Language of document : ECLI:EU:T:2004:330

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

10 ta' Novembru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta l-forma ta' ppakkjar mibrum ta' ħelu (forma ta' ħelwa mgeżwra) – Suġġett ta' l-applikazzjoni – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu – Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Dritt tas-smiegħ – Artikolu 73(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-402/02,

August Storck KG, stabbilita f'Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Wrage-Molkenthin, T. Reher, A. Heise u I. Rohr, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn B. Müller u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, tat-18 ta' Ottubru 2002 (kawża R 0256/2001-2), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark li tirrappreżenta ppakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra),

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Diċembru 2002,

wara li rat ir-risposta tad-difiża ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' April 2003,

wara s-seduta tas-16 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-30 ta' Marzu 1998, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija r-rappreżentazzjoni, f'perspettiva, ta' forma ta' ppakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra), li hija riprodotta hawnhekk:

                     *** hawnhekk għandha tiġi mehmuża l-istampa ***  

3        Ir-rikorrenti kkwalifikat it-trade mark tagħha bħala waħda figurattiva u talbet il-kulur "kannella ċar ('caramel')".

4        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Ħelu".

5        Permezz ta' komunikazzjoni tat-3 ta' Awwissu 1998, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li, taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark tagħha ma setgħatx tiġi aċċettata għar-reġistrazzjoni.

6        Permezz ta' ittra tal-5 ta' Ottubru 1998, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-oġġezzjonijiet ta' l-eżaminatur. Wara li kkwalifikat it-trade mark mitluba bħala waħda tridimensjonali, ir-rikorrenti indikat li l-partikolarità tal-forma ta' l-ippakkjar in kwistjoni kienet il-kulur lewn id-deheb tagħha li jagħtiha l-minimu ta' karattru distintiv meħtieġ. Fi kwalunkwe każ, it-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-"karamelli" minħabba l-użu magħmul mill-imsemmija trade mark.

7        Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2001, wara li ppreċiża li l-applikazzjoni tar-rikorrenti kienet tikkonċerna trade mark figurattiva, l-eżaminatur ċaħadha minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u minħabba li ma kinitx kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu fir-rigward tal-karamelli, fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament.

8        Fit-13 ta' Marzu 2001, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur. F'dan l-appell ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur fl-intier tagħha. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha tat-18 ta' Mejju 2001, li fihom spjegat il-motivi ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti tenniet l-asserzjoni li t-trade mark mitluba kienet trade mark tridimensjonali filwaqt li ppreċiżat li din it-trade mark tlaqqa' tliet kuluri differenti, jiġifieri l-isfar trasparenti, kulur id-deheb brillanti u l-abjad. Sussidjarjament, hija indikat li l-lista ta' prodotti koperti mit-trade mark mitluba għandha tiġi limitata għal "ħelu tal-karamell" biss fl-eventwalità li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku u minħabba nuqqas ta' karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu fir-rigward ta' "ħelu".

9        Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Ottubru 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrenti fil-31 ta' Ottubru 2002, it-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet ir-rikors minħabba li t-trade mark mitluba ma kinitx distintiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u minħabba li lanqas ma setgħet tiġi rreġistrata taħt l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament.

10      Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appel qies li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, irrispettivament min-natura figurattiva jew tridimensjonali tat-trade mark, kellha tiġi miċħuda taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fir-rigward, b'mod partikolari, tal-kulur ta' l-ippakkjar in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell, wara li fakkar li l-kulur mitlub fl-applikazzjoni għat-trade mark kien il-"kannella ċar ('caramel')", iddikjara li abbażi tar-riproduzzjoni grafika tat-trade mark mitluba, ma kienx irnexxielu jiddistingwi t-tliet kuluri invokati mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li jesponu l-motivi ta' l-appell. F'din ir-riproduzzjoni l-kulur jidher pjuttost bħala lewn id-deheb jew bħala sfumatura ta' lewn id-deheb li l-użu tiegħu fir-rigward ta' l-ippakkjar ta' ħelu huwa normali u frekwenti fil-kummerċ. Barra minn hekk, huwa qies li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi pprovat li, minħabba l-użu magħmul mit-trade mark mitluba, din kienet kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-ħelu b'mod ġenerali jew, b'mod partikolari, fir-rigward tal-karamelli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta' ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Mejju 2003, ir-rikorrenti talbet, skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta replika, awtorizzazzjoni li ma ngħatatx mill-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

12      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-UASI jbati l-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti tqajjem għal darb'oħra l-kwistjoni tal-kwalifikazzjoni tat-trade mark mitluba filwaqt li ġieli tirreferi għaliha bħala trade mark figurattiva u ġieli bħala trade mark tridimensjonali.

15      Fir-rigward tal-kulur mitlub, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li espona l-Bord ta' l-Appell fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba jirriżulta li din tinkludi tliet kuluri. Iċ-ċentru tat-trade mark huwa lewn id-deheb, filwaqt li l-partijiet laterali, li huma mibruma, huma t-tnejn li huma bojod u isfar trasparenti. Permezz tal-kuntrast fil-materjali bejn il-kisja trasparenti u l-kisja opaka, it-trade mark tagħti l-impressjoni li għandha tliet kuluri.

16      Fl-aħħar nett, filwaqt li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Bord ta' l-Appell li, inġustament, ċaħad li jirrikonoxxi l-karattru reġistrabbli tat-trade mark mitluba u li ċaħad ukoll l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-rigward tal-"ħelu tal-karamell" biss, limitazzjoni fir-rigward tal-lista ta' prodotti koperti mill-applikazzjoni li r-rikorrenti kienet ipproponiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li esponew il-motivi ta' l-appell tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fl-eventwalità li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tinċaħad minħabba nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku fir-rigward tal-ħelu. Fil-fatt, skondha, fi kwalunkwe każ, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-rigward tal-"ħelu tal-karamell" ma tistax tiġi miċħuda minħabba l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

17      L-UASI josserva li t-trade mark mitluba hija trade mark figurattiva u jfakkar li kienet ikkwalifikata bħala tali fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mressqa mir-rikorrenti.

18      Fir-rigward tal-kulur tat-trade mark mitluba, l-UASI jfakkar, l-ewwel nett, li r-rikorrenti, fl-applikazzjoni tagħha, kienet talbet il-kulur "kannella ċar ('caramel')". It-tieni nett huwa jirreferi għall-konstatazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, fil-punti 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, il-kulur fir-riproduzzjoni grafika tat-trade mark mitluba jidher pjuttost bħala lewn id-deheb u bħala sfumatura ta' lewn id-deheb milli bħala "kannella ċar ('caramel') u, min-naħa l-oħra, li huwa impossibbli li jiġu distinti t-tliet kuluri (isfar trasparenti, deheb brillanti u abjad) ta' l-imsemmija riproduzzjoni. Ir-riproduzzjoni ta' trade mark figurattiva għandha tkun aktar preċiża minn kull deskrizzjoni oħra u għandha tieħu preċedenza fuq deskrizzjonijiet diverġenti tagħha li jistgħu jsiru. Safejn il-Bord ta' l-Appell manifestament ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-riproduzzjoni grafika tat-trade mark mitluba, ftit huwa importanti l-fatt jekk it-trade mark hijiex deskritta bħala li għandha "sfumatura ta' lewn id-deheb", kif għamel il-Bord ta' l-Appell, jew bħala li għandha tliet kuluri, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti.

19      Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-lista ta' prodotti għall-"ħelu tal-karamell" biss, kif talbet sussidjarjament ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li jesponu l-motivi ta' l-appell tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell, l-UASI jirreferi għall-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata u jsostni li d-distinzjoni bejn is-suq tal-ħelu u s-suq tal-karamelli m'għandha l-ebda rilevanza f'dan il-każ, la mill-aspett ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas mill-aspett ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-imsemmi regolament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

20      Fid-dawl ta' l-argumenti diverġenti tal-partijiet dwar ċerti elementi ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni, jaqbel li l-kategorija tat-trade mark mitluba, il-kulur mitlub u l-prodotti koperti minn din it-trade mark jiġu eżaminati wara xulxin.

 Fuq il-kategorija tat-trade mark mitluba

21      Kif jirriżulta mill-formola ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark mimlija mir-rikorrenti, ir-reġistrazzjoni kienet mitluba fir-rigward ta' trade mark figurattiva. Madankollu, quddiem l-eżaminatur u l-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti kkwalifikat it-trade mark bħala waħda tridimensjonali. Il-Bord ta' l-Appell, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitluba, ftit huwa importanti l-fatt jekk hijiex involuta trade mark figurattiva jew tridimensjonali. Skond il-Bord ta' l-Appell, "[…] fl-ewwel każ hija involuta l-konfigurazzjoni ta' ppakkjar ta' ħelwa u, fit-tieni każ, ir-rappreżentazzjoni grafika ta' ħelwa ppakkjata f'ippakkjar normali għall-ħelu […]". Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza r-rikorrenti reġgħet irreferiet għall-karattru tat-trade mark mitluba (ara l-punt 14 aktar 'il fuq).

22      F'dawn iċ-ċirkustanzi, u safejn ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma ressqitx rikors sabiex temenda l-applikazzjoni tagħha, taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p.1), għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark mitluba hija trade mark figurattiva [ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Henkel vs UASI (Immaġni ta' deterġent), T-30/00, Ġabra p. II-2663], komposta mir-rappreżentazzjoni ta' forma ta' ppakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra) ta' prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark.

 Fuq il-kulur mitlub

23      Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, "[t]rade mark Komunitarja tista' tikkonsisti f'sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b'mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta' prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriża oħra".

24      Skond ir-Regola 3(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jekk l-applikant ma jitlobx rappreżentazzjoni grafika jew kulur partikolari, it-trade mark għandha tkun riprodotta fl-applikazzjoni b'kitba normali, per eżempju, billi jiġu ttajpjati ittri, numri u sinjali ta' punteġġatura. Ir-Regola 3(2) tipprovdi li, fil-każijiet kollha minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu (1), it-trade mark għandha tkun riprodotta fuq paġna separata mehmuża ma' l-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, skond il-paragrafu (5) ta' l-istess regola, jekk ir-reġistrazzjoni tintalab bil-kulur, dan għandu jkun indikat fl-applikazzjoni. Il-kuluri li minnhom hija komposta t-trade mark għandhom ikunu indikati wkoll. Fir-rigward tar-riproduzzjoni msemmija fil-paragrafu (2), din għandha tkun tikkonsisti fir-riproduzzjoni bil-kulur tat-trade mark.

25      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li rappreżentazzjoni grafika, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, għandha tippermetti lis-sinjal li jiġi rrappreżentat viżivament, b'mod partikolari permezz ta' figuri, linji jew ta' karattri, b'tali mod li jkun jista' jiġi identifikat b'eżattezza. Sabiex tissodisfa l-użu tagħha, ir-rappreżentazzjoni grafika, fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, għandha tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nfisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, durabbli u oġġettiva (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punti 46 sa 55, u tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punti 28 u 29).

26      Għalhekk, kien deċiż li sempliċi kampjun ta' kulur ma jissodisfax, fih innifsu, ir-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti minħabba li jista' jinbidel maż-żmien. Mill-banda l-oħra, l-assoċjazzjoni ta' kampjun, kulur u ta' deskrizzjoni verbali tal-kulur tista' tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika fis-sens ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94 sakemm id-deskrizzjoni tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nfisha, aċċessibbli faċilment, intelliġibbli u oġġettiva. Jekk din l-assoċjazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika, b'mod partikolari permezz ta' nuqqas ta' preċiżjoni jew ta' durabbiltà, dan in-nuqqas jista', jekk ikun il-każ, jiġi rrimedjat biż-żieda ta' indikazzjoni tal-kulur permezz ta' kodiċi ta' identifikazzjoni rikonoxxut internazzjonalment. Fil-fatt, kodiċi bħal dawn huma rikonoxxuti bħala preċiżi u stabbli (sentenza Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, punti 31 sa 38).

27      F'dan il-każ, fil-parti tal-formola rriżervata għall-indikazzjoni tal-kulur tat-trade mark mitluba, ir-rikorrenti indika li l-kulur mitlub kien il-kannella ċar (caramel). Abbażi tar-riproduzzjoni tat-trade mark mitluba, l-eżaminatur ikkunsidra li t-trade mark kienet kulur id-deheb u li l-użu tal-folji ta' l-ippakkjar kulur id-deheb, li kellhom sfumatura ta' lewn id-deheb jew ta' deheb li jagħti fl-aħmar, fil-blu jew fl-aħdar, huwa komuni ħafna, b'mod partikolari fis-settur tal-ħelu. Quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti rreferiet għal tliet kuluri, jiġifieri isfar trasparenti, deheb brillanti u abjad. Wara li fakkar li r-rikorrenti kienet inizjalment talbet il-kulur "kannella ċar ('caramel'), il-Bord ta' l-Appell qies li, fuq ir-riproduzzjoni grafika tat-trade mark, il-kulur kien jidher pjuttost bħala lewn id-deheb jew bħala li għandu sfumatura ta' lewn id-deheb, filwaqt li t-tliet kuluri tat-trade mark invokati mir-rikorrenti ma setgħux jiġu distinti. Il-Bord ta' l-Appell żied li ma kienx rari li wieħed isib ippakkjar ta' ħelu ta' dan il-kulur u l-fatt li l-ħelu tar-rikorrenti kienu ppakkjati f'karta tas-selofejn li fiha kien hemm strixxa kulur id-deheb ta' materjal tal-plastik ma kellu l-ebda rilevanza. Skondu, ir-riżultat kien identiku, jiġifieri li l-ħelu kien jidher ippakkjat f'ippakkjar lewn id-deheb li ma jistax jingħad li mhux komuni bħala ppakkjar ta' ħelu (punti 14, 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta' deskrizzjoni ċara u preċiża tal-kulur tat-trade mark mitluba mir-rikorrenti, il-kontradizzjoni bejn id-deskrizzjonijiet differenti bejniethom u bejn id-deskrizzjonijiet u l-kulur li jidher fir-riproduzzjoni grafika tat-trade mark, fin-nuqqas ta' xi riferiment għall-kodiċi ta' identifikazzjoni rrikonoxxuti internazzjonalment u fin-nuqqas ta' rikors sabiex tiġi emendata l-applikazzjoni bil-għan li tiġi kkjarifikata d-deskrizzjoni tal-kuluri mitluba, skond l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta' l-Appell ġustament ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-kulur predominanti li kien jidher fir-riproduzzjoni grafika tat-trade mark in kwistjoni, jiġifieri kulur id-deheb. Barra minn hekk, bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti ammettiet, matul is-seduta, li t-trade mark mitluba kienet komposta minn karta tas-selofejn fil-forma ta' ħelwa mgeżwra li l-kulur predominanti tagħha huwa d-deheb.

Fuq il-prodotti koperti mit-trade mark mitluba

29      Mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 57 sa 61 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta' l-eżaminaturi jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell quddiem il-Bord ta' l-Appell u li kull parti li tkun ħadet sehem fil-proċedura li wasslet għal deċiżjoni ta' l-eżaminatur u li tintlaqat b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella minn din id-deċiżjoni. Skond ir-Regola 48(1) tar-Regolament Nru 2868/95, l-avviż ta' l-appell għandu jkun fih ċerta informazzjoni, fosthom "prospett li jidentifika d-deċiżjoni li hija kkontestata u safejn tkun qiegħda tintalab li ssir l-emenda jew il-kanċellament".

30      F'dan il-każ, huwa stabbilit li l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark tar-rikorrenti bħala trade mark figurattiva fir-rigward tal-prodotti kollha koperti minnha, jiġifieri l-"ħelu" li jaqgħu fil-klassi 30. Fl-appell tagħha tat-13 ta' Marzu 2001 quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur fl-intier tagħha. Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha tat-18 ta' Mejju 2001 fejn esponiet il-motivi tar-rikors, ir-rikorrenti indikat, sussidjarjament, "li l-lista ta' prodotti li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark għandha tiġi limitata għal "ħelu tal-karamell" fl-eventwalità li r-reġistrazzjoni tat-trade mark tinċaħad minħabba nuqqas ta' karattru distintiv inerenti jew miksub minħabba l-użu tat-trade mark fir-rigward tal-'ħelu' […]".

31      Fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-appell kien intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatur minħabba li t-trade mark mitluba kienet distintiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, sussidjarjament, minħabba l-karattru reġistrabbli tat-trade mark, b'mod partikolari, fir-rigward tal-"karamelli", minħabba l-karattru distintiv li hija kienet kisbet permezz ta' l-użu. Wara li eżamina l-motivi tar-rikors, il-Bord ta' l-Appell ċaħdu fl-intier tiegħu bħala infondat.

32      Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti, filwaqt li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, takkuża lill-Bord ta' l-Appell li, inġustament, ċaħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba fir-rigward tal-"ħelu tal-karamell" biss taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 skond il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mit-trade mark li kienet proposta bħala alternattiva quddiem il-Bord ta' l-Appell.

33      F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-applikant jista' f'kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jillimita l-lista ta' prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Għalhekk, il-fakultà li tiġi limitata l-lista ta' prodotti u ta' servizzi tappartjeni biss lill-applikant ta' trade mark Komunitarja li jista', f'kull ħin, jindirizza talba f'dan is-sens lill-UASI. F'dan il-kuntest, l-irtirar, sħiħ jew parzjali, ta' applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti jew tas-servizzi li jkunu jinsabu fiha għandhom isiru b'mod espress u mingħajr kundizzjonijiet [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs L-UASI (ELLOS) T-219/00, Ġabra p. II-753, punti 60 u 61].

34      F'dan il-każ, kienet biss bħala alternattiva li r-rikorrenti pproponiet il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark għall-"ħelu tal-karamell", jiġifieri fl-eventwalità biss li l-Bord ta' l-Appell jiddeċiedi li jiċħad din l-applikazzjoni fir-rigward tal-"ħelu". Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma limitatx il-lista tal-prodotti b'mod espress u mingħajr kundizzjonijiet u, għalhekk, il-limitazzjoni in kwistjoni ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ELLOS, iċċitata aktar 'il fuq, punt 62).

35      Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, sabiex tkun tista' tittieħed in kunsiderazzjoni, limitazzjoni tal-lista ta' prodotti jew ta' servizzi indikati f'applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha ssir skond ċerti regoli partikolari, permezz ta' rikors intiż sabiex tiġi emendata l-applikazzjoni magħmula, skond l-Aritkolu 44 tar-Regolament Nru 40/94 u r-Regola 13 tar-Regolament Nru 2868/95 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Sfumatura ta' oranġjo), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punti 11 u 12; tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs UASI (Pillola forma ta' bajda), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 13, u tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs UASI – Mou Dybfrost (KIAP MOU), T-286/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30].

36      Dawn ir-regoli ma ġewx irrispettati f'dan il-każ peress li r-rikorrenti, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha tat-18 ta' Mejju 2001, għamlet biss riferiment għal-limitazzjoni tal-prodotti in kwistjoni bħala alternattiva mingħajr ma ppreżentat rikors sabiex l-applikazzjoni għal trade mark tiġi emendata f'dan is-sens, skond id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza 'Sfumatura ta' Oranġjo', iċċitata aktar 'il fuq, punt 12).

37      Fi kwalunkwe każ, mill-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell eżamina l-proposta tar-rikorrenti li bħala alternattiva l-lista ta' prodotti tagħha tiġi limitata għall-"karamelli" u kkunsidra li din il-proposta ma kellha l-ebda rilevanza għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv intrinsiku jew tal-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu tat-trade mark mitluba. Skond il-Bord ta' l-Appell, irrispettivament minn jekk humiex involuti ħelu jew karamelli, l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-karattru mhux reġistrabbli tat-trade mark mitluba minħabba ż-żewġ motivi assoluti ta' rifjut imsemmija aktar 'il fuq ma titlef xejn mill-validità tagħha.

38      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi interpretat bħala intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-prodotti kollha koperti mit-trade mark mitluba (jiġifieri l-"ħelu"), u minħabba ksur ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament fir-rigward ta' l-imsemmija prodotti u, b'mod partikolari, tal-ħelu tal-karamell.

 Fuq il-mertu

39      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' argumenti, ibbażati, rispettivament, fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b), ta' l-Artikolu 7(3), ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) u ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

40      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark mitluba għandha l-minimu ta' karattru distintiv meħtieġ fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

41      L-ewwel nett, ir-rekwiżit ta' karattru "impressjonanti", imsemmi mill-Bord ta' l-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, jew ta' karattru partikolarment "eċċezzjonali" tat-trade mark mitluba ma jissodisfa l-ebda ħtieġa. Il-Bord ta' l-Appell żbalja meta aċċetta li l-konfigurazzjoni tat-trade mark mitluba hija waħda komuni, ma tiddistingwixxix ruħha b'mod sinjifikattiv mill-konfigurazzjonijiet normali u li l-kulur ta' l-ippakkjar in kwistjoni kien użat ħafna fil-kummerċ. Fid-deċiżjoni kkontestata ma ngħata l-ebda eżempju in sostenn ta' dawn l-asserzjonijiet. Għall-kuntrarju, it-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tas-sinjal mitlub huwa uniku fis-suq u ma jistax jiġi kkwalifikat bħala 'komuni'. Barra minn hekk, minħabba l-kummerċjalizzazzjoni intensiva tal-ħelu tal-karamell tar-rikorrenti, bl-isem ta' "Werther's Original" (Werther's Echte), it-trade mark mitluba hija stabbilita sew fil-moħħ tal-konsumaturi bħala l-ippakkjar evidenti ta' ħelu tal-karamell.

42      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li s-suq tal-ħelu b'mod ġenerali u dak tal-ħelu tal-karamell b'mod partikolari huma kkaratterizzati minn libertà vasta ta' forom u kuluri. Il-konfigurazzjoni konkreta tat-trade mark mitluba hija partikolarment faċli biex wieħed jiftakarha u kienet magħżula apposta sabiex isservi bħala punt ta' riferiment għall-konsumatur. It-tliet kuluri tat-trade mark mitluba, li l-Bord ta' l-Appell, b'mod inkomprensibbli skond ir-rikorrenti, isostni li ma rnexxilux jiddistingwi, jidhru mill-ewwel malli wieħed iħares lejn is-sinjal in kwistjoni. Iċ-ċentru tagħha huwa kulur id-deheb filwaqt li t-trufijiet tagħha, li huma mibrumin, huma bojod u isfar trasparenti. Il-kuntrast bejn il-folja trasparenti u l-folja opaka tagħti lit-trade mark dehra bi tliet kuluri u tagħmel il-konfigurazzjoni tagħha waħda li mhix normali.

43      Fl-aħħar nett, ħlief fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma għamel l-ebda riferiment għall-kwistjoni ta' l-ispeċifiċità tas-settur partikolari tal-"ħelu tal-karamell", fejn il-prassi ta' ppakkjar hija differenti minn dik tas-suq tal-ħelu b'mod ġenerali, u dan minkejja l-proposta alternattiva tar-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex il-lista tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni tat-trade mark tiġi limitata għall-karamelli.

44      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, kemm il-forma ta' l-ippakkjar u kemm il-kulur tad-deheb osservati fir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba huma kurrenti fuq is-suq. Għaldaqstant, il-partikolaritajiet tat-trade mark allegati mir-rikorrenti mhumiex ta' natura li jiġu pperċepiti u miftakra mill-konsumatur ikkonċernat bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott.

45      Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu kemm għas-suq tal-ħelu b'mod ġenerali u kemm għas-suq tal-karamelli b'mod partikolari. Għaldaqstant, kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, is-separazzjoni ta' dawn iż-żewġt iswieq m'għandha l-ebda rilevanza għall-finijiet ta' l-apprezzament tal-karattru distintiv tat-trade mark in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

46      Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv". Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jippreċiża li l-"paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

47      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, it-trade marks koperti mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma, b'mod partikolari, dawk li mill-aspett tal-pubbliku rilevanti, huma użati b'mod komuni fil-kummerċ sabiex jirrappreżentaw il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, ta' l-anqas, indikazzjonijiet konkreti li abbażi tagħhom jista' jiġi konkluż li dawn it-trade marks jistgħu jintużaw b'dan il-mod. Barra minn hekk, is-sinjali koperti minn din id-dispożizzjoni mhumiex kapaċi jwettqu l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz sabiex b'hekk jippermettu lill-konsumatur, li jkun akkwista l-prodott jew is-servizz identifikat mit-trade mark, li meta jiġi biex jagħmel akkwist ieħor, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza kienet pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk l-esperjenza kienet negattiva [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju, Best Buy Concepts vs UASI (BEST BUY), T-122/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20, u tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs UASI (Forma ta' flixkun), T-305/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28].

48      Għalhekk, il-karattru distintiv ta' trade mark jista' jiġi evalwat biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew mas-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħha (sentenzi 'BEST BUY', iċċitati aktar 'il fuq, punt 22, u 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 29).

49      Fir-rigward ta' l-ewwel analiżi msemmija aktar 'il fuq, għandu jiġi mfakkar li s-sinjal mitlub jikkonsisti fid-dehra ta' l-ippakkjar tal-prodotti koperti, jiġifieri r-rappreżentazzjoni ta' ppakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra) li jservi bħala l-ippakkjar tal-ħelu, u mhux il-forma tal-prodott innifsu (sentenza 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 30).

50      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi osservat li l-ħelu huma prodotti kkonsmati ta' kuljum, intiżi għall-konsum ġenerali fil-pajjiżi kollha tal-Komunità. Għalhekk, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għandu jiġi evalwat fid-dawl ta' l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti (sentenza 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).

51      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-perċezzjoni tat-trade marks mill-pubbliku rilevanti hija influwenzata mil-livell ta' attenzjoni tiegħu, li tista' tvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew servizzi in kwistjoni (sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 42, u 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 34).

52      Mid-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari mill-punti 12, 13, 18 u 19 tagħha, jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell eżamina t-trade mark mitluba skond il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

53      Fit-tieni lok għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' trade marks. Għaldaqstant, m'għandhomx jiġu applikati kriterji aktar severi fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade marks figurattivi komposti mir-rappreżentazzjoni fidila tal-prodott innifsu jew, kif inhu l-każ hawnhekk, mill-forma ta' l-ippakkjar ta' l-imsemmi prodott, meta mqabbla mal-kriterji applikati għal kategoriji oħra ta' trade marks (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 44, u 'Forma ta' flixkun', iċċitata aktar 'il fuq, punt 35).

54      F'dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ikun evalwat jekk it-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur ta' l-ippakkjar in kwistjoni jistax jiġi pperċepit mill-pubbliku bħala indikazzjoni ta' oriġini, għandha tiġi analizzata l-impressjoni sħiħa prodotta minn dan it-tlaqqigħ, analiżi li mhijiex inkompatibbli ma' eżami suċċessiv ta' l-elementi differenti ta' preżentazzjoni użati [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, Henkel vs UASI (Sapun ikkompressat f'forom tondi, ħomor u bojod), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 49, u 'Pillola forma ta' bajda', iċċitata aktar 'il fuq, punt 54].

55      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq l-ebda żball ta' dritt meta qies li "il-konfigurazzjoni tat-trade mark in kwistjoni (ippakkjar mibrum, ta' kulur kannella ċar jew kulur id-deheb) ma spikkax b'mod fundamentali mill-preżentazzjonijiet komuni l-oħra użati fil-kummerċ" (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-forma ta' l-ippakkjar in kwistjoni kienet "forma ta' ppakkjar ta' ħelu normali u tradizzjonali" u li wieħed isib "numru kbir ta' ħelu ppakkjat b'dan il-mod fuq is-suq". L-istess jista' jingħad għall-kulur ta' l-ippakkjar in kwistjoni, jiġifieri l-kannella ċar ('caramel'), jew, kif jirriżulta mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba, id-deheb u l-isfumatura ta' deheb. Dawn il-kuluri, minnhom infushom, m'għandhom xejn ta' barra minn normal u mhux rari li wieħed jarahom użati għall-ippakkjar ta' ħelu, kif osserva l-Bord ta' l-Appell, b'mod rilevanti, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f'dan il-każ, il-konusmatur medju ma kienx jipperċepixxi t-trade mark fiha nfisha bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott, iżda bħala ppakkjar ta' ħelwa, xejn aktar u xejn anqas, u li dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitluba jibqgħu validi anki li kieku l-prodotti koperti minnha jkunu l-"karamelli" biss (ara punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Għaldaqstant, il-karatteristiċi tat-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tat-trade mark mitluba mhumiex distinti biżżejjed minn dawk tal-forom bażiċi użati frekwentement għall-ippakkjar ta' ħelu jew ta' karamelli u, għalhekk, mhumiex ta' natura li jiġu miftakra mill-pubbliku rilevanti bħala indikaturi ta' oriġini kummerċjali. Fil-fatt, l-ippakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra), fil-kulur kannella ċar jew kulur id-deheb, ma jiddistingwix ruħu b'mod sostanzjali mill-ippakkjar tal-prodotti in kwistjoni (ħelu, karamelli), li huwa użat b'mod komuni fil-kummerċ u għalhekk huwa ppakkjar li l-moħħ awtomatikament jorbot ma' forma ta' ppakkjar tipika għall-imsemmija prodotti.

58      Ir-riferiment, fil-punti 14 sa 17 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prassi komuni fil-kummerċ tal-ħelu jew tal-karamelli, mingħajr ma kienu mogħtija eżempji konkreti ta' din il-prassi, ma tnaqqas xejn mill-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar in-nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, meta kkunsidra li t-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tat-trade mark mitluba ma kinitx barra minn normali fil-kummerċ, il-Bord ta' l-Appell sostanzjalment ibbaża l-analiżi tiegħu fuq fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika miksuba b'mod ġenerali dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ta' konsum ġenerali, bħalma huma l-ħelu u l-karamelli, liema fatti jistgħu jkunu magħrufa minn kullħadd u huma magħrufa b'mod partikolari mill-konsumaturi ta' dawn il-prodotti [ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29].

59      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-ispiża tal-produzzjoni tal-forma ta' ppakkjar in kwistjoni mhijiex kriterju rilevanti sabiex jiġi ġġudikat il-karattru distintiv tat-trade mark, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, forma mingħajr ebda karattru distintiv, bħalma huwa l-każ fir-rigward ta' l-ippakkjar in kwistjoni, ma tistax takkwista karattru bħal dan minħabba l-ispiża tal-produzzjoni tagħha.

60      Fir-raba' lok, il-Bord ta' l-Appell ġustament invoka, fil-punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riskju ta' monopolizzazzjoni ta' l-ippakkjar in kwistjoni fir-rigward tal-ħelu, minħabba li din l-analiżi tikkonferma n-nuqqas ta' karattru distintiv ta' dan l-ippakkjar fir-rigward ta' dawn il-prodotti, skond l-interess ġenerali li fuqu jistrieħ il-motiv assolut ta' rifjut ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

61      Fl-aħħar nett, għandha tiġi mwarrba l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-forma ta' ppakkjar in kwistjoni kienet stabbiliet ruħha sew f'moħħ il-konsumaturi bħala trade mark minħabba l-kummerċjalizzazzjoni intensiva tal-ħelu tal-karamell "Werther's Original" f'din il-forma ta' ppakkjar. Fil-fatt, anki jekk wieħed iqisha bħala stabbilita, kummerċjalizzazzjoni bħal dan tista', eventwalment, tittieħed in kunsiderazzjoni biss għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba miksub permezz ta' l-użu, u mhux sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv intrinsiku tagħha.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-trade mark mitluba ma tistax, kif inhi pperċepita minn konsumatur medju, ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti, tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti kkonċernati u li jiġu distinti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti. Għaldaqstant, hija nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

63      Minn dan isegwi li l-ewwel argument, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-rikorrenti ssostni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għandha tiġi aċċettata minħabba li kisbet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħelu tal-karamell, karattru distintiv permezz ta' l-użu.

65      Sabiex jikkonstata l-użu u l-aċċettazzjoni fil-kummerċ tat-trade mark, il-Bord ta' l-Appell kien imissu eżamina s-sitwazzjoni tas-suq rilevanti l-istess bħall-istorja speċifika ta' l-ippakkjar in ġenerali. Fid-dawl ta' l-istorja, tas-sitwazzjoni fis-suq, tal-figuri tal-bejgħ konkreti dwar id-distribuzzjoni tal-prodott u tar-riżultati tas-sondaġġi magħmula, jirriżulta li t-trade mark mitluba hija effettivament stabbilita fis-suq. Il-Bord ta' l-Appell injora l-fatt li l-konsumaturi jistgħu jipperċepixxu l-ippakkjar b'mod separat minn trade marks oħra li jkunu indikati fuqu u jistgħu jikkunsidrawh bħala indikazzjoni ta' oriġini.

66      F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li hija deliberatament tuża t-trade mark mitluba bħala element ta' rikonoxximent għall-ħelu "Werther's Original" tagħha, li ilu magħruf għal għexieren ta' snin, b'tali mod li, fil-pubbliċità tagħha, it-trade mark mitluba tintwera dejjem b'daqs kbir u titqiegħed nettament fejn tidher. Barra minn hekk, il-konsumatur jipperċepixxi l-kuluri u l-forom qabel ma jkun jista' jaqra bi preċiżjoni dak li jista' jkun hemm miktub fuqhom. Dan huwa partikolarment il-każ f'din il-kawża peress li minħabba l-għażla tal-kuluri, il-kitba fuq l-ippakkjar bil-kemm tiddistingwi ruħha mill-kulur tat-trade mark mitluba. Għaldaqstant, hija biss il-perċezzjoni viżwali tal-konsumatur li hija rilevanti, kif kien aċċettat fis-sentenza tal-5 ta' April 2001 tal-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), li pero l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax.

67      Skond ir-rikorrenti, il-figuri tal-bejgħ prodotti quddiem il-Bord ta' l-Appell huma biżżejjed biex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark mitluba. Ma kienx meħtieġ li jiġu prodotti figuri komparattivi sabiex jiġi ddeterminat is-sehem tas-suq, b'mod partikolari minħabba li l-figuri tal-bejgħ kienu kkorroborati mir-riżultati tas-sondaġġi mwettqa f'diversi Stati Membri. Minn dawn is-sondaġġi jirriżulta livell ta' għarfien għoli tal-prodott (minn 59.4% sa 85% f'diversi Stati membri ta' l-Unjoni Ewropea). L-aċċettazzjoni ta' trade mark permezz ta' l-użu għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-livell ta' għarfien tagħha u mhux fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha fis-suq meta mqabbla mal-prodotti li jikkompetu magħha.

68      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjarat li hija lesta tipprovdi informazzjoni oħra, li ssejjaħ xhieda u li tirrikorri għal esperti sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark mitluba, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan ikun rilevanti.

69      L-UASI, filwaqt li jirreferi għall-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade mark miksub permezz ta' l-użu, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza, josserva, fl-ewwel lok, li għalkemm huwa veru li l-ippakkjar ta' ħelu jista' jservi ta' indikazzjoni ta' oriġini minħabba l-użu magħmul minnu, madankollu, f'dan il-każ, il-kundizzjonijiet meħtieġa f'dan ir-rigward ma kinux sodisfatti.

70      Skond l-UASI, l-eżaminatur u l-Bord ta' l-Appell ġustament waslu għall-konklużjoni li l-provi sottomessi mir-rikorrenti ma kinux biżżejjed sabiex ikun stabbilit li t-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu.

71      Minn naħa, il-figuri tal-bejgħ imressqa mir-rikorrenti mhumiex biżżejjed mingħajr indikazzjoni tal-volum totali tas-suq tal-prodotti li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-bejgħ ta' impriżi kompetituri. Fil-fatt, fil-każ ta' prodotti li jinbiegħu f'ammonti kbar, bħalma huma dawk in kwistjoni, il-kriterju determinanti huwa s-sehem tas-suq u mhux is-sempliċi figuri tal-bejgħ li mhumiex biżżejjed sabiex jiġi ppruvat li t-trade mark hija magħrufa.

72      Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż pubbliċitarji li r-rikorrenti nefqet f'diversi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, li fl-1998 kienu jammontaw għal 27,729,000 marki Ġermaniżi (DEM) u li bejn is-snin 1994 u 1997 kienu jvarjaw bejn DEM 10,000,000 u DEM 17,500,000, lanqas ma huma probatorji. Fil-fatt, bl-ebda mod m'huwa possibbli, fid-dawl tat-tabella prodotta mir-rikorrenti in sostenn ta' din l-allegazzjoni, li jiġi ddeterminat għalxiex intefqu l-ispejjeż imsemmija, jiġifieri jekk hux għas-sinjal "Werther's Original", għall-forma tal-ħelu, għall-ippakkjar tiegħu jew jekk hux għal xi skop ieħor. Barra minn hekk, dawn l-indikaturi mhumiex utli ħafna fin-nuqqas ta' provi li jippermettu li wieħed jieħu idea tal-volum ta' pubbliċità li jikkaratterizza s-suq tal-prodotti in kwistjoni.

73      Fl-aħħar nett, is-sondaġġi magħmula f'seba' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u fin-Norveġja jagħmlu riferiment għas-sinjali "WERTHER'S", "Werther's Original" jew "W.O." u ma jinkludu l-ebda riferiment għall-ippakkjar in kwistjoni. Għalhekk, bl-ebda mod ma tressqet il-prova li r-rikorrenti rnexxiela toħloq għarfien fost il-pubbliku dwar l-ippakkjar in kwistjoni. Barra minn hekk, l-użu kien imissu ġie ppruvat fl-Istati Membri jew fir-reġjuni kollha tal-Komunità fejn jeżisti l-motiv ta' rifjut. Id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jirreferux għal swieq sinjifikattivi bħal Franza u l-Italja. Minbarra dan, mhux biżżejjed li jiġi pprovat l-użu ta' ċerta forma ta' prodott sabiex jiġi applikat l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, iżda huwa meħtieġ, barra minn hekk, li jiġi pprovat li ċ-ċirkustanzi ta' dan l-użu huma tali li l-forma in kwistjoni għandha l-karattru ta' trade mark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 65).

74      Fit-tieni nett, l-UASI jikkunsidra li l-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti in kwistjoni għall-karamelli biss, proposta bħala alternattiva mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, m'għandha l-ebda rilevanza fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-kisba permezz ta' l-użu tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba.

75      Fl-aħħar lok, il-proposta tar-rikorrenti li tressaq provi addizzjonali sabiex tipprova l-użu tat-trade mark ma tistax tintlaqa'. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jikkonċerna l-verifika tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI fis-sens ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, li jfisser li d-dokumenti probatorji ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat il-valur probatorju tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Alcon vs UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra p. II-411, punti 61 u 62]. Għaldaqstant, a fortiori, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax titlob il-produzzjoni ta' dokumenti probatorji ġodda mingħand ir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

76      Skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-motivi assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta' dan l-istess regolament m'għandhomx ikunu applikabbli fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' trade mark jekk din tkun, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni, kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li jkun sar minnha. Fil-fatt, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-fatt li s-sinjal li jikkostitwixxi t-trade mark in kwistjoni huwa effettivament ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali ta' prodott jew ta' servizz huwa r-riżultat ta' sforz ekonomiku ta' l-applikant għat-trade mark. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li jitwarrbu l-kunsiderazzjonijiet ta' interess ġenerali li fuqhom jistrieħ l-Artikolu 7(1)(b) sa (d), li jeżiġu li t-trade marks koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jiġu użati b'mod liberu minn kulħadd sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' vantaġġ kompetittiv illegali favur operatur ekonomiku wieħed [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2002, SAT.1 vs UASI (SAT.2), T-323/00, Ġabra p. II-2839, punt 36, u tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41].

77      L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu tat-trade mark jeżiġi li ta' l-anqas parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti jidentifika, permezz tat-trade mark, il-prodotti jew servizzi kkonċernati bħala provenjenti minn impriża ddeterminata. Madankollu, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kundizzjoni marbuta mal-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu tista' titqies bħala sodisfatta ma jistgħux jiġu stabbiliti sempliċement abbażi ta' data ġenerali u astratta bħalma huma perċentwali determinati (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 52, u Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punti 61 u 62; sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 42).

78      Fit-tieni lok, sabiex tiġi aċċettata r-reġistrazzjoni ta' trade mark taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu ta' trade mark għandu jiġi pprovat f'dik il-parti ta' l-Unjoni Ewropea fejn it-trade mark kienet nieqsa minn karattru bħal dan fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta' l-imsemmi Regolament [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Ford Motor vs UASI (OPTIONS) T-91/99, Ġabra p. II-1925, punt 27, u 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punti 43 u 47].

79      Fit-tielet lok, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni, f'każ bħal dan, tal-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fatturi bħalma huma, b'mod partikolari, is-sehem tas-suq li tgawdi t-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' l-użu ta' din it-trade mark, l-importanza ta' l-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjoni tal-pubbliku kkonċernat li, minħabba t-trade mark, jidentifika l-prodott bħala provenjenti minn impriża partikolari kif ukoll id-dikjarazzjonijiet minn kmamar tal-kummerċ u industrija u assoċjazzjonijiet professjonali oħra. Jekk, abbażi ta' fatturi bħal dawn, il-pubbliku kkonċernat jew, minn ta' l-anqas, parti sinjifikattiva ta' dan il-pubbliku, jagħraf, permezz tat-trade mark, il-prodott bħala provenjenti minn impriża partikolari, wieħed ikollu jikkonkludi li l-kundizzjoni mitluba mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 għar-reġistrazzjoni tat-trade mark hija sodisfatta (sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata aktar 'il fuq, punti 51 u 52; Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punti 60 u 61, u 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 44).

80      Fir-raba' lok, il-karattru distintiv ta' trade mark, inkluż dak miksub permezz ta' l-użu, għandu, bl-istess mod, jiġi analizzat fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark u filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni preżunta ta' konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni li jkun ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Philips, iċċitata aktar 'il fuq, punti 59 u 63).

81      Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f'din il-kawża, il-Bord ta' l-Appell wettaqx żball ta' dritt meta warrab l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba kien imissha ġiet aċċetata fir-rigward tal-prodotti kkonċernati u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-karamelli, taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

82      Qabel kollox, fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-figuri tal-prodotti kkonċernati mibjugħa fil-Komunità fil-perijodu bejn l-1994 u l-1998, il-Bord ta' Appell ġustament qies li dawn il-figuri mhumiex, f'dan il-każ, ta' natura li jipprovaw li t-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha.

83      Fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, b'mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt, li l-figuri in kwistjoni ma jippermettux li jiġi evalwat is-sehem tas-suq in kwistjoni li r-rikorrenti tgawdi permezz tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, minkejja l-informazzjoni dwar in-numru ta' unitajiet u ta' tunnellati ta' ħelu mibjugħa fl-ippakkjar in kwistjoni li tirriżulta mid-data in kwistjoni, "evalwazzjoni realistika tas-saħħa [tar-rikorrenti] fuq is-suq tirriżulta impossibbli fin-nuqqas ta' data dwar il-volum totali tas-suq tal-prodotti li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni jew ta' l-evalwazzjonijiet tal-bejgħ ta' impriżi kompetituri, li magħhom [setgħu] jitqabblu l-figuri tar-rikorrenti". F'dawn iċ-ċirkustanzi, kien ukoll ġustament li l-Bord ta' l-Appell ikkonkluda, fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk jiġi aċċettat li l-figuri ċċitati aktar 'il fuq setgħu jippermettu li jiġi evalwat is-sehem tas-suq kkonċernat li r-rikorrenti tgawdi permezz tat-trade mark mitluba, dawn il-figuri mhux bilfors jipprovaw li kien "l-ippakkjar mibrum lewn id-deheb li l-konsumaturi kkonċernati [kienu] jipperċepixxu bħala indikazzjoni ta' oriġini". Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li huwa veru li l-figuri tal-bejgħ in kwistjoni jipprovaw li l-ħelu tal-karamell "Werther's Original" kien ikkummerċjalizzat mir-rikorrenti fuq is-suq rilevanti iżda, madanakollu, dawn il-figuri ma jikkostitwixxux il-prova li l-forma ta' l-ippakkjar in kwistjoni kienet ġiet użata bħala trade mark sabiex ikun identifikat il-prodott ikkonċernat.

84      Barra minn hekk, kien ukoll ġustament li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-ispejjeż ta' pubbliċità li nefqet ir-rikorrenti jqajmu l-istess problemi bħall-figuri tal-bejgħ imsemmija aktar 'il fuq. Għalhekk, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell kien attent li l-indikazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti dwar l-ispejjeż in kwistjoni ma kinux utli ħafna safejn "l-ebda prova ma tippermetti li wieħed jieħu idea tal-volum ta' pubbliċità għas-suq tal-prodotti in kwistjoni". Barra minn hekk, kif jenfasizza ġustament l-UASI, mhuwiex assolutalment possibbli, fid-dawl tat-tabella dwar l-ispejjeż pubbliċitarji in kwistjoni mressqa mir-rikorrenti, li jiġi ddeterminat għalxiex intefqu l-ispejjeż imsemmija, jiġifieri jekk hux għas-sinjal "Werther's Original", għall-forma tal-ħelu, għall-ippakkjar tiegħu jew jekk hux għal xi skop ieħor. Għalhekk, dan il-materjal pubbliċitarju ma jistax jikkostitwixxi l-prova ta' l-użu tat-trade mark kif ġiet mitluba u lanqas il-prova li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-imsemmija trade mark bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati (sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 51).

85      Minbarra dan, kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż in kwistjoni ma kinux għoljin ħafna "f'numru konsiderevoli ta' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea", filwaqt li jżid "li din id-data [kienet] kompletament nieqsa fir-rigward ta' ċerti Stati Membri". Fil-fatt, għall-ebda sena mill-perijodu ta' referenza (1994-1998) l-imsemmija spejjeż ma jkopru l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea.

86      F'dan ir-rigward għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda konstatazzjoni dwar il-parti tal-Komunità li fiha t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv. Madankollu, fil-każ ta' trade marks mhux verbali, bħal dik in kwistjoni f'dan il-każ, għandu jiġi preżunt li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom hija l-istess fil-Komunità kollha sakemm ma jeżistux indikazzjonijiet konkreti li juru xort'oħra. Peress li f'dan il-każ ma jirriżultax mill-inkartament li dan huwa l-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-motiv assolut għal rifjut imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jeżisti, fir-rigward tat-trade mark mitluba, fil-Komunità kollha. Għaldaqstant, huwa fil-Komunità kollha li din it-trade mark kellha takkwista karattru distintiv permezz ta' l-użu sabiex tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament (sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 47; ara, f'dan is-sens ukoll, is-sentenza 'OPTIONS', iċċitata aktar 'il fuq, punt 27).

87      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispejjeż pubbliċitarji msemmija aktar 'il fuq ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxu l-prova li, fil-Komunità kollha u għall-perijodu 1994-1998, il-pubbliku rilevanti, jew ta' l-anqas parti sinjifikattiva tiegħu, kien jipperċepixxi t-trade mark mitluba bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati.

88      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riżultati tas-sondaġġi sottomessi għall-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar l-aċċettazzjoni fil-kummerċ tas-sinjali "WERTHER'S", "Werther's Original" jew "W.O" fir-rigward tal-ħelu tal-karamell ikkumerċjalizzati mir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ġustament indika, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sondaġġi in kwistjoni, imwettqa f'diversi Stati ta' l-Unjoni Ewropea, "ma fihom l-ebda informazzjoni dwar il-karattru distintiv li jista' jkollu l-ippakkjar mibrum lewn id-deheb", iżda "kellhom bħala suġġett l-għarfien ta' l-isem "Werther's Original" biss". Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li s-sondaġġi msemmija aktar 'il fuq lanqas ma saru fl-Istati Membri kollha tal-Komunità u li, għalhekk, fi kwalunkwe każ, dawn is-sondaġġi ma jikkostitwixxux il-prova ta' l-aċċettazzjoni fil-kummerċ tas-sinjali in kwistjoni bħala trade mark fil-Komunità kollha (ara l-punti 78 u 86 aktar 'il fuq).

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilietx li t-trade mark mitluba kienet kisbet, fil-Komunità kollha, karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha, fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, la fir-rigward tal-ħelu tal-karamell u lanqas fir-rigward tal-ħelu b'mod ġenerali.

90      Minn dan isegwi li t-tieni argument għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat mingħajr ma jkun meħtieġ li jingħataw il-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq il-ksur ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

91      Ir-rikorrenti tinvoka ksur min-naħa tal-Bord ta' l-Appell ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 li tipprovdi li l-UASI huwa marbut li fuq inizjattiva tiegħu stess iwettaq eżami tal-fatti. Fil-fatt, m'hemm xejn li jippermetti li tiġi ddeterminata l-bażi li fuqha l-Bord ta' l-Appell għamel il-konstatazzjonijiet fattwali fil-punti 14 sa 16 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-karattru allegatament komuni tal-konfigurazzjoni tat-trade mark in kwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jidhrilha li l-UASI kien imissu wettaq eżami addizzjonali sabiex tiġi pprovata l-aċċettazzjoni tat-trade mark mitluba.

92      L-UASI jsostni li l-karattru komuni tal-forma u tal-kulur ta' l-ippakkjar in kwistjoni jirriżulta, kif joħroġ mill-punti 14 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-esperjenza prattika. Barra minn hekk, separazzjoni bejn is-suq tal-ħelu b'mod ġenerali u dak tal-karamelli m'għandha l-ebda rilevanza, la mill-aspett ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas mill-aspett ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-imsemmi regolament.

93      Huwa jżid li huwa marbut jeżamina biss fatti li jistgħu jikkonferixxu fuq it-trade mark karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu, fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 jekk l-applikant jinvoka dawn il-fatti. L-UASI lanqas ma jista' jkun obbligat li jwettaq huwa stess eżamijiet oħra dwar l-aċċettazzjoni tal-forma ta' ppakkjar in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punti 47 u 48].

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

94      Ir-rikorrenti qiegħda tilmenta li l-Bord ta' l-Appell kiser l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 li tipprovdi li, "[f]i proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess". Minn naħa, il-Bord ta' l-Appell ma sostniex il-konstatazzjonijiet tiegħu dwar il-karattru "komuni" tat-trade mark mitluba, li jinsabu fil-punti 14 sa 16 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell kien imissu wettaq eżami addizzjonali sabiex jipprova l-użu tat-trade mark mitluba.

95      Fir-rigward ta' l-ewwel ilment, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel argument u, b'mod partikolari, fil-punti 55 sa 58 aktar 'il fuq.

96      Fir-rigward tat-tieni lment għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, huwa veru li ma teżistix regola li tipprovdi li l-eżami mill-UASI (jiġifieri mill-eżaminatur jew, jekk ikun il-każ, mill-Bord ta' l-Appell) huwa limitat għall-fatti invokati mill-partijiet, kuntrarjament għal dak li tipprovdi l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) ta' l-istess regolament fir-rigward tal-motivi relattivi għal rifjut. Madankollu, fin-nuqqas ta' allegazzjoni ta' l-applikant għat-trade mark dwar il-karattru distintiv tagħha miksub permezz ta' l-użu, l-UASI jkun fl-impossibbiltà fiżika li jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark mitluba kisbet karattru bħal dan. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, skond il-prinċipju ultra posse nemo obligatur (ħadd m'hu obbligat iwettaq l-impossibbli) u minkejja r-regola stabbilita fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi li l-UASI "għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess", l-UASI mhux obbligat jeżamina fatti li jistgħu jikkonferixxu fuq it-trade mark mitluba karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu, fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, sakemm ma l-applikant ma jinvokax dawn il-fatti (sentenza ECOPY, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47).

97      F'dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti pproduċiet quddiem l-UASI provi intiżi sabiex juru l-karattru distintiv li t-trade mark mitluba kisbet permezz ta' l-użu u li fuqhom il-Bord ta' l-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-UASI ma kellu l-ebda obbligu addizzjonali u, b'mod partikolari, ma kienx obbligat jeżamina aktar l-inkartament f'dan ir-rigward sabiex jikkompensa għan-nuqqas ta' saħħa probatorja tal-provi pprovduti mir-rikorrenti. Minn dan isegwi li t-tieni lment, kif ukoll it-tielet argument fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda wkoll bħala infondati.

 Fuq ir-raba' argument, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 u tad-dritt tas-smigħ

L-argumenti tal-partijiet

98      Ir-rikorrenti ssostni li ma ngħatatx l-opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha, kuntrarjament għar-rekwiżit impost mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94. Hija jidhrilha li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax id-dokumenti kollha li hija kienet ressqet sabiex tipprova l-karattru distintiv permezz ta' l-użu tat-trade mark mitluba. L-offerta magħmula mir-rikorrenti, fl-ittra tagħha tal-5 ta' Ottubru 1998 (iċċitata fil-punt 6 aktar 'il fuq), li jekk ikun il-każ tippreżenta provi addizzjonali, b'mod partikolari, dwar l-importanza ta' l-użu tat-trade mark, lanqas ma ttieħdet in kunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tipproponi li tipprovdi provi addizzjonali sabiex tipprova l-aċċettazzjoni tat-trade mark, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li dan ikun rilevanti.

99      L-UASI jwieġeb li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell eżamina l-provi kollha sottomessi mir-rikorrenti (sondaġġi, figuri kummerjċali, spejjeż pubbliċitarji) u li ġustament ikkonkluda li dawn ma kinux biżżejjed sabiex jipprovaw l-eżistenza tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba miksub permezz ta' l-użu. Barra minn hekk, l-UASI ma jistax ikun obbligat li jilqa' l-offerta magħmula mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, il-proposta tar-rikorrenti li tipprovdi provi ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

100    Skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta' l-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

101    Qabel kollox, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax id-dokumenti kollha mressqa sabiex jiġi pprovat l-użu tat-trade mark mitluba, dan għandu jiġi mwarrab minħabba li huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, mill-punti 24 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn il-provi kollha ġew eżaminati mill-Bord ta' l-Appell iżda ma tqisux suffiċjenti sabiex jipprovaw il-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu tat-trade mark mitluba. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kienet ippreżentat hija stess id-dokumenti in kwistjoni, hija setgħet, ovvjament, tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwarhom kif ukoll dwar ir-rilevanza tagħhom.

102    Għalhekk, lanqas it-tieni lment tar-rikorrenti ma jista' jintlaqa'.

103    Huwa stabbilit li r-rikorrenti pproduċiet quddiem l-eżaminatur lista bil-volum tal-bejgħ tal-ħelu tal-karamell "Werther's Original", espressa f'tunnellati, fir-rigward tas-snin 1993 sa 1997 f'diversi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (ara l-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata). L-eżaminatur ikkunsidra li "[i]l-figuri tal-bejgħ tar-rikorrenti ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li l-konsumatur jidentifika l-ħelu ma' l-ippakkjar tiegħu u jassoċjah ma' impriża waħda" u li, "fin-nuqqas ta' figuri komparattivi ta' impriżi kompetituri jew ta' data dwar is-suq fl-intier tiegħu, huwa impossibbli li jiġu evalwati l-figuri tal-bejgħ" (ara t-tieni inċiż tal-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

104    Madankollu, quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova komparattiva dwar is-sehem tas-suq tagħha u dak tal-kompetituri tagħha. Mill-banda l-oħra, hija pproduċiet tabelli simili dwar il-figuri tal-bejgħ tal-ħelu msemmi aktar 'il fuq matul il-perijodu 1994-1998 kif ukoll provi oħra (sondaġġi, spejjeż pubbliċitarji) li, skondha, jipprovaw l-aċċettazzjoni tat-trade mark fis-suq.

105    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistgħax jingħad li l-awtoritajiet ta' l-UASI, u b'mod partikolari l-Bord ta' l-Appell, ibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq motivi li dwarhom ir-rikorrenti ma setgħetx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

106    Fl-aħħar nett, għandha tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti li tipprovdi, jekk ikun il-każ, provi addizzjonali quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tipprova l-aċċettazzjoni tat-trade mark mitluba fis-suq. F'dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, provi li ma jkunux ġew imressqa matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI ma jistgħux jintużaw sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord ta' l-Appell (ara s-sentenza 'Forma ta' flixkun tal-birra', iċċitata aktar 'il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Għaldaqstant, ir-raba' argument għandu jiġi miċħud ukoll.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tkun ikkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-konvenuti f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-10 ta' Novembru 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.