Language of document :

Kawża C128/22

Nordic Info BV

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal5 ta’ Diċembru 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 27 u 29 – Miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika – Miżuri ta’ portata ġenerali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju nazzjonali sabiex jitwettqu vjaġġi mhux essenzjali lejn Stati Membri kklassifikati bħala żoni ta’ riskju għoli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 kif ukoll l-obbligu għal kull vjaġġatur li jidħol fit-territorju nazzjonali minn wieħed minn dawn l-Istati Membri li jissottometti ruħu għal testijiet ta’ skrinjar u li josserva kwarantina – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Artikolu 23 – Eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija fil-qasam tas-saħħa pubblika – Ekwivalenza mal-eżerċizzju ta’ verifiki fil-fruntieri – Artikolu 25 – Possibbiltà ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Kontrolli mwettqa fi Stat Membru fil-qafas ta’ miżuri li jipprojbixxu l-qsim tal-fruntieri sabiex jitwettqu vjaġġi mhux essenzjali minn jew lejn Stati taż-żona Schengen ikklassifikati bħala żoni ta’ riskju għoli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19”

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika – Kunċett ta’ marda potenzjalment epidemika ddefinita fl-istrumenti rilevanti tal-WHO jew ta’ mard ieħor infettuż jew parassitarju kontaġġjuż – COVID19 – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Marda li hija s-suġġett ta’ sett ta’ miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat – Miżuri adottati għal finijiet mhux ekonomiċi – Verifika mill-qorti tar-rinviju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 27(1) u 29(1))

(ara l-punti 52 sa 54)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika – Kamp ta’ applikazzjoni – Inklużjoni tal-miżuri li jillimitaw ukoll id-dritt ta’ ħruġ – Kunċett ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu – Projbizzjoni ta’ qsim tal-fruntieri – Obbligu għall-vjaġġaturi li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru li jissuġġettaw ruħhom għal testijiet ta’ skrinjar u li josservaw kwarantina – Inklużjoni

(Artikoli 20 u 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 4, 5, 27(1) u 29(1))

(ara l-punti 55, 56, 58 u 59)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Dritt ta’ ħruġ u ta’ dħul – Kamp ta’ applikazzjoni – Ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq jitlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat sabiex imur fi Stat Membru ieħor – Ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Inklużjoni

(Artikoli 20 u 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 4(1))

(ara l-punt 60)

4.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika – Ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID19 – Miżuri restrittivi imposti fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvjaġġaw, għal raġunijiet mhux essenzjali, minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor ikklassifikat bħala żona ta’ riskju għoli jew minn tali Stat Membru – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ portata ġenerali li timponi tali miżuri – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji previsti fl-Artikoli 30 sa 32 ta’ din id-direttiva, rispett tad-drittijiet u osservanza tal-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 27(1), 29(1) u 30 sa 32)

(ara l-punti 62, 69 sa 76 u 98, u d-dispożittiv 1)

5.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata – Miżuri xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubbliku, limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ u mhux sproporzjonati fid-dawl ta’ dan il-għan – Verifika mill-qorti tar-rinviju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 31(1) u (3))

(ara l-punti 77, 81 sa 84, 87 u 90 sa 97)

6.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri – Tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID19 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-qsim tal-fruntieri interni sabiex jitwettqu vjaġġi mhux essenzjali minn jew lejn Stati taż-żona Schengen ikklassifikati bħala żoni ta’ riskju għoli – Kontrolli intiżi li tiġi żgurata l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni fit-territorju nazzjonali – Ħtieġa li dawn il-kontrolli jitwettqu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija mingħajr ma jkollhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri – Kontrolli intiżi li tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija leġiżlazzjoni mal-fruntieri interni – Ħtieġa li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 25 sa 28 tal-istess kodiċi

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikoli, 22, 23 u 25)

(ara l-punti 104, 105, 109, 123, 128 u 129, u d-dispożittiv 2)

7.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri – Tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Verifiki ġewwa t-territorju – Miżuri ta’ kontroll li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija li ma għandux ikollhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-indizji previsti fil-punti (i) sa (iv) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) ta’ dan il-kodiċi

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikolu 23(a))

(ara l-punti 111 sa 113, u 117 sa 122)

8.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Kodiċi tal-Unjoni dwar il-qsim tal-fruntieri – Tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna – Theddida sanitarja kkawżata mill-pandemija tal-COVID19 – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/399, Artikolu 25)

(ara l-punti 125 sa 127)

Sunt

Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, f’Lulju 2020 digriet ministerjali Belġjan ipprojbixxa l-vjaġġi mhux essenzjali bejn il-Belġju u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi taż-żona Schengen u r-Renju Unit, fil-każ li dawn il-pajjiżi jkunu kklassifikati bħala żoni ta’ riskju għoli (“żoni ħomor”) fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom jew tal-livell ta’ miżuri sanitarji restrittivi meħuda mill-awtoritajiet tagħhom. Il-leġiżlazzjoni Belġjana kienet tipprevedi wkoll l-obbligu, għal kull vjaġġatur li jidħol fit-territorju nazzjonali minn wieħed minn dawn il-pajjiżi, li jissottometti ruħu għal testijiet ta’ skrinjar u li josserva kwarantina.

Matul dan il-perijodu, l-awtoritajiet Belġjani kienu jwettqu kontrolli sabiex jivverifikaw l-osservanza ta’ dawn il-miżuri.

Bejn it‑12 u l‑15 ta’ Lulju 2020, l-Isvezja kienet inkluża fost il-pajjiżi kklassifikati bħala żoni ta’ riskju għoli. Nordic Info BV, aġenzija speċjalizzata fil-vjaġġi lejn u minn l-Iskandinavja, ikkanċellat, sabiex tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni Belġjana, il-vjaġġi kollha previsti mill-Belġju lejn l-Isvezja matul l-istaġun tas-sajf.

Din l-aġenzija tal-ivvjaġġar għalhekk ippreżentat rikors quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju, fejn talbet kumpens għad-dannu li fil-fehma tagħha kienet ġarrbet minħabba nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-Istat Belġjan fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

Permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jekk tali leġiżlazzjoni ġenerali ta’ Stat Membru kinitx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (1) li jirregolaw il-miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment adottati għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika (2). Min-naħa l-oħra, hija staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-projbizzjoni ta’ qsim tal-fruntieri interni ta’ dan l-Istat Membru sabiex jitwettqu vjaġġi mhux essenzjali minn jew lejn pajjiżi taż-żona Schengen ikklassifikati bħala żoni ta’ riskju għoli kinitx kompatibbli mal-artikoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (3) dwar l-assenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni, dwar il-possibbiltà li dawn il-kontrolli jiġu introdotti mill-ġdid b’mod temporanju u dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija (4).

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet fl-affermattiv għal dawn id-domandi, filwaqt li ppreċiżat il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa tali leġiżlazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tal-legalità, fid-dawl tad-Direttiva 2004/38, ta’ miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment stabbiliti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ pandemija bħalma kienet dik tal-COVID‑19, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi dawn il-miżuri għandha tosserva l-kundizzjonijiet u l-garanziji kollha previsti fl-Artikoli 30 sa 32 ta’ din id-direttiva, għandha tirrispetta d-drittijiet u għandha tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet, u għandha tosserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-ewwel lok, li, minkejja li jinsabu fil-kapitolu tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2004/38 isemmu espliċitament il-“libertà ta’ moviment”, b’tali mod li jkopru ż-żewġ aspetti ta’ din il-libertà, jiġifieri d-dritt ta’ dħul u d-dritt ta’ ħruġ, u b’tali mod li jippermettu lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jirrestrinġu kemm wieħed minn dawn id-drittijiet kif ukoll l-ieħor għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Il-miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu u li jistgħu jiġu adottati minn Stat Membru għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika taħt dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu għalhekk jinvolvu mhux biss projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jitwettqu, bħalma kien il-każ f’din il-kawża, vjaġġi mhux essenzjali, iżda jistgħu jinvolvu wkoll obbligu għall-vjaġġaturi li jidħlu f’dan it-territorju li jissottomettu ruħhom għal testijiet ta’ skrinjar u li josservaw kwarantina.

Fit-tieni lok, ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma tipprekludi li tali miżuri restrittivi jiġu stabbiliti fil-forma ta’ att b’portata ġenerali li jikkonċerna mingħajr ebda distinzjoni lil kull persuna li taqa’ f’sitwazzjoni koperta minn dan l-att. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-mard li jista’ jiġġustifika tali miżuri – jiġifieri mard infettuż jew parassitarju kontaġġjuż bħalma hija l-COVID‑19 – jista’ jaffettwa, minħabba l-karatteristiċi tiegħu stess, popolazzjonijiet sħaħ irrispettivament mill-aġir tal-individwi li jagħmlu parti minnhom.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, minkejja l-formulazzjoni tagħhom, li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, hija maħsuba għal deċiżjonijiet individwali, il-kundizzjonijiet u l-garanziji kollha previsti fl-Artikoli 30 sa 32 tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu osservati wkoll meta l-miżuri restrittivi jiġu adottati fil-forma ta’ atti ta’ portata ġenerali. B’hekk, skont l-Artikolu 30(1) u (2) ta’ din id-direttiva, kull att ta’ portata ġenerali li jistabbilixxi miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika għandu jiġi kkomunikat lill-pubbliku fil-kuntest ta’ pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat Membru li jadottah u permezz ta’ xandir fil-mezzi tal-komunikazzjoni uffiċjali li jkun suffiċjenti sabiex il-kontenut u l-effetti ta’ dan l-att ikunu jistgħu jinftehmu, flimkien mar-raġunijiet preċiżi ta’ saħħa pubblika invokati insostenn tal-imsemmi att. Barra minn hekk, sabiex jiġu osservati l-garanziji previsti fl-Artikoli 30(3) u 31 tal-imsemmija direttiva, l-att ta’ portata ġenerali għandu jkun jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju u, jekk ikun il-każ, amministrattiv, li l-modalitajiet għall-eżerċizzju tiegħu għandhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku. Tali miżuri restrittivi għandhom josservaw ukoll il-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet stabbilit fil-Karta.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38, kull miżura li tirrestrinġi l-moviment liberu stabbilita għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika għandha tkun proporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex, fejn il-proporzjonalità ta’ tali miżura għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, fil-prattika, li jiġi vverifikat, l-ewwel, li tali miżuri huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, f’dan il-każ il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, it-tieni, li dawn il-miżuri huma limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ, jiġifieri li dan l-għan ma jkunx jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant ieħor effettiv b’mezzi oħra inqas onerużi għad-drittijiet u għal-libertajiet iggarantiti lill-persuni kkonċernati, u, it-tielet, li l-imsemmija miżuri ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan, li jimplika b’mod partikolari bbilanċjar tal-importanza ta’ dan l-għan u tal-gravità tal-indħil f’dawn id-drittijiet u libertajiet.

Fir-rigward tal-kontrolli intiżi li tiġi żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali kontrolli jistgħu jitwettqu fit-territorju nazzjonali fil-każ biss li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija, fis-sens tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-każ li l-imsemmija kontrolli jitwettqu direttament fil-fruntieri interni, huwa meħtieġ li l-Istat Membru josserva l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikoli 25 sa 28 ta’ dan il-kodiċi dwar l-introduzzjoni mill-ġdid b’mod temporanju tal-kontrolli fil-fruntieri interni, fejn it-theddida kkawżata minn pandemija bħalma hija dik tal-COVID‑19 tikkorrispondi għal theddida gravi għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fis-sens tal-Artikolu 25(1) tal-imsemmi kodiċi.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lill-Istati Membri d-dritt li jwettqu, fit-territorju nazzjonali tagħhom, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri, kontrolli li jkunu ġġustifikati mill-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija kemm-il darba dan l-eżerċizzju ma jkollux effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fil-fruntieri, punt dan li kellu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Għal dan il-għan, il-punti (i) sa (iv) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) ta’ dan il-kodiċi jipprovdu indizji li jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ tali kompetenzi tal-pulizija.

F’dan ir-rigward, fir-rigward, l-ewwel, tal-indizju previst fil-punt (i) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) tal-imsemmi kodiċi, l-għanijiet imfittxija mill-kontrolli għandhom ikunu distinti minn dawk imfittxija mill-verifiki fil-fruntieri, jiġifieri dawk intiżi li jiġi żgurat li l-persuni jistgħu jkunu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru jew joħorġu minnu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan jidher li kien il-każ f’din il-kawża sa fejn l-għan prinċipali tal-kontrolli intiżi li tiġi żgurata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni kien li jitrażżan, b’urġenza, it-tixrid tal-COVID‑19 fi ħdan il-popolazzjoni Belġjana.

It-tieni, fir-rigward tal-indizju previst fil-punt (ii) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa biżżejjed li dawn il-kontrolli jkunu ġew ippjanati u implimentati fid-dawl ta’ ċirkustanzi li jistabbilixxu b’mod oġġettiv riskju ta’ ħsara gravi u serja għas-saħħa pubblika, liema riskju jista’ jiġi invokat minn Stat Membru taħt din id-dispożizzjoni, u abbażi ta’ għarfien ġenerali li kellhom l-awtoritajiet fir-rigward taż-żoni ta’ dħul fit-territorju nazzjonali u ta’ ħruġ minnu li minnhom kienu mistennija jgħaddu numru kbir mill-vjaġġaturi koperti mill-imsemmija projbizzjoni.

It-tielet, fir-rigward tal-indizji previsti fil-punti (iii) u (iv) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontrolli kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, kellhom jitwettqu b’mod aleatorju u, għaldaqstant, kellhom ikunu “saltwarji” u, min-naħa l-oħra, kellhom ikunu mfassla u eżegwiti b’mod li jkunu b’mod ċar distinti mill-verifiki sistematiċi mwettqa fuq il-persuni fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ pandemija bħalma kienet dik tal-COVID‑19, l-Istati Membri għandhom ċertu marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-intensità, tal-frekwenza u tas-selettività tal-kontrolli.

Fit-tieni lok, fil-każ li jirriżulta li l-kontrolli inkwistjoni twettqu fil-fruntieri interni, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika jekk ir-Renju tal-Belġju osservax il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikoli 25 sa 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għall-introduzzjoni mill-ġdid b’mod temporanju tal-kontrolli fil-fruntieri interni fil-każ ta’ theddida gravi għall-ordni pubbliku u/jew għas-sigurtà interna. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li pandemija ta’ portata bħalma kienet il-COVID‑19 tista’ tiġi kklassifikata bħala theddida gravi għall-ordni pubbliku u/jew għas-sigurtà interna, fis-sens tal-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi, sa fejn tista’ taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri li tiġi żgurata l-ħajja taċ-ċittadini, u sa fejn tolqot is-sopravivenza stess ta’ parti mill-popolazzjoni, b’mod partikolari tal-iktar persuni vulnerabbli.


1      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad 29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


2      Dawn huma, b’mod partikolari, l-Artikoli 27 u 29 ta’ din id-direttiva.


3      Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad 9 ta’ Marzu 2006 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 30 ta’ Novembru 2017 (ĠU 2017, L 327, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 312, p. 107).


4      B’mod partikolari, l-Artikoli 22, 23 u 25 ta’ dan il-kodiċi.