Language of document : ECLI:EU:C:2021:1020

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 2(c)(i) – Kunċett ta’ ‘awtorità emittenti’ – Artikolu 6 – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Artikolu 9(1) u (3) – Rikonoxximent ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data ta’ lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet, maħruġa minn prosekutur innominat bħala ‘awtorità emittenti’ mill-att nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2014/41 – Kompetenza esklużiva tal-imħallef, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, sabiex jordna l-miżura ta’ investigazzjoni indikata f’din l-ordni”

Fil-Kawża C‑724/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2019, fil‑proċeduri kriminali kontra

HP

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), President tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal HP, minn E. Yordanov, advokat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, R. Kissné Berta u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn Y. Marinova u minn R. Troosters, sussegwentment minn Y. Marinova u minn M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra HP li matulhom inħarġu erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea mill-Uffiċċju tal‑Prosekutur Bulgaru bil-għan tal-ġbir ta’ provi fil-Belġju, fil-Ġermanja, fl‑Awstrija u fl-Isvezja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2002/58/KE

3        Skont l-Artikolu 2(b) u (c) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l‑protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514):

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid‑Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355),] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il‑kont għaliha;

(c)      ‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jindikaw il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament”.

4        L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l‑Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr‑raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il‑paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat [UE].”

 Id-Direttiva 2014/41

5        Il-premessi 5 sa 8, 10, 11, 19, 21, 22, 30 u 32 tad-Direttiva 2014/41 huma fformulati kif ġej:

“5)      Mill-adozzjoni [tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/JHA tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185, rettifika fil-ĠU 2006, L 374, p. 20), u tad‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 72)] ’l hawn, jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

(6)      Fil-programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 sal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l-istabbiliment ta’ sistema komprensiva għall-ksib ta’ provi f’każijiet b’dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. Il‑Kunsill Ewropew indika li l-istrumenti eżistenti f’dan il-qasam kienu jikkostitwixxu reġim frammentarju u li kien meħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li madankollu jżomm kont ukoll tal-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta’ assistenza legali reċiproka. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew appella għal sistema komprensiva li tissostitwixxi l-istrumenti kollha eżistenti f’dan il-qasam, inkluża d‑Deċiżjoni Kwadru [2008/978], li tkopri kemm jista’ jkun it-tipi kollha ta’ provi, li tinkludi skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista’ jkun ir‑raġunijiet għaċ-ċaħda.

(7)      Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l‑Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall‑fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl‑Istat li jesegwixxi l-OIE (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinġabru l‑provi. Dan jinkludi l-ksib ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

(8)      L-OIE għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi. Madankollu, it-twaqqif ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan skwadra bħal din jeħtieġu regoli speċifiċi li jkun aħjar jekk jiġu ttrattati separatament. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-istrumenti eżistenti għandhom għaldaqstant jibqgħu japplikaw għal din it‑tip ta’ miżura investigattiva.

[…]

(10)      L-OIE għandu jiffoka fuq il-miżura investigattiva li għandha tiġi eżegwita. L-awtorità emittenti qiegħda fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal‑għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżura investigattiva għandha tintuża. […]

(11)      L-OIE għandu jintgħażel fejn l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva tidher proporzjonata, adegwata u applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-awtorità emittenti għandha għalhekk taċċerta jekk il-provi mfittxija humiex meħtieġa u proporzjonati għall-fini tal-proċedimenti, jekk il-miżura investigattiva magħżula hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-ġbir ta’ dawn il-provi, u jekk, permezz tal-ħruġ ta’ OIE, Stat Membru ieħor għandux ikun involut fil‑ġbir tal-prova konċernata. L-istess valutazzjoni għandha ssir fil-proċedura ta’ validazzjoni, meta tkun meħtieġa l-validazzjoni ta’ OIE taħt din id‑Direttiva. L-eżekuzzjoni ta’ OIE ma għandhiex tiġi rrifjutata għal raġunijiet differenti minn dawk iddikjarati f’din id-Direttiva. Madankollu l‑awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tkun intitolata li tagħżel miżura investigattiva anqas intrusiva minn dik indikata fl-OIE jekk din tippermetti li jinkisbu riżultati simili.

[…]

(19)      Il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni [Ewropea] huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka u presunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, dik il-presunzjoni hija konfutabbli. Konsegwentement, jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l-obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad‑drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rifjutata.

[…]

(30)      Il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni taħt din id-Direttiva dwar l‑interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet ma għandhomx ikunu limitati għall-kontenut tat-telekomunikazzjoni, iżda jistgħu jkopru wkoll id-data ta’ traffiku u post assoċjata ma’ dawn it-telekomunikazzjonijiet, li tippermetti lill-awtoritajiet li joħorġu OIE għall-finijiet li jiksbu data inqas intrużiva dwar telekomunikazzjonijiet. OIE li jinħareġ biex tinkiseb data storika ta’ traffiku u post relatata ma’ telekomunikazzjonijiet għandu jiġi ttrattat skont is-sistema ġenerali applikabbli għal-eżekuzzjoni tal-OIE u jista’ jkun ikkunsidrat, skont it-termini tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, bħala miżura investigattiva koerċitiva.

[…]

(32)      F’OIE li jinkludi talba għall-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, l awtorità emittenti għandha tipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni informazzjoni suffiċjenti bħal dettalji tal-għemil kriminali taħt investigazzjoni, sabiex tippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tivvaluta jekk dik il-miżura investigattiva tkunx awtorizzata f’każ domestiku simili.”

6        Bit-titolu “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, l‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor […] bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad‑dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal‑awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.

3.      Il-ħruġ ta’ OIE jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isimha, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet ta’ difiża applikabbli f’konformità mal-proċedura kriminali nazzjonali.

4.      Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar‑rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 [UE], inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.”

7        Skont l-Artikolu 2(c) tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzdatajonijiet [definizzjonijiet] li ġejjin:

[…]

(c)      ‘awtorità emittenti’ tfisser:

(i)      imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)      kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE”.

8        L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, dwar il-“[k]ondizzjonijiet għall-emissjoni u t‑trażmissjoni ta’ OIE”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal‑proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal‑persuna suspettata jew akkużata; u

(b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l‑istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2.      Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill‑awtorità emittenti f’kull każ.

3.      Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l‑kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”

9        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, fil‑paragrafi 1 sa 3 tiegħu jipprovdi:

“1.      L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l‑miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir‑raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.

2.      L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l‑proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.      Fejn awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma jkunx inħareġ minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 2(c), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-OIE lill-Istat emittenti.”

10      L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jelenka r-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu rrifjutati r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

11      Il-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti miżuri investigattivi”, jinkludi l-Artikoli 22 sa 29.

12      L-Artikolu 26 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni dwar kontijiet bankarji u finanzjarji oħra”, fil-paragrafu 5 tiegħu jippreċiża:

“Fl-OIE l-awtorità emittenti għandha tindika r-raġunijiet għaliex tqis li l‑informazzjoni mitluba x’aktarx li hi ta’ valur sostanzjali għall-fini tal‑proċedimenti kriminali konċernati u għal liema raġunijiet hija tippreżumi li l‑banek fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jżommu l-kont u, safejn ikun disponibbli, liema banek jistgħu jkunu involuti. Fl-OIE hija għandha tinkludi wkoll kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tista’ tiffaċilita l-eżekuzzjoni tiegħu.”

13      L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Informazzjoni dwar operazzjonijiet bankarji u finanzjarji oħra”, fil-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi:

“Fl-OIE l-awtorità emittenti għandha tindika r-raġunijiet għaliex tikkunsidra l‑informazzjoni mitluba rilevanti għall-fini tal-proċedimenti kriminali konċernati.”

14      L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri investigattivi li jimplikaw il‑ġbir ta’ provi fi żmien reali, kontinwament u matul ċertu perijodu ta’ żmien”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

“L-awtorità emittenti għandha tindika fl-OIE għaliex tikkunsidra l-informazzjoni mitluba rilevanti għall-fini tal-proċedimenti kriminali konċernati.”

15      L-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija prevista fil-formola li tinsab fl-Anness A tal-imsemmija direttiva. L-intestatura ta’ din il-formola hija redatta kif ġej:

“Dan l-OIE inħareġ minn awtorità kompetenti. L-awtorità emittenti tiċċertifika li l-ħruġ ta’ dan l-OIE huwa neċessarju u proporzjonat għall-fini tal-proċedimenti speċifikati fiha b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata u li l-miżuri investigattivi mitluba setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili. Jiena nitlob li l-miżura jew miżuri investigattivi speċifikati hawn taħt jiġu eżegwiti b’kont debitament meħud tal-kunfidenzjalità tal‑investigazzjoni u li l-provi li jinkisbu b’riżultat tal-eżekuzzjoni tal-OIE jiġu ttrasferiti.”

 Id-dritt Bulgaru

16      Id-Direttiva 2014/41 ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru permezz taż-zakon za evropeyskata zapoved za razsledvane (il-Liġi dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea) (DV Nru 16, tal‑20 ta’ Frar 2018). Konformement mal-punt 1 tal‑Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem iż-“ZEZR”), l-awtorità kompetenti, fil-Bulgarija, sabiex matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija l-prosekutur.

17      L-Artikolu 159a tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), intitolat “Komunikazzjoni ta’ data minn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprevedi:

“(1)      Fuq talba tal-qorti fil-proċedura ġudizzjarja, jew abbażi ta’ digriet motivat ta’ mħallef ta’ qorti tal-ewwel istanza rispettiva adottat fil-fażi preliminari tal‑proċedura kriminali fuq talba tal-prosekutur inkarigat mis-sorveljanza, l‑impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jikkomunikaw id-data miġbura fil-kuntest tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom neċessarja sabiex:

1.      jiġi ttraċċat u identifikat is-sors tal-konnessjoni;

2.      tiġi identifikata d-direzzjoni tal-konnessjoni;

3.      jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul tal-konnessjoni;

4.      jiġi identifikat it-tip ta’ konnessjoni;

5.      jiġi identifikat it-terminal ta’ komunikazzjoni elettronika tal-utent jew tat‑tagħmir li huwa indikat bħala tali;

6.      tiġi ddeterminata d-denominazzjoni taċ-ċelloli użati.

(2)      data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinġabar jekk dan ikun meħtieġ għall-investigazzjoni ta’ reati gravi mwettqa b’dolo.

(3)      it-talba għal ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni mressqa mill-prosekutur imkarigat mis-sorveljanza skont il-paragrafu 1 għandha tkun motivata u għandha tinkludi l‑elementi li ġejjin:

1.      informazzjoni dwar ir-reat li għalih l-investigazzjoni teħtieġ l-użu ta’ data dwar it-traffiku;

2.      deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba;

3.      informazzjoni dwar il-persuni li għalihom id-data dwar it-traffiku tintalab;

4.      il-perijodu ta’ żmien li għalih għandu jirreferi r-rapport;

5.      l-awtorità investigattiva li lilha għandha tintbagħat id-data.

(4)      Fid-digriet adottat skont il-paragrafu 1, il-qorti għandha tindika:

1.      id-data li għandha tidher fir-rapport;

2.      il-perijodu ta’ żmien li għalih għandu jirreferi r-rapport;

3.      l-awtorità investigattiva li lilha għandha tintbagħat id-data.

(5)      Il-perijodu ta’ żmien li għalih it-trażmissjoni tad-data tista’ tintalab u tiġi ordnata skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jistax jeċċedi sitt xhur.

(6)      Meta r-rapport ikun fih informazzjoni li ma hijiex marbuta maċ-ċirkustanzi tal-kawża u li ma tikkontribwixxix għall-kjarifika tagħhom, l-imħallef li jkun ħareġ l-ordni ta’ investigazzjoni għandu jordna l-qerda tagħha fuq proposta bil‑miktub motivata tal-prosekutur inkarigat mis-sorveljanza. Id-distruzzjoni għandha titwettaq skont proċedura stabbilita mill-prosekutur prinċipali. F’terminu ta’ sebat ijiem minn meta tirċievi d-digriet, l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 u l-prosekutur inkarigat mis-sorveljanza għandhom jibagħtu, lill-imħallef li ħarġu, ir‑rapporti ta’ distruzzjoni tad-data.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fit-23 ta’ Frar 2018, infetħu proċeduri kriminali għal suspetti ta’ ġbir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, fit-territorju Bulgaru u barra minn dan it-territorju, ta’ mezzi finanzjarji li jintużaw għat-twettiq ta’ atti terroristiċi. Matul l-investigazzjoni mmexxija fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, inġabru provi dwar l-attività ta’ HP.

19      Fit-15 ta’ Awwissu 2018, abbażi tal-Artikolu 159a(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Bulgaru ħareġ erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tinġabar data dwar it-traffiku u data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea”). Dawn l-ordnijiet, li kienu jippreċiżaw li din it-talba kienet toriġina minn prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur speċjalizzat, intbagħtu lill-awtoritajiet Belġjani, Ġermaniżi, Awstrijaċi u Svediżi. Kollha kienu jindikaw li HP kien issuspettat li jiffinanzja attivitajiet terroristiċi u li, fil-kuntest ta’ din l-attività, huwa kien tkellem bit-telefon ma’ persuni residenti fit-territorju tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar‑Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju tal-Isvezja.

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tweġibiet tal-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri għall-erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea jsemmu informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet telefoniċi magħmula mit-telefon ta’ HP u li din l‑informazzjoni hija ta’ ċerta importanza sabiex jiġi evalwat jekk HP wettaqx ksur.

21      L-awtoritajiet Ġermaniżi, Awstrijaċi u Svediżi kompetenti ma bagħtux deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, imħallef istruttorju Belġjan bagħat deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li kienet intbagħtet lill-awtoritajiet Belġjani.

22      Fit-18 ta’ Jannar 2019, abbażi tal-provi miġbura, inklużi dawk li jirriżultaw mir‑risposti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati għall-erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea, HP ġie akkużat, flimkien ma’ ħames persuni oħra, bil‑finanzjament illegali ta’ attività terroristika u bl-appartenenza f’organizzazzjoni kriminali intiża sabiex tiffinanzja din l-attività. L-att ta’ akkuża ta’ HP tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju fit-12 ta’ Settembru 2019.

23      Sabiex jiġi evalwat jekk din l-akkuża hijiex fondata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex legali li jintalab il-ġbir ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet permezz tal-erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropea, u jekk, għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit il-ksur li bih huwa akkużat HP jistgħux jintużaw il-provi miġbura permezz ta’ dawn l-ordnijiet.

24      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikolu 2(c) tad‑Direttiva 2014/41 jirreferi għad-dritt nazzjonali sabiex jindika l-awtorità emittenti kompetenti. Fid-dritt Bulgaru, skont il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) taż‑ZEZR, din hija l-prosekutur. Madankollu, hija tirrileva li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-awtorità kompetenti sabiex tordna l-kisba tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet huwa mħallef tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti għall-kawża kkonċernata u li, f’tali sitwazzjoni, il-prosekutur għandu biss is‑setgħa li jressaq talba motivata lil dan l-imħallef. Għalhekk, dik il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-kompetenza tal‑ħruġ tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea tistax tiġi rregolata mill-att nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/41, jew jekk l-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva jagħtix din il-kompetenza lill-awtorità li hija kompetenti sabiex tordna l-kisba ta’ tali data fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

25      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni abbażi tad‑Direttiva 2014/41 u neċessarja sabiex operatur ta’ telekomunikazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jiġi obbligat jiżvela data dwar it-traffiku u data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, tistax tissostitwixxi b’mod validu d-deċiżjoni li kellha tittieħed mill-imħallef tal-Istat emittenti sabiex tiggarantixxi l-prinċipji ta’ legalità u ta’ invjolabbiltà tal-ħajja privata. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk tali soluzzjoni hijiex kompatibbli b’mod partikolari mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 9(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

26      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali (f’dan il-każ il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) taz-[ZEZR]) li tidentifika lill-prosekutur bħala l-awtorità kompetenti, fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, sabiex toħroġ [ordni] għal investigazzjoni Ewropea [għall-finijiet tat-]trażmissjoni ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni relatata ma’ telekomunikazzjonijiet, hija konformi mal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva [2014/41] u mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, sa fejn, fl-istess sitwazzjoni fil-[livell] nazzjonali, l-awtorità kompetenti hija mħallef?

2)      Ir-rikonoxximent ta’ din [l-ordni] għal investigazzjoni Ewropea mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (prosekutur jew imħallef istruttorju) jista’ jissostitwixxi d-digriet ta’ mħallef li [jirrikjedi] d-dritt tal-Istat emittenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti li joħroġ, matul il-fażi preliminari tal‑proċeduri kriminali, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id‑direttiva, intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef.

28      L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id‑direttiva, il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”. B’hekk, dan l-artikolu jipprovdi li tali awtorità tista’ tkun, skont il-punt (i) tiegħu, jew “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat”, jew, skont il‑punt (ii) tiegħu, “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”.

29      Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtorità emittenti għandha, fl-ipoteżijiet kollha koperti mill-imsemmija dispożizzjoni, ikollha kompetenza fil-kawża kkonċernata, jew bħala mħallef, qorti, imħallef istruttorju jew prosekutur, jew, meta ma tkunx awtorità ġudizzjarja, bħala awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet.

30      Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk l-espressjoni “kompetenti fil-każ ikkonċernat” għandhiex l-istess tifsira bħall-espressjoni “b’kompetenza li tordna l‑ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali” u, għaldaqstant, jekk prosekutur jistax ikun kompetenti sabiex joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, miżura ta’ investigazzjoni intiża li jingħata aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il‑kompetenza esklużiva tal-imħallef.

31      Għaldaqstant, l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu kif ukoll l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

32      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 11 kif ukoll l-Anness A tagħha, jimponi fuq l-awtorità emittenti obbligu li tivverifika n-natura neċessarja u proporzjonata tal-miżura investigattiva li hija s-suġġett tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fid-dawl tal‑għanijiet tal-proċedura li fil-kuntest tagħha din l-ordni tkun inħarġet u fid-dawl tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata.

33      Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ ċerti miżuri investigattivi speċifiċi, l-awtorità emittenti għandha tipprovdi ċerti ġustifikazzjonijiet addizzjonali. B’hekk, fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u l‑kontijiet finanzjarji l-oħra, l-Artikolu 26(5) tal-imsemmija direttiva jimponi li l‑awtorità emittenti tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni mitluba tista’ tkun importanti għall-finijiet tal-proċeduri kriminali kkonċernati. L‑Artikolu 27(4) u l-Artikolu 28(3) tal-istess direttiva jipprevedu wkoll, fir‑rigward, rispettivament, tal-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet bankarji u dwar l-operazzjonijiet finanzjarji oħra u miżuri investigattivi li jinvolvu l-kisba ta’ provi f’ħin reali, b’mod kontinwu u matul perijodu determinat, li din l-awtorità għandha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni mitluba hija rilevanti għall-finijiet tal-proċeduri kriminali kkonċernati.

34      Issa, jidher li, kemm sabiex tivverifika n-natura neċessarja u proporzjonata ta’ miżura investigattiva kif ukoll sabiex tipprovdi l-ġustifikazzjonijiet addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti, l-awtorità emittenti għandha tkun l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kkonċernati, li hija għalhekk kompetenti sabiex tordna l-kisba ta’ provi skont id‑dritt nazzjonali.

35      It-tieni nett, mill-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 jirriżulta li l-awtorità emittenti tista’ toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss jekk il-miżura jew miżuri investigattivi msemmija f’din l-ordni setgħu jiġu ordnati taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili. Konsegwentement, hija biss awtorità li hija kompetenti sabiex tordna tali miżura investigattiva skont id‑dritt nazzjonali tal-Istat emittenti li tista’ tkun kompetenti toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

36      F’dak li jikkonċerna l-għanijiet tad-Direttiva 2014/41, din għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, li tissostitwixxi l-qafas frammentarju u kumpless eżistenti fil-qasam tal-ksib ta’ provi fil-kawżi kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali u hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq strument uniku msejjaħ “ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil‑għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi sserraħ fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 39).

37      F’din il-perspettiva, il-premessa 10 tal-imsemmija direttiva tidentifika lill-awtorità emittenti bħala dik li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżuri investigattivi għandhom jintużaw.

38      Għaldaqstant, l-analiżi tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid-dawl tal-premessi 5 sa 8 u 10 ta’ din id-direttiva, twassal ukoll sabiex l-awtorità emittenti tiġi identifikata bħala dik inkarigata mill-investigazzjoni fil-kuntest tal‑proċeduri kriminali kkonċernati u li għalhekk hija kompetenti sabiex tordna l‑kisba ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, eventwali distinzjoni bejn l-awtorità emittenti tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea u l-awtorità li hija kompetenti sabiex tordna miżuri investigattivi fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali tirriskja li tikkomplika s‑sistema ta’ kooperazzjoni, u b’hekk tikkomprometti l-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u effikaċi.

39      Minn dan isegwi li, meta, fid-dritt nazzjonali, il-prosekutur ma jkunx kompetenti sabiex jordna miżura investigattiva sabiex jikseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, huwa ma jistax jitqies li huwa awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, kompetenti sabiex joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tinkiseb din id‑data.

40      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għalkemm id-dritt Bulgaru jindika lill-prosekutur bħala l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, dan ma huwiex kompetenti sabiex jordna l-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, konformement mad-dritt Bulgaru, l-awtorità kompetenti sabiex tordna l-kisba ta’ tali data huwa imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza kompetenti għall-kawża kkonċernata u li l-prosekutur għandu biss is-setgħa li jressaq talba motivata lil dan l-imħallef.

41      Għaldaqstant, f’tali sitwazzjoni, il-prosekutur ma jistax ikun kompetenti sabiex joħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tinkiseb tali data.

42      Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiżdied li, fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 59), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tagħti kompetenza lill-Uffiċċju tal‑Prosekutur, li l-kompitu tiegħu huwa li jmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali u li jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika matul proċedura sussegwenti, sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it‑traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali.

43      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan għandu jiġi dedott li ordni ta’ investigazzjoni Ewropea intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat‑telekomunikazzjonijiet ma tistax tinħareġ minn prosekutur meta dan mhux biss imexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali, iżda jeżerċita wkoll l-azzjoni pubblika fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ulterjuri.

44      Fil-fatt, li kieku dan kellu jkun il-każ, il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41 li skontha l-awtorità emittenti tista’ toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea biss jekk il-miżura jew il-miżuri investigattivi msemmija f’dik l-ordni setgħu jiġu ordnati fl-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, ma tkunx issodisfatta.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti sabiex joħroġ, matul il-fażi preliminari ta’ proċeduri kriminali, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-direttiva, intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal‑imħallef.

 Fuq it-tieni domanda

46      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 6 u l-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2014/41 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rikonoxximent, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet jista’ jissostitwixxi r‑rekwiżiti applikabbli fl-Istat emittenti, meta din id-deċiżjoni tkun inħarġet indebitament minn prosekutur filwaqt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża li tikseb tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 6(1) ta’ din id‑direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ u ta’ trażmissjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li, meta l‑awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġunijiet għalxiex temmen li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma ġewx issodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-ordni ta’ eżekuzzjoni Ewropea tiġi eżegwita. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.

48      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, maħruġa f’konformità ma’ din id-direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tagħha bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti mill-imsemmija direttiva.

49      Ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent u ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva.

50      B’hekk, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax tikkumpensa eventwali ksur tal-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41.

51      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid‑Direttiva 2014/41. Fil-fatt, b’mod partikolari mill-premessi 2, 6 u 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea hija strument li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl‑Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju stess, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l‑Istati Membri l-oħra għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 40).

52      F’din il-perspettiva, il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l‑eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma għandhiex tiġi rrifjutata għal raġunijiet oħra minbarra dawk imsemmija fl-istess direttiva u li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha sempliċement tkun tista’ tagħżel miżura investigattiva inqas intrużiva minn dik indikata fl-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea kkonċernata jekk din tippermetti li jintlaħqu riżultati simili.

53      B’hekk, dan it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità emittenti u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-fiduċja reċiproka li għandha tirregola l-iskambji bejn l-Istati Membri li jipparteċipaw fi proċedura ta’ investigazzjoni Ewropea prevista mid-Direttiva 2014/41. Li kieku, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni setgħet tirrimedja għan‑nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, stipulati fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, il-bilanċ tas-sistema ta’ deċiżjoni ta’ investigazzjoni Ewropea bbażata fuq il-fiduċja reċiproka jitqiegħed fid-dubju peress li dan iwassal sabiex l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ stħarriġ tal-kundizzjonijiet sostantivi għall-ħruġ ta’ tali ordni.

54      Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea lill-Istat emittenti meta hija tirċievi ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li ma tkunx inħarġet minn awtorità emittenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(c) tal-istess direttiva.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rikonoxximent, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet ma jistax jissostitwixxi r-rekwiżiti applikabbli fl-Istat emittenti meta din l-ordni tkun inħarġet indebitament minn prosekutur filwaqt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex tinkiseb tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef.

 Dwar l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u talKunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti sabiex joħroġ, matul il-fażi preliminari ta’ proċeduri kriminali, ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-direttiva, intiża għall-kisba ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef.

2)      L-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2014/41 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rikonoxximent, mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet ma jistax jissostitwixxi r-rekwiżiti applikabbli fl-Istat emittenti meta din l-ordni tkun inħarġet indebitament minn prosekutur filwaqt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex tinkiseb tali data tkun taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-imħallef.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.