Language of document : ECLI:EU:T:2004:348

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla Estiża)

1 ta' Diċembru 2004 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Qafas multisettorjali ta' l-għajnuna b’finalità reġjonali favur proġetti kbar ta’ investiment"

Fil-kawża T-27/02,

Kronofrance SA, stabbilita fi Sully-sur-Loire (Franza), irrappreżentata minn R. Nierer, Avukat,

rikorrenti

kontra

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. Flett, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Glunz AG

u

OSB Deutschland GmbH,

stabbiliti f'Meppen (Il-Ġermanja), irrappreżentati minn H.-J. Niemeyer u K. Ziegler, Avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni SG (2001) D tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2001, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil Glunz AG,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili, M. Vilaras, I. Wiszniewska-Białecka u V. Vadapalas, Imħallfin,

Registratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Kuntest Ġuridiku

1        Il-qafas multisettorali għal għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta’ investiment (ĠU C 107, 1998, p. 7, aktar 'il quddiem il-"ġestjoni multisettorjali"), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ meta ġraw il-fatti, jiddefinixxi r-regoli ta' evalwazzjoni ta' l-għajnuna mogħtija minnu, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

2        Skond il-Qafas multisettorjali, l-Kummissjoni tiffissa, każ b'każ, l-intensità ta’ l-għajnuna massima ammissibbli għal proġetti suġġetti għall-obbligu ta' notifika.

3        Il-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali jiddeskrivi l-formula ta' kalkolu fuq liema bażi l-Kummissjoni tiddetermina l-imsemmija intensità. Din il-formula hija bbażata, l-ewwel nett, fuq id-determinazzjoni ta' l-intensità massima ammissibbli applikabbli għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar fiż-żona kkunsidrata, imsejħa "limitu reġjonali" (fattur R), li wara tiġi mmultiplikata bi tliet koeffiċjenti li jikkorrispondu, rispettivament, għall-istat tal-kompetizzjoni fis-settur ikkunsidrat (fattur T), għall-proporzjon kapital/xogħol (fattur I), u għall-impatt reġjonali ta' l-għajnuna in kwistjoni (fattur M). L-intensità massima ta' l-għajnuna awtorizzata tikorrispondi għaldaqstant għall-formula li ġejja: R x T x I x M.

4        Skond il-punti 3.2 u 3.3 tal-Qafas multisettorjali, il-fattur "stat ta' kompetizzjoni" jimplika l-bżonn ta' analiżi intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proġett innotifikat huwiex ser jiġi implementat f'settur jew subsettur li jbati minn produzzjoni żejda strutturali. Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza jew le ta' tali produzzjoni żejda, il-Kummissjoni tikkunsidra, fuq livell Komunitarju, d-differenza bejn ir-rata medja ta' użu tal-kapaċità ta' produzzjoni tas-settur tal-manufattura fl-intier tagħha u r-rata ta' użu tal-kapaċità tas-(sub)settur in kwistjoni. Din l-analiżi hija bbażata fuq perijodu ta' referenza li jikkorrispondi għall-aħħar ħames snin li għalihom hemm informazzjoni disponibbli.

5        Teżisti produzzjoni żejda strutturali fejn, bħala medja fuq l-aħħar ħames snin, ir-rata ta' użu tal-kapaċitajiet tas-(sub)settur in kwistjoni tkun inferjuri b'aktar minn żewġ punti perċentwali minn dik tas-settur tal-manifattura fl-intier tiegħu. Is-(sub)settur jiġi ddefinit fuq il-bażi ta' l-aktar livell baxx skond il-klassifika ġenerali industrijali ta’ l-attivitajiet ekonomiċi ġewwa l-Komunitajiet Ewropej (NACE) stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 tad-9 ta' Ottubru 1990 dwar il-klassifikazzjoni statistika ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (ĠU L 293, p. 1), kif emendat. Produzzjoni żejda strutturali huwa kkunsidrat bħala gravi fejn id-differenza mal-medja tas-settur tal-manifattura huwa ta' aktar minn ħames punti perċentwali (punt 7.7 tal-Qafas multisettorjali).

6        Huwa ppreċiżat fil-punt 3.4 tal-Qafas multisettorjali li, jekk l-informazzjoni fuq l-użu tal-kapaċitajiet mhijiex biżżejjed, il-Kummissjoni teżamina jekk l-investimenti kkunsidrati jitwettqux f'suq li sejjer lura. Għal dan il-għan, hija tagħmel paragun bejn l-iżvilupp tal-konsum apparenti tal-prodott jew prodotti in kwistjoni (fi kliem ieħor, il-produzzjoni magħduda ma' l-importazzjonijiet bit-tnaqqis ta' l-esportazzjonijiet) flimkien mar-rata ta' tkabbir tas-settur tal-manufattura fl-intier tiegħu fuq il-livell taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

7        Is-suq tal-prodotti in kwistjoni jiġi kkunsidrat bħala li sejjer lura jekk ir-rata ta' tkabbir annwali medju tal-konsum apparenti huwa, waqt il-perijodu ta' l-aħħar ħames snin, tkun kunsiderevolment inferjuri (b'aktar minn 10%) mill-medja annwali tas-settur tal-manufattura fl-intier tiegħu fuq il-livell taż-ŻEE, ħlief jekk ir-rata ta' tkabbir li tirrigwarda d-domanda għal dan il-prodott jew prodotti turi tendenza sinjifikanti lejn irkupru. Suq li sejjer lura b'mod assolut jikkorrispondi għal suq li fih ir-rata ta' tkabbir annwali medja tal-konsum apparenti hija negattiva għall-aħħar ħames snin (punt 7.8 tal-Qafas multisettorjali).

8        Skond il-punt 31.0.1 tal-Qafas multisettorjali, koeffiċjent ta' aġġustament ta' 0.25, ta' 0.5, ta' 0.75, jew ta' 1 huwa applikabbli għall-fattur T (stat ta' kompetizzjoni), fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

"i)      Proġett li jimplika żieda fil-kapaċità f'settur ikkaraterrizat minn produzzjoni żejda strutturali qawwija u/jew tnaqqis assolut fit-talba : 0.25

ii)      Proġett li jimplika żieda fil-kapaċità f'settur ikkaraterrizat minn produzzjoni żejda strutturali u/jew suq li sejjer lura, u li jista' jsaħħaħ sehem għoli tas-suq: 0.50

iii)      Proġett li jimplika żieda fil-kapaċità f'settur ikkaratterizzat minn produzzjoni żejda strutturali u/jew suq li sejjer lura : 0.75

iv)      Ebda effett negattiv probbali fis-sens tal-każijiet imsemmija fi i) sa iii) : 1.00."

 Il-fatti li wasslu għal kawża

9        Permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Awwissu 2000, irreġistrata fis-7 ta' Awwissu ta' wara, r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), innotifikat lill-Kummissjoni proġett ta' għajnuna għall-investiment favur il-kumpannija Glunz AG, għall-kostruzzjoni ta' ċentru integrat għat-trattament ta' l-injam f'Nettgau fil-Landa ta' Save-Anhalt (il-Ġermanja), peress li l-imsemmi proġett jaqa' taħt il-ġestjoni mutlisettorjali.

10      Wara li rċevew ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta' Awwissu 2000, fejn ġie indikat lilhom li n-notifika tagħhom ma setgħatx tiġi kkunsidrata bħala kompluta, l-awtoritajiet Ġermaniżi, b'ittri tal-15 ta' Novembru 2000 u tat-12 ta' Jannar 2001, ipprovdew xi informazzjoni addizzjonali. Peress li din l-aħħar informazzjoni ma ssodisfatx kompletament lill-Kummissjoni, dawn l-istess awtoritajiet, b'ittra tat-2 ta' Marzu 2001, ipprovdew informazzjoni ġdida li ppermettiet lill-istituzzjoni li tikkunsidra n-notifika bħala kompleta.

11      Fil-25 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni, abbażi ta' l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 adottat deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta' l-għotja ta' din l-għajnuna (aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni").

12      Mid-Deċiżjoni jirriżulta li l-proġett ta' investiment għandu jiġi rrealizzat f'reġjun eliġibbli skond l-Artikolu 87(3)(a) KE, li għalih l-intensità massima ta' l-għajnuna għall-promozzjoni ta' investimenti ġodda f'impriżi kbar, magħruf ukoll bħala l-limitu reġjonali, jammonta għal totali ta' 35% gross. L-għajnuna tikkonsisti f'sussidju mhux rimborsabbli li jammonta għal EUR 46 201 868 u għal-premium għall-investimenet ta' EUR 23 596 120, jiġifieri ammont totali ta' EUR 69 797 988, għal nefqa ta' investiment totali ta' EUR 199 400 000.

13      Din l-għajnuna hija ddestinata, parzjalment, sa' l-ammont ta' EUR 28.61 miljun, għal bini ta' fabbrika għall-produzzjoni ta' oriented strand boards u l-parti l-oħra, li tammonta għal EUR 41,18 miljun, għal bini ta' fabbrika għall-produzzjoni tal-foljifolji ta' l-injam mill-frak.

14      Fuq il-bażi ta' evalwazzjoni ta' l-għajnuna notifikata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qafas multisettorjali, fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-koeffiċjenti ta' aġġustament applikabbli għar-rata ta' 35% li tikkorrispondi ma' l-intensità massima li impriża kbira tista' tikseb fir-reġjun ikkonċernata għandha tiġi ffissata għal:

–        – 1 għall-fattur T, li jirrigwarda l-istat ta' kompetizzjoni fis-settur ikkunsidrat,

–        – 0.8 għall-fattur I (proporzjon kapital/xogħol),

–        – 1.5 għall-fattur M fir-rigward ta' l-impatt reġjonali ta' l-għajnuna prevista,

jiġifieri intensità massima ammissibbli ta' 42% (35% x 1 x 0.8 x 1.5).

15      F' dak li jirrigwarda, b'mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-fattur T li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni, l-Kummissjoni ppreċiżat li, skond il-punti 3.3 u 3.4 tal-Qafas multisettorjali, hija għandha tillimita l-analiżi tagħha tal-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni għad-determinazzjoni ta' l-eżistenza jew le ta' produzzjoni żejda strutturali fis-settur in kwistjoni, meta jkun hemm biżżejjed informazzjoni fuq ir-rata ta' l-użu ta' kapaċitajiet. Peress li kkunsidrat li ż-żewġ prodotti mmanifatturati minn Glunz jirrappreżentaw sehem importanti ħafna tal-produzzjoni kumplessiva ta' folji ta' l-injam fl-Ewropa u jirreferu għal-livell l-aktar baxx tan-NACE, l-Kummissjoni għażlet li tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-informazzjoni li tirrigwarda r-rata ta' l-użu tal-kapaċitajiet tal-klassi 20.20 tan-NACE li tinkludi l-manifattura tal-folji ta' l-injam.

16      Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li tkopri l-perijodu ta' bejn l-1994 u l-1998 li tinsab fi studju pprovdut mill-awtoritajiet Ġermaniżi, l-Kummissjoni kkonkludiet li l-proġett ta' investiment in kwistjoni jimplika żieda fil-kapaċità f'settur fejn mhemmx produzzjoni żejda, li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni.

17      Peress li kkonstatat li l-ammont ta' l-għajnuna li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni li tagħti lil Glunz kienet konformi ma' l-għajnuna massima awtorizzata, ikkalkulata fuq il-bażi tal-Qafas multisettorjaliqafas multisettorjali, l-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna nnotifikata bħala kompatibbli mat-Trattat KE.

 Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

18      Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti rikors.

19      B'att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Lulju 2002, Glunz u OSB Deutschland GmbH talbu sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

20      B'digriet ta' l-10 ta' Settembru 2002, il-President tar-Raba' Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza awtorizza dan l-intervent. Il-partijiet intervenjenti ddepożitaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl-4 ta' Novembru 2002, u r-rikorrenti ppreżentat, fit-terminu impost, xi osservazzjonijiet dwarhom.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-8 ta' Lulju 2004.

22      Ir-rikorrenti titlob il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        – tannulla d-Deċiżjoni;

–        – tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

23      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, titlob il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        – tiddikjara lir-rikors inammissibbli;

–        – tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        – tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

24      Waqt is-seduta, l-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti kkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors.

25      Huma affermaw li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq in kwistjoni ma kienx affettwat b'mod sostanzjali mill-għajnuna awtorizzata. Fid-dawl tal-post tas-siti ta' produzzjoni u tat-territorji ta' kunsinna tal-prodotti kkonċernati, iddeterminati mill-prezz ta' trasport, kull koinċidenza bejn iż-żoni ta' kummerċjalizzazzjoni tar-rikorrenti u dawk ta' l-impriża li tibbenifika mill-għajnuna għandha tkun marġinali.

26      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi inġustament astjeniet ruħha milli tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999 li kien jippermettilha li bħala parti interessata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha.

27      Hija tfakkar li d-definizzjoni, fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, ta' "parti interessata" tinkludi impriżi li jikkompetu bejniethom. Issa, r-rikorrenti u Gluntz huma kompetituri diretti, peress li jimmanifatturaw l-istess prodotti li aktar tard jiġu kkummerċjalizzati fl-istess suq. L-għotja ta' l-għajnuna taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fuq is-suq in kwistjoni.

28      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li hija hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni u li għaldaqstant għandha l-locus standi meħtieġ sabiex tippreżenta rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

29      Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti ppreżentaw, għall-ewwel darba waqt is-seduta, talbiet ta' inammissibbiltà tar-rikors ibbażati fuq nuqqas ta' locus standi tar-rikorrenti.

30      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-motiv ta' inammissibiltà bbażat fuq in-nuqqas tal-locus standi tar-rikorrenti jikkostitwixxi motiv ta' ordni pubblika u jista', saħansitra għandu, jiġi eżaminat ex officio mill-Qorti Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April, Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35), u li, konsegwentement, jista' jiġi invokat mill-parti konvenuta f'kull stadju tal-proċedura, (ara, b'analoġija, s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Teni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 125).

31      Dan ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata wara eżami preliminari, li tiddikjara għajnuna individwali bħala kompatibbli mas-suq komuni.

32      F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' l-istħarriġ tal-Kummissjoni ta' l-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-eżami preliminari ta' l-għajnuna, stabbilit mill-Artikolu 88(3) KE, u rregolat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li għandu bħala l-uniku għan tiegħu li jippermetti li l-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta' l-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra l-proċedura formali ta' eżami prevista mill-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħa dwar l-informazzjoni kollha tal-każ. Huwa biss fil-kuntest ta' din l-aħħar proċedura li t-Trattat jipprevedi l-obbligu, fuq il-Kummissjoni, li l-persuni interessati jiġu intimati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra I-2487, punt 22; tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 16; tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et Vs Il-Kummissjoni, T-158/99, għadha ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 57).

33      Meta, mingħajr ma tinfetaħ il-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, abbażi tal-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali, previsti mill-Artikolu 88(2) KE, jistgħu jassiguraw ir-rispett ta' din il-proċedura biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-qrati Komunitarji (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, ċċitata aktar 'il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, ċċitata aktar 'il fuq, punt 17; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, ċċitata aktar 'il fuq, punt 47 u Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, ċċitata aktar 'il fuq, punt 69).

34      Għaldaqstant,meta, permezz ta' rikors għal annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata wara eżami preliminari, rikorrenti tfittex li tikseb ir-rispett tal-garanziji proċedurali, previsti mill-Artikolu 88(2) KE, l-fatt sempliċi li hija għandha l-kwalità ta' persuna interessata, fis-sens din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed sabiex tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata fis-sens tar-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, ċċitata aktar 'il fuq, punti 23 sa 26, Matra vs Il-Kummissjoni, ċċitata aktar 'il fuq, punt 17 sa 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punti 89 u 90).

35      F’dan il-każ, huwa kostanti li r-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni, minħabba l-fatt, espost fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni inġustament irrifjutat li tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami prevista mill-Artikolu 88(2)KE.

36      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li hija għandha l-kwalità ta' parti interessata billi ssostni li hija kompetitriċi diretta ta' Gluntz peress li timmanifattura, fil-fabbrika tagħha ta' Sully-sur-Loire (Franza), l-istess prodotti bħal dawk ta' Gluntz li aktar tard jiġu wkoll ikkummerċjalizzati fl-istess swieq.

37      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-persuni interessati huma persuni, impriżi, jew assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jiġu eventwalment affettwati mill-għotja ta' għajnuna, jiġifieri, b'mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu ma' xulxin u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 16). L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, li jirrifletti din il-ġurisprudenza, jipprovdi li, l-kunċett ta' parti interessata għandu jfisser "kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta' għajnuna, b'mod partikolari l-benefiċjarju ta' l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ".

38      Issa, huwa kostanti, f'dan il-każ, li r-rikorrenti u l-impriża li bbenifikat mill-għajnuna t-tnejn li huma jimmanifatturaw il-folji ta' l-injam u li teżisti koinċidenza bejn iż-żoni ta' kummerċjalizzazzjoni taż-żewġt impriżi.

39      Għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta u kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-impriża li bbenifikat mill-għajnuna tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha lil impriżi li jinsabu kważi esklużivament fit-territorju ta' l-eks Repubblika Demokratika Ġermaniża, Glunz ippreċiżat li tqassam il-prodotti tagħha fuq it-territorju kkollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u fil-maġġoranza tal-każi, lill-impriżi ta' l-industrija ta' l-għamara li huma kkonċentrati f'reġjun tal-majjistral tal-Ġermanja.

40      Glunz ammettiet ukoll li għalkemm ir-rikorrenti hija preżenti fis-suq Ġermaniż tal-manifattura ta' l-għamara, din għandha biss sehem żgħir tas-suq, madankollu din l-affermazzjoni ma ġiet sostnuta minn l-ebda element ta' prova.

41      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha sostniet effettivament, fir-rigward tal-folji ta' l-injam, li peress li huma prodotti tqal u ingombranti, t-trasport għal distanzi twal kien għoli wisq u li r-raġġ ta' trasport huwa għalhekk limitat għal madwar 800km, hija, manankollu, ikkonkludiet li s-suq ġeografiku in kwistjoni huwa kkostitwit miż-ŻEE.

42      F'dan ir-rigward, jekk impriża tinsab f’kompetizzjoni, fiż-żona tal-kunsinna naturali tagħha, ma' impriżi oħra li ż-żona tal-kunsinna tagħhom jikkoinċidu ma' tagħha, peress li kull waħda minn dawn l-impriżi għandhom medda ta' kunsinna ulterjuri, il-kompetizzjoni ta' impriża fir-rigwarda ta' dawk li qegħdin fil-medda tagħha x'aktarx testendi għaż-żoni ta' kunsinna naturali tagħhom, u għaldaqstant jista' jkun xieraq li tiġi kkunsidrata l-Komunità sħiħa, jew il-KEE bħal fil-kawża preżenti, bħala s-suq ġeografiku ta' referenza (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T-65/96, Ġabra p. II 1885, punti 84 sa 95).

43      Jirriżulta wkoll mid-Deċiżjoni li Glunz hija kumpannija sussidjarja ta' Tableros de Fibras SA, li għandha fabbriki fi Franza li joperaw fil-qasam ta' l-injam u li ġew ċeduti lilha fl-1999 minn Glunz.

44      F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti hija fil-fatt kompetitriċi ta' l-impriża li bbenifikat mill-għajnuna u li għaldaqstant tista' tiġi kkwalifikata bħala parti interessata fis-sens ta' l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

45      F'dan ir-rigward, ir-referenza espliċita tal-Kummissjoni għad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, (T-358/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), sabiex tibbaża t-talbiet tagħha ta' inammissibbiltà tar-rikors, peress li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq in kwistjoni m'għandhiex tkun sostanzjament affettwata mill-għotja ta' l-għajnuna, mhijiex rilevanti. Fil-fatt, id-digriet ta' inammissibbiltà, imsemmi hawn fuq, ibbażat fuq in-nuqqas ta' effett sostanzjali tal-pożizzjoni kompetittiva taz-żewġ impriżi, ingħata f'kawża li hija differenti minn dik preżenti peress li r-rikors kien ġie mressaq kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE u li fil-kuntest ta' liema l-persuni interessati kienu ġew debitament mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li r-rikors preżenti għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

47      Ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba motivi in sostenn tat-talbiet tagħha għal annullament tad-Deċiżjoni, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87 KE u tal-ġestjoni mutlisettorjali, it-tieni nett, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 88(2) KE, it-tielet nett, fuq l-abbuż ta' poter allegatament magħmul mill-Kummissjoni, u r-raba' nett, fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

48      Hija ssostni, fil-kuntest tat-tieni motiv għal annullament tagħha, li billi awtorizzat l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil Glunz wara t-tmiem ta' eżami perliminari biss, il-Kummisjoni kisret l-Artikolu 88(2)KE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 li jobbligaw lill-istituzzjoni li tiftaħ proċedura formali ta' eżami fejn il-miżura notifikata "tqajjem xi dubji" dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

49      Għandu jiġi mfakkar li l-eżami preliminari stabbilit mill-Artikolu 88(3)KE u rregolat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, huwa intiż unikament sabiex jippermetti lill-Kummissjoni terminu ta' żmien għal riflessjoni u investigazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista' tasal għal opinjoni preliminari dwar il-proġetti ta' għajnuna nnotifikati, sabiex tikonkludi, mingħajr ma jkun neċessarju eżami approfondit, jekk humiex kompattibbli mat-Trattat jew, kuntrarjament, sabiex tikonkludi li l-kontenut tagħhom iqajjem xi dubji f'dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-99/98, Ġabra p. I-1101, punti 53 u 54).

50      Il-fażi formali ta' eżami li tippermetti lill-Kummissjoni tkun kompletament infurmata dwar id-dettalji kollha tal-każ qabel ma tieħu d-Deċiżjoni tagħha għandha karattur indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa' ma' diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komun (sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33).

51      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tillimita ruħha għal eżami preliminari sabiex tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta' għajnuna biss fil-każ fejn tkun f'pożizzjoni li tikkonkludi, wara t-tmiem ta' l-eżami kkonċernat, li l-proġett in kwistjoni huwa kompatibbli mat-Trattat.

52      Min-naħa l-oħra, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni kuntrarja, jew jekk ma ppermettilhiex li tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà ta' l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra l-opinjonijiet neċessarji kollha u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2)KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13; Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 33, u L-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39).

53      Fil-kuntest tal-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 88(2)KE, ir-rikorrenti tallega mhux biss li t-tul ta' żmien u ċ-ċirkustanzi ta' l-eżami preliminari jikkostitwixxu indizji ta' l-eżistenza ta' diffikultajiet serji, iżda wkoll li riċerka preċiża fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak kienet twassal lill-Kummissjoni sabiex ikollha dubji u dan kellu għalhekk iwassal għall-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami. Ir-rikorrenti żżid li, waqt l-imsemmija proċedura, hija kieku kienet tikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq il-konsum apparenti tal-bord ta' l-injam mill-frak li turi li l-investiment in kwistjoni sar fuq suq li sejjer lura.

54      Madankollu, jirriżulta b'mod ċar mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni, deliberatament limitat ruħha li teżamina biss l-eżistenza eventwali ta' produzzjoni żejda strutturali u qieset, fid-dawl tal-kliem użat fil-punti 3.2 sa 3.4 tal-Qafas multisettorjali u tal-fatt li kellha biżżejjed informazzjoni fuq ir-rata ta' użu tal-kapaċità tas-settur ikkonċernat, li ma kinitx marbuta li tivverifika jekk l-investimenti in kwistjoni kinux ser jitwettqu fuq suq li sejjer lura. Bl-adozzjoni ta proċedura bħal din, il-komunikazzjoni tar-rikorrenti ta' l-informazzjoni fuq il-konsum tal-folji ta' l-injam mill-frak kienet, f'kull każ, nieqsa minn kull utilità.

55      Għaldaqstant jidher li timponi ruħha kwistjoni preliminari u ġenerali li tirrigwarda l-interpretazzjoni, fid-dawl ta' l-Artikolu 87 KE, tal-punti relevanti tal-qafas multisettorjali sabiex jiġi ddeterminat il-kriterju jew il-kriterji li għandhom jiġu implementati għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni".

56      Fil-kuntest tat-twettiq ta' l-istħarriġ tal-legalità tagħha, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza, li għandha ssolvi din l-ewwel kwistjoni ta' interpretazzjoni ta' l-istandards applikabbli u għaldaqstant li tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li tasal għall-konklużjoni esposta fil-punt 54 aktar 'il fuq, ħaġa li r-rikorrenti tikkontesta b'mod espress fl-ewwel motiv għal annullament tagħha bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87 KE u tal-Qafas multisettorjali.

 Fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87KE u tal-Qafas multisettorjali

 L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-intensità massima ammissibbli ta’ għajnuna u b'mod aktar partikolari tal-fattur T li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kienet għamlet analiżi żbaljata tas-sitwazzjoni tas-suq billi naqset, minn naħa, milli tagħmel distinzjoni bejn is-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak u dak ta' l-oriented strand boards u, min-naħa l-oħra, milli tivverifika u milli tikkunsidra s-sitwazzjoni ta' deklin tas-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak.

–       Fuq in-nuqqas ta' distinzjoni bejn is-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak u s-suq ta' l-oriented strand boards.

58      Ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna in kwistjoni kellha tiġi eżaminata u evalwata b'mod differenti, skond jekk kinitx intiża għall-produzzjoni tal-folji ta' l-injam mill-frak jew dak ta' l-oriented strand boards. Hija tosserva li, fil-parti tad-Deċiżjoni li tirrigwarda d-determinazzjoni tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, il-Kummissjoni tindika dan li ġej: "F'dawn iċ-ċirkustanzi, aħna nipproponu li jiġi kkunsidrat, minn naħa [l-oriented strand boards] u t-triplaj u min-naħa l-oħra, il-folji ta' l-injam mill-frak, bħala li jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, suq." Hija tikkontesta li l-konvenuta ma kkunsidratx b'mod preċiż din id-delimitazzjoni tas-suq fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni" u li, bil-kontra ta' dan, adottat approċċ uniformi.

59      Hija ssostni li s-swieq tal-folji ta' l-injam mill-frak u ta' l-oriented strand boards huma differenti wisq biex jiġu kkunsidrati bħala suq uniku. Fil-fatt iż-żewġ prodotti huma interkambjabbli biss għall-perċentwali dgħajfa ħafna ta' 10% biss skond il-Kummissjoni stess. Barra min hekk, is-swieq assoċjati ma' dawn iż-żewġ prodotti qed jevolvu b'mod differenti, fis-sens li s-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak sejjer lura filwaqt li dak ta' l-oriented strand boards qiegħed jikber.

60      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-proġett ta' investiment in kwistjoni għandu bħala għan il-ħolqien ta' ċentru integrat ta' transformazzjoni ta' l-injam li jinkludi żewġ katini ta’ produzzjoni, strettament marbuta, b'istallazzjonijiet komuni. Hija ssostni li skond il-punt 7.2 tal-Qafas multisettorjali, l-imsemmi proġett għandu jiġi kkunsidrat bħala "entità waħda li għandha tiġi kkunsidrata bħala tali", safejn huwa preċiżament intiż għall-ħolqien ta' "stabbiliment" fis-sens tal-punt 7.2 imsemmi aktar 'il fuq. Il-Kummissjoni kienet ukoll irrispettat il-punt 7.7 tal-Qafas multisettorjali meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-klassi 20.20 tan-NACE li tinkludi l-folji ta' l-injam mill-frak u l-oriented strand boards.

61      Anki jekk tiġi aċċettata t-teżi ta' evalwazzjoni differenti ta' l-investiment skond il-fabbriki kkonċernati, il-Kummissjoni tafferma li kien ikollha tikkunsidra flimkien iż-żewġ prodotti mmanifatturati fihom kif meħtieġ mill-aħħar frażi tal-punt 3.2 tal-Qafas multisettorjali li jgħid li fl-ewwel lok għandha ssir analiżi tas-setturi u mhux analiżi tas-swieq differenti tal-prodotti. Barra minn hekk, anki fil-każ ta' teħid in kunsiderazzjoni differenti bejn ir-rata ta' użu tal-kapaċità għall-folji ta' l-injam mill-frak u r-rata ta' użu tal-kapaċità għall-oriented strand boards, kien jinkiseb koeffiċjent ta' aġġustament tal-fattur T ugwali għal 1 għaż-żewġ setturi li m'għandhomx produzzjoni żejda strutturali.

62      Il-partijiet intervenjenti jindikaw li l-proġett li għalih hija intiża l-għajnuna huwa proġett ta' investiment uniku intiż għall-ħolqien ta' ċentru integrat ta' transformazzjoni ta' l-injam li jikkostitwixxi stabbiliment fis-sens tal-punt 7.2 tal-Qafas multisettorjali, jiġifieri unita waħda minn perspettiva organizzazzjonali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-oriented strand boards u l-folji ta' l-injam mill-frak jaqgħu taħt swieq differenti ta' prodotti jew li l-għajnuna tista' tingħata lil żewġ linji ta' produzzjoni differenti minn perspettiva purament ta' kontabbiltà, mhuwiex relevanti.

63      Il-partijiet intervenjenti jsostnu li, f'kull każ, l-iffissar tar-rata ta' użu tal-kapaċità, l-uniku fattur rilevanti fil-każ preżenti, bl-ebda mod ma jiddependi fuq il-kwistjoni ta' l-uniċità tal-proġett ta' investiment. Anki fil-każ fejn żewġ proġetti ta' għajnuna huma distinti b'mod ċar, l-iffissar tal-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni għandu jiġi bbażat fuq ir-rata ta' użu tal-kapaċità tas-sub-settur tan-NACE li taħta jaqgħu ż-żewġ prodotti in kwistjoni, u dan skond il-punti 3.2 et 3.3, moqrija flimkien mal-punt 7.7, tal-Qafas multisettorjali.

–       Fuq in-nuqqas ta' verifikazzjoni u ta' kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta' deklin -tas-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak

64      Ir-rikorrenti tindika li, skond il-punti 7.7 u 7.8 tal-Qafas multisettorjali, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni relevanti għall-perijodu ta' bejn l-1995 u l-1999 inkluża, sabiex tivverifika jekk kienx hemm il-preżenza ta' produzzjoni żejda strutturali u/jew ta' suq li sejjer lura, peress li din l-evalwazzjoni hija prerekwiżit neċessarja għad-determinazzjoni tal-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni".

65      Filwaqt li tirreferi għal studju anness mar-rikors, ir-rikorrenti tafferma li r-rata ta' tkabbir annwali medja, bħala valur, tal-konsum apparenti tal-folji ta' l-injam mill-frak fiż-ŻEE kienet ta' -3.72%, fis-snin ta' bejn l-1995 u l-1999 (kontra + 24.57 % għall-oriented strand boards), li jfisser li, skond il-punt 7.8 tal-Qafas multisettorjali, dan is-suq ta' prodotti kien sejjer lura b'mod assolut fil-mument ta' meta d-Deċiżjoni ġiet adottata. Fid-dawl ta' kostatazzjoni ta' suq li sejjer lura b'mod assolut, il-koeffiċjent ta' aġġustament tal-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni" applikabbli, li jirrigwarda l-għajnuna għall-fabbrika tal-folji ta' l-injam mill-frak, għaldaqstant m'għandux ikun ta' 1, iżda ta' 0.25, skond il-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali.

66      Ir-rikorrenti tikkontesta r-raġunament li l-Kummissjoni żviluppat fid-Deċiżjoni sabiex tasal għal koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni".

67      Hija takkużaha li limitat ruħha, permezz ta' l-argument tal-pussess ta' informazzjoni suffiċjenti fuq l-użu tal-kapaċitajiet tas-settur in kwistjoni, għall-kunsiderazzjoni ta' l-eżistenza jew tan-nuqqas ta' produzzjoni żejda' strutturali, mingħajr ma stħarrġet il-kwistjoni ta' jekk kienx hemm il-preżenza ta' suq f'sitwazzjoni ta' deklin, peress li riżultat pożittiv għal waħda minn dawn iż-żewġ kwistjonijiet kellu jwassal għall-esklużjoni ta' l-applikazzjoni ta' koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni".

68      Preliminarjament, jirriżulta mil-kliem użat fil-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali li l-obbligu li jiġi eżaminat jekk l-investimenti jsirux f'suq li sejjer lura japplika wkoll fejn hemm informazzjoni disponibbli fir-rigward tar-rata ta' użu tal-kapaċità.

69      L-obbligu li għandha l-Kummissjoni li teżamina jekk teżistix produzzjoni żejda strutturali u/jew suq li sejjer lura jirriżulta, it-tieni nett, mill-Artikolu 81(1) u (3) KE. Il-bżonn li l-Kummissjoni għandha li, meta tapplika dan l-Artikolu, tikkunsidra l-interess komuni kellu jwassalha, fil-każ preżenti, sabiex teżamina jekk kinitx fil-preżenza ta' suq li sejjer lura.

70      Il-Kummissjoni tfakkar li n-natura vinkolanti, fil-konfront tagħha, tal-Qafas multisettorjali u l-fatt li, fil-kawża preżenti, ma setgħetx teżamina jekk l-investimenti sarux fuq suq li sejjer lura, minħabba li, skond il-punt 3.4 tal-Qafas multisettorjali, eżami bħal dan huwa awotrizzat biss sussidjarjament, meta l-informazzjoni fuq l-użu tal-kapaċitajiet ma tkunx suffiċjenti. Issa, fid-data tan-notifika ta' l-għajnuna, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li kienet tikkonċerna r-rata ta' użu tal-kapaċità tas-settur in kwistjoni, għall-perijodu ta' bejn l-1993 u l-1998, liema serviet bħala l-bażi tad-Deċiżjoni.

71      Hija tallega li l-interpretazzjoni tal-Qafas multisettorjali mogħtija mir-rikorrenti hija ineżatta. Skond il-konvenuta, jirriżulta awtomatikament mill-ordni tal-punti 3.3 u 3.4 tal-Qafas multisettorjali kif ukoll mill-kundizzjoni imposta fl-imsemmi punt 3.4 li jiġi vverifikat jekk l-investimenti jitwettqux f'suq li sejjer lura, jiġifieri l-fatt li l-informazzjoni fuq l-użu tal-kapaċitajiet mhijiex biżżejjed, li għandha tingħata prijorità għad-determinazzjoni tar-rata ta' użu tal-kapaċità. Barra minn hekk, l-użu tat-termini "u/jew" huwa sempliċiment intiż sabiex jippreċiża li, f'kull każ, meta l-informazzjoni fuq l-użu tal-kapaċitajiet mhijiex biżżejjed, għandu jiġi ddeterminat il-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat. Safejn ma tiġix ammessa kuntradizzjoni normattiva, ma jistax jiġi dedott mill-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali, fejn ma jkunx hemm kwistjoni dwar l-ordni ta' l-użu taż-żewġ metodi ta' evalwazzjoni ta' l-istat tal-kompetizzjoni, li huwa neċessarju li ssir deroga, anki jekk parzjalment, mill-punti 3.2 u 3.4 ta' l-imsemmi Qafas.

72      L-importanza ewlenija tal-kriterji kkostitwit mir-rata ta' użu tal-kapaċità tispjega ruħha mill-fatt li din tagħti perspettiva ħafna aktar dgħajfa tas-sitwazzjoni ta' settur determinat minn dik mogħtija mill-konsum apparenti. Dan il-konsum huwa suġġett għal diversi varjazzjonijiet li huma indipendenti mis-settur tar-rata ta' użu tal-kapaċità, li jwasslu għal konklużjonijiet kunsiderevolment differenti fuq l-istat tas-suq wara l-perijodu ta' ħames snin ikkunsidrat. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-għanijiet tal-Qafas multisettorjali jintlaħqu meta d-dispożizzjonijiet speċifiċi tiegħu jiġu rrispettati bħal fil-kawża preżenti.

73      Ma jistax jiġi dedott mill-Qafas multisettorjali l-ġdid għal għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta' investiment (ĠU C 70, 2002, p. 8), li l-punt 19 tiegħu jirreferi b'mod espress għar-rata ta' użu tal-kapaċità li, "l-eżami tal-produzzjoni żejda strutturali ma jippermettix li tiġi evalwata b'mod utli s-sitwazzjoni fuq is-suq" jew li l-Kummissjoni rrikonoxxiet in-nuqqas ta' relevanza tal-kriterju bbażat fuq ir-rata msemmija aktar 'il fuq.

74      Il-konvenuta tosserva li r-rikorrenti tinjora l-fatt li l-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni" huwa biss wieħed mill-erba' fatturi relevanti sabiex tiġi ddeterminata l-intensità massima ammissibbli ta' l-għajnuna, u li, anki jekk jiġi applikat il-metodu ta' kalkolu tagħha, l-proġett innotifikat jibqa' eliġibbli. Barra minn hekk, ir-riżervi espressi ma jikkonċernawx il-Qafas multisettorjali bħala tali, iżda biss każ partikolari ta' l-applikazzjoni tiegħu u huma bbażati fuq premessa żbaljata li tgħid li l-uniku kriterju utli huwa dak ta' suq li sejjer lura u sabiex jiġi ddefinit dan is-suq għandu jiġi kkunsidrat biss il-konsum apparenti.

75      Il-partijiet intervenjenti jallegaw li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa konformi kemm mal-kliem użat fil-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali kif ukoll ma' l-għanijiet ta' dan ta' l-aħħar.

76      L-ewwel nett, huma jindikaw li t-termini "u/jew" li jidhru fil-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali, m'għandhomx sinjifikat proprju. Fil-fatt, ir-relazzjoni bejn il-kriterji bbażati fuq il-produzzjoni żejda u fuq is-sitwazzjoni ta' deklin tas-suq diġà ġiet irregolata fil-punti 3.3 u 3.4 tal-Qafas multisettorjali, fis-sens ta' prijorità mogħtija għall-eżami ta' eventwali produzzjoni żejda. Il-punt 3.10 jfakkar biss il-formula ta' kalkolu tat-tliet fatturi ta' l-intensità massima ammissibbli ta' l-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħat ġustament tibbaża ruħha fuq ir-rata ta' użu tal-kapaċità għall-perijodu ta' bejn l-1994 u l-1998. Il-partijiet intervenjenti jsostnu li, fid-data ta' notifika tal-proġett ta' għajnuna, l-informazzjoni fuq ir-rata ta' użu tal-kapaċità għall-klassi 20.20 tan-NACE kienet għadha mhux disponibbli u li l-informazzjoni fuq l-industrija tal-manifattura għall-1999 kienet għadha ma ġietx stabbilita mill-Eurostat.

77      It-tieni nett, huma jallegaw li l-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi biss element ta' formalizzazzjoni tal-bilanċ li l-Kummissjoni għandha tilħaq bejn dawn iż-żewġ għanijiet kunfliġġenti tat-Trattat KE, li huma l-kompetizzjoni ħielsa u s-solidarjetà Komunitarja, fejn din ta' l-aħħar tikkostitwixxi l-bażi ta' l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(3)(a) u (b), KE, favur l-għajnuna reġjonali. It-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan l-element għandu jevita li miżura ta' għajnuna joħolqu problema settorjali fuq livell Komunitarju li jkun aktar serju mill-problema reġjonali inizjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punt 101).

78      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinjora l-fatt li, skond l-Artikolu 87 KE u l-Qafasmultisettorjali, l-unika kwistjoni importanti hija dik li jsir magħruf jekk hemmx produzzjoni żejda fis-suq komuni. L-iżvilupp tal-volum tas-swieq ma jikkunsidrax is-sorsi li bihom il-konsum apparenti huwa sodisfatt. Il-partijiet intervenjenti jispjegaw li jekk dan huwa, fil-biċċa l-kbira, minħabba importazzjonijiet, meta l-kapaċitajiet fil-Komunità jintużaw kompletament, investiment imwettaq fuq suq li sejjer lura mhux neċessarjament imur kontra l-Artikolu 87(3)(a) u (c) KE u l-Qafas multisettorjali. Fil-fatt, effett eventwali ta' esklużjoni għad-dannu ta' produtturi li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi ma jkollu l-ebda effett fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

79      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni tgawdi, skond l-Artikolu 87(3), KE, minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jiġu mistħarrġa f’kuntest Komunitarju, madankollu hija tista' timponi fuqha nnifisha xi prattiċi għall-eżerċizzjoni tas-setgħat ta' evalwazzjoni tagħha permezz ta' atti bħalma huma l-linji gwida, sakemm dawn l-atti jkun fihom regoli indikattivi fuq l-prattika li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm ma jmorrux lil hinn mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-288/96, Ġabra p. I-8237, punt 62 u tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punti 45 u 52). Meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi sabiex jippreċiżaw, fir-rispett tat-Trattat, il-kriterji li hija tixtieq tapplika fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni; minn dan tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa safejn hija għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqa nnifisha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, AIUFFASS et AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 57, u tat-30 ta' April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 89). F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika jekk dawn ir-regoli ġewx irrispettati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T-35/99, Ġabra p. II-261, punt 77).

80      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni tal-Fattur T li jirrigwarda l-istat ta' kompetizzjoni, u dan fid-dawl tal-Qafas multisettorjali u ta' l-Artikolu 87 KE.

81      Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li l-ewwel ilment imressaq, ibbażat fuq id-determinazzjoni tas-swieq tal-prodotti in kwistjoni, huwa strettament marbut ma' dak li jirrigwarda n-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħmel eżami intiż għall-kostatazzjoni ta' l-eżistenza jew tan-nuqqas ta' eżistenza ta' suq f'sitwazzjoni ta' deklin, li jikkostitwixxi l-punt ewlieni li fuqu l-partijiet ma jaqblux.

82      Huwa kostanti li, wara li kkunsidrat li l-folji ta' l-injam mill-frak u l-oriented strand boards jikkorrispondu għal swieq ta' prodotti differenti, il-Kummissjoni, skond il-punt 7.7 tal-Qafasmultisettorjali, analizzat l-eżistenza eventwali ta' produzzjoni żejda strutturali abbażi ta' studju li kien fih informazzjoni fuq ir-rata ta' użu tal-kapaċità tas-settur li jikkorrispondi għall-klassi 20.20 tan-NACE, li jirreferi għall-produzzjoni tal-folji ta' l-injam li evidentement jagħmlu parti minnu l-folji ta' l-injam mill-frak u l-oriented strand boards.

83      Dan l-istudju ppermetta lill-Kummissjoni li tasal għall-konklużjoni ta' nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali, femm f'dak li jirrigwarda l-analiżi tar-rata ta' użu tal-kapaċità għall-folji ta' l-injam b'mod ġenerali kif ukoll fir-rigward tar-rata ta' użu tal-kapaċità għall-folji ta' l-injam mill-frak u l-oriented strand boards ikkunsidrati individwalment. Ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-riżultati ta' dan l-istudju u l-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali.

84      L-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar il-bżonn ta' distinzjoni bejn is-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak u s-suq ta' l-oriented strand boards fir-realtà tagħmel sens fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza ta' suq li sejjer lura li hija tagħmel fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Għaldaqstant għandu jiġi osservat li din l-evalwazzjoni, b'differenza għal dik dwar l-eżistenza eventwali ta' produzzjoni żejda strutturali, ma ssirx permezz tad-determinazzjoni ta' settur skond il-klassijiet li jinsabu fin-NACE iżda permezz tad-definizzjoni tas-suq ta' prodotti in kwistjoni (ara l-punti 7.7 u 7.8 tal-Qafas multisettorjali).

85      Fil-kuntest ta' l-analiżi tagħha, ir-rikorrenti tapplika u tibbaża ruħha preċiżament fuq id-distinzjoni ta' bejn is-suq tal-folji ta' l-injam mill-frak u dak ta' l-oriented strand boards sabiex tikkonkludi li l-ewwel wieħed għaddej minn sitwazzjoni ta' deklin assolut, jew, minn ta' l-anqas ta' deklin, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta' koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 0.25 jew ta' 0.75 għall-fattur li jirrigwarda l-"istat tal-kompetizzjoni", bil-kontra ta' l-ieħor li għalih jista' jinżamm koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-istess fattur.

86      Għaldaqstant jidher li l-kwistjoni essenzjali hija dik li jsir magħruf jekk, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni setgħatx jew le tastjeni ruħha milli teżamina jekk kinitx tinstab jew le fil-preżenza ta' suq li sejjer lura.

87      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li l-Qafas multisettorjali jipprovdi li żewġ kriterji jistgħu jintużaw għall-evalwazzjoni tal-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni, jiġifieri dak li jirrigwarda l-produzzjoni żejda strutturali u dak li jirrigwarda suq li sejjer lura, iżda li teżisti ġerarkija bejniethom. Għalhekk, skond il-partijiet, l-eżami tal-kriterju li jirrigwarda suq li sejjer lura huwa awotrizzat biss sussidjarjament, meta l-informazzjoni li tirrigwarda r-rata ta' użu tal-kapaċità tas-settur in kwistjoni ma tkunx biżżejjed, peress li ma tkunx tkopri l-perijodu kollu ta' referenza jew ma tkunx tikkonċerna speċifikatament il-prodotti in kwistjoni, u meta konsegwentement ma jkunx possibbli li tintlaħaq konklużjoni fuq il-kwistjoni ta' produzzjoni żejda strutturali, kemm jekk tkun pożittiva (eżistenza ta' produzzjoni żejda strutturali) jew inkella negattiv (nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali).

88      Id-Deċiżjoni rriflettiet din l-interpretazzjoni tal-Qafas multisettorjali tal-Kummissjoni permezz ta' l-applikazzjoni għall-fattur T ta' koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1, jiġifieri l-aktar l-koeffiċjenti ta' aġġustament għoli u għaldaqstant l-aktar wieħed vantaġġjuż għall-impriża li tibbenifika mill-għajnuna, u dan biss fuq il-bażi ta' nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali fis-settur ikkonċernat.

89      Għalkemm huwa minnu li, fid-dawl biss tal-kliem użat fih, il-Qafas multisettorjali jista' jiġi interpretat fis-sens allegat mill-Kummissjoni, madankollu l-imsemmi qafas għandu jiġi interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 87 KE u tal-prinċipju ta' nuqqas ta' kompatibbiltà ta' l-għajnuna pubblika li jinsab fih sabiex jintlaħaq l-għan previst minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dak ta' kompetizzjoni b'saħħitha fis-suq komuni.

90      Mill-kliem użat fil-punti 3.2 sa 3.4 tal-Qafas multisettorjali jirriżulta li l-analiżi intiża għad-determinazzjoni dwar jekk is-settur in kwistjoni jbatix minn produzzjoni żejda strutturali tikkostitwixxi, fil-fatt, l-ewwel analiżi li l-Kummissjoni għandha twettaq a priori meta tevalwa l-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni.

91      Jirriżulta mill-punt 3.10.1 tal-Qafas multisettorjali li din il-prijorità tad-determinazzjoni ta' l-eżistenza jew tan-nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali ma tfissirx, madankollu, li l-Kummissjoni tista' tillimita ruħha, f'kull każ, għal din l-unika analiżi meta tiddisponi minn informazzjoni fuq ir-rata ta' użu tal-kapaċità tas-settur ikkonċernat.

92      Il-punt imsemmi hawn fuq jikkumplementa l-punti 3.2 sa 3.6 tal-Qafas multisettorjali fir-rigward tal-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni", billi jippreċiża l-koeffiċjenti ta' aġġustament differenti li jistgħu jiġu applikati għal dan il-fattur f'erba' każijiet differenti, elenkati fil-punt 3.10.1(i) sa (iii), u ma jistax, għaldaqstant, jiġi disassoċjat minn dawn il-punti.

93      Minn qari tal-punt 3.10.1 tal-Qafasmultisettorjali, jidher li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-fatt li proġett ta' investiment iwassal għal żieda fil-kapaċità f'settur li għandu produzzjoni żejda strutturali huwa biżżejjed sabiex jiġi applikat koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 0,75 għall-fattur T. dan il-koeffiċjent huwa ffissat għal 0,50 meta dan il-proġett jista' barra minn hekk isaħħaħ sehem għoli tas-suq u għal 0,25 meta l-produzzjoni żejda strutturali jista' jiġi deskritt bħala serju.

94      Il-konġunzjoni "jew" użata fid-deskirzzjonijiet tal-każijiet fil-punt 3.10.1 (i) sa (iii) tal-Qafas multisettorjali tippermetti l-affermazzjoni li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni li proġett ta' investiment iwassal għal żieda fil-kapaċità f'settur ikkaratterizzat minn suq li sejjer lura huwa wkoll biżżejjed sabiex jiġi applikat koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 0.75 għall-fattur T. Dan il-koeffiċjent jiġi ffissat għal 0.50 meta dan il-proġett huwa barra minn hekk kapaċi li jsaħħaħ sehem għoli tas-suq u għal 0.25 meta jiġi osservat deklin assolut fid-domanda.

95      Il-punt 3.10.1 (iv), tal-Qafas multisettorjali ma jipprevedix il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tapplika koeffiċjenti ta' aġġustament ugwali għal 1 għall-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni ħlief jekk ma jiġi kkonstatat "l-ebda effett negattiv probabbli fis-sens tal-każijiet deskritti fil-punti (i) sa (iii) "

96      Mill-kontenut tal-punt 3.10.1 tal-Qafas multisettorjali għalhekk jirriżulta li l-applikazzjoni ta' l-aktar koeffiċjent ta' aġġustament għoli, li jlaħħaq jimmassimizza l-ammont ta' għajnuna li tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni, timplika l-kostatazzjoni minn qabel kemm ta' nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali fis-settur in kwistjoni kif ukoll in-nuqqas ta' suq li sejjer lura, ħlief jekk jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta' tali produzzjoni żejda neċessarjament jimplika n-nuqqas ta' sitwazzjoni ta' deklin tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, u dan ikun ifisser l-innegar ta' l-ispeċifiċità ta' dawn iż-żewġ kriterji ta' evalwazzjoni tal-fattur li jikkonċerna l-istat tal-kompetizzjoni.

97      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel sentenza tal-punt 3.4 tal-Qafas multisettorjali, li tgħid li, "[j]ekk l-informazzjoni dwar l-użu tal-kapaċitajiet mhijiex biżżejjed il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-investiment kkunsidrati jitwettqux fuq suq li sejjer lura", għandha tiġi interpretata fis-sens li fil-każ fejn l-informazzjoni li tikkonċerna l-użu tal-kapaċitajiet tas-settur ikkonċernat ma tippermettilhiex li tikkonkludi pożittivament għall-eżistenza ta' produzzjoni żejda strutturali, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk is-suq in kwistjoni huwiex f'sitwazzjoni ta' deklin.

98      Din l-interpretazzjoni tal-Qafas multisettorjali hija l-unika waħda kompatibbli ma' l-Artikolu 87 KE u ma' l-għan ta' kompetizzjoni b'saħħitha li tipprevedi din id-dispożizzjoni.

99      Fil-fatt, ma tistax tiġi aċċettata interpretazzjoni bħal dik esposta mill-konvenuta fil-kawża preżenti, li tagħmilha possibbli li għajnuna mill-Istat tingħata lil impriża li tbigħ prodotti li jaqgħu taħt suq li sejjer lura, mingħajr ebda kunsiderazzjoni ta' din iċ-ċirkustanza mill-Kummissjoni meta din twettaq l-istħarriġ tagħha. Huwa ċar li xi investimenti mwettqa f'tali suq iġibu magħhom riskji serji ta' tfixkil tal-kompetizzjoni li, evidentement, imorru kontra l-għan ta' kompetizzjoni b'saħħitha persegwit mill-Artikolu 87 KE.

100    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 1.1 tal-Qafas multisettorjali, huwa ppreċiżat li l-perfezjonament ta' suq wieħed jagħmilha aktar importanti minn qatt qabel li jkun hemm stħarriġ strett ta' l-għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju ta' proġetti kbar ta' investiment, peress li l-effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li din l-għajnuna jista' jkollha jiġi amplifikat peress li d-distorsjonijiet l-oħra ta' oriġini pubblika jitnaqqsu u s-swieq jinfetħu aktar għall-kompetizzjoni u jsiru aktar integrati. L-għan segwit mill-Kummissjoni permezz ta' l-adozzjoni tal-Qafas multisettorjali kien li jillimita l-għajnuna għall-proġetti kbar sabiex jipprevjeni, sakemm huwa possibbli, l-effetti żvantaġġjużi fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li jippreserva l-effett attraenti tar-reġjun li jingħata l-għajnuna.

101    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiffissa, każ b'każ, l-intensità ta' għajnuna massima ammissibbli għall-proġetti suġġetti għall-obbligu ta' notifika, u dan bl-applikazzjoni tal-fatturi differenti fosthom dak ta' l-istat tal-kompetizzjoni.

102    Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta' għajnuna li taqgħa taħt il-Qafas multisettorjali, id-determinazzjoni tal-koeffiċjenti ta' aġġustament applikabbli, skond l-istat tal-kompetizzjoni, jirriżulta minn analiżi strutturali u ekonomika tas-suq li għandha twettaq il-Kummissjoni meta tadotta d-Deċiżjoni tagħha, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi esposti fil-Qafas multisettorjali. Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-koeffiċjenti speċifiku applikabbli tiddetermina l-ammont ta' għajnuna li tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T-212/00, Ġabra p. II-347, punti 39 u 40.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li, billi applikat koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni mingħajr ma vverifikat minn qabel jekk il-proġett ta' għajnuna in kwistjoni kienx ser jitwettaq fuq suq li sejjer lura, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87 KE kif ukoll il-Qafas multisettorjali, adottat sabiex jippreċiża l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u b'mod aktar partikolari tal-paragrafu 3(a) tiegħu, li permezz tiegħu, tista' tiġu kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna intiża għal-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell ta' l-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm sitwazzjoni serja ta’ nuqqas ta’ impieg.

104    Din il-konklużjoni mhijiex invalidata mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Waqt is-seduta, il-konvenuta rreferiet għal erba' deċiżjonijiet fejn hija analizzat biss l-eżistenza ta' produzzjoni żejda strutturali, iżda huwa kostanti li waħda minnhom biss kienet applikat, bħal fil-każ preżenti, koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-fattur ta' l-"istat tal-kompetizzjoni" biss fuq il-bażi tal-konstatazzjoni ta' nuqqas ta' tali produzzjoni żejda (Deċiżjoni tad-19 ta' Ġunju 2002, għajnuna mill-Istat N 240/02 favur Zellstoff Stendal GmbH).

105    Bil-kontra ta' dan, għandu jiġi enfasizzat ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-8 ta' Ġunju 2000 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija lil Pirna AG.

106    F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkonkludiet li kien hemm nuqqas ta' produzzjoni żejda strutturali fuq il-bażi ta' l-informazzjoni dwar ir-rata ta' użu tal-kapaċità tas-settur ikkonċernat, li jikkorrispondi għall-klassi 21.11 tan-NACE, u vverifikat u kkonstatat in-nuqqas ta' suq li sejjer lura għall-fibri taċ-ċelluloża, u dan ippermettilha, skond il-punt 3.10.1 (iv), tal-Qafas multisettorjali espressament previst fil-punt 35 tad-Deċiżjoni, li żżomm koeffiċjenti ta' aġġustament ta' 1 għall-fattur li jirrigwarda l-istat tal-kompetizzjoni, iżda mhux qabel ma kkonstatat li l-proġett ta' investiment in kwistjoni ma kienx isaħħaħ sehem għoli tas-suq. F'dan ir-rigward, it-termini tad-Deċiżjoni li juru b'mod ċar ir-raġunament stadju b'stadju ta' l-istituzzjoni, flimkien mar-referenza espressa għal- punt 3.10.1 (iv), tal-Qafas multisettorjali, jikkontradixxu l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni li għandhom it-tendenza li jippreżentaw l-analiżi intiżi sabiex tiddetermina jekk is-suq in kwistjoni huwiex sejjer lura bħala superfluwa.

107    Mill-konfront tad-Deċiżjoni tat-8 ta' Ġunju 2000 li tirrigwarda Pirna AG ma dik imsemmija aktar 'il fuq fil-punt 104 u mad-Deċiżjoni, għaldaqstant, tirriżulta prassi deċiżjonali kontradittorja tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-aktar koeffiċjenti ta' aġġustament għoli previst mill-Qafas multisettorjali għall-fattur T.

108    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-relevanza tal-kriterju li jirrigwarda suq li sejjer lura hija kkollaborata mill-Qafas multisettorjali l-ġdid għal għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta' investiment, li jipprevedi li l-ebda għajnuna reġjonali għall-investiment ma tista' tiġi awtorizzata għall-benefiċċju ta' setturi li għaddejin minn diffikultajiet strutturali serji. Issa, għall-iffissar tal-lista ta' l-imsemmija setturi, id-diffikultajiet strutturali serji jiġu, fil-prinċipju, imkejla fuq il-bażi ta' l-informazzjoni dwar il-konsum apparenti tal-prodott jew tal-prodotti in kwistjoni. Il-punt 32 tal-Qafas multisettorjali l-ġdid jippreċiża b'mod ċar li jiġi kkunsidrat bħala li hemm diffikultajiet serji meta s-settur in kwistjoni jkun f'sitwazzjoni ta' deklin.

109    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti.

110    Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li, minħabba dan l-iżball ta' dritt tal-Kummissjoni, fil-każ preżenti ma saritx evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' l-għajnuna notifikata fuq il-bażi tal-kriterji kollha applikabbli.

111    Fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti, hija l-Kummissjoni li għandha, fid-dawl ta' l-informazzjoni dwar il-konsum apparenti tal-prodotti in kwistjoni matul li perijodu ta' referenza, tevalwa l-kompatibbiltà ta' l-għajnuna notifikata u, fil-każ fejn tiltaqa' ma' diffikultajiet serji f'dan ir-rigward, li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2), KE.

 Fuq il-talba ta' miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

112    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tordna, skond l-Artikolu 64(3)(d), tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, lill-Kummissjoni tipprovdi l-fajl li jirrigwarda l-għajnuna in kwistjoni, liema talba kienet ikkontestata mir-rikorrenti u mill-partijiet intervenjenti.

113    Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mhemmx lok li tilqa t-talba ta' miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrenti, peress li l-imsemmija domanda, fis-sitwazzjoni preżenti, mhija ta' l-ebda interess għas-soluzzjoni tal-kawża [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 2002, British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-311/00, Ġabra p. II 2781, punt 50].

 Fuq l-ispejjeż

114    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

115    Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti ma talbitx li la Glunz u lanqas OSB Deustchland jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż relatati ma' l-intervent tagħhom, il- partijiet intervenjenti għandhom konsegwentement ibatu biss l-ispejjeż tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ottubru 2006, M6 et vs Il-Kummissjoni, T-185/00, T-216/00, T-299/00 u T-300/00, Ġabra p. II-3805, punt 89).

Ghal dawn ir-ragunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (2001) D, tal-25 ta' Lilju 2001, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil Glunz AG hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-rikorrenti.

3)      Glunz AG u OSB Deutschland GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess fil-kuntest ta' l-intevent tagħhom.

Legal

Tiili

Vilaras

Wiszniewska-Białecka

 

Vadapalas

Mogħtija f'Qorti bil-miftuf fil-Lussemburgu fl-1 ta' Diċembru 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Registratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.