Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Venezia (l-Italja) fit-2 ta’ Marzu 2023 – UD, QO, VU, LO, CA vs Presidenza del Consiglio dei ministri, Ministero dell’Interno

(Kawża C-126/23, Burdene 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ordinario di Venezia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UD, QO, VU, LO, CA

Konvenuti: Presidenza del Consiglio dei ministri, Ministero dell‘Interno

Domandi preliminari

Fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu A, li jikkonċernaw kawża għad-danni mressqa minn ċittadini Taljani, residenti b’mod permanenti fl-Italja, kontra l-Istat fil-kapaċità tiegħu bħala leġiżlatur minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni u/jew l-implimentazzjoni żbaljata u/jew l-implimentazzjoni mhux sħiħa tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x‘taqsam ma‘ kupens għal vittmi ta‘ delitti 1 , u, b’mod partikolari, tal-obbligu stabbilit fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 12(2) tagħha li jintroduċu, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2005 (kif stabbilit mill-Artikolu 18(1) tagħha), abbażi ta’ sistema ġeneralizzata ta’ kumpens għad-danni, li tkun xierqa biex tiżgura kumpens adegwat u ekwu favur il-vittmi tar-reati vjolenti u intenzjonali kollha fil-każijiet fejn dawn ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens sħiħ għad-danni subiti mingħand il-persuni direttament responsabbli u fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni fiż-żmien (u/jew tat-traspożizzjoni inkompleta) fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004:

a)    fid-dawl tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 11(2 bis) tal-1egge n. 122 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2015-2016 (il-Liġi Nru 122, dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tal-Italja għall-Unjoni Ewropea – Liġi Ewropea 2015-2016), tas-7 ta’ Lulju 2016, kif emendata (mill-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 167 tal-20 ta’ Novembru 2017 u tal-Artikolu 1(593 sa 596) tal-Liġi Nru 145 tat-30 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 122/2016”)], li tissuġġetta l-ħlas ta’ kumpens lill-ġenituri u lil oħt il-vittma ta’ omiċidju, għan-nuqqas ta’ konjuġi u ta’ wlied tal-vittma stess, anki meta jkun hemm sentenza li tkun saret res judicata li tikkwantifika anki favurihom id-dritt għal kumpens għad-dannu impost fuq l-awtur tar-reat:

il-fatt li l-ħlas ta’ kumpens stabbilit favur il-ġenituri u oħt vittma tar-reati vjolenti intenzjonali jkun issuġġettat għan-nuqqas ta’ wlied u ta’ konjuġi ta’ din tal-aħħar (fir-rigward tal-ġenituri) u għan-nuqqas ta’ ġenituri (fir-rigward tal-aħwa), kif jipprovdi, fil-każ ta’ omiċidju, l-Artikolu 11(2 bis) tal-[Liġi Nru 122/2016] huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 kif ukoll mal-Artikoli 20 (ugwaljanza) u 21 (nondiskriminazzjoni), mal-Artikolu 33(1) (protezzjoni tal-familja) u mal-Artikolu 47 (dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (nondiskriminazzjoni)?

b)    fid-dawl tal-limitu tal-ħlas tal-kumpens:

kumpens li mal-ħlas tiegħu hemm marbuta r-riżerva stabbilita fl-Artikolu 11(3) tal-[Liġi Nru 122/2016], li tikkonsisti fil-formola “fil-limiti tal-fondi li jiddisponi minnhom il-Fond imsemmi fl-Artikolu 14”, mingħajr ebda dispożizzjoni li timponi fuq l-Istat Taljan li jirriżerva somom li jkunu konkretament suffiċjenti biex jippermettu l-kumpens, anki determinati fuq bażi statistika u li f’kull każ ikunu konkretament suffiċjenti biex jippermettu l-kumpens tal-aventi kawża f’terminu raġjonevoli, jista’ jitqies bħala “kumpens bil-fier u xieraq għal vittmi” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65