Language of document : ECLI:EU:C:2012:297

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C‑79/11

Procura della Repubblica

vs

Maurizio Giovanardi

Andrea Lastini

Filippo Ricci

Vito Piglionica

Massimiliano Pempori

Gezim Lakja

Elettrifer Srl

Rete Ferroviaria Italiana SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Firenze (l-Italja)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi — Dritt għal kumpens għall-vittmi ta’ reati”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (2) u b’mod partikolari, l-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni.

2.        Il-kwistjoni hija dwar jekk u sa fejn, il-vittma ta’ att kriminali tista’ tirċievi kumpens fir-rigward tad-danni kkawżati minn dan l-att mhux biss mingħand persuna/i fiżika/ċi li wettqu l-att iżda wkoll mingħand persuna ġuridika li, taħt is-sistema legali nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, hija meqjusa li hija responsabbli għat-twettiq tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (UE)

3.        Fil-laqgħa speċjali li nżammet f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 dwar il-ħolqien ta’ żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, inter alia, li jistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. Dawn l-istandards kellhom jinkludu d-dritt tal-vittmi għall-kumpens għad-danni li jiġu kkawżati minn att kriminali (3).

4.        Id-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata sabiex timplementa din ir-riżoluzzjoni (4).

5.        Skont il-premessi 4, 5 u 7 tad-Deċiżjoni Qafas:

“(4)      L-Istati Membri għandhom iqarrbu l-liġijiet u r-regolamenti tagħom safejn ikun hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw l-għola livell ta’ protezzjoni, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu.

(5)      Għandhom jiġu kkunsidrati u indirizzati l-bżonnijiet tal-vittmi b’mod komprensiv u kordinat, billi jiġu evitati soluzzjonijiet parzjali jew inkonsistenti li jistgħu jikkawżaw vittimizzazzjoni sekondarja.

[...]

(7)      Il-miżuri li jassistu l-vittmi tal-kriminalità, u b’mod partikolari d-disposizzjonijiet rigward il-kumpens u l-medjazzjoni ma’ jikkonċernawx l-arranġamenti taħt il-proċedura ċivili”.

6.        L-Artikolu 1 fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

“a) ‘vittma’ għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni [...] kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi [li jiksru l-liġi] kriminali ta’ Stat Membru;

[...]

(ċ) ‘proċeduri kriminali’ għandha tinftiehem b’mod konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli.

[...]”

7.        Ma hemm ebda definizzjoni ta’ “ħati”.

8.        L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas (li għandu t-titolu “Id-dritt ta’ kumpens matul il-proċeduri kriminali”) jipprovdi li:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi ta’ azzjonijiet kriminali ikunu intitolati li jiksbu deċiżjoni f’limiti ta’ ħin limitat [fi żmien raġonevoli] fuq il-kumpens mill-ħati matul il-proċeduri kriminali, ħlief fejn, f’ċerti każi, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal kumpens b’mod ieħor”.

 Id-dritt nazzjonali

9.        L-Artikolu 185 tal-Codice Penale Taljan (il-Kodiċi Kriminali) jipprovdi li persuni li jwettqu ksur għandhom jikkumpensaw lill-vittma għal kull dannu kkawżat lilha b’riżultat tal-azzjonijiet tagħhom. Dawn l-azzjonijiet jistgħu wkoll jagħtu lok għall-obbligu li l-persuna jew il-persuni (fiżiċi jew ġuridiċi) li huma responsabbli għall-aġir tal-ħati jħallsu kumpens.

10.      L-Artikolu 74 tal-Codice di Procedura Penale (Kodiċi ta’ proċedura kriminali) jagħti lill-vittma ta’ tali reat id-dritt li tintervjeni bħala parti ċivili fil-proċeduri kontra l-akkużat fi proċeduri kriminali. Jekk tirbaħ, il-vittma tirċievi kumpens mingħand l-akkużat bħallikieku, iżda (fil-parti l-kbira tal-każijiet) qabel milli kieku, fetħet kawża separata kontra l-akkużat fil-qrati ċivili fir-rigward tal-istess dannu.

11.      Sakemm ġie adottat id-Decreto legislativo (id-Digriet leġiżlattiv) Nru 231/2001 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv”), id-dritt Taljan adotta l-prinċipju societas delinquere non potest (5). Għalkemm il-persuni ġuridiċi jistgħu jkunu responsabbli indirettament għall-atti illegali ta’ dawk li għalihom huma responsabbli f’kawża ċivili, huma ma setgħux jiġu mħarrka, bħala tali, għat-twettiq ta’ ksur taħt id-dritt Taljan.

12.      L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jipprovdi li l-persuni ġuridiċi għandhom iġorru r-responsabbiltà, formalment ikkategorizzata bħala responsabbiltà “amministrattiva”, fir-rigward ta’ att illegali. Din id-dispożizzjoni testendi għall-kumpanniji u l-impriżi li għandhom personalità ġuridika u għall-assoċjazzjonijiet, inklużi dawk li ma għandhomx personalità ġuridika. Dan ma japplikax, madankollu, għall-entitajiet Statali jew territorjali, korpi pubbliċi li ma jeżerċitaw ebda funzjoni ekonomika jew għall-korpi li għandhom funzjoni kostituzzjonali (6).

13.      Il-Kapitolu I tad-Digriet Leġiżlattiv huwa maqsum fi tliet taqsimiet. L-ewwel taqsima tinkludi taqsima ġenerali li tistabbilixxi l-kriterji li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex persuna ġuridika tinżamm responsabbli taħt id-digriet. It-tielet taqsima tispeċifika (b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali) il-ksur partikolari li fir-rigward tagħhom persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli.

14.      Għal dak li jirrigwarda l-kriterji applikabbli, l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv jispeċifika l-persuni fiżiċi li, bħala persuni li wettqu att kriminali, jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-persuna ġuridika. Essenzjalment, dawn huma (a) dawk li jaġixxu f’kapaċità eżekuttiva jew maniġerjali u (b) persuni taħt il-kontroll ta’ dawk li jaġixxu f’din il-kapaċità. L-Artikoli 6 u 7 ikomplu jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li fihom ir-responsabbiltà tista’ tiġi imputata lil persuna ġuridika. Meta il-ksur inkwistjoni twettaq minn individwu li jaġixxi f’kapaċità eżekuttiva jew maniġerjali, ikun hemm il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà fuq il-persuna ġuridika. Il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss jekk dik il-persuna ġuridika tkun tista’ turi li hija kienet ħolqot, u effettivament implementat, sistema organizzattiva u maniġerjali kapaċi li tiżgura li l-ksur inkwistjoni ma jitwettqux jew li s-sistema ġiet skorrettement evitata jew abbużata mill-individwu kkonċernat. Għal dak li jirrigwarda individwi li ma jaġixxux f’kapaċità eżekuttiva jew maniġerjali, ma hemm prevista ebda preżunzjoni ta’ responsabbiltà imputabbli lill-persuna ġuridika. Minflok, ikun meħtieġ li jiġi stabbilit li t-twettiq tal-ksur kien possibbli minħabba li ma ġewx applikati l-istandards ta’ direzzjoni u superviżjoni neċessarji.

15.      Bis-saħħa tal-Artikolu 25f tad-Digriet Leġiżlattiv, il-ksur elenkati fit-taqsima speċjali jinkludu l-qtil u l-attakki li jikkawżaw ħsara gravi.

16.      Hemm erba’ dispożizzjonijiet oħra tad-Digriet Leġiżlattiv li għandhom jissemmew. L-Artikolu 8 jipprovdi li r-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika fir-rigward ta’ ksur jista’ jissussisti waħdu, jiġifieri, jista’ jissussisti anki meta l-persuna fiżika li wettqet il-ksur inkwistjoni ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew meta din il-persuna ma tkunx tista’ tiġi akkużata. L-Artikolu 34 jipprovdi li r-regoli proċedurali li japplikaw għal persuna ġuridika li tiġi akkużata skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom ikunu dawk stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv u, jekk ikun il-każ, dawk stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u dawk tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 271/1989 (7). L-Artikolu 35 jipprovdi wkoll li r-regoli proċedurali li jirregolaw lil persuna fiżika akkużata b’att kriminali għandhom japplikaw għal persuna ġuridika li tkun akkużata skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, sa fejn dawn japplikaw. Skont l-Artikolu 36, il-ġurisdizzjoni fuq persuni ġuridiċi akkużati hija tal-qorti kriminali li għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ ksur imwettqa minn persuni fiżiċi.

17.      L-Artikolu 74 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li l-vittma ta’ ksur (jew is-suċċessuri tagħha) tista’ tidħol bħala parti ċivili fil-proċeduri kriminali kontra, inter alia, il-persuna akkużata li wettqet il-ksur u dan sabiex tiġi kkumpensata ta’ kull telf li hija sofriet minħabba l-ksur.

18.      L-Artikolu 83 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi li:

“Persuna li tkun responsabbli taħt id-dritt ċivili għall-atti ta’ persuna akkużata tista’ tiġi mħarrka fi proċeduri kriminali mill-[vittma ta’ tali atti] [...] L-akkużat jista’ jiġi mħarrek fir-rigward tar-responsabbiltà li huwa jista’ jkollu taħt id-dritt ċivili għall-atti tal-koakkużat miegħu f’każ li huwa jiġi liberat jew f’każ li jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-konfront tiegħu”.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

19.      L-inċident seħħ fit-2 ta’ Ottubru 2008 f’post fejn jiltaqgħu l-ferroviji. Dan l-inċident allegatament seħħ minħabba xogħol ħażin (li jammonta għal negliġenża kriminali skont l-Artikoli 41, 113 u 589(II) u (IV) tal-Kodiċi Kriminali Taljan) min-naħa ta’ Giovanardi u erba’ individwi oħra (8). Dawn l-individwi huma s-suġġett ta’ talba għal ħruġ ta’ akkużi mressqa mill-Pubblico Ministero (l-Uffiċċju tal-prosekutur pubbliku) quddiem l-Ufficio del Giudice delle indagini preliminari (l-Uffiċċju tal-Maġistrat inkwerenti) fit-Tribunale di Firenze (Il-Qorti tad-distrett ta’ Firenze) fit-28 ta’ Lulju 2010. L-individwi kkonċernati kienu impjegati tar-Rete Ferroviaria Italiana (iktar ’il quddiem “RFI”), il-kumpannija Statali li topera l-ferroviji. B’riżultat tal-inċident, Marrai miet, Bardelli kellhom jaqtgħulu siequ u Tomberli weġġa’ serjament. Il-vittmi kienu kollha impjegati ta’ RFI.

20.      Id-dokument li bih intalab li jinħarġu l-akkużi kontra l-individwi inkwistjoni jitlob li jiġu akkużati wkoll żewġ persuni ġuridiċi fir-rigward tal-inċident, b’mod partikolari, Elettri Fer s.r.l (iktar ’il quddiem “Elettri Fer”) u RFI. Din l-akkuża hija bbażata, inter alia, fuq l-Artikolu 25f tad-Digriet Leġiżlattiv.

21.      Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, Bardelli u r-rappreżentanti tas-suċċessuri ta’ Marrai (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) talbu biex ikunu jistgħu jintervjenu bħala parti ċivili skont l-Artikoli 74 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Huma qegħdin jitolbu kumpens fir-rigward tad-danni kollha materjali u mhux, li huma sofrew b’riżultat tal-inċident u talbu lill-qorti tar-rinviju tawtorizzahom jintervjenu fil-proċeduri mhux biss kontra l-individwi li allegatament wettqu l-ksur inkwistjoni, imma wkoll kontra Elettri Fer u RFI.

22.      Il-qorti nazzjonali hija mitluba tiddeċiedi fuq eċċezzjoni kontra dan ir-rikors abbażi tal-fatt li d-dritt Taljan ma jippermettix lill-vittmi ta’ reat u r-rappreżentanti tagħhom li jfittxu direttament lill-persuni ġuridiċi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

23.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-kwistjoni mqajma b’din l-eċċezzjoni kienet is-suġġett ta’ ħafna diskussjoni iżda li hija tqis li sallum għadha ma ġietx solvuta. Hija tosserva li taħt id-dritt nazzjonali, ksur imwettaq minn persuna ġuridika jiġi kkategorizzat bħala indirett u sussidjarju u għaldaqstant ma jistax jitqies bħala li huwa deċiżiv, mill-aspett ta’ kawżalità, għat-twettiq tal-ksur inkwistjoni. Wara li kkunsidrat l-argumenti favur u kontra din l-eċċezzjoni, hija tieħu l-pożizzjoni li, għalkemm għad hemm dubji, l-interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali ttendi favur l-argumenti tal-partijiet li ressqu l-eċċezzjoni.

24.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-responsabbiltà amministrattiva tal-[organi]/persuni ġuridiċi msemmija fid-Digriet Leġiżlattiv [...] u l-emendi sussegwenti tiegħu, billi ma tipprovdix ‘espressament’ għall-possibbiltà li dawn jinżammu responsabbli fi proċeduri kriminali għad-danni kkawżati lill-vittmi ta’ reati, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ reati fi proċeduri kriminali [...]?”

25.      Ir-rappreżentanti tas-suċċessuri ta’ Marrai, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tat-15 ta’ Marzu 2012, ir-rappreżentanti tas-suċċessuri ta’ Marrai, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea dehru biex jippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

 Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Id-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 31 u 34(2)(b) UE. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu jagħmlu parti mit-Titolu VI tat-Trattat UE, bit-titolu “Disposizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni”. L-Artikolu 35(1) UE kien jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni, dejjem bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-titolu, li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar, inter alia, l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet qafas stabbiliti taħt dan it-titolu. Il-kundizzjonijiet imsemmija kienu jinkludu, fil-fatt, ir-rekwiżit imniżżel fl-Artikolu 35(2) UE li Stat Membru għandu qabel xejn jiddikjara li aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjonijiet preliminari taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35(1) UE. Ir-Repubblika Taljana għamlet dan permezz ta’ dikjarazzjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999 (9).

27.      Mill-mumemt li ġiet adottata d-Deċiżjoni Qafas, daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona (10).

28.      Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza X (11), l-effett tal-Artikoli 9 u 10(1) tal-Protokoll Nru 36 fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE, huwa li l-effetti legali tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu ppreservati minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat u l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deċiżjonijiet preliminari jibqgħu l-istess (12).

29.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari.

 Id-Direttiva 2004/80

30.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tqajjimx speċifikament il-punt fid-domanda li għamlet, fid-digriet tar-rinviju hija tindika li tixtieq kjarifika mhux biss fuq l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, imma wkoll dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/80 (13) għall-fatti deskritti iktar ’il fuq.

31.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva jagħmilha ċara li d-direttiva tapplika biss fejn ikun twettaq “delitt internazzjonali [intenzjonali] vjolenti” u li jinvolvi element transkonfinali. F’dan il-każ ma ġiex indikat li, jekk twettqu xi reati kriminali, dawn twettqu b’mod intenzjonali. Lanqas ma hemm element transkonfinali. Għaldaqstant, id-direttiva ma tistax tapplika għal kawża preżenti (14) u mhux ser nikkunsidraha ulterjorment.

 Id-domanda preliminari

32.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali humiex kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Huwa ċar li d-dritt nazzjonali jippermetti lil vittma ta’ ksur imwettaq minn persuna fiżika biex tirċievi kumpens mingħand din il-persuna billi tressaq it-talba tagħha għal dak l-għan bħala parti ċivili fi proċeduri kriminali (15). Fejn il-ksur ikun twettaq minn persuna ġuridika, madankollu, il-qorti tar-rinviju tieħu l-pożizzjoni li tali talba hija inammissibbli u l-vittma trid tressaq it-talba tagħha fi proċeduri ċivili li jinbdew speċifikament għal dan l-għan (16). Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-vittma għandha għażla biex tibda tali proċeduri ċivili. Hija tista’ jew tistenna li l-kundanna, jekk ikun il-każ, tal-persuni li wettqu l-ksur inkwistjoni ssir res judicata, perijodu dan li jista’ (tal-inqas jekk ikun hemm appell kontra l-kundanna jew sentenza) jtul għal snin, qabel ma tiftaħ kawża quddiem il-qrati ċivili, kawża li min-naħa tagħha x’aktarx li tieħu iktar snin. Inkella, hija tista’ tibda l-proċeduri ċivili b’mod parallel immedjatament, iżda anki kieku kellha tagħmel dan, iż-żmien involut ikun “twil ħafna” u jkun hemm żieda sinjifikattiva fl-ispejjeż.

33.      Sa fejn il-qorti tar-rinviju, bid-domanda tagħha, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-UE, din ma hijiex kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar din il-kompatibbiltà u tagħti d-deċiżjoni tagħha rigward il-kawża li għandha quddiemha (17). Kif tajjeb tosserva l-Kummissjoni, id-domanda tista’ tiġi rriformulata sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Essenzjalment, id-domanda hija dwar jekk l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas jippermettix li ssir distinzjoni bejn persuni fiżiċi u legali li wettqu ksur f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ vittma li tirċievi kumpens għad-dannu kkawżat b’riżultat ta’ dak ir-ksur fi proċeduri kriminali kontra dawn il-persuni.

34.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija jaqblu dwar il-livell ta’ flessibbiltà li d-Deċiżjoni Qafas tagħti lill-Istati Membri biex jimplementawha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li teżisti f’dan ir-rigward (18). Dan il-punt jista’ jkun partikolarment rilevanti meta l-eżitu jista’ jkun imur kontra r-regoli kostituzzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li xi forma oħra ta’ soluzzjoni ma tkunx (19). Fl-istess ħin, madankollu, wieħed ma jridx jinsa l-punt li d-Deċiżjoni Qafas kienet intiża li timponi obbligi fuq l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-għanijiet li hija riedet tilħaq. Minn dan isegwi li din hija materja fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun kawta. Iżda dan ma jfissirx li din hija materja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tidħol fiha.

35.      Qabel ma nittratta l-kwistjoni tal-mod li bih għandu jiġi interpretat l-Artikolu 9(1), għandu jingħad fil-qosor dak li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx. Dan l-artikolu ma jeżiġix li l-Istati Membri jemendaw id-dritt kriminali sostantiv biex jintroduċu jew jestendu l-kunċett tar-responsabbiltà kriminali għal persuni ġuridiċi (20). Fi kliem ieħor, ma jobbligax lill-Istati Membri biex joħolqu responsabbiltà fejn ma hemmx. Għaldaqstant, Stat Membru li s-sistema legali tiegħu tipprovdi li huma biss il-persuni fiżiċi li jistgħu jiġu kkundannati b’reat kriminali ma jiksirx id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas jekk ma jipprovdix li r-responsabbiltà għandha tapplika wkoll għall-persuni ġuridiċi li jistgħu jitqiesu li għandhom iġorru xi responsabbiltà relatata ma’ dak il-ksur, u biex jitħallas kumpens minn dawk il-persuni ġuridiċi taħt l-Artikolu 9(1). Il-vittma li tkun tixtieq tirċievi kumpens minħabba att illegali li għalih il-persuna ġuridika inkwistjoni hija allegatament responsabbli f’dak l-Istat Membru, ikollha tibda proċeduri ċivili, bil-konsegwenzi kollha li dan jinvolvi taħt is-sistema nazzjonali.

36.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Mill-qari konġunt tad-digriet tar-rinviju, tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tas-sottomissjonijiet orali magħmula waqt is-seduta, nifhem li taħt id-dritt Taljan:

–        il-persuni ġuridiċi jistgħu jkunu responsabbli għat-twettiq ta’ att illegali skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv;

–        l-att illegali li għalih jistgħu jiġu kkundannati l-persuni ġuridiċi huwa kklassifikat bħala ksur amministrattiv: din il-klassifikazzjoni ġiet adottata sabiex jiġu evitati problemi potenzjali li jistgħu jqumu taħt il-Kostituzzjoni Taljana li kieku att imwettaq minn persuna ġuridika kellu jiġi kkategorizzat speċifikament bħala “kriminali”;

–        il-kriterji stabbiliti fit-taqsima ġenerali tad-Digriet Leġiżlattiv, li bihom jiġi definit l-att illegali, huma stabbiliti b’riferiment espress għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali (21);

–        att illegali imwettaq minn persuna ġuridika ma għandux jitqies bħala l-istess att bħal att ekwivalenti imwettaq minn persuna fiżika; tali responsabbiltà għandha tiġi kklassifikata bħala “indiretta u sussidjarja”; biex persuna ġuridika tkun responsabbli, jeħtieġ li jiġi stabbilit li hija għandha ġġorr ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet tal-uffiċjali u/jew tal-impjegati tagħha;

–        minn dan isegwi li persuna ġuridika ma għandhiex titqies bħala “dik li wettqet” direttament il-ksur imwettaq minn persuna fiżika;

–        madankollu, ir-responsabbiltà tal-persuna ġuridika għandha, bħala l-bażi essenzjali tagħha, il-fatt li twettaq att illegali minn persuna fiżika (22); fi kliem ieħor, mingħajr it-twettiq ta’ dak l-att (kriminali), ma jista’ jkun hemm ebda responsabbiltà min-naħa tal-persuna ġuridika kkonċernata.

–        il-proċeduri kontra persuna ġuridika jittieħdu quddiem il-qrati kriminali, huma suġġetti għad-dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u jingħaqdu mal-proċeduri kriminali miġjuba kontra l-persuna/i li allegatament wettqu l-att illegali inkwistjoni (23).

37.      Filwaqt li d-dritt Taljan ma jippermettix li vittma tikseb kumpens għad-danni mingħand persuna ġuridika fi proċeduri kriminali billi tintervjeni bħala parti ċivili f’dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 74 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jidher li l-istess riżultat jista’ jinkiseb b’mod ieħor. F’sentenza mogħtija f’Ottubru 2010, is-Sitt Awla Kriminali tal-Corte Suprema di Cassazione ddeċidiet li:

“[...] taħt il-proċedura stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv, is-sitwazzjoni tal-vittma hija garantita dejjem, peress li mhux biss tista’ tieħu azzjoni immedjata biex tipproteġi l-interessi tagħha billi tiftaħ proċeduri ċivili, iżda tista’ wkoll tħarrek persuna ġuridika f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ċivili tagħha skont l-Artikolu 83 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali fil-proċeduri biex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà kriminali ta’ min iwettaq att illegali imwettaq fl-interess u għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika u tista’ — b’mod ġenerali — tagħmel dan fl-istess proċeduri mibdija biex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-persuna ġuridika” (24).

38.      Naturalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan jirrifletti sew il-pożizzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

39.      Ir-regoli kif iddeskrivejthom iktar ’il fuq huma kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas?

40.      L-Artikolu 9(1) jipproteġi lill-vittmi ta’ atti kriminali billi jobbliga lill-Istati Membri joħolqu strutturi biex jikkumpensaw lil dawk il-vittmi fi żmien raġonevoli permezz tal-proċeduri kriminali. Bil-fatt li t-talbiet tagħhom jiġu solvuti b’dan il-mod, il-vittmi għandhom, kif tenfasizza l-Kummissjoni, jibbenefikaw minn proċedura li tkun kemm iktar mgħaġġla kif ukoll irħas milli kieku huma kellhom iressqu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċeduri ċivili separati.

41.      Id-dispożizzjoni hija maqsuma f’żewġ partijiet: Permezz tal-ewwel parti, hija tistabbilixxi r-regola ġenerali li l-Istati Membri għandhom obbligu li jiżguraw li l-vittmi ta’ azzjonijiet kriminali jkunu intitolati li jiksbu deċiżjoni fuq il-kumpens, fi żmien raġonevoli, mill-ħati matul il-proċeduri kriminali. It-tieni parti hija eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali. Hija tapplika fejn, “f’ċerti każi”, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal kumpens b’mod ieħor.

42.      Ser nittratta issa r-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel parti tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas qabel ma ngħaddi għall-eċċezzjoni stabbilita fit-tieni parti.

 Ir-regola ġenerali

43.      X’inhuma l-kundizzjonijiet essenzjali li taħthom l-Artikolu 9(1) jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li deċiżjoni fuq kumpens lill-vittma għal dannu sofrut b’riżultat ta’ reat kriminali tittieħed fi żmien raġonevoli? L-ewwel nett, irid ikun hemm att kriminali. It-tieni nett, irid ikun possibbli taħt is-sistema legali tal-Istat Membru inkwistjoni li jitressqu proċeduri kriminali kontra l-akkużat fir-rigward ta’ dak l-att. It-tielet nett, irid ikun hemm proċeduri kriminali.

44.      Jekk nieħdu eżempju sempliċi, l-applikazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet hija ċara. Ejja nieħdu l-eżempju li, fi Stat Membru partikolari, is-sewqan traskurat min-naħa ta’ “X” matul l-impjieg tiegħu ma’ “Y” (persuna ġuridika) iwassal għal inċident li jikkawża dannu lil vittma waħda jew iktar. Dan l-Istat Membru jaċċetta l-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika fir-rigward ta’ atti kriminali u jħarrek lil persuni ġuridiċi li allegatament wettqu tali atti fil-qrati kriminali bil-mod tas-soltu. Ejja nassumu wkoll li l-kunċett ta’ “ħati” fl-Artikolu 9(1) jista’ japplika għall-persuni ġuridiċi (ser nirritorna fuq dan il-punt iktar ’l isfel (25)). B’riżultat ta’ dan l-inċident, kemm X (bħala l-persuna fiżika involuta direttament fl-ikkawżar tal-inċident) kif ukoll Y (bħala l-persuna ġuridika responsabbli indirettament għall-istess ikkawżar) jitħarku quddiem il-qrati kriminali. Huma jitħarku b’reati relatati mill-qrib. Hawnhekk, huwa ċar li d-Deċiżjoni Qafas teżiġi li Stat Membru, li s-sistema legali tiegħu għadha ma tipprovdix biex il-vittmi jkunu jistgħu jitolbu u (jekk ikun il-każ) jirċievu kumpens permezz tal-proċeduri kriminali, jemenda d-dritt nazzjonali tiegħu biex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 9(1).

45.      Madankollu, il-każ preżenti ma huwiex daqshekk ċar.

46.      Jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq jiġu kkunsidrati waħda waħda, jidhirli, l-ewwel nett, li d-Deċiżjoni Qafas iktar tikkonċerna n-natura essenzjali ta’ “ksur” taħt id-dritt nazzjonali milli l-klassifikazzjoni teknika tiegħu. Id-Deċiżjoni Qafas tħares lejn is-sustanza iktar milli l-forma. Filwaqt li ninnota s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-modi speċifiċi li bihom huma jagħżlu li jimplementaw l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex din ma jixxejnilhiex l-effett prattiku tagħha, jeħtieġ li tingħata interpretazzjoni teleoloġika (26).

47.      Għaldaqstant, il-fatt li s-sistema nazzjonali tikkategorizza l-ksur inkwistjoni bħala “indirett u sussidjarju” ma huwiex, għall-finijiet li tiġi verifikata l-kompatibbiltà mal-Artikolu 9(1), rilevanti. Ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna ġuridika, min-natura tagħha stess x’aktarx li ma tkunx la diretta u lanqas primarja. Għall-finijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li ma huwiex meħtieġ li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jiġu mħarrka għall-istess att kriminali. L-Artikolu 9(1) lanqas ma jeżiġi li, sabiex anki l-persuni ġuridiċi jkunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandu l-ewwel ikun hemm persuna fiżika waħda jew iktar li jkunu tħarku fir-rigward tal-ksur inkwistjoni.

48.      Għal dak li jirrigwarda l-kategorizzazzjoni taħt id-dritt Taljan tal-ksur imwettaq minn persuna ġuridika bħala wieħed “amministrattiv”(27), jidhirli li għandu madankollu japplika l-istess prinċipju ta’ interpretazzjoni. Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta ċar li l-għan tagħha huwa li jiġi pprovdut “l-għola livell ta’ protezzjoni” lill-vittmi tar-reati. Skont l-Artikolu 9(1), wieħed mill-modi li bih hija tipprova tilħaq dan l-għan huwa li tipprovdi għall-għoti ta’ kumpens lil dawn il-vittmi permezz tal-proċeduri kriminali li jinġiebu fir-rigward tal-att illegali li wassal għad-dannu kkonċernat. Jiena naċċetta li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma obbligatx lill-Istati Membri biex idaħħlu l-kunċett ta’ responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi fid-dritt nazzjonali tagħhom jekk dan ma kienx parti mis-sistema tagħhom qabel (28). Madankollu, jidhirli li Stat Membru li jaċċetta dan il-kunċett bħala parti mis-sistema tiegħu ma jistax, imbagħad, ikun eżentat mid-dmir tiegħu li jipprovdi protezzjoni skont l-Artikolu 9(1) għal raġunijiet li essenzjalment huma formali.

49.      F’dan il-każ, is-sistema legali tal-Istat Membru inkwistjoni tipprovdi li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli fir-rigward ta’ atti illegali, u dan f’sistema li tipprovdi (1) li l-kriterji li bihom l-att illegali jiġi definit huma stabbiliti b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali, (2) li r-responsabbiltà fir-rigward ta’ dan l-att hija bbażata essenzjalment fuq il-fatt li persuna fiżika wettqet att illegali, u (3) li l-proċeduri kontra persuna ġuridika jinġiebu quddiem il-qrati kriminali, ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, f’ċirkustanzi normali, jingħaqdu mal-proċeduri kontra l-persuna/i fiżika/ċi li allegatament wettqu l-att illegali inkwistjoni. L-Artikolu 9(1) għandu jingħata interpretazzjoni teleoloġika li tindirizza s-sustanza iktar milli l-forma. Għaldaqstant, il-fatt li d-dritt nazzjonali jikklassifika r-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi fir-rigward ta’ tali atti illegali bħala waħda “amministrattiva” ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, biex jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, u għaldaqstant id-dmir li għandu l-Istat Membru biex jagħti protezzjoni lill-vittma ta’ dawn l-atti.

50.      It-tieni nett, l-att kriminali inkwistjoni għandu jirriżulta fil-proċeduri li jinġiebu kontra l-akkużat. Filwaqt li l-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Qafas jiddefinixxi l-kelma “vittma”, ma hemmx definizzjoni korrispondenti tal-espressjoni “ħati” (29). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-espressjoni għandha tingħata s-sinjifikat naturali u ordinarju tagħha. Hija kelma ġenerali, użata f’kuntest fejn li kieku l-leġiżlatur ried ifissirha b’mod restrittiv, kien jagħmel hekk. Għaldaqstant, ma tantx insib diffikultà nikkonkludi li l-kelma “ħati” għandha tinftiehem bħala li tinkludi mhux biss lill-persuni fiżiċi iżda wkoll dawk ġuridiċi li jkunu akkużati bit-twettieq ta’ att illegali.

51.      It-tielet nett, irid ikun hemm proċeduri kriminali. Dan ir-rekwiżit huwa ovvju; mingħajru l-Artikolu 9(1) ma jkun iffisser xejn. L-Artikolu 1(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li dan il-kunċett għandu jinftiehem fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli. Fi kliem ieħor, ma hemmx tifsira Ewropea armonizzata ta’ dak li l-kliem “proċeduri kriminali” huma intiżi li jkopru. Peress li f’dan il-każ, ma jidhirx li hemm dubju li l-proċeduri inkwistjoni huma proċeduri kriminali — punt ikkonfermat mill-Gvern Taljan waqt is-seduta (30) — ma nħossx li għandi nelabora iktar fuq din il-kwistjoni.

52.      Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jiżgura li d-dritt nazzjonali tiegħu jkollu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-vittma ta’ att illegali li tkun tista’ tipparteċipa fil-proċeduri kriminali b’mod li jippermettilha li, matul il-proċeduri kriminali, tressaq talba għal kumpens xieraq kontra l-akkużat. Dan jinkludi lill-persuni ġuridiċi.

53.      Fil-punt 36 iktar ’il fuq, għamilt riferiment għas-sentenza tal-Corte Suprema di Cassazione li l-Gvern Taljan, fl-osservazzjonijiet tiegħu, ġab għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet twal matul is-seduta. Skont dik is-sentenza, il-vittmi ta’ atti illegali li jinvolvu persuni ġuridiċi, fil-fatt, ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 74 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali biex jidħlu parti ċivili fi proċeduri kontra persuni ġuridiċi. Madankollu, fil-fatt, huma jkunu protetti peress li (1) huma jistgħu jibdew proċeduri ċivili sabiex iressqu t-talba tagħhom kontra dawn il-persuni u (2) huma jistgħu jinvokaw l-Artikolu 83 ta’ dan il-kodiċi sabiex iressqu t-talba tagħhom quddiem il-qrati kriminali b’mod ieħor. L-ewwel waħda minn dawn — jiġifieri l-possibbiltà li jinbdew proċeduri ċivili — hija irrilevanti għal din id-diskussjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat li l-perijodi involuti jekk wieħed jagħżel din ir-rotta x’aktarx li jkunu twal (31). Jekk dan ikun il-każ, il-protezzjoni li d-Deċiżjoni Qafas tipprova tagħti ma tintlaħaqx. Min-naħa l-oħra, jidhirli li l-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tista’ tkun rilevanti. Jekk din hija tabilħaqq triq disponibbli għall-vittmi ta’ dawn l-atti illegali, il-fatt li d-dritt Taljan jaf jipprekludihom milli jidħlu bħala parti ċivili f’dawk il-proċeduri ma jaffettwax il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

54.      Il-partijiet esprimew fehmiet differenti fuq l-applikabbiltà ta’ din is-sentenza għall-kawża prinċipali. Il-punt dwar jekk dan huwiex il-każ għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju.

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jiena tal-fehma li r-regola ġenerali stabbilita bl-ewwel parti tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li, meta Stat Membru, fis-sistema legali nazzjonali tiegħu, jippermetti li jinbdew proċeduri kontra persuni ġuridiċi fir-rigward ta’ att illegali, il-fatt li din is-sistema tista’ tikklassifika r-responsabbiltà fir-rigward ta’ dak l-att bħala “indiretta u sussidjarja” u/jew “amministrattiva” ma jeżentax lil dak l-Istat Membru mid-dmir tiegħu li japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu fir-rigward tal-persuni ġuridiċi fejn (1) il-kriterji li bihom jiġi definit l-att illegali huma stabbiliti b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali, (2) ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ dak l-att hija bbażata essenzjalment fuq il-fatt li l-att illegali twettaq minn persuna fiżika u (3) l-proċeduri kontra persuna ġuridika jinġiebu quddiem il-qrati kriminali, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, f’ċirkustanzi normali, jingħaqdu mal-proċeduri kontra l-persuna/i fiżika/ċi li allegatament wettqu l-att illegali inkwistjoni.

 L-eċċezzjoni

56.      Ir-regola ġenerali tal-Artikolu 9(1) ma tapplikax “fejn, f’ċerti każi, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal kumpens b’mod ieħor”.

57.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li din l-eċċezzjoni tapplika għall-kawża prinċipali. Meta l-vittmi jkollhom il-possibbiltà li jressqu t-talbiet tagħhom kontra l-persuni ġuridiċi li allegatament ikunu wettqu l-ksur permezz tal-qrati ċivili, l-Istat Membru ma jkunx obbligat jiżgura li t-talbiet ikunu jistgħu jitressqu kontra dawk il-persuni permezz ta’ proċeduri kriminali.

58.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma.

59.      B’deroga mir-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel parti tal-Artikolu 9(1), l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (32). Li l-eċċezzjoni tiġi interpretata b’tali mod li teskludi mir-regola ġenerali l-każijiet kollha li jinvolvu kategorija speċifika ta’ ħatja, jiġifieri lill-persuni ġuridiċi, ikun jirriskja li jdawwar l-eċċezzjoni biex issir ir-regola ġenerali. Dan ma kienx ir-riżultat mixtieq mil-leġiżlatur. L-eċċezzjoni hija intiża li tapplika “f’ċerti każi”. F’dan ir-rigward, nirreferi għax-xogħol preparatorju tad-Deċiżjoni Qafas, li jsemmi diskussjoni li saret waqt laqgħa tal-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill li kien qiegħed jikkunsidra l-abbozz tad-Deċiżjoni Qafas (33). Il-minuti ta’ dik il-laqgħa juru li d-delegazzjonijiet tal-Gvernijiet tal-Isvezja tal-Awstrija u tal-Ġermanja kienu pproponew li l-kliem inkwistjoni (34) jitneħħew. Il-minuti jkomplu jgħidu li l-Presidenza (Franċiża) kienet enfasizzat li “mingħajr [dik] il-frażi, il-paragrafu 1 ikun bla sens”.

60.      Dan ma jfissirx li ma jista’ qatt ikun hemm ċirkustanzi fejn tapplika l-eċċezzjoni. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni li jrid ikun hemm ċirkustanzi oġġettivi li jiġġustifikaw dan ir-riżultat. Dawn jinkludu każijiet fejn ir-regola ġenerali ma tkunx tista’ tapplika għal raġunijiet prattiċi, pereżempju, fejn id-dannu li jinħoloq b’riżultat tal-ksur ikun jista’ jiġi kkonstatat, jew ikun jista’ jiġi kkonstatat bi preċiżjoni suffiċjenti, biex tkun tista’ titressaq talba, biss wara li jkunu ntemmu l-proċeduri kriminali kontra l-ħati. Madankollu, l-esklużjoni ta’ persuni ġuridiċi, bħala kategorija, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) ma tistax tiġi ġustifikata oġġettivament.

61.      Nikkonkludi għaldaqstant li l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita mit-tieni parti tal-Artikolu 9(1) ma tistax tiġi interpretata li teskludi mir-regola ġenerali stabbilita mill-ewwel parti ta’ dan l-artikolu l-każijiet kollha li jinvolvu kategorija speċifika ta’ persuni ħatja, bħalma huma l-persuni ġuridiċi.

 Osservazzjonijiet finali

 L-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq

62.      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu l-passi li ġejjin. L-ewwel, hija għandha tistabbilixxi jekk azzjoni kriminali fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas twettqitx mill-persuni ġuridiċi kkonċernati. Biex tilħaq din il-konklużjoni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw in-natura ta’ att kriminali, imma wkoll il-prinċipji stabbiliti fil-punt 48 iktar ’il fuq. It-tieni, hija għandha tivverifika jekk dawk il-persuni jaqgħux taħt il-kategorija ta’ ħatja għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq fil-punt 49 sabiex tasal għal konklużjoni f’dak ir-rigward. It-tielet, hija għandha tevalwa jekk il-proċeduri inkwistjoni humiex proċeduri kriminali fis-sens ta’ dak l-artikolu. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, hija għandha tistabbilixxi jekk hemmx ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ xi eċċezzjoni msemmija fit-tieni parti tal-Artikolu 9(1). Jekk wara li tagħmel dan, hija tistabbilixxi li għandha tapplika r-regola ġenerali u mhux l-eċċezzjoni, hija għandha tipproċedi biex tevalwa jekk id-dritt nazzjonali jissodisfax, fil-fatt, din ir-regola ġenerali.

63.      F’dan ir-rigward, nagħmel dawn l-osservazzjonijiet.

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju li d-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat skont id-dritt tal-UE huwa vinkolanti fir-rigward ta’ deċiżjonijiet qafas adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Meta tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju li ġiet mitluba tinterpretaha għandha, kemm huwa possibbli, tagħmel dan fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat imfittex minnha u sabiex b’hekk tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (35).

65.      Fl-istess ħin, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-obbligu li l-qorti tar-rinviju għandha li tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-UE huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni li tmur kontra l-liġi nazzjonali. Madankollu, dan il-prinċipju jirrikjedi li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa sa fejn dan jista’ jiġi applikat b’mod li ma jinkisibx riżultat li jmur kontra dak maħsub mid-Deċiżjoni Qafas (36).

66.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li jekk id-dritt nazzjonali jiġi interpretat bil-mod propost mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan iġib miegħu r-riskju li tinkiser ir-regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludi li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali jiġu applikati b’analoġija in malam partem.

67.      Ma huwiex biss id-dritt nazzjonali li jipprojbixxi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali jiġu applikati b’dan il-mod. Sa mill-1963, il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li jekk dan isir ikun qiegħed jinkiser l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li bis-saħħa tiegħu, ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar (37). Approċċ simili ġie adottat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġurisprudenza tagħha (38).

68.      L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni huwa miktub bi kliem identiku għal dak tal-parti rilevanti tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, b’seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta għandha s-saħħa ta’ dritt primarju (39). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet stabbiliti fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni għandhom ikollhom l-istess tifsira u portata bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni.

69.      Applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali nazzjonali in malam partem tista’ tikser id-dritt nazzjonali jew le (jien ma nesprimi ebda opinjoni fuq id-dritt nazzjonali). Jibqa’, madankollu, il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

70.      L-Artikolu 9(1) ma jeżiġix lil Stat Membru li b’xi mod ibiddel l-aspetti sostantivi tad-dritt kriminali nazzjonali (40). Din id-dispożizzjoni lanqas ma taffettwa l-livell ta’ kumpens pagabbli lill-vittma fir-rigward tat-telf jew dannu li jirriżulta mit-twettiq tal-att illegali — ma hemm xejn fid-Deċiżjoni Qafas li jipprovdi li l-ammont inkwistjoni għandu jiġi kkalkolat b’mod differenti skont jekk ikunux proċeduri kriminali jew ċivili. Biex tipprova tipproteġi l-interessi tal-vittmi ta’ atti kriminali, id-deċiżjoni tqassar iż-żmien li fih jitħallas il-kumpens inkwistjoni. Din hija kwistjoni proċedurali; bl-ebda mod ma taffettwa r-responsabbiltà kriminali ta’ min għandu jħallas. Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni li abbażi tagħha l-prinċipju in malam partem jista’ japplika għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas li jiena nipproponi f’dawn il-konklużjonijiet.

 Konklużjoni

71.      Jien għalhekk tal-opinjoni li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mit-Tribunale di Firenze għandha tkun kif ġej:

“Ir-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel parti tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill, 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li, fejn Stat Membru jipprovdi, fis-sistema legali nazzjonali tiegħu, għall-possibbiltà li jinbdew proċeduri kontra persuni ġuridiċi fir-rigward ta’ att illegali, il-fatt li din is-sistema tista’ tikklassifika r-responsabbiltà fir-rigward ta’ dan l-att bħala “indiretta u sussidjarja” u/jew “amministrattiva” ma jeżentax lil dak l-Istat Membru mid-dmir tiegħu li japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu fir-rigward tal-persuni ġuridiċi fejn (1) il-kriterji li bihom jiġi definit l-att illegali huma stabbiliti b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali, (2) ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ dak l-att hija bbażata essenzjalment fuq il-fatt li l-att illegali twettaq minn persuna fiżika u (3) l-proċeduri kontra persuna ġuridika jinġiebu quddiem il-qrati kriminali, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, f’ċirkustanzi normali, jingħaqdu mal-proċeduri kontra l-persuna/i fiżika/ċi li allegatament wettqu l-att illegali inkwistjoni.

L-eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali stabbilita mit-tieni parti tal-Artikolu 9(1) għandha tiġi interpretata b’mod strett. Ma tistax tiġi interpretata b’tali mod li teskludi mir-regola ġenerali stabbilita mill-ewwel parti ta’ dan l-artikolu l-każijiet kollha li jinvolvu kategorija speċifika ta’ persuni ħatja, bħalma huma l-persuni ġuridiċi”.


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2—      Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 72) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).


3 —      Ara l-punt 32 tal-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere tal-15 u 16 ta’ Ottubru 1999.


4—      Ara l-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas.


5 —      Issa, kif kompla jgħid id-digriet tar-rinviju, “no soul to damn, no body to kick”.


6 —      Fis-seduta ġie kkonfermat li ebda waħda mill-persuni ġuridiċi msemmija fil-punt 19 iktar ’l isfel ma hi koperta minn dik l-eżenzjoni.


7 —      Digriet Leġiżlattiv tat-28 ta’ Lulju 1989 dwar l-implementazzjoni, koordinazzjoni u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.


8—      Din hija l-pożizzjoni rreġistrata fid-digriet tar-rinviju. Il-fajl nazzjonali jissuġġerixxi li jista’ jkun hemm, fil-fatt, total ta’ sitt individwi li huma akkużati bir-reati inkwistjoni u dan hu rifless fl-elenku tal-partijiet imniżżla fuq il-faċċata ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9—      Ara, f’dan ir-rigward, l-informazzjoni li tikkonċerna d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 1999, L 114, p. 53).


10—      Fl-1 ta’ Diċembru 2009.


11—      Sentenza, tal-21 ta’ Diċembru 2011, X (C-507/10, Ġabra p. I-14241), punti 18 sa 22.


12 —      Skont l-Artikolu 10(3) ta’ dan il-Protokoll, id-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 10(1), sakemm l-att li minnhu hija tifforma parti ma jiġix emendat, ma jibqax ikollha effett ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri, fit-30 ta’ Novembru 2014.


13—      Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 7, p. 65).


14—      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza, tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto (C 467/05, Ġabra p. I‑5557, punt 57).


15 —      Skont l-Artikolu 74 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.


16—      Ara l-punt 36 iktar ’l isfel.


17—      F’dan ir-rigward, ara, fost oħrajn, is-sentenza WWF Italia et. (C-60/05, Ġabra p. I-5083, punt 18).


18—      Sentenza, tal-21 ta’ Ottubru 2010, Eredics u Sápi (C‑205/09, Ġabra p. I-10231, punt 38).


19 —      F’dak li jirrigwarda l-pożizzjoni fl-Italja, ara l-punt 35 iktar ’il quddiem.


20 —      F’dan is-sens, ara l-punt 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Gueye u Salmerón Sánchez (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, C‑483/09 u C‑1/10, Ġabra p. I-8263),).


21—      Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.


22 —      Ara s-sentenza tal-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tal-5 ta’ Ottubru 2010 Nru 2251/11,RGN 3159/10, taqsima 11.2.2, fejn dik il-qorti qieset it-twettiq tar-reat kriminali minn persuni fiżiċi bħala “rekwiżit essenzjali” (“presupposto fondamentale”) biex ikun hemm ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi li jkunu responsabbli għall-aġir tagħhom.


23 —      L-amalgamazzjoni tal-kawżi (ovvjament) ma ssirx meta japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Atikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv u jinġiebu proċeduri biss kontra l-persuna ġuridika.


24 —      Ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, Taqsima 11.2.5.


25 —      Ara l-punt 49.


26 —      F’dan is-sens, ara s-sentenza Gueye u Salmerón Sánchez, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 57 u 58. Filwaqt li dan il-każ jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, l-Artikoli 3 u 9 t-tnejn li huma jsibu applikazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni li ttieħdet bil-għan li tiżgura li l-bżonnijiet tal-vittmi jittieħdu inkunsiderazzjoni u ttrattati b’mod sħiħ. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni għalfejn l-Artikolu 9 għandu jiġi interpretat b’mod differenti mill-Artikolu 3 f’dan ir-rigward.


27 —      Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.


28 —      Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


29 —      Sar riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dell;Orto, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, u għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik il-kawża. Filwaqt li s-sentenza Dell’Orto tikkonferma li, kemm fuq qari litterali u teleoloġiku, il-“vittma” jista’ jkun biss persuna fiżika, dak il-każ ma jipprovdi ebda gwida dwar l-interpretazzjoni tajba ta’ “ħati”.


30 —      Skont l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv. Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


31—      Ara l-punt 31 iktar ’il fuq.


32—      Ara, f’dan is-sens il-konlużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Dell’Orto, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 81 u 82.


33 —      Ara r-rapport tal-Working Party on Cooperation in Criminal Matters, tal-11 ta’ Lulju 2000, referenza 10387/00 COPEN 54.


34 —      Fiż-żmien rilevanti, il-kliem inkwistjoni kien “f’ċerti każijiet speċifiċi”. Ma nqisx li t-tneħħija tal-kelma “speċifiċi” tagħmel differenza.


35—      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 43).


36—      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 44 u 47. Ara wkoll, f’kuntest differenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et. (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punti 118 u 119).


37 —      Ara X vs L-Awstrija, Nru 1852/63, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 1965, Yearbook 8, p. 190 u 198. Ara wkoll is-sentenza X vs Ir-Renju Unit, Nru 6683/74, 3 D.R. 95.


38 —      Qorti Ewropea tad-Drittijet tal-Bniedem, sentenza Kokkinakis vs Il-Greċja, Applikazzjoni Nru 14307/88, 260‑A, punt 51.


39—      Ara l-Artikolu 6(1) TUE.


40—      Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.