Language of document : ECLI:EU:T:2016:282

Kawża T‑529/13

Balázs-Árpád Izsák

u

Attila Dabis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Politika ta’ koeżjoni – Reġjuni b’minoranza nazzjonali – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Nuqqas manifest ta’ attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni – Artikolu 4(2)(b) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’Mejju 2016

1.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

[Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2)]

2.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċitttadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni – Informazzjoni li għandha takkumpanja proposta – Informazzjoni dwar is-suġġett, l-għanijiet u l-kuntest – Natura fakultattiva – Konsegwenza tal-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni – Obbligu ta’ eżami mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 4(2)(b) u Anness II)

3.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċitttadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni – Proposta li għandha tinsab fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni – Konstatazzjoni, wara l-ewwel eżami, tan-nuqqas manifest ta’ attribuzzjonijiet – Ċaħda tal-proposta – Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Assenza

[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1) ; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikoli 4(2)(b) u 10(1)(ċ))]

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Għażla li għandha tiġi bbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 5 TUE)

5.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Adozzjoni ta' att intiż li jagħti status partikolari lir-reġjuni b’minoranza nazzjonali mingħajr rigward għas-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali prevalenti fl-Istati Membri kkonċernati – Esklużjoni

(Artikolu 4(2) TFUE; Artikolu 174 sa 178 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1059/2003, Artikolu 3(5))

6.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Adozzjoni ta’ att intiż li jipprevjeni kwalunkwe diverġenza fl-iżvilupp ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali minħabba l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tagħhom – Esklużjoni

(Artikoli 2 TUE u 6(1) TUE; it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 174 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21(1) u 51(1))

7.      Kultura –Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Adozzjoni ta’ att intiż li jimpelementa, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, ċerti garanziji li jippermettu ż-żamma tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali – Esklużjoni

(Artikolu 3(3) TUE; Artikolu 167 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 22)

8.      Unjoni Ewropea – Kompetenzi – Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni – Portata – Adozzjoni ta’ att intiż li jipprevjeni kwalunkwe diverġenza fl-iżvilupp ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali minħabba l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tagħhom – Esklużjoni

(Artikolu 19(1) TFUE)

9.      Rikors għal annullament – Motivi – Abbuż ta’ poter – Kunċett

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Konformement mad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-1991, it-tressiq ta’ motivi ġodda wara d-depożitu tar-rikors huwa pprojbit sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu ġew żvelati matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ ilment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża.

(ara l-punti 32, 33)

2.      Mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, u mill-Anness II tiegħu jirriżulta li l-Kummissjoni teżamina l-informazzjoni kkomunikata mill-organizzaturi sabiex tevalwa jekk il-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan l-istess regolament. F'dan ir-rigward, fir-rigward tad-dritt tal-organizzaturi li jipprovdu l-“informazzjoni stipulata fl-Anness II”, li għaliha jirreferi l-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, din l-informazzjoni ma hijiex limitata għall-informazzjoni minima li, skont dan l-istess anness, għandha tingħata fir-reġistru.

Fil-fatt, id-dritt, rikonoxxut fl-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, għall-organizzaturi tal-proposta ta’ inizjattiva sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar is-suġġett, l-għanijiet jew il-kuntest ta’ din il-proposta, jew abbozz ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, għandu bħala korollarju l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-imsemmija informazzjoni, kif ukoll kull informazzjoni oħra pprovduta skont l-imsemmi anness, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ. Konsegwentement, irrispettivament mill-punt jekk l-informazzjoni rikjesta, ipprovduta fir-reġistru, kinitx biżżejjed, sabiex tevalwa jekk il-proposta kontenzjuża tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni supplimentari.

Barra minn hekk, huma l-organizzaturi ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini li għandhom jevalwaw, f’kull każ, jekk huwiex fl-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom, rikonoxxut fl-Anness II għar-Regolament Nru 211/2011, li jipprovdu l-imsmemija informazzjoni addizzjonali, billi jitqies l-obbligu korrelattiv li għandha l-Kummissjoni sabiex teżaminahom għall-finijiet li tevalwa, b’mod partikolari, jekk il-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini għandhiex tiġi rreġistrata. Madankollu, wara li l-organizzaturi ta’ proposta taċ-ċittadini iddeċidew li jeżerċitaw id-dritt tagħhom u li jipprovdu tali informazzjoni supplimentari, din tal-aħħar għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, mingħajr li din tal-aħħar tista’ u għandha tistaqsi dwar jekk l-inklużjoni tal-imsemmija informazzjoni hijiex jew le fl-interess tal-organizzaturi.

(ara l-punti 47-50, 56)

3.      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, jirriżulta li l-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni inizjali tal-elementi li għandha sabiex tevalwa jekk il-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini manifestament ma taqax fil-qafas tal-attribuzzjonijiet tagħha, peress li huwa ppreċiżat li eżami iktar komplet huwa previst fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-proposta. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 jipprovdi li, meta l-Kummissjoni tirċievi l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, hija tippreżenta, f’terminu ta’ tliet xhur, permezz ta’ komunikazzjoni, il-konklużjonijiet ġuridiċi u politiċi tagħha dwar l-imsemmija inizjattiva, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ikun il-każ, kif ukoll ir-raġunijiet għaliex biħsiebha tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjioni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peres li hija, ġustament, irrifjutat li tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

(ara l-punti 60, 24, 125)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 66)

5.      Minn qari tal-Artikolu 174 TFUE sa 178 TFUE flimkien jirriżulta li l-leġiżlatur jista’ jadotta miżuri sabiex jippromwovi żvilupp armonjuż fl-Unjoni Ewropea kollha u, b’mod partikolari, inaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u d-dewmien tar-reġjuni li huma l-inqas vantaġġjati, billi tingħata, f’dan ir-rigward, attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni milquta mit-tranżizzjoni industrijali u lir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti bħalma huma r-reġjuni tat-tramuntana l-iktar imbiegħda li għandhom densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u r-reġjuni tal-gżejjer, dawk transkonfinali u tal-muntanji.

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 174 TFUE sa 178 TFUE ma jistgħux jikkostitwixxu bażijiet legali għall-adozzjoni ta’ att li jwassal li jiġi ddefinit mill-ġdid il-kunċett ta’ reġjun, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet, billi jingħata status reali lir-reġjuni b’minoranza nazzjonali, u dan mingħajr ma ttiqies is-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali preavlenti fl-Istati Membri kkonċernati. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, tirrispetta s-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali prevalenti fl-Istati Membri. B’hekk, meta, għall-finijiet li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ data statistika reġjonali, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 1059/2003, dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika, jipprevedi li jitqiesu kriterji bħas-sitwazzjoni ġeografika, soċjoekonomika, storika, kulturali jew ambjentali, huwa biss għall-finijiet ta’ aggregazzjoni, f’unità mhux amministrattiva ta’ daqs suffiċjenti f’termini ta’ popolazzjoni, ta’ unitajiet amministrattivi fl-Istati Membri kkonċernati u għall-iskop uniku li tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-istatistika eżistenti fil-livell ta’ żvilupp ta’ dawn l-unitajiet amministrattivi varji.

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax, mingħajr ma jikser l-Artikolu 4(2) TUE, jadotta att li jiddefinixxu r-reġjuni b’minoranza nazzjonali, li jaspiraw li jirċievu attenzjoni speċjali fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni abbażi ta’ kriterji awtonomi u, għaldaqstant, mingħajr ma titqies is-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali eżistenti fl-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li r-reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jikkorrispondu għal unitajiet amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri kkonċernati jew aggregati ta’ tali unitajiet, iż-żamma tal-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni ma hijiex għan li seta’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ att ġuridiku tal-Unjoni abbażi tal-Artikoli 174 TFUE, 176 TFUE, 177 TFUE u 178 TFUE.

(ara l-punti 69, 72, 74-77)

6.      Skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija msejsa fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali. Issa, l-Artikolu 6(1) TUE jipprovdi li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Karta, li għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, u l-Artikolu 51(1) tal-imsemmija Karta jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni fl-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà biss meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza kondiviża tagħhom fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni u komunitajiet minħabba li jappartjenu għal minoranza nazzjonali.

F'dan ir-rigward, la l-Artikolu 2 TUE, la l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni intiżi kontra d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ibbażati fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, ma jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni sabiex tipproponi, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, att ġuridiku tal-Unjoni intiż li jipprevjenu kwalunkwe diverġenza jew ritard fl-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali mqabbla mar-reġjuni tal-madwarhom, minħabba l-iżvantaġġ li jikkostitwixxu, għal tal-ewwel, il-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi. B’mod iktar speċifiku, filwaqt li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jikkonstata li r-reġjuni l-iktar fit-tramuntana b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna u r-reġjuni insulari, transkonfinali u dawk muntanjużi jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi li jikkorrispondi mal-insularità tagħhom, man-natura tagħhom transkonfinali, mat-terren tagħhom, mal-iżolament tagħhom, mad-densità tal-popolazzjoni baxxa jew baxxa ħafna tagħhom, ma jsemmix ir-reġjuni li l-karatteristiċi tagħhom etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi huma differenti minn dawk tar-reġjuni tal-madwar.

(ara l-punti 82-84, 86)

7.      Mill-Artikolu 167 TFUE u, b’mod iktar preċiż mil-paragrafi 2 u 5 ta’ dan l-istess artikolu jirriżulta li, bħala parti mill-politika kulturali tal-Unjoni u sabiex tikkontribwixxi għat-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom, u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jadotta miżuri ta’ inkoraġġiment, eskluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri, jew rakkomandazzjonijiet li jsegwu għanijiet preċiżi, jiġifieri, l-ewwel nett, it-titjib fit-tagħrif u fit-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej, it-tieni nett, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinjifikattiv, it-tielet nett, l-iskambji kulturali mhux kummerċjali, u r-raba’ nett, il-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi dawk fis-settur awdjoviżiv.

Ma tikkontribwixxix għal wieħed mill-għanijiet segwiti mill-politika kulturali tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 167 TFUE, proposta ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, intiża li timplementa, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, ċerti garanziji sabiex il-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali jkunu jistgħu jinżammu. Fil-fatt, iż-żamma, permezz ta’ tali karatteristiċi, ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali, jew l-għarfien ta’ status ta’ awtonomija ta’ tali reġjuni, sabiex tiġi implementata l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, hija għan li, minn naħa, imur ferm lil hinn mis-sempliċi kontribuzzjoni għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li jirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom, jew tas-sempliċi enfasi tal-wirt kulturali komuni u li, min-naħa l-oħra, ma huwiex marbut ma’ wieħed mill-għanijiet imsemmija preċiżament fl-Artikolu 167(2) TFUE. La l-Artikolu 3(3) TUE, la l-Artikolu 167(1) TFUE u lanqas l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jippermettu lill-Kummissjoni li tipproponi, fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, att ġuridiku li jipproteġi d-diversità kulturali irrappreżentata mill-minoranzi nazzjonali.

(ara l-punti 98-102)

8.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija minnhom lill-Unjoni, l-Artikolu 19(1)TFUE jawtorizza lill-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jadotta l-miżuri xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi bażi legali xierqa sabiex tipproponi att ġuridiku tal-Unjoni li jikkonċerna r-reġjuni b’minoranza nazzjonali li ma huwiex intiż kontra diskriminazzjonijiet li kienu vittmi tagħhom il-persuni jew il-popolazzjonijiet impjantati f’reġjuni b’minoranza nazzjonali, minħabba l-appartenenza tagħhom għal tali minoranza, iżda sabiex tipprevjeni kwalunkwe diverġenza jew ritard fl-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali mqabbla mar-reġjuni tal-madwar, minħabba l-iżvantaġġ li jikkostitwixxu, għal tal-ewwel, il-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi tagħhom.

(ara l-punti 111-113)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 118)