Language of document : ECLI:EU:T:2004:337

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

23 ta’ Novembru 2004 (*)

“Organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid – Regolament (KEE) Nru 2499/82 – Għajnuna Komunitarja – Rikors għal annullament – Rikors għal nuqqas – Rikors għad-danni”

Fil-kawża T-166/98,

Cantina sociale di Dolianova Soc. coop. rl, stabbilita f’Dolianova (l-Italja),

Cantina Trexenta Soc. coop. rl, stabbilita f’Senorbì (l-Italja),

Cantina sociale Marmilla – Unione viticoltori associati Soc. coop. rl, stabbilita f’Sanluri (l-Italja),

Cantina sociale S.Maria La Palma Soc. Coop. Rl, stabbilita f’Santa Maria La Palma, (l-Italja)

Cantina sociale del Vermentino Soc. coop. rl Monti-Sassari, stabbilita f’Monti (l-Italja),

irrappreżentati minn C. Dore u G. Dore, Avocats, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn F. Ruggeri Laderchi u A. Alves Vieira, u sussegwentement minn A. Alves Vieira u L. Visaggio, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba intiża, rispettivament u alternattivament, skond l-Artikoli 173 u 175 tat-Trattat tal-KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 230 KE u 232 KE), għall-annullament ta’ l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998, li permezz tagħha rrifjutat li tħallas direttament lir-rikorrenti għajnuna għad-distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/1983, u konstatazzjoni ta’ nuqqas illeċitu mill-Kummissjoni jew, sussidjarjament, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 178 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 235 KE), li jingħata kumpens għad-danni allegatament sofferti mir-rikorrenti minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti ta’ l-14 ta' Settembru 2000 u ta’ l-10 ta' Frar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/79 tal-Kunsill, tal-5 ta’ Frar 1979 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU L 54, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2144/82 tas-27 ta’ Lulju 1982 (ĠU L 227, p. 1), jipprevedi fl-Artikolu 11(1) tiegħu li tista’ ssir distillazzjoni preventiva ta’ nbejjed tal-mejda jew nbejjed adatti għall-produzzjoni ta’ nbid tal-mejda għal kull sena ta’ l-inbid.

2        Skond is-sitt premessa tar-Regolament Nru 2144/82, bil-għan li jittejjeb id-dħul tal-produtturi kkonċernati, deher xieraq li jiġi żgurat lilhom, taħt ċerti kundizzjonijiet, prezz minimu ggarantit għall-inbid tal-mejda u, għal dawn il-finijiet, li tingħata l-possibbiltà lill-produttur li jikkunsinna l-inbid tal-mejda mill-produzzjoni tiegħu stess għad-distillazzjoni bi prezz minimu ggarantit jew li juża kull miżura oħra adatta li tiġi deċiża.

3        Fil-15 ta’ Settembru 1982, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KEE) Nru 2499/82, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/83 (ĠU L 267, p. 16).

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi li l-produtturi li jiddistillaw l-nbejjed tagħhom skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 337/79 għandhom jikkonkludu kuntratti ta’ kunsinna ma’ distillatur approvat jew jippreżentawhom lill-aġenzija ta’ intervent nazzjonali. L-Artikolu 1(3) ta’ dan l-istess Regolament, kif emendat, jistabbilixxi li dawn il-kuntratti ma jistgħux jidħlu fis-seħħ taħt ir-Regolament hawn fuq imsemmi ħlief jekk jiġu approvati sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Marzu 1983 mill-aġenzija ta’ intervent ta’ l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-inbid fil-ħin meta jiġi konkluż il-kuntratt.

5        L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2499/82, kif emendat, jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April 1983, dwar il-kwantitajiet ta’ nbid li jaqgħu taħt il-kuntratti ta’ distillazzjoni approvati.

6        Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2499/82, l-inbid ma jistax jiġi ddistillat qabel ma jiġi approvat il-kuntratt jew id-dikjarazzjoni li tkun saret fir-rigward tiegħu.

7        L-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess Regolament jistabbilixxi l-prezz minimu tax-xiri ta’ l-nbejjed kkunsinnati għad-distillazzjoni.

8        Skond it-tmien premessa tar-Regolament Nru 2499/82, dan il-prezz normalment ma jippermettix li l-prodotti miksuba mid-distillazzjoni jinbiegħu bi prezzijiet tas-suq. Għaldaqstant, ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kumpens li jikkonsisti fi ħlas, mill-aġenzija ta’ intervent, ta’ għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fl-ewwel u t-tieni subparagrafui ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-istess Regolament.

9        Skond il-ħdax-il premessa ta’ dan ir-Regolament, kien xieraq li l-prezz minimu ggarantit lill-produtturi jitħallas lilhom, bħala regola ġenerali, fi żmien terminu li jippermettilhom li jagħmlu qligħ komparabbli ma’ dak li setgħu jagħmlu minn bejgħ kummerċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa essenzjali li l-għajnuna dovuta lilhom għad-distillazzjoni titħallas kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li jiġi ggarantit li l-operazzjonijiet jitwettqu kif suppost permezz ta’ sistema ta’ garanzija xierqa. Sabiex il-miżura tkun tista’ tilħaq l-iskop tagħha b’mod sħiħ fl-Istati Membri, kellhom jiġu stabbiliti wkoll proċeduri għall-ħlas ta’ għajnuna u ħlasijiet bil-quddiem li huma adattati għas-sistemi amministrattivi tad-diversi Stati Membri.

10      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2499/82 jipprevedi li, għall-ħlas tal-prezz minimu tax-xiri ta’ l-nbejjed u għall-ħlas ta’ l-għajnuna mill-aġenzija ta’ intervent, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw waħda mill-proċeduri msemmija fl-Artikoli 9 u 10 ta’ l-istess Regolament. Ir-Repubblika Taljana ddeċidiet li tapplika fit-territorju tagħha l-proċedura msemmija fl-Artikolu 9.

11      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 jgħid:

“1. Il-prezz minimu tax-xiri msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) għandu jitħallas mid-distillatur lill-produttur sa mhux aktar tard minn disgħin jum wara d-dħul fid-distillerija [tal-kwantità totali ta’ nbid jew, jekk ikun il-każ, ta’ kull lott ta’ nbid].

2. L-aġenzija ta’ intervent għandha tħallas lid-distillatur l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 6, sa mhux aktar tard minn disgħin jum wara l-preżentazzjoni ta’ prova li l-kwantità totali ta’ nbid speċifikata fil-kuntratt ġiet iddistillata.

[…]

Id-distillatur għandu jipprovdi lill-aġenzija ta’ intervent prova li huwa ħallas il-prezz minimu ta’ xiri msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1), fiż-żmien speċifikat fil-paragrafu 1 […] Jekk din il-prova ma tkunx ingħatat fi żmien mija u għoxrin jum wara d-data tal-preżentazzjoni tal-prova msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ammonti mħallsa għandhom jiġu rkuprati mill-aġenzija ta’ intervent […]”

12      L-Artikolu 10 ta’ l-istess Regolament jistabbilixxi:

“1. Sa mhux aktar tard minn tletin jum wara d-dħul fid-distillerija [tal-kwantità totali ta’ nbid jew, jekk ikun il-każ, ta’ kull lott ta’ nbid], id-distillatur għandu jħallas lill-produttur ta’ mill-inqas id-differenza bejn il-prezz minimu tax-xiri msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1), u l-għajnuna msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1).

2. Sa mhux aktar tard minn tletin jum wara l-preżentazzjoni tal-prova li l-kwantità totali ta’ nbid speċifikata fil-kuntratt ġiet iddistillata, l-aġenzija ta’ intervent għandha tħallas lill-produttur l-għajnuna speċifikata fl-Artikolu 6 […]”

13      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82, kif emendat, jgħid:

“1. Id-distillatur, fil-każ msemmi fl-Artikolu 9, jew il-produttur, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 10, jista’ jitlob li jitħallas bil-quddiem l-ammont ekwivalenti għall-għajnuna speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6, kemm-il darba huwa jagħti garanzija ekwivalenti għal 110% ta’ l-istess ammont f’isem l-aġenzija ta’ intervent.

2. Din il-garanzija għandha ssir fil-forma ta’ garanzija mogħtija minn stabbiliment li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru li lejh tkun responsabbli l-aġenzija ta’ intervent.

3. Il-ħlas bil-quddiem għandu jsir sa mhux aktar tard minn disgħin jum wara l-preżentazzjoni ta’ prova li ngħatat il-garanzija u, f’kull każ, wara d-data ta’ approvazzjoni tal-kuntratt jew id-dikjarazzjoni.

4. Bla ħsara għall-Artikolu 13, il-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rilaxxata biss jekk, sa mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 1983, tiġi ppreżentata prova illi:

–         il-kwantità totali ta’ nbid speċifikata fil-kuntratt ġiet iddistillata,

–        u, jekk ikun sar ħlas bil-quddiem lid-distillatur, li dan ta’ l-aħħar ħallas lill-produttur il-prezz minimu tax-xiri msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) […]

Madankollu, jekk il-provi msemmija fl-ewwel subparagrafu jingħataw wara d-data speċifikata fl-istess subparagrafu iżda qabel l-1 ta’ Ġunju 1984, l-ammont li jiġi rrilaxxat ikun ekwivalenti għal 80% tal-garanzija, waqt li d-differenza tiġi miżmuma.

Jekk dawn il-provi ma jiġux ipprovduti qabel l-1 ta’ Frar 1984, il-garanzija tiġi miżmuma kollha.”

14      Skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2499/82, meta, minħabba ċirkustanzi mhux prevedibbli jew għal raġuni ta’ forza maġġuri, l-inbid kollu jew parti minnu ma jkunx jista’ jiġi ddistillat, id-distillatur jew il-produttur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-aġenzija ta’ intervent dwar dan il-fatt. F’dan il-każ, l-aġenzija għandha tħallas l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 6 għal dik il-kwantità ta’ nbid li effettivament tkun ġiet iddistillata.

15      Skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78 ta’ l-20 ta’ Frar 1978 dwar l-attribuzzjoni ta’ sigurtajiet, depożiti u garanziji mogħtija taħt il-politika agrikola komuni u li jkunu ġew sussegwentement miżmuma (ĠU L 50, p.1), kull garanzija li tinżamm għandha tintuża fl-intier tagħha biex tittnaqqas l-ispiża tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) mis-servizzi jew aġenziji ta’ l-Istati Membri li jħallsu.

 Fatti li wasslu għall-kawża

16      Ir-rikorrenti, li huma kooperattivi ta’ l-inbid, huma produtturi ta’ l-inbid f’Sardenja (l-Italja). Fil-kuntest tad-distillazzjoni preventiva għas-sena 1982/1983, huma kkonkludew kuntratti ta’ kunsinna ta’ nbid ma’ distillerija approvata, id-Distilleria Agricola Industriale de Terralba (iktar ‘il quddiem id-“DAI”). Dawn il-kuntratti ġew approvati mill-Azienda di Stato per gli Interventi nel Mercato Agricolo (l-aġenzija ta’ intervent Taljana, iktar ‘il quddiem l-“AIMA”), skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2499/82.

17      Jirriżulta mill-fatturi ppreżentati mir-rikorrenti, li jsemmu espressament l-ammont tal-“premju ta’ l-AIMA” (“premio AIMA” jew “premio comunitario, a carico della AIMA”) inkluż fil-prezz minimu tax-xiri ffissat mir-Regolament Nru 2499/83 u li għandu jitħallas mid-DAI għall-inbid ikkunsinnat għall-iskopijiet ta’ distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/1983, li l-ammont ta’ għajnuna Komunitarja kien ta’ 169328945 lira Taljana (ITL) għal prezz minimu ta’ xiri ta’ 247801380 ITL, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), għall-inbid ikkunsinnat mill-Cantina sociale di Dolianova (fattura tat-18 ta’ April 1983), 102145631 ITL, għall-prezz minimu ta’ bejgħ ta’ 345391958 ITL, inkluża l-VAT, għall-inbid ikkunsinnat mill-Cantina Trexenta (fattura tat-30 ta’ April 1983), għal 346391958 ITL għal prezz minimu ta’ xiri ta’ 506921061 ITL, inkluża l-VAT, għall-inbid ikkunsinnat mill-Cantina sociale Marmilla (fattura tat-28 ta’ Frar 1983), 215084906 ITL għal prezz minimu ta’ xiri ta’ 316505762 ITL, inkluża l-VAT, għall-inbid ikkunsinnat mill-Cantina sociale Santa Maria La Palma (fatturi tat-30 ta’ Marzu 1983 u ta’ l-20 ta’ April 1983) u 33908702 ITL għal prezz minimu ta’ xiri ta’ 54812419 ITL, inkluża l-VAT, għall-inbid ikkunsinnat mill-Cantina sociale del Vermentino (fattura ta’ l-10 ta’ Mejju 1983).

18      Skond l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u li ma ġietx ikuntestata mill-Kummissjoni, l-inbid ġie kkunsinnat bejn ix-xhur ta’ Jannar u Marzu 1983, u d-distillazzjoni saret fit-terminu stabbilit fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2499/82. It-terminu stabbilit fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament għall-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri ta’ l-inbid mid-distillatur skada f’Ġunju ta’ l-1983, u l-aħħar kunsinni ta’ nbid saru f’Marzu ta’ l-1983.

19      Fit-22 ta’ Ġunju 1983, id-DAI talbet lill-AIMA tipproċedi, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82, għall-ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna Komunitarja għall-inbid li kien ġie kkunsinnat, b’mod partikolari mir-rikorrenti, u ddistillat. Għal dan il-għan, id-DAI tat il-garanzija meħtieġa, ekwivalenti għal 110% ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna, permezz ta’ polza maħruġa mill-Assicuratrice Edile SpA (iktar ‘il quddiem “Assedile”) favur l-AIMA. Din il-garanzija kienet tammonta għal 1169040262 ITL.

20      Fl-10 ta’ Awwissu 1983, l-AIMA pproċediet għall-ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna Komunitarja favur id-DAI, li ammonta għal 1062763876 ITL, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82.

21      Minħabba diffikultajiet finanzjarji, id-DAI naqset milli tħallas lill-produtturi, f’ċerti każijiet għal kollox u f’każijiet oħrajn parzjalment, fosthom lir-rikorrenti li kienu kkunsinnaw l-inbid għad-distillazzjoni.

22      Fis-17 ta’ Ottubru 1983, id-DAI talbet li tiġi ammessa fil-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata skond il-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-falliment. Fuq deċiżjoni tal-qorti li ħadet konjizzjoni tal-każ, it-Tribunale d’Oristano (l-Italja), id-DAI ssospendiet il-ħlasijiet kollha tagħha, inklużi dawk dovuti lill-produtturi li kienu pprovdewlha l-inbid.

23      Minkejja li kienet ġiet infurmata dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura, l-AIMA talbet lid-DAI biex trodd lura l-għajnuna Komunitarja, bi tnaqqis ta’ l-ammonti debitament imħallsa lill-produtturi hawn fuq imsemmija, għaliex id-DAI ma kinitx tat fiż-żmien stipulat mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 2499/82 prova li ħallset lill-produtturi l-oħrajn il-prezz minimu ta’ xiri ta’ l-inbid fi żmien disgħin jum wara d-dħul ta’ l-inbid fid-distillerija skond l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament. Billi d-DAI ma radditx lura din l-għajnuna, l-AIMA talbet lill-Assedile jirrilaxxa favuriha l-ammont tal-garanzija.

24      Fuq talba tad-DAI, il-Pretore di Terralba (l-Italja), fis-26 ta’ Lulu 1984 inħareġ mandat kawtelatorju li pprojbixxa lill-Assedile li tħallas il-garanzija lill-AIMA. Huwa ta lid-DAI sittin jum biex tiftaħ kawża fuq il-mertu.

25      F’Settembru 1984, id-DAI fetħet din il-kawża quddiem it-Tribunale civile ta’ Ruma (Italja). Hija talbet lit-tribunal jiddikjara b’mod partikolari li l-produtturi kienu d-destinatarji finali tal-garanzija, sal-limitu tas-somom dovuti lilhom, u alternattivament, li d-drittijiet ta’ l-AIMA jistgħu jiġu eżerċitati biss sal-limitu ta’ l-ammont pendenti tal-prezz li d-DAI kienet għadha ma ħallsitx lill-produtturi. Hija ssottomettiet li, fil-fatt, hija kienet ħallset lill-produtturi madwar nofs l-ammont tal-ħlas bil-quddiem li hija kienet irċeviet mingħand l-AIMA, iżda mingħajr ma kkonfermat quddiem it-tribunal – fatt li jissemma’ fis-sentenza tiegħu tas-27 ta’ Jannar 1989 – li kienet għamlet il-ħlasijiet fiż-żmien stabbilit mir-Regolament Nru 2499/88 (ara l-paragrafu 30 iktar ‘il quddiem). Hija ssuġġeriet li jiġu rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Komunitarji applikabbli. Hija sostniet li ma setgħat tinżamm responsabbli għal ebda nuqqas, minħabba li kienet sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li teffettwa l-ħlasijiet kollha. Hija sostniet li l-garanzija kienet maħsuba biex tiggarantixxi l-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri lill-produtturi, fuq bażi pro rata tal-produzzjoni kkunsinnata, fil-każ li ma jiġux eżegwiti l-obbligi tad-distillatur. Hija rrilevat li, skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli, kieku l-għajnuna kellha tingħata lura lill-AIMA, dan ikollu jitħallas lura lill-korp Komunitarju kompetenti. B’hekk, id-drittijiet tal-produtturi, li huma intitolati għall-ħlas ta’ l-għajnuna, jistgħu jiġu ppreġudikati minħabba att ta’ terza persuna (jiġifieri att ta’ persuna li m’hijiex id-DAI).

26      L-Assedile u l-AIMA kienu l-partijiet konvenuti, u l-produtturi kkonċernati – jiġifieri r-rikorrenti, kooperattiva oħra ta’ l-inbid u konsorzju ta’ kooperattivi ta’ l-inbid – intervjenew fil-kawża.

27      Jirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Jannar 1989 tat-Tribunale civile ta’ Ruma li, skond l-AIMA, fir-rigward tat-tnax-il kuntratt ta’ xiri ta’ nbid konklużi mid-DAI u approvati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2499/82, id-DAI tat biss prova, fit-termini indikati fir-Regolamenti tal-Komunità, tal-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri lil tliet produtturi, għal ammont totali ta’ 111602075 ITL. L-AIMA kkonkludiet li, bl-eċċezzjoni ta’ dawn it-tliet produtturi, id-DAI ma kinitx ħallset il-prezz minimu ta’ xiri lill-produtturi, ma kienet b’ebda mod ġabet prova li dan il-ħlas kien sar fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2499/82 u, finalment, li ma kinitx tat din il-prova fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 9(2) ta’ l-istess Regolament. L-AIMA sostniet li, f’dan il-kuntest, “il-garanzija kellha tiġi miżmuma kollha u li għaldaqstant il-produtturi li ma ġewx imħallsa ma kellhom ebda alternattiva oħra għajr li jinfurzaw id-drittijiet tagħhom kontra d-distillerija […] ”. Hija b’hekk ippreżentat kontrotalba li permezz tagħha talbet li l-Assedile tiġi ordnata tħallas lilha l-garanzija fl-ammont ta’ 1047084185 ITL, bl-interessi miżjuda.

28      Il-partijiet intervenuti fil-kawża quddiem it-Tribunale civile ta’ Ruma qablu mat-teżi tad-DAI (ara l-punt 25 iktar ‘il fuq). Huma sostnew li s-somom suġġetti għall-garanzija maħruġa mill-Assedile kellhom jitħallas lilhom fuq bażi pro rata skond l-ammont ta’ nbid ikkunsinnat. Huma talbu lit-Tribunale civile ta’ Ruma jiddikjara li l-Assedile kienet obbligata tħallas lilhom l-ammont tal-krediti tagħhom mhux imħallsa mid-DAI, miżjuda bir-rivalwazzjoni monetarja u interessi, u alternattivament, li l-AIMA kienet obbligata li tħallas lilhom dawn is-somom. B’mod partikolari, ir-rikorrenti indikaw li l-ammont tal-krediti tagħhom mhux imħallsa, li kienu jirriżultaw minn kuntratti approvati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2499/82, kien jammonta għal 106571589 ITL fil-każ tal-Cantina sociale di Dolianova, 79483181 ITL fil-każ tal-Cantina Trexenta, 506921061 ITL fil-każ tal-Cantina sociale Marmilla, 192954189 ITL fil-każ tal-Cantina sociale Santa Maria La Palma u 54812419 ITL fil-każ tal-Cantina sociale del Vermentino.

29      Sadanittant, permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Frar 1986, it-Tribunale ta’ Oristano ddikjara l-falliment tad-DAI.

30      Fis-sentenza tiegħu tas-27 ta’ Jannar 1989, it-Tribunale civile ta’ Ruma ddikjara:

“Huwa ċert li r-Regolament Nru 2499/82 jagħti d-dritt għal għajnuna bil-kundizzjoni li jiġu mħarsa t-termini ta’ żmien u l-kundizzjonijiet stabbiliti rigorożament, u li jekk dawn it-termini u kundizzjonijiet ma jiġux irrispettati, dan jagħti lok għal irkupru parzjali jew totali ta’ l-għajnuna mħallsa bil-quddiem.

Id-distillaturi huma – skond il-proċedura adottata mir-[Repubblika Taljana] [il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82] ─ id-destinatarji ta’ l-għajnuna waqt li l-produtturi ta’ l-inbid u ta’ l-għeneb huma d-destinatarji finali.

Jirriżulta mis-suespost li huwa faċli li wieħed jinterpreta r-Regolament in kwistjoni u li m’hemmx bżonn li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

[...]

Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Assedile u l-AIMA, [il-polza ta’ garanzija maħruġa mill-Assedile] tistabbilixxi, fl-Artikolu 2 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ l-assigurazzjoni, li l-Assedile jiggarantixxi lill-AIMA, kontra l-ammont assigurat (1169040262 ITL), ir-rimbors tas-somom li jistgħu jsiru dovuti lilu mill-parti kontraenti [DAI] bħala restituzzjoni totali jew parzjali ta’ l-ammont imħallas bil-quddiem mill-AIMA fil-każ li jiġi stabbilit li m’hemmx dritt għal għajnuna eċċezzjonali għad-distillazzjoni, għall-kwantitajiet kollha jew parti minnhom speċifikati fit-talba għal ħlas bil-quddiem jew fil-kuntratt ta’ distillazzjoni.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3 jistabbilixxi li l-AIMA għandha tindirizza t-talba għal rifużjoni tas-somma indebitament imħallsa lid-DAI, li għandha tħallas is-somma mitluba fi żmien ħmistax-il jum. Jekk il-ħlas ma jsirx fiż-żmien stabbilit, l-AIMA tista’ titlob il-ħlas ta’ din is-somma mill-kumpannija [Assedile], li hija obbligata tagħmel dan il-ħlas fi żmien ħmistax-il jum minn meta tiġi nnotifikata bit-talba, mingħajr ma tkun tista’ tressaq ebda eċċezzjoni.

Skond l-Artikolu 4, il-kumpannija [Assedile] hija ssurrogata, fil-limiti ta’ l-ammont imħallas, fid-drittijiet, pretensjonijiet u azzjonijiet kollha ta’ l-AIMA fil-konfront tal-parti kontraenti u l-aventi kawża tagħha.

Il-klawżoli kuntrattwali hawn fuq iċċitati jidhru li huma ta’ interpretazzjoni ċara u sempliċi: jirriżulta b’mod partikolari li l-garanzija tingħata favur l-AIMA u mhux favur persuni oħrajn bħall-produtturi, u li għaldaqstant, dawn ma jibbenefikaw minn ebda dritt fil-konfront ta’ l-Assedile għas-somma ggarantita.

Jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-Artikolu 3, li jistabbilixxi l-obbligu tal-kumpannija [Assedile] li tħallas fi żmien terminu ta’ ħmistax-il jum wara li tiġi nnotifikata bit-talba għall-ħlas mill-benefiċjarju li ma jkunx tħallas, li l-garanti ma jistax iqajjem eċċezzjonijiet kontra l-benefiċjarju.

Anki fl-ipoteżi li biex jingħata xi rimbors irid l-ewwel jiġi stabbilit li m’hemmx dritt (totali jew parzjali) għal għajnuna tad-distillazzjoni, m’hemmx dubju li dan id-dritt xorta waħda jeżisti minħabba li r-rikorrenti, jiġifieri d-DAI, naqset milli tirrispetta t-termini ta’ żmien u l-kundizzjonjiet stabbiliti fir-Regolament tal-Komunità.

Fil-fatt, ġie stabbilit li d-distillerija rikorrenti naqset mill-obbligi tagħha fi tliet każijiet: 1) billi ma ħallsitx (kif jirriżulta min-nuqqas ta’ prova ta’ ħlas fil-proċess tal-kawża) il-prezz minimu lill-produtturi ħlief għal 110795870 ITL; 2) ma ħallsitx l-għajnuna lill-produtturi fi żmien disgħin jum wara d-dħul ta’ l-inbid fid-distillerija (terminu li skada f’Ġunju 1983) u, fi kwalunkwe każ, 3) ma tatx prova qabel l-1 ta’ Ġunju 1984 li kienet effettwat il-ħlasijiet. Il-penali għal dawn l-inadempjenzi hija ż-żamma tal-garanzija kollha.

Barra minn hekk, il-qorti ma tistax taċċetta l-ġustifikazzjonijiet imressqa mid-distillerija biex teżonera ruħha mir-responsabbiltà għall-ħlasijiet li ma sarux (l-impossibbiltà li teffettwa l-ħlasijiet minħabba li kienet tpoġġiet taħt amministrazzjoni kkontrollata u r-rispett tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza tal-kredituri), u dan billi t-termini biex jiġu effettwati dawn il-ħlasijiet (Ġunju 1983) u biex tintradd lura l-għajnuna (Lulju 1983) skadew qabel id-data ta’ meta ġie deċiż li titpoġġa taħt amministrazzjoin kkontrollata (Ottubru 1983).

[...]

Għaldaqstant, jirriżulta li l-AIMA għandha tiġi rrimborsata, skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji hawn fuq iċċitati, 110 % ta’ l-ammont ta’ għajnuna mogħtija bil-quddiem, wara li titnaqqas l-għajnuna li l-ħlas effettiv tagħha ġie ppruvat, jiġifieri 1047084185 ITL (l-ammont totali tal-kuntratti li ma ngħatatx prova tal-ħlas tagħhom, miżjud b’ 10 % ─ jiġifieri 1046277980 ITL ─ li miegħu għandha tiżdied id-differenza bejn l-għajnuna li fir-rigward tagħha ngħatat prova ta’ ħlas u l-għajnuna mħallsa bil-quddiem – jiġifieri 806205 ITL).

Huwa rilevanti li wieħed josserva li d-DAI qatt ma kkontestat dawn l-ammonti: għalkemm afftermat li ħallset lill-produtturi madwar nofs l-għajnuna mogħtija, hija qatt ma stqarret jew, a fortiori, ippruvat li kienet ħallset din l-għajnuna fit-termini ta’ żmien stabbiliti mir-Regolament Nru 2499/82.

[...]

Għandu jingħad ukoll li d-distillerija rikorrenti ma tinsabx f’pożizzjoni tajba li tinvoka l-fatt li l-kooperattivi ta’ l-inbid li kienu kkunsinnaw il-produzzjoni tagħhom kellhom diffikultajiet biex jeżerċitaw il-krediti tagħhom, billi hija stess kienet qegħdet lilha nnifisha f’pożizzjoni li ma jistgħux jiġu eżegwiti dawn il-krediti, u dan billi rrikorriet għall-proċedura ta’ falliment immedjatament wara li kienet kisbet l-għajnuna Komunitarja li kellha titħallas lill-produtturi.

Il-kooperattivi ta’ l-inbid jistgħu – bħal ma jista’ l-garanti fil-każ li jiddeċiedi li jaġixxi b’surroga – jeżerċitaw il-krediti tagħhom fil-qafas tal-proċedura ta’ falliment, flimkien mal-kredituri l-oħrajn kollha u skond il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza tal-kredituri.”

31      Fis-27 ta’ Settembru 1989, l-erba’ rikorrenti – barra l-Cantina sociale del Vermentino – ippreżentaw appell minn din is-sentenza quddiem il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Ruma. Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, il-Qorti ta’ l-Appell qatgħet li t-talba kienet inammissibbli, għar-raġuni li r-rikorrenti ma kinux innotifikaw b’mod regolari r-rikors ta’ l-appell lill-istralċarju (“la curatela fallimentare”) tad-DAI, iżda kienu nnotifikaw lid-DAI nnifisha, li kienet tinsab fi stat ta’ falliment, u li huma ma kinux sussegwentement ikkorreġew in-notifika fit-terminu stabbilit mill-maġistrat inkwirenti (“il consigliere istruttore”).

32      Sadanittant, fis-16 ta’ Jannar 1990, l-Assedile ħallset is-somom dovuti lill-AIMA.

33      B’sentenza tat-28 ta’ Novembru 1994, il-Qorti ta’ Kassazzjoni Taljana ċaħdet ir-rikors għal ritrattazzjoni ppreżentat mill-erba’ rikorrenti hawn fuq imsemmija kontra s-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell. Fir-rikors ta’ ritrattazzjoni tagħhom, dawn ta’ l-aħħar kienu sostnew b’mod partikolari li huma kienu qed jimpunjaw is-sentenza ta’ appell tat-Tribunale civile ta’ Ruma fuq il-bażi tan-natura żbaljata ta’ din is-sentenza, mhux fir-rigward tad-DAI, iżda biss fir-rigward ta’ l-AIMA u l-Assedile.

34      Il-ħames rikorrenti pproċedew regolarment billi rreġistraw il-krediti tagħhom fil-kuntest tad-djun tad-DAI, fil-qafas tal-proċedura ta’ falliment ta’ din ta’ l-aħħar.

35      B’ittra tat-22 ta’ Jannar 1996, huma interpellaw lill-AIMA biex tonora l-krediti li huma kellhom fil-konfront tad-DAI, waqt li sostnew li l-AIMA kienet kisbet arrikkiment indebitu meta rċiviet il-garanzija.

36      L-AIMA ċaħdet din il-pretensjoni u sostniet li l-garanzija kienet dovuta lilha u li l-produtturi ma kellhom ebda azzjoni diretta kontriha biex jeżerċitaw il-krediti tagħhom kontra d-DAI.

37      Fis-16 ta’ Frar 1996, ir-rikorrenti fetħu kawża quddiem it-Tribunale civile ta’ Cagliari (l-Italja) kontra l-AIMA fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu.

38      Fit-13 ta’ Novembru 1996, ir-rikorrenti ppreżentaw ilment lill-Kummissjoni, fejn huma akkużaw lill-AIMA bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, b’mod partikolari r-Regolament Nru 2499/82, u talbu b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex tordna lill-AIMA u lir-Repubblika Taljana biex iħallsuhom l-ammonti li ma kinux irċevew fil-forma ta’ għajnuna Komunitarja għas-sena ta’ l-inbid 1982/1983.

39      B’ittra tal-25 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li l-Assedile kienet ħallset l-ammont tal-garanzija, bl-interessi, lill-AIMA fis-16 ta’ Jannar 1990. Hija kompliet biex tgħid li, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 352/78, il-garanziji miżmuma għandhom jitnaqqsu mill-aġenzija ta’ intervent in kwistjoni mill-ispejjeż tal-FAEGG, jew fi kliem ieħor għandhom jiġu allokati favur il-kontijiet tal-FAEGG. Hija speċifikat li d-dipartimenti tagħha kienu ser jipproċedu għall-inkjesti meħtieġa, b’mod partikolari fil-konfront ta’ l-AIMA, sabiex jiġi stabbilit kif ġie allokat effettivament l-ammont tal-garanzija miżmuma mill-AIMA.

40      Wara l-inkjesta li wettqet fil-konfront ta’ l-AIMA, il-Kummissjoni għarrfet lir- rikorrenti, b’ittra tat-8 ta’ Diċembru 1997, li l-AIMA kienet għarrfitha li hija kienet sarrfet, fil-21 ta’ Frar 1991, it-titolu ta’ ħlas (“il vaglia”) fl-ammont ta’ 1047084185 ITL maħruġ mill-Assedile fis-16 ta’ Jannar 1990, u li kienet allokat dan l-ammont – “li probabbilment kien jikkorrispondi għall-ammont tal-garanzija” – favur il-FAEGG fil-kuntest tal-baġit għall-1991.

41      B’ittra tat-23 ta’ Jannar 1998, li waslet fil-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 1998, ir-rikorrenti talbu lil din l-istituzzjoni tħallas lilhom somma korrispondenti għall-ammont ta’ krediti li huma kellhom fil-konfront tad-DAI, fuq il-bażi li l-garanzija miżmuma mill-AIMA kienet ġiet irrestitwita lill-FAEGG. Huma sostnew li mill-iskop tar-Regolament Nru 2499/82, li għandu l-għan li jgħin lill-produtturi ta’ l-inbid, jirriżulta li dawn ta’ l-aħħar għandhom jitqiesu bħala d-destinatarji effettivi u uniċi ta’ l-għajnuna prevista minn dan ir-Regolament. Id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri biex jagħżlu l-proċedura għall-ħlas ta’ l-għajnuna mill-aġenzija ta’ intervent, li jinsabu rispettivament fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament, m’għandhiex tippreġudika dan il-għan finali. B’mod partikolari, fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament hawn fuq imsemmi, il-garanzija mogħtija mid-distillatur għandha tiggarantixxi r-regolarità ta’ l-operazzjoni ta’ distillazzjoni preventiva fit-totalità tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħlas effettiv ta’ l-għajnuna lill-produtturi. Kull interpretazzjoni oħra tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa kkristallizzat fl-Artikolu 6 tat-Trattat tal-KE (li wara emenda sar l-Artikolu 12 KE). Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mir-Regolamenti suċċessivi tal-Kummissjoni li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar id-distillazzjoni preventiva għas-snin ta’ l-inbid sussegwenti, li jipprovdu espressament li meta d-distillatur ma jkunx ħallas il-prezz minimu ta’ xiri lill-produttur, dan jista’ jitlob il-ħlas ta’ l-għajnuna direttament mingħand l-aġenzija ta’ intervent.

42      B’ittra tal-31 ta’ Lulju 1998, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura tal-Kummissjoni u li waslet lir-rikorrenti fl-14 ta’ Awwissu 1998 (iktar ‘il quddiem l-“ittra kkontestata”), il-Kummissjoni caħdet din it-talba. Hija sostniet li, fil-proċedura ta’ ħlas ta’ għajnuna lil distillatur applikabbli f’dan il-każ, l-għajnuna hija ta’ benefiċċju fl-ewwel lok għad-distillatur bil-għan li dan jirċievi kumpens għal prezz ta’ xiri aktar għoli ta’ l-inbid. Il-garanzija saret favur l-AIMA, u l-produtturi ma setgħu jippretendu ebda dritt fuq dan l-ammont. L-għażla mogħtija lill-Istat Membru in kwistjoni bejn din il-proċedura, stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, u l-proċedura ta’ ħlas dirett ta’ l-għajnuna lill-produttur, stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, ma tistax twassal għal interpretazzjoni uniformi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fis-sens li l-produtturi jkunu dejjem il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li din id-differenza fil-proċedura ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, billi dawn huma ġġustifikati mid-differenzi fattwali (sistemi amministrattivi differenti u numru varjabbli ta’ produtturi fi Stati Membri differenti, li jistgħu jiġġustifikaw f’ċerti Stati Membri ċ-ċentralizzazzjoni tal-ħlas ta’ l-għajnuna lid-distillaturi). Il-Kummissjoni rrimarkat li, fis-sentenza tiegħu tas-27 Jannar 1989, li kellu s-saħħa ta’ res judicata, it-Tribunale civile ta’ Ruma kien ċaħad li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kreditu tar-rikorrenti fil-konfront tal-garanzija. Hija implikat li, billi r-rikorrenti ma kellhom ebda dritt fuq l-ammont tal-garanzija miżmuma mill-AIMA, għaldaqstant ma kellhom ebda dritt meta l-ammont ikun ġie rrestitwit lill-Kummissjoni. Sussidjarjament, il-Kummissjoni osservat li l-approvazzjoni mill-AIMA tal-kuntratti konklużi bejn ir-rikorrenti u d-DAI ma kinitx tbiddel in-natura privata ta’ dawn il-kuntratti, b’hekk li l-obbligi li r-rikorrenti kienu qed jippretendu li l-Kummissjoni kellha fil-konfront tagħhom ma kinux ta’ natura kuntrattwali. Għaldaqstant, kull azzjoni li seta’ kellhom kontra l-Komunità kienet preskritta, skond l-Artikolu 46 ta’ l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-ammont tal-garanzija kient ġie mħallas lill-AIMA fis-16 ta’ Jannar 1990 u rrestitwit lill-FAEGG fil-kuntest tal-baġit għall-1991.

43      Min-naħa l-oħra, skond ir-risposti bil-miktub tar-rikorrenti għad-domandi tat-Qorti tal-Prim’Istanza, l-azzjoni għal arrikkiment indebitu ppreżentata quddiem it-Tribunale civile ta’ Cagliari ġiet sospiża bil-għan li jintlaħaq ftehim bonarju bejn il-partijiet dwar kumpens għall-ispejjeż, wara l-eżitu ta’ l-inkjesta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 40 hawn fuq. Fil-fatt, billi din l-inkjesta kienet uriet li l-AIMA kienet – għall-kuntrarju ta’ dak li hija kienet sostniet qabel il-ftuħ tal-proċedura hawn fuq imsemmija u matul din il-proċedura – irrestitwiet lill-FAEGG l-ammont tal-garanzija, din il-proċedura kienet tilfet, skond ir-rikorrenti, kull interess, billi issa kien jidher li ma setax kien hemm arrikkiment indebitu mill-AIMA.

44      Fl-aħħar nett, permezz ta’ risposta bil-miktub għal domanda tat-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti indikaw li l-proċedura ta’ falliment kienet ingħalqet matul is-sena 2000 u li huma kienu pparteċipaw fil-konkors tal-kredituri fil-kwalità ta’ kredituri pprivileġġati, minħabba l-istatus tagħhom ta’ kooperattivi agrikoli, skond l-Artikolu 2751 bis, paragrafu 5 bis, u l-Artikolu 2776 tal-Kodiċi Ċivili Taljana. Huma kienu kisbu minn dan il-konkors ħlas għall-krediti tagħhom irreġistrati fil-konfront tad-DAI ekwivalenti għal 39 % tat-total ta’ dawn il-krediti. Minn dan il-konkors tal-kredituri, l-ammont ta’ krediti tagħhom li baqgħu mhux imħallsa kienu ta’ 72797022 ITL fir-rigward tal-Cantina sociale di Dolianova, 54412685 ITL fir-rigward tal-Cantina Trexenta, 350554208 ITL fir-rigward tal- Cantina sociale Marmilla, 133888664 ITL fir-rigward tal-Cantina sociale Santa Maria La Palma u 37212737 ITL fir-rigward tal-Cantina sociale del Vermentino.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tat-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrenti ressqu l-preżenti rikors.

46      Wara li ġiet ippreżentata r-risposta, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’ittra tar-reġistratur tagħha tal-25 ta’ Frar 1999, stiednet lill-partijiet rikorrenti biex fir-replika tagħhom jiffukaw fuq il-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tal-kawża. Huma kkonformaw ma’ din it-talba.

47      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex jogħġobha:

–        “tiddikjara illegali, skond l-Artikoli 173 u/jew 175 tat-Trattat tal-KE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998 […], kif ukoll kull att minnha ċċitat jew li, f’kull każ, fuqu hija bbażata jew li miegħu hija relatata jew konnessa […];”

–        “tiddikjara li [ir-rikorrenti] għandhom dritt jirċievu l-għajnuna Komunitarja li ma ġietx mħallsa lilhom fiż-żmien stabbilit mid-DAI minħabba l-falliment ta’ din ta’ l-aħħar u liema ammont kien ġie rkuprat mill-AIMA [...] u rrestitwit lill-FAEGG […]; ”

–        “tikkundanna lill-Kummissjoni, kemm jekk fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu u/jew fuq il-bażi ta’ kumpens għal danni skond l-Artikolu 178 tat-Trattat tal-KE, biex tħallas [lir-rikorrenti kumpens f’ammont ekwivalenti għall-ammonti tal-krediti tagħhom mhux imħallsa mid-DAI, speċifikati fir-rikors], jekk ikun il-każ miżjuda bl-interessi legali sa mill-1 ta’ Jannar 1992 jew, ta’ mill-inqas, mit-23 Jannar 1998, id-data meta ntbagħtet it-talba għall-ħlas lill-Kummissjoni […];”

–        “tikkundanna l-parti konvenuta tbati lispejjeż.”

48      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara li r-rikors huwa infondat:

–        tikkundanna r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

49      Fuq il-bażi tar-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-tieni awla) ddeċidiet li tiftaħ l-proċedura orali mingħajr miżuri istruttorji preliminari.

50      Il-Qorti tal-Prim’Istanza semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi li għamlitilhom l-istess Qorti, matul is-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2000.

51      Matul din is-seduta, il-partijiet rikorrenti rrinunzjaw għat-tieni kap tat-talbiet.

52      Fit-tmiem tas-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, il-President tat-Tieni Awla għalaq il-proċedura orali u ssospenda l-proċedura għal perjodu ta’ tliet xhur, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom.

53      B’ittra ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx instabet soluzzjoni li tista’ twassal għal soluzzjoni bonarja tal-kwistjoni.

54      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2001, reġgħet fteħet il- proċedura orali, bil-għan li jiġu indirizzati numru ta’ domandi bil-miktub lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni rrispondiet dawn id-domandi, b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Novembru 2001. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom għal dawn ir-risposti b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Ġunju 2003.

55      Fil-frattemp, il-kompożizzjoni tat-tieni awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, wara li skada l-mandat ta’ Membru tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

56      Il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-tieni Awla) sejħet lill-partijiet għat-tieni seduta u stiednet lir-rikorrenti jirrispondu bil-miktub għal domandi ġodda qabel id-data tas-seduta. Ir-rikorrenti kkonformaw ma’ din it-talba b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Jannar 2004.

57      Il-Qorti tal-Prim’Istanza semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi li għamlitilhom l-istess Qorti, matul is-seduta ta’ l-10 ta’ Frar 2000.

 Id-Dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament u għal nuqqas


 Sottomissjonijiet tal-partijiet

58      Il-Kummissjoni sostniet fl-ewwel lok li t-talba ta’ annullament ibbażata fuq l-Artikolu 173 tat-Trattat tal-KE (li wara emendi sar l-Artikolu 230 KE) hija inammissibbli, billi l-ittra kkontestata, tal-31 ta’ Lulju 1998, ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni. Il-Kummissjoni ma kinitx irrifjutat li tħallas, permezz ta’ din l-ittra, is-somom mitluba, iżda kienet sempliċement indikat li ma kellhiex is-setgħa li taġixxi jew li tadotta deċiżjoni dwar il-ħlas mitlub. Din is-setgħa kienet taqa’ f’idejn l-aġenziji ta’ intervent nazzjonali, li huma responsabbli għall-ħlas ta’ l-għajnuna prevista mir-Regolament Nru 2499/82.

59      L-uniku element ta’ natura deċiżjonali li jinsab fl-ittra kkontestata jirrigwarda d-deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri. Għaldaqstant, din kienet tikkonsisti f’deċiżjoni esklużivament interna u amministrattiva, li ma tippreġudikax lir-rikorrenti.

60      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tissottometti li t-talba bbażata fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 232 KE) hija wkoll inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma kinux interpellawha preċedentement biex taġixxi. Anki kieku għall-grazzja ta’ l-argument wieħed kellu jikkunsidra l-ittra tat-23 ta’ Jannar 1998 bħala interpellazzjoni biex taġixxi, l-azzjoni preżenti għal nuqqas li tittieħed azzjoni ġiet ippreżentata tardivament. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, it-terminu biex tiġi ppreżentata l-proċedura jiddekorri mid-data ta’ din l-interpellazzjoni biex taġixxi.

61      Ir-rikorrenti jsostnu fl-ewwel lok li t-talba ta’ annullament tagħhom hija ammissibbli. Il-kontenut ta’ l-ittra kkontestata juri li din tammonta għal deċiżjoni, peress li min-naħa waħda, hija tiċħad it-talba tagħhom tat-23 Jannar 1998 u, min-naħa l-oħra, tiddeċiedi li ma tittieħidx azzjoni ulterjuri. Ir-rikorrenti jissottomettu li t-talba tat-23 Jannar 1998 kienet ċara, motivata fil-fatt u fid-dritt, u perentorja. Barra minnhekk, kienet ppreċeduta minn proċess twil ta’ istruttorja. Fl-ittra kkontestata, il-Kummissjoni, wara l-istruttorja dwar il-każ, kienet ċaħdet din it-talba u tat raġunijiet għal din iċ-ċaħda fuq il-bażi tal-fatti u tad-dritt.

62      Barra minn hekk, anki jekk għall-grazzja ta’ l-argument, u għall-kuntrarju tat-teżi tar-rikorrenti, l-ittra kkontestata ma tistax titqies bħala deċiżjoni, it-talba għal annullament xorta waħda hija ammissibbli, billi din hija indirizzata mhux biss kontra din l-ittra iżda wkoll kontra “kull att iċċitat minnha [din l-ittra] jew li, f’kull każ, fuqu hija bbażata jew li miegħu hija rrelatata jew konnessa”. Barra minn hekk, din it-talba għandha titqies li tirrigwarda “il-miżura negattiva allegata li tikkonsisti fin-nuqqas li tingħata deċiżjoni favorevoli fir-rigward tat-talba ppreżentata dak iż-żmien mill-kooperattivi għall-istess raġunijiet”. Din ġiet ippreżentata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regolament tal-Proċedura, li jistabbilixxi sempliċement li t-talba għandha tinkludi “is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa.”

63      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jissottomettu li r-rikors tagħhom kontra n-nuqqas ta’ “teħid ta’ miżura pożittiva mitluba mill-Kummissjoni”, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 175 tat-Trattat tal-KE, huwa ugwalment ammissibbli. Huma jsostnu li t-terminu ta’ xahrejn kontra n-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni minn istituzzjoni tal-Komunità, li tkun ġiet interpellata preċedentement biex taġixxi, jibda jiddekorri mid-data meta timmanifesta ruħha l-inerzja ta’ l-istituzzjoni. Skond ir-rikorrenti, fil-każ preżenti, l-inerzja tal-Kummissjoni mmanifestat ruħha wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998, fejn hija ċaħdet it-talba fformulata fl-ittra tat-23 ta’ Jannar 1998. Minn hemm ‘il quddiem, is-sitwazzjoni ma kinitx ċara. Fil-fatt, permezz ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi ma’ l-avukat tar-rikorrenti matul ix-xhur wara li l-Kummissjoni kienet irċeviet it-talba hawn fuq imsemmija, uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-Agrikolatura kien ta assigurazzjoni li l-każ kien qed jiġi kkunsidrat mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u li kienet ser tittieħed deċiżjoni qabel it-tniem tas-sajf ta’ l-1998. Ir-rikorrenti pproponew li Qorti tal-Prim’Istanza tħarrek bħala xhud lis-Sur Petrucci biex jivverifika l-fatti hekk allegati.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament

64      Sabiex tiġi kkunsidrata l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, jeħtieġ li fl-ewwel lok tiġi eżaminata n-natura ta’ l-ittra kkontestata. Fil-fatt, mhux biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni tal-Komunità lid-destinatarju tagħha, b’risposta għal talba fformulata minn dan ta’ l-aħħar, biex din tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat (li wara emenda sar l-Artikolu 230 KE). Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti, huma biss dawk il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi obbligatorji b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jimmodifikaw b’mod partikolari l-pożizzjoni ġuridika tiegħu, li jistgħu jiġu impunjati permezz ta’ rikors għal annullament taħt l-Artikolu 173 tat-Trattat (sentenza tal-Qorti ta’ l-14 ta’ Jannar 1993, Italsolar vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-9, punt 21; digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Ottubru 1996, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, T‑5/96, Ġabra p. II-1299, punt 26, u tal-11 ta’ Diċembru 1998, Scottish Soft Fruit Growers vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-4219, punt 34).

65      F’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit fl-ewwel lok jekk fil-kuntest ġuridiku li fih inkitbet l-ittra kkontestata, din tistax tipproduċi dawn l-effetti, billi tiċħad it-talba tar-rikorrenti li fis-sustanza teżiġi li l-Kummissjoni tħallas lilhom direttament l-ammont li ma rċevewx li jikkonsisti f’għajnuna Komunitarja skond ir-Regolament Nru 2499/82 għall-inbid ikkunsinnat għall-iskopijiet ta’ distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/1983 (ara l-punti 41 u 42 iktar ‘il fuq).

66      F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar fl-ewwel lok li skond ir-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, huma dawn ta’ l-aħħar li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja fid-dritt Komunitarju, għandhom jiżguraw fit-territorju tagħhom l-eżekuzzjoni tar-Regolamenti tal-Komunità, b’mod partikolari fil-kuntest tal-politika agrikola komuni. B’mod aktar speċifiku, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taqa’ f’idejn l-aġenziji nazzjonali mwaqqfa għal dan l-iskop. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni m’għandhom ebda kompetenza biex jieħdu deċiżjonijiet li japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1993, Nutral vs Il-Kummissjoni, u R, Ġabra p. II-1023, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Oleifici Italiani u Fratelli Rubino vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-3377, punt 51).

67      Fil-każ preżenti, jirriżulta mir-Regolament Nru 2499/82 li, għalkemm il-piż finanzjarju ta’ l-operazzjoni ta’ distillazzjoni preventiva għandu definittivament jinġarr mill-Komunità, huma l-aġenziji ta’ intervent nazzjonali (f’dan il-każ l-AIMA) li għandhom jiżguraw fit-territorju tagħhom l-eżekuzzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni preventiva, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament.

68      B’mod partikolari, skond ir-Regolament Nru 2499/82, huma l-aġenziji nazzjonali li għandhom:

–        jikkontrollaw u japprovaw il-kuntratti konklużi bejn il-produtturi ta’ l-inbid u d-distillaturi (Artikolu 1(3) u Artikolu 3 tar-Regolament),

–        iħallsu l-għajnuna Komunitarja, jew iħallsu taħt ċerti kundizzjonijiet, bil-quddiem, ammont ekwivalenti għal din l-għajnuna (Artikolu 6, Artikolu 9(2), u Artikolu 11 tar-Regolament),

–        jirkupraw, jekk ikun il-każ, is-somom imħallsa indebitament bħala għajnuna jew bħala ħlasijiet bil-quddiem ta’ l-għajnuna (Artikolu 9(2) u Artikolu 11(3), tar-Regolament).

69      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 2499/82 ma jagħti ebda kompetenza lill- Kummissjoni biex tintervjeni fl-eżekuzzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ distillazzjoni preventiva mill-aġenziji ta’ intervent nazzjonali. Għaldaqstant, jirriżulta minn dan ir-Regolament li l-Kummissjoni tista’ biss tieħu nota ta’ l-operazzjonijiet imwettqa minn dawn l-aġenziji nazzjonali, fis-sens li l-Artikolu 21 ta’ l-imsemmi Regolament jobbliga lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lil din l-istituzzjoni, fit-termini ta’ żmien stabbiliti, il-kwantitajiet ta’ nbid speċifikati fil-kuntratti ta’ distillazzjoni approvati, il-kwantitajiet ta’ nbid iddistillati u l-kwantitajiet ta’ prodotti miksuba, kif ukoll il-każijiet fejn id-distillatur ma jkunx wettaq l-obbligi tiegħu u l-miżuri meħuda bħala konsegwenza.

70      F’dan il-kuntest ġuridiku, il-Kummissjoni fl-ebda ipoteżi ma setgħat tkun kompetenti li tieħu deċiżjoni dwar it-talba bil-mod kif din ġiet indirizzata lilha f’dan il-każ mir-rikorrenti, jiġifieri li tħallas l-għajnuna allegatament dovuta lill- produtturi ta’ l-inbid skond ir-Regolament Nru 2499/82.

71      B’hekk isegwi li ċ-ċaħda ta’ din it-talba fl-ittra kkontestata u l-klassifikazzjoni tal-fajl ma kinux ta’ natura li jaffettwaw il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Għaldaqstant, din l-ittra m’hijiex ta’ natura deċiżjonali u b’hekk ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi impunjat taħt l-Artikolu 173 tat-Trattat, fis-sens li jiċħad il-ħlas lir-rikorrenti ta’ l-għajnuna Komunitarja mitluba minnhom.

72      Barra minn hekk, l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament ta’ l-ittra kkontestata għandha tiġi kkunsidrata wkoll fil-kuntest li din tista’ tiġi interpretata bħala li tiċħad talba impliċita tar-rikorrenti biex issir korrezzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2499/82, bil-għan li dawn isiru konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali invokat minnhom.

73      Fil-fatt, f’din l-ittra, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha biss li tagħti spjegazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja mill-AIMA, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2499/82, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rifużjoni favur l-aġenzija ta’ intervent nazzjonali, fil-każ li d-distillatur jonqos mill-obbligi tiegħu, tal-garanzija li tkun ingħatat minn dan ta’ l-aħħar bil-għan li jikseb ħlas bil-quddiem ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna.

74      Permezz ta’ l-ittra kkontestata, il-Kummissjoni tieħu wkoll pożizzjoni dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali tas-sistema ta’ ħlas ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82.

75      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi li, kieku wieħed kellu jassumi li, minn naħa waħda, l-ittra tar-rikorrenti tat-23 ta’ Jannar 1998 tista’ tiġi interpretata li tinkludi talba biex il-Kummissjoni tagħmel korrezzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 2499/82 bil-għan li tiggarantixxi l-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi kkonċernati – li ma tirriżultax espliċitament mill-mod kif hija fformulata din l-ittra tar-rikorrenti – u li, min-naħa l-oħra, l-ittra kkontestata tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata li tiċħad din t-talba, it-talba ta’ annullament ta’ din l-ittra xorta waħda jkollha tiġi ddikjarata inammissibbli, minħabba n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

76      Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra ċ-ċaħda tal-Kummissjoni li tagħmel korrezzjoni retroattiva ta’ att hija inammissibbli billi l-korrezzjoni mitluba trid issir fil-forma ta’ Regolament ta’ applikazzjoni ġenerali (digrieti Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 28, u Scottish Soft Fruit Growers vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 41).

77      F’dan il-każ partikolari, ir-Regolament Nru 2499/82 huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, billi jirrigwarda l-produtturi ta’ l-inbid u d-distillaturi kollha fil-Komunità u jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dispożizzjonijiet dwar id-distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/1983. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-korrezzjoni ta’ dan ir-Regolament setgħat issir biss permezz ta’ Regolament ta’ applikazzjoni ġenerali.

78      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-talba għal annullament ta’ l-ittra kkontestata hija inammissibbli.

79      Fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti li jitolbu wkoll l-annullament ta’ kull att iċċitat mill-ittra kkontestata jew li fuqu hija bbażata jew li miegħu hija relatata jew konnessa, huwa biżżejjed li jingħad li dawn it-talbiet ma jispeċifikawx b’mod ċar biżżejjed is-suġġett tagħhom u, għaldaqstant, huma wkoll inammissibbli, skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kif issostni wkoll il-Kummissjoni.

80      Isegwi li r-rikors għal annullament huwa inammissibbli fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni

81      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-nuqqas illeċitu li tittieħed azzjoni li allegatament ġie mwettaq minħabba l-astensjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni dwar l-ħlas ta’ għajnuna Komunitarja lir-rikorrenti, għandu jingħad li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza li tieħu din id-deċiżjoni, kif hija diġà ddikjarat fil-punt 70 iktar ‘il fuq. Ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni bbażat fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 232 KE) b’hekk huwa inammissibbli billi dan jista’ jitressaq kontra l-Kummissjoni meta din tkun naqqset milli tindirizza xi att lir-rikorrenti ħlief għal rakkomandazzjoni jew opinjoni, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 175 tat-Trattat (ara, per eżempju, is-sentenza Italsolar vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30). Barra minn hekk, anki jekk wieħed jikkunsidra li l-ittra tar-rikorrenti tat-23 ta’ Jannar 1998, li waslet għand il-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 1998, kienet tinkludi interpellanza ċara biex tadotta deċiżjoni għall-ħlas ta’ l-għajnuna in kwistjoni lir-rikorrenti, ir-rikors preżenti, li ġie ppreżentat fit-12 ta’ Ottubru 1998, huwa f’kull ipoteżi tardiv, kif eċċepiet il-Kummissjoni. Fil-fatt, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 175 tat-Trattat, il-Kummissjoni kellha tieħu pożizzjoni qabel il-5 ta’ April 1998, u r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kellu jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 1998, inkluża l-estensjoni tat-terminu ta’ skadenza minħabba d-distanza.

82      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, anki kieku kellna nassumu li r-rikors preżenti jista’ jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas allegat ta’ teħid ta’ azzjoni huwa bbażat fuq iċ-ċaħda allegata tal-Kummissjoni li tadotta Regolament li jagħmel korrezzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 2499/82, sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi kkonċernati, dan ir-rikors xorta waħda jkollu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-ittra tar-rikorrenti tat-23 ta’ Jannar 1998 ma tistax tiġi interpretata bħala interpellanza biex tittieħed azzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 175, tat-Trattat, billi r-rikorrenti ma interpellawx b’mod ċar lill-Kummissjoni biex temenda r-Regolament Nru 2499/82 sabiex dan isir konformi mal-prinċipji invokati minnhom. Barra minn hekk, persuni li ma jkollomx locus standi biex jikkontestaw il-legalità ta’ att leġiżlattiv lanqas m’għandhom locus standi biex jippreżentaw quddiem il-Qorti rikors għal konstatazzjoni li istituzzjoni tal-Komunità naqset milli tieħu azzjoni wara li tkun ġiet interpellata biex tadotta dan l-att leġiżlattiv (sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 17). Fil-fatt, emenda tar-Regolament Nru 2499/82 teħtieġ l-adozzjoni ta’ att ta’ applikazzjoni ġenerali, kif diġà ġie stabbilit (ara l-punt 77 iktar ‘il fuq).

83      B’hekk isegwi li r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

B –  Fuq ir-rikors għad-danni u t-talba ta’ restituzzjoni ta’ l-arrikkiment indebitu

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal restituzzjoni ta’ l-arrikkiment indebitu

84      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli t-talbiet alternattivi tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tiġi kkundannata biex tħallas lilhom l-għajnuna tal-Komunità in kwistjoni fuq il-bażi ta’ restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu, billi t-Trattat ma jagħtix lok, fost ir-rimedji li jistabbilixxi, għall-possibbiltà li tinfetaħ kawża għal arrikkiment indebitu. Dan madankollu ma jfissirx li ma tistax tkun fondata t-talba fuq il-bażi tal-ksur tal-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, billi t-talbiet alternattivi jistgħu jiġu interpretati fis-sens li r-rikorrenti qed jinvokaw dan il-prinċipju in sostenn għat-talba tagħhom għal kumpens għad-danni (ara l-punti 159 sa 164 iktar ‘il quddiem).

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-azzjoni għal danni

 Sottomissjonijiet tal-partijiet

85      Il-Kummissjoni eċċepiet tliet raġunijiet ta’ inammissibiltà f’din l-azzjoni għal danni. Fl-ewwel lok, fil-ġestjoni tal-miżuri ta’ appoġġ previsti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, ma kien hemm ebda relazzjoni diretta bejn il-Komunità u l-operaturi ekonomiċi. F’dan il-każ, kien hemm ukoll nuqqas ta’ azzjoni attribwibbli lill-Kummissjoni, b’hekk li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet biex ikollha ġuriżdizzjoni l-Qorti skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat tal-KE (li sar it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE) (sentenzi tal-Qorti ta’ l-10 ta’ Mejju 1978, Exportation des sucres vs Il-Kummissjoni, 132/77, Ġabra p. 1061; tat-12 ta’ Diċembru 1979, Wagner Agrarhandel vs Il-Kummissjoni, 12/79, Ġabra p. 3657, u tas-27 ta’ Marzu 1980, Sucrimex u Westzucker vs Il-Kummissjoni, 133/79, Ġabra p. 1299).

86      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddikkjarat fir-risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li r-rikorrenti ma kinux invokaw, in sostenn tat-talba tagħhom għal kumpens, l-illegalità tar-Regolament Nru 2499/82. Huma kkontestaw biss, quddiem il-qrati nazzjonali u sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament li kienet ġiet adottata mill-awtoritajiet Taljani u mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Lulju 1998.

87      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti kellhom il-benefiċċju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva quddiem il-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, huma setgħu ressqu azzjoni għall-ħlas kontra l-aġenzija ta’ intervent quddiem il-qrati nazzjonali, skond is-sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ April 1984, Unifrex vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (281/82, Ġabra p. 1969, punt 11).

88      F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ l-azzjoni tagħhom għal arrikkiment indebitu kontra l-AIMA li tinsab pendenti quddiem it-Tribunale civile ta’ Cagliari, ir-rikorrenti għadhom f’pożizzjoni li jitolbu lill-qorti nazzjonali biex tagħmel domanda preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 234 KE) bil-għan li l-Qorti tkun tista’ teżamina l-validità tad-dispożizzjonijiet regolamentari in kwistjoni.

89      Fis-seduta ta’ l-10 ta’ Frar 2004, b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ssottomettiet li s-sistema ġuridika Taljana kienet toffri mezzi legali adegwati li jippermettu lill-produtturi kkonċernati li jiksbu sentenza kontra l-AIMA għall-ħlas ta’ l-ammont ta’ għajnuna tal-Komunità previsti fir-Regolament Nru 2499/82. Dawn il-pretensjonijiet tar-rikorrenti ma ġewx imressqa quddiem it-Tribunale civile ta’ Ruma, billi din il-proċedura ffukat fuq il-garanzija mogħtija mid-DAI favur l-AIMA, u b’hekk ma kinitx tirrigwarda d-dritt suġġettiv għall-għajnuna Komunitarja allegat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kważikuntrattwali tagħhom ma’ l-AIMA kellhom jiftħu azzjoni għall-ħlas kontra din l-aġenzija, minnflok l-azzjoni għal arrikkiment indebitu li saret quddiem it-Tribunale civile ta’ Cagliari. Azzjoni għall-ħlas quddiem il-qorti nazzjonali, possibbilment ibbażata fuq l-allegata illegalità tar-Regolament Nru 2499/82, setgħat ġiet intavolata mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġi mistenni l-eżitu tal-proċedura ta’ falliment. Barra minn hekk, il-fatt li l-ammont tal-garanzija ġie rrestitwit lill-Kummissjoni – li ġiet invokata mir-rikorrenti in sostenn ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti għal responsabbiltà mhux ta’ natura kuntrattwali – ma kinitx ser tneħħi l-effettività ta’ din l-azzjoni għall-ħlas. Fil-fatt, din ma kinitx ser tkun ostaklu biex il-qorti Taljana tikkundanna lill-AIMA biex tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta’ għajnuna Komunitarja in kwistjoni, wara li jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari biex tiġi evalwata l-validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2499/82, fl-ipoteżi li l-Qorti tistabbilixxi l-illegalità ta’ xi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni invokat f’dan ir-rigward id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ April 2001, Coillte Teoranta vs Il-Kummissjoni (Ġabra p. II-1275).

90      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tissottometti li t-talbiet għal kumpens huma f’kull każ inammissibbli skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-istess Statut, li jistabbilixxi li l-azzjonijiet dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali jaqgħu preskritti fi żmien terminu ta’ ħames snin minn meta jkun seħħ il-fatt li jkun ta lok għalihom.

91      Dan it-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jibda jiddekorri mill-mument meta r-rikorrenti jkunu saru jafu bil-fatt li ta lok għad-dannu. Fil-każ preżenti, kemm jekk dan il-fatt jinsab fl-applikazzjoni żbaljata tar-regolamentazzjoni tal-Komunità jew fl-illegalità tagħha, ir-rikorrenti saru jafu bih sa l-aktar tard fil-mument meta sar dan ir-rikors. La s-sentenza tat-Tribunale civile ta’ Ruma tas-27 ta’ Jannar 1989 u l-anqas is-sentenzi ulterjuri tal-Qorti ta’ l-Appell ta’ Ruma u tal-Qorti ta’ Kassazzjoni Taljana ma setgħu jinterrompu din il-preskrizzjoni.

92      F’dan ir-rigward, il-konvenuta tfakkar li d-dannu li qed jinvokaw ir-rikorrenti huwa n-nuqqas ta’ ħlas tal-prezz ta’ l-inbid mibjugħ lid-DAI, prezz li kellu jiġu mħallas sa mhux aktar tard minn Ġunju 1983. It-talba għal kumpens b’hekk hija marbuta ma’ fatti li seħħu fl-1983. Billi r-rikors ma ġiex ippreżentat sat-12 ta’ Ottubru 1998, din it-talba hija preskritta.

93      Kieku kellna nassumu – fatt li l-Kummissjoni tikkontesta – li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiddekorri mill-mument meta jidher li l-azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali ma jistgħux jagħtu r-riżultat mixtieq, għandha tittieħed id-data tal-pronunzja tas-sentenza tat-Tribunale civile ta’ Ruma, is-27 ta’ Jannar 1989. Din fil-fatt hija l-unika sentenza dwar il-merti fir-rigward tar-rikorrenti. Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Ruma kienet “ċaħdet” l-appell kontra din is-sentenza billi ma kinitx ġiet innotifikata fil-forma meħtieġa, u l-Qorti tal-Kassazzjoni Taljana kkonfermat din is-sentenza. Il-Kummissjoni qabblet din l-irregolarità proċedurali kommessa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell mal-preżentazzjoni tardiva ta’ rikors, wara l-iskadenza tat-terminu preskritt. L-azzjoni għal responsabbiltà extrakuntrattwali b’hekk ġiet preskritta f’Jannar 1994.

94      Fir-rigward tas-sottomissjoni tar-rikorrenti li l-fatt li ta lok għad-dannu soffert kien meta l-ammont tal-garanzija ġie allokat mill-AIMA favur il-FAEGG, il-Kummissjoni teċċepixxi li din il-garanzija tirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn id-DAI u l-AIMA, u mhux dawk bejn ir-rikorrenti u d-DAI. Barra minn hekk, l-eżerċizzju ta’ kontabbiltà fir-rigward tal-garanzija jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-FAEGG u l-AIMA, u m’għandu ebda effett sostanzjali fir-rigward tad-drittijiet li r-rikorrenti jista’ jkollhom fil-konfront tal-Kummissjoni.

95      Anki kieku kellna nassumu li l-allokazzjoni tal-garanzija favur il-FAEGG tikkostitwixxi att illegali attribwibbli lill-Kummissjoni, it-talba għal kumpens għad-danni xorta waħda tkun preskritta. Fil-fatt, ir-rikorrenti diġà kellhom ikunu jafu b’din l-allokazzjoni fi stadju aktar kmieni, billi dan huwa previst espressament fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssollevat, matul is-seduta ta’ l-10 ta’ Frar 2004, li kien jirriżulta mis-sentenza tat-tribunale civile ta’ Ruma tas-27 ta’ Jannar 1989 li d-DAI kienet sostniet li l-AIMA għandha trodd lura l-garanzija lill-korp kompetenti tal-Komunità.

96      Ir-rikorrenti ssottomettew min-naħa tagħhom li r-rikors preżenti għal responsabbiltà extrakuntrattwali mhuwiex preskritt skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut.

97      Huma jsostnu li ebda preskrizzjoni ma tista’ tiġi invokata kontra l-vittma ta’ dannu li ma setgħatx issir taf b’fatt li ta lok għal dan id-dannu ħlief f’data tardiva u li b’hekk ma setgħatx tibbenefika minn terminu ta’ żmien raġonevoli biex tippreżenta t-talba tagħha qabel ma jiskadi t-terminu ta’ preskrizzjoni (sentenza tal-Qorti tal- 7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 50).

98      Fil-każ preżenti, kien biss wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 1998 li r-rikorrenti kellhom isiru jafu bil-fatt li l-AIMA kienet raddet lura, għall-inqas parzjalment, l-ammont tal-garanzija lill-Kummissjoni. Huma kellhom f’dak l-istadju jitolbu lill-Kummissjoni biex tħallas lilhom l-għajnuna Komunitarja in kwistjoni fuq il-bażi ta’ restituzzjoni ta’ arrikkiment indebitu jew ta’ kumpens għad-danni, skond l-Artikoli 178 u 215 tat-Trattat (li wara saru, rispettivament, l-Artikoli 235 KE u 288 KE), tad-dannu li huma soffrew.

99      Għall-kuntrarju ta’ l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu li l-għajnuna kienet ser tiġi allokata favur il-FAEGG. Il-Kummissjoni stess kienet ġiet infurmata dwar din ir-restituzzjoni biss wara li ntemmet l-istruttorja tagħha fil-konfront ta’ l-AIMA, u wara l-ilment tar-rikorrenti. Barra minn hekk, anki jekk l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ l-ammont tal-garanzija lill-Kummissjoni jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, li l-interpretazzjoni tiegħu b’hekk tkun aktar faċli, xorta ma setax jiġi stabbilit li dan l-obbligu kien ġie rrispettat f’dan il-każ, minħabba l-aġir ta’ l-AIMA. Fir-risposti tagħhom bil-miktub għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza u matul is-seduta ta’ l-10 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti indikaw f’dan ir-rigward li l-AIMA qatt ma kienet iddikjarat li l-garanzija kienet ser tiġi rrestitwita lill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, hija kien sostniet, qabel u matul il-proċedura quddiem it-Tribunale civile ta’ Cagliari, li hija kellha dritt li żżomm l-ammont tal-garanzija.

100    F’kull każ, anki jekk wieħed iqis li l-fatt li ta lok għall-azzjoni għad-danni seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1991, id-data meta l-AIMA raddet lura l-ammont tal-garanzija lill-FAEGG, it-terminu ta’ ħames snin kien ġie interrott, jew bl-ittra tat-22 ta’ Jannar 1996, li permezz tagħha r-rikorrenti talbu lill-AIMA tħallas lilhom is-somma korrispondenti għall-għajnuna in kwistjoni, jew permezz ta’ l-ittra tat-13 ta’ Novembru 1996, li permezz tagħha r-rikorrenti indirizzaw ilment lill-Kummissjoni, bil-għan li jirċievu dan il-ħlas.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

101    Għandhom jiġu eżaminati t-tliet kawżi ta’ inammissibbiltà tar-rikors għal danni invokati mill-Kummissjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ aġir illeċitu attribwibbli lill-Komunità, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ rimedji domestiċi effettivi, u fit-tielet lok, il-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti.

1.     Fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ aġir illeċitu attribwibbli lill-Komunità

102    Billi r-rikors preżenti għal danni huwa relatat ma’ l-applikazzjoni ta’ regolamentazzjoni tal-Komunità li l-eżekuzzjoni tagħha taqa’ taħt ir-repsonsabbiltà ta’ aġenziji nazzjonali kompetenti, kif diġà ġie stabbilit (ara l-punt 67 iktar ‘il fuq), għandu jiġi vverifikat, skond il-ġurisprudenza, jekk l-illegalità allegata mir-rikorrenti in sostenn ta’ dan ir-rikors hijiex attribwibbli lil istituzzjoni tal-Komunità, b’hekk li ma tistax tiġi attribwita lil aġenzija Nazzjonali (sentenzi tal-Qorti Exportation des sucres vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 27; Sucrimex u Westzucker vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 16 u 22 sa 25, u tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn vs Il-Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punt 19).

103    Għal dawn il-finijiet, qabel kollox għandu jiġi identifikat b’mod preċiż, fil-kuntest ġuridiku u fattwali ta’ din il-kawża, l-aġir tal-Kummissjoni kkontestat mir-rikorrenti u li wassalhom, fuq bażi sussidjarja, li jippreżentaw ir-rikors preżenti taħt l-Artikolu 178 tat-Trattat tal-KE.

104    Għalkemm fil-kuntest ġuridiku u fattwali eċċezzjonali ta’ din il-kawża, operatur ekonomiku prudenti u infurmat seta’ leġittimament ma jkunx jaf li ma kienx hemm garanzija li l-għajnuna in kwistjoni kienet ser titħallas lill-produtturi fil-każ ta’ falliment tad-distillatur (ara l-punti 136 sa145 iktar ‘il quddiem), analiżi ta’ dan ir-Regolament turi li, taħt is-sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna lill-produtturi ta’ l-inbid permezz ta’ intermedjarju tad-distillatur skond l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, jekk id-distillatur jonqos milli jħallas il-prezz minimu ta’ xiri ta’ l-inbid ikkunsinnat u ddistillat skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-produtturi ma jkollhom ebda dritt fuq il-garanzija, li tingħata mid-distillatur unikament f’isem l-aġenzija ta’ intervent nazzjonali bil-għan li jirċievi l-ammont ta’ l-għajnuna bil-quddiem.

105    Barra minn hekk, taħt is-sistema stabbilita mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, il-produtturi m’humiex intitolati jirċievu direttament l-għajnuna Komunitarja in kwistjoni, lanqas fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, kif indikat il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Lulju 1998. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet ukoll, permezz ta’ din l-ittra, li d-differenza bejn is-sistemi stabbiliti rispettivament mill-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

106    Issa, għandu jingħad li huwa minnu li minn naħa waħda, ir-rikorrenti wettqu l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-kuntratti tagħhom mad-DAI, u approvati mill-AIMA skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2499/82, u, min-naħa l-oħra, li l-kwantitajiet ta’ l-inbid ikkunsinnati mir-rikorrenti ġew iddistillati fit-termini ta’ żmien stabbiliti mir-Regolament. Minħabba diffikultajiet finanzjarji, id-DAI ma ħallsitx lir-rikorrenti l-prezz minimu ta’ xiri stabbilit mir-Regolament Nru 2499/82 u li jinkludi l-għajnuna tal-Komunità, jew ħallset dan biss parzjalment.

107    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti talbu fuq bażi sussidjarja li jingħataw kumpens għad-dannu li soffrew minħabba n-nuqqas totali jew parzjali tal-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri, li rriżulta minn lakuni tas-sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna Komunitarja stabbilita fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, kif indikat ukoll il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Lulju 1998.

108    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li quddiem l-qorti nazzjonali u fil-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkontestaw l-interpretazzjoni adottata mill-AIMA tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2499/82, mingħajr ma kkontestaw espressament il-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet infushom, huma ma llimitawx ruħhom għal dawn l-ilmenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fit-talba tagħhom, huma sostnew ukoll fuq bażi sussidjarja li jekk jitqies li r-Regolament Nru 2499/82 joħloq inugwaljanza fit-trattament bejn produtturi minn Stati Membri differenti – skond is-sistema ta’ ħlas ta’ għajnuna Komunitarja magħżula mill-Istati Membri li, skond l-Artikolu 8 tar-Regolament hawn fuq imsemmi, kellhom għażla bejn iż-żewġ sistemi distinti stabbiliti taħt l-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament –, dan jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, b’mod partikolari.

109    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi mis-suespost li l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni fis-sustanza jikkonsisti fil-fatt li, taħt is-sistema ta’ ħlas ta’ għajnuna skond l-Artikolu 9 – li f’dan il-punt hija differenti mis-sistema prevista taħt l-Artikolu 10 –, ir-Regolament Nru 2499/82 ma jiggarantix b’mod partikolari fil-każ ta’ falliment ta’ distillatur, il-ħlas lill-produtturi kkonċernati ta’ l-għajnuna inkluża fil-prezz minimu ta’ xiri, għall-inbid ikkunsinnat lil dan id-distillatur u ddistillat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament.

110    L-illegalità allegata f’dan is-sens b’hekk hija attribwibbli lill-Kummissjoni, bħala awtriċi tar-Regolament Nru 2499/82.

111    B’mod partikolari, l-argument ta’ din l-istituzzjoni tal-Komunità, li jgħid li l-applikazzjoni tas-sistema prevista mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 tirriżulta mill-alternattiva magħżula mir-Repubblika Taljana skond l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, ma jistax iwassal għal evalwazzjoni differenti, billi l-illegalità allegata tirrigwarda r-Regolament innifsu, u mhux l-aġir ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, li huwa sempliċement applika korrettament dan ir-Regolament.

112    B’mod aktar preċiż, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-legalità tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 fis-sens li din tipprevedi l-ħlas indirett ta’ l-għajnuna lill-produtturi, mill-intermedjarju tad-distillatur. Huma minnflok ikkontestaw il-proċeduri ta’ l-implementazzjoni ta’ din is-sistema previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament hawn fuq imsemmi, billi dawn il-proċeduri ma jippermettux li jiġi żgurat il-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi fil-każ ta’ falliment tad-distillatur. Għaldaqstant, meta Stat Membru jagħżel sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna, liema prinċipju ma ġiex ikkontestat f’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti m’għandhom ebda diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu, taħt ir-Regolament Nru 2499/82, jekk id-distillatur ma jkunx ħallas l-għajnuna in kwistjoni lill-produtturi. Fil-każ preżenti, l-illegalità allegata b’hekk tirriżulta direttament minn allegata lakuna ta’ dan ir-Regolament, u mhux mill-għażla li saret mir-Repubblika Taljana favur is-sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna.

113    B’hekk isegwi li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ aġir illeċitu attribwibbli lill-Komunità, f’dan il-każ il-Kummissjoni, għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq l-eċċezzjoni li jeżistu rimedji domestiċi effettivi

114    F’dan ir-rigward, għandu jingħad fl-ewwel lok li fit-talbiet tagħhom għal danni, ir-rikorrenti talbu l-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għall-ammonti tal-krediti tagħhom mhux imħallsa mid-DAI, kif speċifikati fir-rikors u miżjuda bl-interessi legali. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikors preżenti għal danni jikkostitwix abbuż tal-proċedura kemm fir-rigward tar-rimedji disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll fir-rigward ta’ rimedji oħrajn tal-Komunità.

115    Hija ġurisprudenza kostanti li azzjoni għad-danni taħt l-Artikolu 178 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tas-sistema sħiħa ta’ protezzjoni ġuridika ta’ l-individwi stabbilita fit-Trattat. Minn dan isegwi li meta persuna tħossha aggravata mill-applikazzjoni regolari ta’ Regolament tal-Komunità li fil-fehma tagħha tkun illegali, u meta għaldaqstant il-fatt li jagħti lok għad-dannu allegat ikun esklużivament attribwibbli lill-Komunità, l-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni għal danni xorta waħda tista’ tkun suġġetta, f’ċerti każijiet, għar-rekwiżit ta’ eżawriment tar-rimedji domestiċi. Madankollu, huwa meħtieġ li dawn ir-rimedji nazzjonali jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati u li dawn ikunu jistgħu jwasslu għal kumpens għad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tas-17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, Ġabra p. 3211, punti 8 u 9; Krohn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 27 u 28; tad-29 ta’ Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, , Ġabra p. II-1677, punt 87).

116    B’mod partikolari, l-ammissibbiltà ta’ azzjoni għal danni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 178 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat m’hijiex suġġetta għar-rekwiżit ta’ eżawriment tar-rimedji domestiċi meta, fil-każ fejn għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-Komunità kkontestata tkun ġiet iddikjarata invalida permezz ta’ sentenza preliminari tal-Qorti, li tieħu konjizzjoni tal-każ skond l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-KE, il-qrati nazzjonali xorta waħda ma jkunux jistgħu jilqgħu talba għall-ħlas – jew kull tip ta’ talba oħra – qabel ma jsir intervent mil-leġiżlatur tal-Komunità, minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni Komunitarja li tawtorizza lill-aġenziji nazzjonali kompetenti biex iħallsu l-ammonti mitluba. Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata, b’mod impliċitu jew espliċitu, mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schoeppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, Ġabra p. 975; ta’ l-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra p. 533; ta’ l-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 6; Interquell Stärke-Chemie vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 261/78 u 262/78, Ġabra p. 3045, punt 6; Unifrex vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 12, u De Boer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 10).

117    Fil-fatt, fl-ipoteżi hawn fuq imsemmija, ikun diffiċli ħafna għall-persuni li jħossuhom aggravati biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, dan mhux talli jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u r-rekwiżit ta’ effiċjenza proċedurali, iżda wkoll kontra l-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ rimedju domestiku effettiv (ara l-punt 115 iktar ‘il fuq), jekk il-persuni in kwistjoni jiġu mġiegħla jeżawrixxu r-rimedji domestiċi u jistennew li dawn jagħtu sentenza definittiva dwar it-talba tagħhom, wara li l-istituzzjonijiet tal-Komunità in kwistjoni jkunu, jekk ikun il-każ, emendaw jew issupplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabbli skond is-sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti li tiddikjara l-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti ta’ l-24 ta’ Ottubru 1973, Merkur Aussenhandels vs Il-Kummissjoni, 43/72, Ġabra p. 1055, punt 6, u tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 13, u, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, Ġabra p. I-1727, punt 106).

118    Fil-każ preżenti, jirriżulta li għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma setgħux jibbenefikaw minn protezzjoni ġuridika effettiva quddiem il-qrati nazzjonali. Bla ħsara għall-eżami tal-merti tal-pretensjonijiet tar-rikorrenti, għandu jingħad li fil-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża, qorti nazzjonali f’ebda każ ma tista’ tkun kompetenti li tordna lill-AIMA tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta’ għajnuna Komunitarja in kwistjoni ħlief wara li ssir korrezzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 2499/82, li teħtieġ l-adozzjoni ta’ Regolament mill-Kummissjoni kif diġà ntqal aktar ‘il fuq (ara l-punt 77 iktar ‘il fuq). Fil-fatt, anki fl-ipoteżi li l-Qorti tiddikjara permezz ta’ sentenza preliminari l-invalidità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament imsemmi iktar ‘il fuq, huwa biss bl-intervent tal-leġiżlatur Komunitarju li tista’ tiġi adottata bażi ġuridika li tawtorizza dan il-ħlas, kif tosserva tajjeb il-Kummissjoni stess fir-risposta tagħha.

119    F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq is-sentenza Coillte Teoranta vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, li ngħatat fir-rigward ta’ azzjoni għal annullament u mhux azzjoni għal danni bħal f’dan il-każ, m’huwiex rilevanti.

120    Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni li jeżistu rimedji domestiċi effettivi għandha tiġi miċħuda.

121    Barra minn hekk, bl-istess raġunament li jagħmel distinzjoni bejn ir-rimedji legali, għandu jingħad li, kif ikkonfermaw ukoll ir-rikorrenti fir-replika tagħhom, l-azzjoni għad-danni qed issir bħala alternattiva għar-rikorsi għal annullament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni, li ġew ippreżentati wkoll mir-rikorrenti bil-għan li jinkiseb ħlas ta’ dawn is-somom u li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li m’humiex ammissibbli (ara l-punti 80 u 83 iktar ‘il fuq).

122    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li għandha tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-azzjoni għad-danni taħt l-Artikolu 178 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat teżisti bħala rimedju awtonomu, li għandu funzjoni partikolari fil-qafas tas-sistemi ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. L-għan ta’ din l-azzjoni hu li jingħata kumpens, unikament fir-rigward tar-rikorrenti, għal dannu kkawżat minn istituzzjoni tal-Komunità, u mhux li titneħħa xi miżura partikolari jew li jiġi ddikjarat li l-istituzzjoni in kwistjoni naqset milli tieħu azzjoni. Għaldaqstant, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ l-awtonomija ta’ din l-azzjoni u ta’ l-effettività tas-sistema ta’ rimedji stabbiliti mit-Trattat, kieku kellu jitqies li rikors għal danni huwa inammissibbli fuq il-bażi li jista’ jwassal, ta’ mill-inqas għall-partijiet rikorrenti, għal riżultat komparabbli mar-riżultati ta’ rikors għal annullament jew ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Huwa biss fil-każ fejn rikors għal danni fir-realtà jwassal għal ritrattazzjoni ta’ deċiżjoni individwali indirizzata lill-partijiet rikorrenti u li tkun saret definittiva – b’mod li jkollu l-istess obbjettiv u l-istess effett bħal rikors għal annullament – li rikors għal danni jista’ jitqies bħala abbuż tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, Ġabra p. 325, punt 6; Zuckerfabrik Schoeppenstedt vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 3 sa 5; Krohn vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 26, 32 u 33, kif ukoll Interquell Stärke-Chemie vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Settembru 1996, Richco vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-1131, punti 64 à 66; ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Dangeville vs. Franza tas-16 ta’ April 2002, rikors Nru 26677/97, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2002-III, § 47 u 61).

123    Ma jirriżultax li dan huwa l-każ fil-proċedura preżenti, billi l-Kummissjoni m’għandha ebda kompetenza li tadotta deċiżjoni individwali dwar l-għajnuna in kwistjoni, kif jirriżulta wkoll mill-iżviluppi preċedenti (ara l-punti 70 u 71 iktar ‘il fuq).

124    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-rikors preżenti għal danni ma jistax jitqies bħala abbuż tal-proċedura.

3.     Fuq l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għad-danni

–        Kunsiderazzjonijiet preliminari

125    Skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti, l-azzjonijiet kontra l-Komunità dwar responsabbiltà ta’ natura mhux kuntrattwali jaqgħu preskritti ħames snin wara li jkun seħħ il-fatt li jkun ta lok għad-dannu. Din il-preskrizzjoni tiġi interrotta bil-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Komunità jew permezz ta’ talba preliminari mill-vittma lill-istituzzjoni tal-Komunità, għalkemm f’dan l-aħħar każ, l-interruzzjoni sseħħ biss jekk it-talba tiġi segwita b’rikors fit-termini stabbiliti fl-Artikoli li għalihom issir referenza fl-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti, jiġifieri fi żmien xahrejn skond l-Artikolu 173 tat-Trattat tal-KE jew fi żmien erba’ xhur skond l-Artikolu 175 tat-Trattat tal-KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-2589, punt 30, u tal-31 ta’ Jannar 2001, Jansma vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-243, punt 81).

126    Fil-każ preżenti, qabel ma jiġi ddeterminat il-punt ta’ tluq tat-terminu preskrittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li għandu jingħad fl-ewwel lok li, fi kwalunkwe każ, u kuntrarju għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dan it-terminu ma ġiex interrott bl-ittra tagħhom lill-AIMA tat-22 ta’ Jannar 1996 u lanqas bl-ittra tagħhom lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 1996. Fil-fatt, minn naħa waħda, huwa ċar li ebda waħda minn dawn l-itttri ma tikkostitwixxi talba għal kumpens indirizzata lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-ittra tat-13 ta’ Novembru 1996 tikkonsisti f’ilment dwar l-interpretazzjoni allegatament irregolari tar-Regolament Nru 2499/82 adottata mill-AIMA. Din l-ittra ma kkontestatx il-legalità ta’ dan ir-Regolament jew, b’mod aktar ġenerali, l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha (ara l-punt 38 iktar ‘il fuq).

127    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti f’ebda każ ma jistgħu jibbażaw ruhħom fuq l-ittri hawn fuq imemmija għall-iskopijiet ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti, u dan billi ebda waħda minn dawn l-ittri ma ġiet segwita bil-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-termini ta’ żmien stabbiliti f’dan l-Artikolu (ara l-punt 125 iktar ‘il fuq).

128    Wara dawn l-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu jiġi stabbilit il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ dan ir-rikors għal danni.

–        L-eżistenza ta’ dannu ċert

129    It-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti ma jistax jibda jiddekorri qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens għad-danni. Dawn il-kundizzjonijiet huma marbuta ma’ l-eżistenza ta’ aġir illegali mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, iċ-ċertezza tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 10, u sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 1997, Hartmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-595, punt 107, u Jansma vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 76). Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu ċert tintlaħaq meta d-dannu jkun imminenti u prevedibbli fi grad ta’ ċertezza sodisfaċenti, minkejja li ma jkunx jista’ jiġi ddefinit bi preċiżjoni (sentenza tal-Qorti ta’ l-14 ta’ Jannar 1987, Zuckerfabrik Bedburg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 281/84, Ġabra p. 49, punt 14).

130    F’dan ir-rigward, il-Qorti tfakkar li fil-każ bħal dan, li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Komunità li tirriżulta minn att leġiżlattiv, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jibdix jiddekorri qabel ma joħorġu l-effetti li jikkawżaw il-ħsara ta’ dan l-att u, għaldaqstant, qabel il-mument meta l-persuni kkonċernati jkunu sofrew dannu ċert (sentenza Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 10).

131    Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-mument meta d-dannu maħluq min-nuqqas totali jew parzjali ta’ ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja ġie soffert b’mod ċert mir-rikorrenti.

132    Dawn ta’ l-aħħar ma jikkontestawx li, skond l-iskema tar-Regolament Nru 2499/82, il-prezz minimu ta’ xiri ta’ l-inbid kellu jitħallas lilhom mid-DAI sa mhux aktar tard mit-tmiem tax-xahar ta’ Ġunju 1983, skond l-Artikolu 9(1), ta’ dan ir-Regolament, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni. Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni, dan il-prezz kellu jitħallas mid-distillatur lill-produttur sa mhux aktar tard minn disgħin jum wara d-dħul ta’ l-inbid fid-distillerija. F’dan il-każ, jirriżulta li l-aħħar kunsinni ta’ nbid saru fix-xahar ta’ Marzu 1983 (ara l-punt 18 iktar ‘il fuq).

133    Madankollu, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, id-dannu soffert mir-rikorrenti fit-tmiem tax-xahar ta’ Ġunju 1983, minħabba n-nuqqas totali jew parzjali tal-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri fit-terminu ta’ żmien stabbilit, ma jistax jitqies minn dik id-data bħala ta’ natura ċerta, jiġifieri imminenti u prevedibbli.

134    Fil-fatt, fit-22 ta’ Ġunju 1983, id-DAI talbet lill-AIMA l-ħlas bil-quddiem ta’ l-ammont ta’ għajnuna Komunitarja in kwistjoni u għal dan il-għan ħarġet garanzija f’isem din l-Aġenzija, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82. M’huwiex ikkontestat mill-partijiet li d-DAI, wara li rċeviet dan il-ħlas bil-quddiem fl-10 ta’ Awwissu 1983, ħallset parti minn dan l-ammont lil xi produtturi kkonċernati, b’mod partikolari lil xi wħud mir-rikorrenti, kif jirriżulta wkoll mill-informazzjoni pprovduta minnhom fir-risposti għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u kif ikkonfermat id-DAI stess quddiem it-Tribunale civile ta’ Ruma (ara l-punti 16, 19, 20, 25, 26 u 43 iktar ‘il fuq).

135    Barra minn hekk, fix-xahar ta’ Settembru 1984, id-DAI kienet fetħet proċedura quddiem it-Tribunale civile ta’ Ruma, bil-għan li jiġi stabbilit b’mod partikolari li l-garanzija kienet intiża tiggarantixxi l-ħlas tal-prezz minimu ta’ xiri lill-produtturi, fil-każ li d-distillatur jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu. Il- produtturi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, intervenew fil-kawża u appoġġaw it-talbiet tad-DAI. Dawn it-talbiet ġew miċħuda b’sentenza tat-Tribunale civile ta’ Ruma tas-27 ta’ Jannar 1989 (ara l-punti 25, 26, 28 u 30 iktar ‘il fuq). L-appell li sar kontra s-sentenza minn erbgħa mill-ħames rikorrenti ġie miċħud b’sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell ta’ Ruma tad-19 ta’ Novembru 1991, li ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-Qorti ta’ Kazzazzjoni Taljana tat-28 ta’ Novembru 1994.

136    Sabiex tiġi eżaminata n-natura ċerta ta’ dan id-dannu, għandhom jiġu kkunsidati l-proċeduri li jirrigwardaw b’mod speċifiku l-ħruġ tal-garanzija. Fil-fatt, minkejja l-ineffettività tar-rimedji nazzjonali li għadha kif ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 118 iktar ‘il fuq), għandu jiġi rrikonoxxut li, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ, kien estremament diffiċli għal operatur ekonomiku prudenti u infurmat li jkun jaf li ma kienx ser jikseb il-ħlas in kwistjoni mill-qorti nazzjonali.

137    Fil-każ preżenti, għandu jingħad li l-iskambju ta’ korrispondenza bejn ir-rikorrenti u l-AIMA, minn naħa waħda, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, kif ukoll il-proċeduri li saru quddiem il-qrati Taljani juru li r-rikorrenti kienu, fl-ewwel lok, attribwew iċ-ċaħda ta’ l-AIMA biex tħallas lilhom l-għajnuna in kwistjoni għal applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 2499/82 (ara l-punti 28, 35 à 38, 41 u 42 iktar ‘il fuq).

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ċ-ċaħda hawn fuq imsemmija ta’ l-AIMA ma kinitx ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet espressi tar-Regolament Nru 2499/82, iżda fuq lakuna ta’ dan ir-Regolament, billi dan ma jipprovdix taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 mekkaniżmu li jiżgura l-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi kkonċernati fil-każ ta’ falliment tad-distillatur. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tar-Regolament hawn fuq imsemmi jissuġġetta l-ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna lid-distillatur, għall-għoti minn dan ta’ l-aħħar ta’ garanzija ekwivalenti għal 110 % ta’ l-ammont ta’ din l-għajnuna, f’isem l-aġenzija ta’ intervent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-partijiet interessati setgħu raġonevolment jinjoraw il-fatt li d-dannu soffert minnhom kien jirriżulta preċiżament minn lakuna tar-Regolament Nru 2499/82, b’hekk li ma setgħux jiksbu rimedju għal dan id-dannu quddiem il-qrati nazzjonali, fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika li tawtorizza l-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi, kif diġà ġie stabbilit (ara l-punt 118 iktar ‘il fuq).

139    Barra minn hekk, huwa ċar li fil-kuntest tar-relazzjonijiet kważikuntrattwali tar-rikorrenti ma’ l-AIMA, dawn ta’ l-ewwel setgħu raġonevolment jistennew li din l-aġenzija tiġi ordnata mill-qorti nazzjonali tħallasom l-ammont ta’ għajnuna Komunitarja inkluża fil-prezz minimu ta’ xiri li ma kinux ġew imħallsa mid-DAI, kif min-naħa l-oħra rrilevat il-Kummissjoni matul is-seduta (ara l-punt 89 iktar ‘il fuq).

140    Fil-fatt, huwa minnu li l-kuntratti konklużi bejn ir-rikorrenti u d-DAI, u approvati mill-AIMA, isemmu espressament l-ammont ta’ l-għajnuna tal-FAEGG li kien inkluż fil-prezz minimu ta’ xiri ffissat mir-Regolament Nru 2499/82 u stipulat fil-kuntratt, kif jirriżulta wkoll mill-eżebiti fil-proċess.

141    Barra minn hekk, m’huwiex ikkontestat li r-rikorrenti wettqu l-obbligi kollha tagħhom u li d-distillazzjoni preventiva saret fiż-żmien iffissat mir-Regolament hawn fuq imsemmi.

142    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ mekkaniżmu li jiggarantixxi, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, il-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi kkonċernati, b’mod partikolari fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, huwa inkumpatibbli ma wieħed mill-finijiet essenzjali tad-distillazzjoni preventiva. L-għan tad-distillazzjoni preventiva m’huwiex biss li jiġi evitat il-bejgħ ta’ nbid ta’ kwalità medjokri, iżda wkoll, kif jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 2144/82, li jittejjeb id-dħul tal-produtturi, billi dawn jiġu żgurati, taħt ċerti kundizzjonijiet, “prezz minimu ggarantit” għall-inbid tal-mejda. Barra minn hekk, skond il-ħdax-il premessa ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li l-prezz minimu ggarantit lill-produtturi jitħallas lilhom, bħala regola ġenerali, fi żmien li jippermettilhom li jiksbu dħul kumparabbli ma’ dak li kienu jiksbu li kieku kien bejgħ kummerċjali: f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien jidher neċessarju, skond din l-istess premessa, li kemm jista’ jkun jitħallsu bil-quddiem l-għajnuna dovuta, waqt li jiġi ggarantit permezz ta’ sistema ta’ garanzija adatta li l-operazzjonijiet jitwettqu sew.

143    F’dan il-kuntest, produttur prudenti u infurmat seta’ raġonevolment jassumi li kien ser jirċievi l-ħlas ta’ l-għajnuna in kwistjoni. B’mod partikolari, billi kienet tħallset garanzija mid-distillatur, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2499/82, bil- għan li tiġi ggarantita r-regolarità ta’ l-operazzjoni, ir-riskju ta’ falliment tad-distillatur seta’ leġittimament jidher li kien kopert, għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ l-għajnuna mħallsa bil-quddiem lid-distillatur, meta l-produtturi kienu wettqu l-obbligi kollha tagħhom u l-inbid kien ġie ddistillat skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

144    In-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni li tirriżulta mil-lakuna hawn fuq imsemmija tar-Regolament Nru 2499/82, fil-qasam tad-distillazzjoni preventiva ta’ l-inbid tal-mejda, hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, taħt is-sistema stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1931/76 ta’ l-20 ta’ Lulju 1976 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-distillazzjoni ta’ nbejjed msemmija fl-Artikoli 6b, 6c, 24a u 24b tar-Regolament (KEE) Nru 816/70 (ĠU L 211, p. 5), l-għajnuna Komunitarja kienet titħallas direttament lill-produtturi kkonċernati mill-aġenzija ta’ intervent nazzjonali. Għalkemm huwa minnu li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 343/79 tal-5 ta’ Frar 1979 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar ċerti operazzjonijiet ta’ distillazzjoni fis-settur ta’ l-inbid (ĠU L 54, p. 64), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1931/76 fit-2 ta’ April 1979, kien jippermetti lill-Istati Membri li jħallsu parti mill-għajnuna lill-produtturi jew mill-aġenzija ta’ intervent jew mid-distillatur (fit-tieni każ l-aġenzija ta’ intervent trodd lura l-ammont ta’ l-għajnuna lid-distillatur meta tiġi ppreżentata prova li l-kwantità totali ta’ nbid speċifikata fil-kuntratt tkun ġiet iddistillata), dan ir-Regolament ma jistabbilixxi ebda sistema kumparabbli għal dik stabbilita mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, li huwa applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 343/79 kien jistabbilixxi li, meta l-prova hawn fuq imsemmija tkun ġiet ippreżentata, l-aġenzija ta’ intervent għandha tħallas lill-produttur id-differenza bejn l-għajnuna dovuta u l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2. Għall-kuntrarju tas-sistema stabbilita taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, l-għoti ta’ l-għajnuna Komunitarja ma kinitx b’hekk, b’mod definittiv, suġġetta għal-prova tal-ħlas ta’ l-għajnuna, f’terminu ta’ żmien stipulat, mid-distillatur lill-produttur.

145    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, meta wieħed iqis il-kumplessità tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2499/82 u ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li nqalgħu, kien biss meta nqagħtu l-proċeduri relatati mal-garanzija, quddiem il-qrati Talani, li r-rikorrenti setgħu jsiru jafu li huma ma kinux ser jitħallsu l-ammont ta’ għajnuna in kwistjoni permezz tal-garanzija.

146    Fiċ-ċirkustanzi, għalkemm il-garanzija kienet issarrfet mill-AIMA fi Frar 1991, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunale civile ta’ Ruma, u allokata fl-istess sena favur il-FAEGG (ara l-punt 40 iktar ‘il fuq), il-benefiċjarju ta’ din il-garanzija skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2499/82 ma ġiex stabbilit b’mod definittiv mill-qrati Taljani qabel ma ngħatat is-sentenza tal-Qorti ta’ kassazzjoni Taljana tat-28 ta’ Novembru 1994, iċċitata iktar ‘il fuq. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza invokata mill-Kummissjoni, li l-Qorti ta’ l-Appell ta’ Ruma ddikjarat l-appell inammissibbli minħabba n-notifikazzjoni irregolari tar-rikors ta’ l-appell lid-DAI, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li d-destinazzjoni tal-garanzija kienet ġiet deċiża b’mod definittiv mis-sentenza hawn fuq imsemmija tat-Tribunale civile ta’ Ruma, billi l-appell kien ġie ppreżentat minn erbgħa mir-rikorrenti fit-terminu ta’ żmien stabbilit u nnotifikat regolarment lill-AIMA u l-Assedile, u minħabba li dawn l-erba’ rikorrenti b’hekk ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni regolari kontra s-sentenza tal-Qorti ta’ l-Appell (ara l-punti 31 u 33 iktar ‘il fuq u, b’analoġija, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Darmon tat-18 ta’ Ġunju 1991 fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ April 1992, Cato vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-2533, I-2545, punti 25 sa 27, u ta’ l-4 ta’ Frar 1992, Ġabra p. I-2559, punt 19). Isegwi li d-dannu soffert mir-rikorrenti ma jistax jitqies li kien ta’ natura ċerta qabel it-28 ta’ Novembru 1994.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti ma setax jibda jiddekorri qabel din l-aħħar data, b’hekk illi r-rikors preżenti għal danni, li ġie ppreżentat fl-1998, ma jistax jitqies li kien tardiv.

148    B’hekk isegwi li l-eċċezzjoni li l-azzjoni hija preskritta għandha tiġi miċħuda.

149    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, wara s-sentenza tal-Qorti ta’ Kassazzjoni Taljana tat-28 ta’ Novembru 1994, id-dannu soffert mir-rikorrenti seta’ min-naħa l-oħra jitqies bħala ċert, billi kien jidher li hu imminenti u prevedibbli, minkejja li l-kwantum tiegħu ma setax jiġi ddeterminat bi preċiżjoni (ara l-punti 129 u 130 iktar ‘il fuq). Fil-fatt, billi r-rikorrenti kienu jibbenefikaw, fil-kwalità tagħhom ta’ kooperattivi agrikoli, mill-istatus ta’ kredituri pprivileġġati – kif jirriżulta wkoll mir-risposti tar-rikorrenti, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni, għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza –, ma kienx eskluż li huma jistgħu jirkupraw parti mill-krediti tagħhom mhux imħallsa fil-konfront tad-DAI matul il-proċedura ta’ falliment, li seħħ biss matul is-sena 2000 skond ir-risposti hawn fuq imsemmija.

150    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li t-talbiet dwar l-għoti ta’ kumpens huma ammissibbli.

 Fuq il-merti tar-rikors għal danni

 Sottomissjonijiet tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti jinvokaw, in sostenn tat-talba tagħhom għal kumpens, l-irregolarità tar-Regolament Nru 2499/82 fuq il-bażi li l-lakuna li huma qed jikkontestaw toħloq fl-ewwel lok inugwaljanza bejn il-produtturi, skond in-nazzjonalità tagħhom. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 6 u fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 40(3) tat-Trattat tal-KE (li saru, wara emendi, l-Artikolu 12 KE u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 34(2) KE), billi f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, huma biss il- produtturi suġġetti għas-sistema ta’ l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi Regolament li jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna Komunitarja. Jirriżulta wkoll minn din is-sistema li l-istess għajnuna hija ddestinata jew lill-produttur, jekk l-Istat Membru in kwistjoni jkun għażel il-proċedura stabbilita taħt l-Artikolu 10 ta’ dan l-istess Regolament, jew lid-distillatur, jekk ikun għażel il-proċedura stabbilita taħt l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi Regolament, li hija barra minn hekk kontradizzjoni ċara ma’ l-objettivi segwiti minn dan ir-Regolament. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li n-nuqqas ta’ garanzija ta’ ħlas ta’ l-għajnuna in kwistjoni lill-produtturi rriżulta f’dan il-każ f’arrikkiment indebitu tal-Komunità.

152    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-dannu soffert, ir-rikorrenti indikaw fir-rikors l-ammonti tal-krediti tagħhom mhux imħallsa fil-konfront tad-DAI, li diġà kienu ġew invokati quddiem it-Tribunale civile ta’ Ruma (ara punt 28 iktar ‘il fuq) u li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni. Matul is-seduta ta’ l-10 ta’ Frar 2004, huma ppreċiżaw, f’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li wara l-konkors tal-kredituri li sar fil-qafas tal-proċedura ta’ falliment tad-DAI, fis-sena 2000, id-dannu soffert minnhom kien jikkorrispondi unikament għall-parti rrappreżentata proporzjonalment mill-għajnuna Komunitarja fl-ammont tal-krediti tagħhom mhux imħallsa fir-rigward tad-DAI, wara dan il-konkors (ara l-punt 44 iktar ‘il fuq). Din il-parti kellha tiġi kkalkulata wkoll bi proporzjon mal-parti rrappreżentata mill-għajnuna – msemmija fil-kuntratti approvati mill-AIMA – fil-prezz minimu ta’ xiri stipulat.

153    Il-Kummissjoni sostniet, min-naħa tagħha, li taħt is-sistema ta’ ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja stabbilita taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, id-distillaturi kienu l-benefiċjarji diretti ta’ din l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, taħt is-sistema stabbilita taħt l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, il-benefiċjarji kienu l- produtturi. Din id-distinzjoni mhijiex diskriminatorja iżda hija bbazata fuq il-ħtieġa li jiġu kkunsidati, għall-ħlas bil-quddiem u l-għajnuna, is-sistemi amministrattivi differenti ta’ l-Istati Membri, kif huwa indikat fil-ħdax-il premessa ta’ dan ir-Regolament.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

154    Ir-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Komunità li tirriżulta minn danni kkawżati mill-istituzzjonijiet, ikkontemplata taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 215 tat-Trattat tal-KE, ma tistax tiġi invokata ħlief jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha relatati ma’ l-illegalità ta’ l-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, iċ-ċertezza tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali allegat u d-dannu invokat (sentenza Ludwigshafener Walzmühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Diċembru 1997, Quiller u Heusmann vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-2247, punt 48).

155    Fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni, il-ġurisprudenza titlob li jiġi stabbilit ksur ta’ grad serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, P, Ġabra p. I-5291, punt 42). Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur irid ikun ta’ grad serju, il-kriterju deċiżiv li jrid jiġi kkunsidrat hu abbuż ċar u serju mill-istituzzjoni tal-Komunità kkonċernata tal-limiti tad-diskrezzjoni tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss grad ristrett ta’ diskrezzjoni jew ebda diskrezzjoni, il-ksur sempliċi tal-liġi tal-Komunità jista’ jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur ta’ grad serju (sentenza tal-Qorti ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, Ġabra p. I-11355, punt 54, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-1975, punt 134).

156    Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti sostnew fis-sustanza li d-differenza bejn is-sistemi ta’ ħlas ta’ l-għajnuna stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 2499/82 hija ta’ natura diskriminatorja, minħabba n-nuqqas ta’ garanzija fir-rigward tal-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi kkonċernati taħt is-sistema stabbilita fl- l-Artikolu 9. Barra minn hekk, in-nuqqas totali jew parzjali ta’ ħlas ta’ l-għajnuna in kwistjoni lir-rikorrenti jikkostitwixxi arrikkiment indebitu tal-Komunità (ara l-punt 84 iktar ‘il fuq).

157    Fl-ewwel lok, għar-rigward ta’ l-allegazzjoni li kien hemm ksur tal-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, għandu jingħad li r-rikorrenti ssodisfaw l-obbligi kollha tagħhom u li d-distillazzjoni preventiva ta’ l-inbid li huma kkunsinnaw lid-DAI saret fit-termini ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament Nru 2499/82, kif diġà ġie stabbilit (ara l-punt 141 iktar ‘il fuq). L-obbjettivi ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-distillazzjoni preventiva b’hekk intlaħqu b’mod sħiħ.

158    Madankollu, wara l-insolvenza tad-DAI, ir-rikorrenti ma kisbux ħlas għall-kunsinni tagħhom fil-qafas tar-relazzjonijiet kważikuntrattwali tagħhom ma’ l-AIMA, fil-forma tal-ħlas – permezz tad-DAI fil-kapaċità ta’ intermedjarja – ta’ l-ammont ta’ għajnuna mill-FAEGG imsemmija fil-kuntratti ffirmati mad-DAI u approvati mill-AIMA.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Komunità bbenefikat minn arrikkiment indebitu, li rriżulta f’nuqqas tal-ħlas sħiħ ta’ l-għajnuna in kwistjoni lir-rikorrenti, waqt li l-garanzija mogħtija mid-DAI – bil-għan li jiġi ggarantit li l-operazzjoni tad-distillazzjoni preventiva ssir b’mod regolari u biex jinkiseb bil-quddiem il-ħlas ta’ din l-għajnuna – u li ġiet imsarrfa mill-AIMA ġiet allokata minn din ta’ l-aħħar favur il-FAEGG, fil-kuntest tal-baġit għall-1991.

160    Il-projbizzjoni ta’ l-arrikkiment indebitu jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-2845, pubblikazzjoni sommarja, punt 26, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-2967, punt 55, u tat-3 ta’ April 2003, Vieira u Vieira Argentina vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-1209, punt 86).

161    Dan iwassal għall-konklużjoni li s-sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna stabbilita taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 tmur b’mod ċar kontra l-prinċipju ġenerali li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, billi din is-sistema ma tinkludi ebda mekkaniżmu li jiżgura l-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi, fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, minkejja li l-kundizzjonijiet kollha għall-għoti ta’ l-għajnuna jkunu ġew sodisfatti.

162    B’hekk isegwi li r-Regolament Nru 2499/82 huwa vvizzjat bi ksur ta’ grad serju tal-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, li l-għan tiegħu hu li jagħti drittijiet lill-individwi.

163    Għal dak li jirrigwarda fit-tieni lok l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li l-għażla mogħtija mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2499/82 bejn, minn naħa waħda, il-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi mill-intermedjarju tad-distillatur (Artikolu 9) u, min-naħa l-oħra, il-ħlas dirett ta’ l-għajnuna lill-produtturi mill-aġenzija ta’ intervent (Artikolu 10) kien iġġustifikat fil-prinċipju mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/1983, fil-Komunità kollha, meta wieħed iqis id-diverġenzi bejn is-sistemi amministrattivi ta’ l-Istati Membri differenti, kif tindika l-ħdax-il premessa ta’ dan ir-Regolament. Il-legalità ta’ sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna lill-produtturi ma ġietx ikkontestata fil-prinċipju mir-rikorrenti.

164    Fil-każ preżenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-proċeduri tas-sistema ta’ ħlas indirett ta’ l-għajnuna stabbilita mir-regolamenti in kwistjoni jagħtux lok għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi tal-Komunità, li hija pprojbita mill-Artikolu 40(3) tat-Trattat, jekk dawn għandhom l-effett li jimponu fuq il-produtturi stabbiliti fi Stat Membru li jkun għażel din is-sistema ta’ ħlas indirett stabbilita taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 risju, għal dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja, li m’huwiex impost fuq il-produtturi stabbiliti fi Stat Membru li jkun għażel is-sistema stabbilita mill-Artikolu 10 ta’ l-imsemmi Regolament.

165    Skond ġurisprudenza kostanti, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 40(3) tat-Trattat m’hi xejn ħlief espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jingħatawx trattament differenti, ħlief jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għal trattament differenti (sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et, iċċitata iktar ‘il fuq, Ġabra p. I-435, punt 13).

166    Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ l-implementazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, għandu jiġi ppreċiżat madanakolu li l-leġiżlatur tal-Komunità għandu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-politika agrikola komuni, li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi attribwiti lilu mill-Artikoli 40 u 43 tat-Trattat (li saru, rispettivament, l-Artikoli 34 KE u 37 KE) (sentenza Wuidart et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 14).

167    Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-iskop tar-Regolament hawn fuq imsemmi li, irrispettivament mis-sistema ta’ ħlas ta’ l-għajnuna magħżula, l-għajnuna kienet tabilħaqq intiża għall-produtturi (ara l-punt 142 iktar ‘il fuq). Għalkemm huwa minnu li skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 2499/82, l-aġenzija ta’ intervent kellha tħallas l-għajnuna lid-distillatur, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ħlas kien suġġett għall-ħlas, fit-terminu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess Artikolu, mid-distillatur lill-produttur tal-prezz minimu ta’ xiri inkluż l-ammont ta’ l-għajnuna. Taħt din is-sistema, id-distillatur fir-realtà kellu funzjoni ta’ intermedjarju f’dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja, li kienet inkluża fil-prezz minimu ta’ xiri ggarantit.

168    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li n-nuqqas ta’ garanzija ta’ ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi kkonċernati, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, b’mod partikolari fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, ma jistax jitqies bħala riskju kummerċjali intrinsiku fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ kunsinna bħal dawk konklużi f’dan il-każ bejn id-distillaturi u l-produtturi, u b’mod partikolari tar-riskju ta’ inadempjiment ta’ l-obbligu tal-ħlas tal-prezz stipulat, fil-każ ta’ falliment tal-kumpratur.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-qafas regolamentari li fih ġew adottati, il-kuntratti bejn id-distillaturi u l-produtturi, msemmija fl-Artikoli 1, 3 u 4 tar-Regolament Nru 2499/82, ma kellhomx jitqiesu bħala kuntratti kummerċjali ordinarji, billi l-prezz stipulat fihom kien jinkludi l-ammont ta’ l-għajnuna Komunitarja. Fil-fatt, billi jipprovdi għall-għoti ta’ għajnuna mit-Taqsima “Garanziji” tal-FAEGG favur kategorija ta’ operaturi ekonomiċi partikolari, taħt kundizzjonijiet preċiżi ddefiniti fih, ir-Regolament Nru 2499/82 eskluda bħala prinċipju kull inċertezza ekonomika jew kummerċjali fir-rigward tal-ħlas ta’ l-għajnuna, kemm-il darba jkunu ġew sodisfatti dawk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna.

170    F’dan il-kuntest, ir-riferiment espress għall-ammont ta’ l-għajnuna Komunitarja inkluża fil-prezz minimu ta’ xiri stipulat fil-kuntratti bejn il-produtturi u d-distillaturi u approvati mill-aġenzija ta’ intervent tikkonferma n-nuqqas fil-prinċipju ta’ kull riskju ta’ inadempjenza fir-rigward tal-ħlas tal-prezz sa l-ammont ta’ l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li l-parti tal-prezz minimu ta’ xiri mhux kopert mill-għajnuna Komunitarja baqa’ suġġett għar-riskji intrinsiċi f’kull kuntratt kummerċjali.

171    Madankollu, fil-prattika, minħabba n-nuqqas ta’ sistema li tiggarantixxi l-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament, b’mod partikolari fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, il-ħlas effettiv ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi baqgħet ukoll suġġetta għal inċertezzi ta’ natura purament kummerċjali, li setgħu jfixklu l-kundizzjonijiet ta’ din l-għotja.

172    Il-fatt li s-sistema ta’ għajnuna għad-distillazzjoni kienet organizzata b’tali mod li l-mezzi finanzjarji tal-Komunità pprovduti għal dan l-iskop setgħu jintilfu fil-proċess tar-relazzjoni kummerċjali, qabel ma setgħu jaslu għand il-benefiċjarju, imur manifestament kontra l-iskop aħħari tas-sistema u n-natura pubblika tagħha. Għalkemm huwa minnu li l-garanzija, ipprovduta fil-każ ta’ ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna, kellha tissalvagwardja, jekk ikun meħtieġ, l-interessi finanzjarji tal-Komunità, xorta jibqa’ l-fatt li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, is-sistema naqset b’mod flagranti milli tilħaq wieħed mill-obbjettivi tagħha, jiġifieri li ttejjeb id-dħul tal-produtturi kkonċernati. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-argument tal-Kummissjoni, li jsostni li huwa normali, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, li l-benefiċjarju leġittimu ta’ għajnuna jitpoġġa wara l-benefiċċju ekonomiku li huwa l-produttur agrikolu, m’huwiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni, billi l-għażla bejn il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament ma ngħatatx bl-iskop li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna b’mod arbitrarju, iżda biss biex tiffaċilita l-aġġustament tal-proċeduri għall-implementazzjoni ta’ dik is-sistema għas-sistema amministrattiva tagħhom (il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2499/82).

173    Għaldaqstant għandu jingħad li din il-lakuna fir-Regolament Nru 2499/82 tat lok għal differenza fit-trattament, skond l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-garanzija ta’ ħlas ta’ l-għajnuna Komunitarja lill-produtturi kkonċernati, minkejja li l-għajnuna fil-prinċipju kienet dovuta lilhom taħt ir-Regolamenti applikabbli tal-Komunità.

174    Din id-diskrepanza hija kumpatibbli mal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni biss jekk tkun iġġustifikata b’mod oġġettiv mid-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet in kwistjoni. Dan ma jirriżultax fil-każ preżenti. B’mod partikolari, billi d-differenza fit-trattament in kwistjoni m’hijiex marbuta ma’ kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna għad-distillazzjoni preventiva, iżda biss ma’ proċeduri amministrattivi ta’ dan l-għoti, ma tistax tiġi attribwita lid-differenzi fis-sitwazzjoni tal-produtturi ta’ l-inbid jew, b’mod aktar ġenerali, tas-setturi ta’ l-inbid fid-diversi Stati Membri.

175    Barra minn hekk, għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, din id-differenza fit-trattament lanqas m’hi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet prattiċi relatati mal-ħtieġa li jiġu kkunsidrati s-sistemi amministrattivi differenti fid-diversi Stati Membri. Fil-fatt, is-sistema ta’ ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi kkonċernati mill-intermedjarju tad-distillaturi, skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82, setgħat perfettament ikollha mekkaniżmu li jiggarantixxi l-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi, fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, mingħajr ma ttellef l-effettività ta’ din is-sistema. Għaldaqstant kienet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tadotta mingħajr dewmien il-miżuri li fil-fehma tagħha kienu –aktar adatti, bil-għan li tirrimedja din il-lakuna fir-Regolament hawn fuq imsemmi. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, li jsostni li d-differenza fit-trattament allegata kienet iġġustfikata mill-fatt li s-sistema ta’ ħlas ta’ l-għajnuna stabbilita bis-saħħa ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2499/82 timponi aktar restrizzjonijiet amministrattivi għall-produtturi kkonċernati mis-sistema stabbilita taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, la hu ssostanzjat u lanqas ippruvat. Fil-fatt, l-ilmenti tar-rikorrenti m’humiex irelatati mal-prinċipju per se tal-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi mill-intermedjarju tad-distillatur, iżda mal-fatt li din is-sistema għandha lakuna billi ma tiggarantix il-ħlas ta’ l-għajnuna lill-benefiċjarji fil-każ ta’ falliment tad-distillatur. Dan in-nuqqas ta’ garanzija kien tali li ċaħħad lill-produtturi kkonċernati, għal raġunijiet estrinsiċi, mill-għajnuna li għaliha kienu intitolati u b’hekk m’għandu xejn in komuni mal-kundizzjonijiet sempliċi ta’ prova li għalihom l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2499/82 jissuġġetta l-ħlas dirett mill-aġenzija ta’ intervent ta’ l-għajnuna lill-produtturi. Fir-rigward ta’ l-argument, imressaq mill-Kummissjoni fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Prim’Istanza, li jsostni li l-produtturi kkonċernati xorta waħda kienu jkunu suġġetti, taħt is-sistema stabbilita mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2499/82, għar-riskju li ma jirċevux l-għajnuna Komunitarja jekk id-distillatur kellu jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jipproċedi għad-distillazzjoni ta’ l-inbid fit-terminu ta’ żmien stabbilit, għandu jingħad, minn naħa waħda, li dan ir-riskju kien jolqot lill-produtturi kollha, irrispettivament mis-sistema magħżula mill-Istati Membri kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, li dan m’għandu ebda konnessjoni mar-riskju marbut mal-falliment tad-distillatur, li huwa l-uniku riskju in kwistjoni f’dan il-każ, billi m’hemmx kwistjoni li l-inbid ikkunsinnat mir-rikorrenti ma ġiex iddistillat fit-termini ta’ żmien iffissati.

176    F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi fi ħdan l-istruttura tar-Regolament Nru 2499/82, il-Kummissjoni naqset milli żżid mas-sistema għall-ħlas ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, mekkaniżmu li jiggarantixxi l-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi kkonċernati, fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, il-Kummissjoni naqset b’mod ċar u serju milli tirrikonoxxi l-limiti imposti fuq id-diskrezzjoni tagħha. B’hekk isegwi li r-Regolament Nru 2499/82 huwa vvizzjat bi ksur ta’ grad serju tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, li għandu l-iskop li jagħti drittijiet lill-individwi (sentenza Dumortier et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 11).

177    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda t-teżi tal-Kummissjoni li ssostni li r-rikorrenti ma stabbilixxewx rabta kawżali bejn id-dannu li jirriżulta min-nuqqas totali jew parzjali tal-ħlas ta’ l-għajnuna lir-rikorrenti u l-aġir ta’ din l-istituzzjoni, fuq il-bażi li huma ma stabbilixxewx in-rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-għajnuna mid-DAI – li skond il-Kummissjoni jikkostitwixxi l-fatt li ta lok għad-danni – u l-aġir ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li r-rikorrenti għandhom raġun isostnu li d-dannu li huma soffrew, li m’huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, ġie kkawżat min-nuqqas ta’ din l-istituzzjoni li tinkludi mekkaniżmu li jiggarantixxi l-ħlas ta’ l-għajnuna lill-produtturi kkonċernati, fil-każ ta’ falliment tad-distillatur, fil-qafas tas-sistema stabbilita taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2499/82 (ara l-punti 111 u 112 iktar ‘il fuq). Fil-fatt, in-nuqqas totali jew parzjali tal-ħlas ta’ l-għajnuna in kwistjoni lir-rikorrenti b’konsegwenza tad-DAI jirriżulta direttament minn din il-lakuna fir-Regolament Nru 2499/82. Sussegwentement, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu u l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni ġiet stabbilita b’mod ċar.

178    Fid-dawl tas-suespost, għandu jiġi konkluż li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità, fir-rigward ta’ l-illegalità ta’ l-aġir ikkontestat, l-eżistenza tad-dannu u n-rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat.

179    Billi l-kwantum tad-dannu soffert mir-rikorrenti ma setax jiġi ddeterminat fil-istadju preżenti tal-proċedura, fl-isfond ta’ l-argumenti mressqa mill-partijiet, huwa xieraq li jiġi stabbilit permezz ta’ digriet interlokutorju li l-Kummissjoni għandha tagħmel tajjeb għad-dannu soffert mir-rikorrenti li jirriżulta min-nuqqas totali jew parzjali tal-ħlas tal-parti rappreżentanti l-għajnuna Komunitarja – li għaliha huma kienu intitolati skond ir-Regolament Nru 2499/82 – li jiffurmaw parti mill-krediti mhux imħallsa dovuti lilhom mid-DAI.

180    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant tistieden lill-partijiet jilħqu ftehim fid-dawl ta’ din is-sentenza dwar l-ammont ta’ kumpens għad-dannu soffert, f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tal-pronunzja ta’ din is-sentenza. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, il-partijiet għandhom jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan it-terminu, il-figuri proposti minnhom.

 Fuq l-ispejjeż

181    Għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż hija rriżervata.

Ghal dawn ir-ragunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Il-Kummissjoni għandha tagħmel tajjeb għad-danni mġarrba mir-rikorrenti, b’konsegwenza tal-falliment tad-Distilleria Agricola Industriale de Terralba, minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmu li seta’ jiggarantixxi, taħt is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2499/82, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-distillazzjoni preventiva għas-sena ta’ l-inbid 1982/83, il-ħlas lill-produtturi kkonċernati ta’ l-għajnuna Komunitarja prevista f’dan ir-regolament.

2)      Il-partijiet għandhom jinfurmaw lill-Qorti, f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tal-pronunzja ta’ din is-sentenza, dwar l-ammont ta’ kumpens stabbilit bi ftehim komuni.

3)      F’nuqqas li jintlaħaq ftehim, huma għandhom jippreżentaw lill-Qorti, fl-istess terminu ta’ żmien iċ-ċifri li huma jipproponu.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija f’seduta pubblika fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2004

Reġistratur

 

       President

H. Jung

 

       J. Pirrung



Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-Dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament u għal nuqqas

Sottomissjonijiet tal-partijiet

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni

B –  Fuq ir-rikors għad-danni u t-talba ta’ restituzzjoni ta’ l-arrikkiment indebitu

Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-azzjoni għal danni

Sottomissjonijiet tal-partijiet

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.  Fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ aġir illeċitu attribwibbli lill-Komunità

2.  Fuq l-eċċezzjoni li jeżistu rimedji domestiċi effettivi

3.  Fuq l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għad-danni

Fuq il-merti tar-rikors għal danni

Sottomissjonijiet tal-partijiet

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.