Language of document : ECLI:EU:T:2010:369

Kawża T-119/06

Usha Martin Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ kejbils tal-azzar li joriġinaw, b’mod partikolari, mill-Indja — Ksur ta’ impenn — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Artikolu 8(1), (7) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 8(1), (7) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Proporzjonalità — Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping u kumpensatorji definittivi

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Garanzija ta’ prezz — Impenn dwar il-provvista ta’ rapporti u fatturi konformi — Ksur mill-operatur

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

1.      Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi implementati jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex l-imsemmi għan jintlaħaq, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla ta’ diversi miżuri adatti, għandha tintuża, bħala regola ġenerali, l-inqas waħda oneruża.

Madankollu, fir-rigward ta’ qasam bħal dak tal-politika kummerċjali komuni fejn il-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu mit-Trattat, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha r-responsabbiltà li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur Komunitarju f’dan il‑qasam tikkorrispondi għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li ġurisprudenza stabbilita tirrikonoxxi lill-istituzzjonijiet Komunitarji meta dawn jadottaw, skont ir-regolamenti bażiċi, atti ta’ protezzjoni antidumping konkreti.

Minn dan isegwi li l-istħarriġ tal-qorti għandu jkun limitat, fil-qasam tal‑protezzjoni kontra l-miżuri ta’ dumping, għall-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju humiex manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan segwit.

(ara l-punti 44-47)

2.      Meta rtirat l-aċċettazzjoni ta’ impenn, minħabba l-fatt li l-esportatur ikkonċernat kiser l-obbligu tiegħu li jipprovdi rapporti kull tliet xhur fuq il-bejgħ ta’ prodott mhux kopert mill-impenn, kif ukoll l-obbligu tiegħu li ma joħroġx fatturi konformi għal prodotti mhux koperti mill-impenn, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, kull ksur ta’ impenn jew tal-obbligu ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni u tas-sorveljanza tal-imsemmi impenn huwa suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn u timponi dazju antidumping definittiv fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti fil-kuntest tal-investigazzjoni li tkun wasslet għall-impenn, bil-kundizzjoni li din l-investigazzjoni tkun intemmet b’determinazzjoni finali tad-dumping u tal-ħsara, u bil-kundizzjoni li l-esportatur ikkonċernat kellu huwa stess il-possibbiltà jippreżenta l-kummenti tiegħu. Barra minn hekk, il‑ksur ta’ impenn huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex iwassal għall‑irtirar tiegħu. Barra minn hekk, għalkemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika għall-kwistjoni ta’ jekk l-ammont tad-dazji antidumping imposti huwiex adegwat fir-rigward tal-ħsara mġarrba mill‑industrija Komunitarja, dan il-prinċipju ma japplikax, għall-kuntrarju, għall-kwistjoni tal‑impożizzjoni nnifisha tal-imsemmija dazji. Issa, l-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn iwassal għall-applikazzjoni ta’ dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ikkonċernati tal-kumpannija esportatriċi. Konsegwentement, u skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96, ir-rata ta’ dazju antidumping definittiva, iffissata fuq il-bażi ta’ fatti stabbiliti fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-impenn, hija applikabbli fuq l-importazzjonijiet ikkonċernati tal-kumpannija msemmija u hija ekwivalenti, għaldaqstant, għall-impożizzjoni fil-veru sens tal-kelma ta’ dawn id‑dazji. Minn dan isegwi li l-legalità tal-irtirar tal-aċċettazzjoni ta’ impenn ma tistax, bħala tali, tiġi kkontestata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 51-55)