif ukoll ta’ ċerti żraben, peress li jkun jixtieq jivverifika qabel ma jixtri jekk il-prodott propost jissodisfax l-aspettattivi tiegħu, kemm mil-lat funzjonali kif ukoll mil-lat estetiku. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex applikabbli għall-oġġetti magħmula minn xogħol tal-maljerija għas-saqajn, li normalment ma jkunux ippruvati qabel ma jinxtraw.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l‑livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien pjuttost baxx..

46      Fir-rigward tal-perċezzjoni mill-pubbliku rilevanti tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, il-Bord tal-Appell iddikjara li l-għoti ta’ kulur lill-ponta ta’ oġġett magħmul minn xogħol tal-maljerija għas-saqajn ikun ipperċepit jew bħala element dekorattiv, jew bħala element funzjonali marbut mat-tisħiħ tal-ponta. L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal‑perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala element dekorattiv.

47      F’dan ir-rigward, l-argument rilevanti tal-Bord tal-Appell, żviluppat fil-punti 25 sa 27 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata u riprodott fil-qosor fil-punt 9 iktar ’il fuq, kien ibbażat fuq l-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum wiesa’, li jimplika li hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi indikazzjonijiet speċifiċi u sostanzjati li jikkontestaw il-fondatezza tal‑konstatazzjonijiet ikkonċernati.

48      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ varjetà ta’ disinni fir-rigward tal-għoti ta’ kulur lill-ponot tal-kalzetti msejħa “tekniċi” jew “funzjonali”. Issa, kif ġie spjegat fil-punt 42 hawn fuq, ir-rikorrenti b’mod żbaljat tillimita ruħha għal dawn il-kategoriji ta’ prodotti, peress li l-lista ta’ prodotti li għalihom intalbet ir‑reġistrazzjoni tinkludi x-xogħol tal-maljerija għas-saqajn b’mod ġenerali. Barra minn hekk, l‑allegazzjoni tagħha ma hija ssostanzjata b’ebda mod.

49      L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-iżvilupp kostanti tal-moda, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. Fil-fatt, trade marks ġodda li jindikaw prodotti li huma suġġetti għat-tendenzi fil-moda jistgħu dejjem jiġu rreġistrati, sakemm ikunu dejjem kapaċi jissodisfaw il-funzjoni essenzjali tagħhom, li huwa li tiġi identifikata l‑oriġini kummerċjali tal-prodotti. Madankollu, meta sinjal ma jkunx jista’ jeżerċita din il-funzjoni dan ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark, minkejja l‑fatt li ħafna sinjali simili jeżistu jew jinħolqu kontinwament fil-qasam tal‑industrija kkonċernat.

50      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaqx provi konkreti insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-konsumatur ikkonċernat huwa abitwat jipperċepixxi l-għoti ta’ kulur lill-ponta ta’ kalzetta bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali

51      Dwar, f’dan ir-rigward, ir-riferiment għall-qasam taż-żraben tal-isport, għandu jiġi osservat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tidhirx bħala linja, strixxa jew forma ġeometrika preċiża mqegħda fuq il-prodott, iżda bħala sempliċi għoti ta’ kulur lill-parti tal-wiċċ tiegħu. Issa, ir‑rikorrenti ma tipproduċix provi li jissuġġerixxu li l-għoti ta’ kulur lil ċerti partijiet ta’ żarbuna huwa abitwalment ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali.

52      Ir-rikorrenti tallega wkoll li, b’mod partikolari fil-qasam tal-oġġetti tal‑isport, il‑manifatturi huma abitwati jqegħdu t-trade marks f’diversi postijiet. Għalkemm ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova konkreta f’dan is-sens, għandu jiġi aċċettat li, fi kwalunkwe każ, huwa pjuttost komuni li t-trade marks tal-manifatturi jitqegħdu fuq il-kalzetti, speċjalment fuq il-kalzetti tal-isport. Għalkemm, ħafna drabi, dawn it-trade marks jinsabu fil-livell tal-għaksa, huwa possibbli wkoll li dawn jitqiegħdu fil-livell tas-sieq jew ukoll fil-parti ta’ fuq tal-ponta. Madankollu, tali trade marks ma humiex sempliċi għoti ta’ kuluri, iżda elementi verbali u figurattivi, f’qagħda aħjar biex jindikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

53      Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-kalzetti, ikkummerċjalizzati minn kompetitur, li għandhom ponta ta’ kulur id-deheb. Issa, ir‑rikorrenti ma pproduċiet ebda provi konkreti li jissuġġerixxu li l-imsemmi kulur kien intrinsikament adatt li jindika l‑oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati, irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni oħra relatata mal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu. Barra minn hekk, għalkemm jidher li l-kompetitur inkwistjoni effettivament kiseb ir‑reġistrazzjoni ta’ trade mark li tirrappreżenta kalzetta b’ponta kulur id-deheb u intiża, b’mod partikolari, għax-xogħol tal-maljerija għas-saqajn, din it-trade mark ma tistax titqabbel mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li din tinkludi, barra l-imsemmija rappreżentazzjoni, l-element verbali “gold toe”.

54      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet lewn ta’ kulur preċiż. Fil-fatt, fil-punti 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal‑Appell fakkar il‑ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, dwar il‑kapaċità limitata tal-kuluri u tal-kombinazzjonijiet tagħhom li jidentifikaw l‑oriġini kummerċjali ta’ prodotti. Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-kulur oranġjo li għalih saret l-applikazzjoni kien komuni fil-qasam tax-xogħol tal-maljerija għas-saqajn, mill-inqas meta kien ikkombinat ma’ kuluri oħra ta’ kalzetta.

55      Rigward ir-rilevanza tal-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tkopri kulur preċiż, ir-rikorrenti tirreferi għad-deċiżjoni tal‑Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-18 ta’April 2007 (Każ R 781/2006‑1), dwar trade mark magħmula minn tebgħa applikata fuq il-wiċċ ta’ siringa. Issa, kif ġie osservat fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell hija irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, kemm is-sinjali, kif ukoll il-prodotti inkwistjoni fiż-żewġ każijiet għandhom ftit punti komuni. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni invokata mir‑rikorrenti, l-Ewwel Bord tal-Appell illimita ruħu li jevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ u bl-ebda mod ma kkunsidra li t-talba ta’ kwalunkwe kulur tagħti karattru distintiv lil “trade mark ta’ pożizzjoni”.

56      L-allegazzjonijiet li r-rikorrenti kienet l-ewwel kumpannija li użat il-lewn ta’ kulur li għalih saret l-applikazzjoni għal kalzetti, li kien jippermettillha ssir kumpannija prinċipali fis‑suq, ma ġewx issostanzjati. B’mod partikolari, ma hemm ebda prova li tissuġġerixxi li s-suċċess kummerċjali eventwali tar-rikorrenti huwa dovut għall‑fatt li l-għoti tal-kulur oranġjo lill-ponot tal-kalzetti li hija tipproduċi ġie pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala intrinsikament distintiv.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti, dwar il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni bħala element dekorattiv, ma jista’ jintlaqa’.

58      Għandu jiġi rrilevat ukoll, b’risposta għall-argument imqajjem mir‑rikorrenti waqt is-seduta, li r-riskju li element ta’ preżentazzjoni ta’ prodott jew servizz ikun ikkupjat minn kompetitur huwa bla ħsara għall-interpretazzjoni tal‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja hija rriżervata għas-sinjali li intrinsikament jistgħu jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas‑servizzi li huma jindikaw, fil-perċezzjoni tal‑konsumatur ikkonċernat. Il‑kummerċjant li juża, fil-kors tan-negozju, trade mark li ma tissodisfax dan ir‑rekwiżit jista’, jekk ikun il-każ, jistabbilixxi li din it-trade mark kisbet karattru distintiv wara l-użu li huwa għamel minnha, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94, jew juża l-mezzi legali l-oħra eventwalment għad‑dispożizzjoni tiegħu, bħad-dritt tad-disinni jew azzjoni eżerċitata minħabba kompetizzjoni inġusta.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal‑Appell ma wettaqx żball meta kkonstata li, minħabba n‑nuqqas ta’ diverġenza sinjifikattiva min-normi jew mill-abitudnijiet tal-qasam tax-xogħol tal-maljerija għas-saqajn, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija pperċepita mill‑pubbliku rilevanti bħala element dekorattiv u, konsegwentement, ma kinitx ta’ karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tal-motiv, mingħajr il‑ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti dwar il-perċezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala element funzjonali.

60      Peress li ż-żewġ partijiet tal-motiv huma miċħuda, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skont l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal‑UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      X Technology Swiss GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Ġunju 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.