Language of document : ECLI:EU:T:2004:358

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

13 ta' Diċembru 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark figurattiva EMILIO PUCCI – Oppożizzjoni tal-propjetarju tat-trade marks figurattivi nazzjonali EMIDIO TUCCI – Ċaħda parzjali tar-reġistrazzjoni"

Fil-kawża T-8/03,

El Corte Inglés SA, stabbilita f'Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Rivas Zurdo, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks, Disinni u mudelli) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock u O. Montalto, bħala aġenti

konvenut

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Emilio Pucci Srl, stabbilita f'Firenze (L-Italja), irrappreżentata minn P. L. Roncaglia, G. Lazzeretti u M. Boletto, Avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-3 ta' Ottubru 2002 (kawżi magħquda R 700/2000-4 u R 746/2000-4) dwar l-oppożizzjoni tal-propjetarju tat-trade marks figurattivi nazzjonali EMIDIO TUCCI għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva EMILIO PUCCI bħala trade mark Komunitarja,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President ta' l-Awla, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Ġunju 2004,


      

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta' April 1996, l-intervenjenti ppreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks, Disinni u mudelli) (UASI).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv EMILIO PUCCI, hekk kif riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni kienu jaqgħu fil-klassijiet 3, 18, 24 u 25 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u, għal kull waħda mill-klassijiet, jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 3: "Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi";

–        klassi 18: "Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali, bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ";

–        klassi 24: "Tessili u oġġetti tessili, mhux inklużi fi klassijiet oħra; għata għas-sodod u tvalji għall-imwejjed."

–        klassi 25: "Ħwejjeġ, żraben u xedd ir-ras"

4        Fis-6 ta' April 1998, din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 25/1998.

5        Fit-3 ta' Lulju 1998, ir-rikorrenti ppreżentat oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, għall-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark.

6        Min-naħa, sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti invokat il-probabbiltà ta' konfużjoni, prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma' diversi trade marks nazzjonali li tagħhom hija kienet propjetarja u, b'mod partikolari, żewġ trade marks kostitwiti mis-sinjal figurattiv EMIDIO TUCCI, hekk kif riprodott hawn taħt:

Image not found

Dawn iż-żewġ trade marks kienu s-suġġett tas-segwenti reġistrazzjoni fi-Spanja:

–        reġistrazzjoni Nru 1908876, tal-5 ta' Diċembru 1994, għall-prodotti tal-klassi 3 ("Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi");

–        reġistrazzjoni Nru 855782, tat-30 ta' Mejju 1984, għall-prodotti tal-klassi 25 ("Ħwejjeġ, fosthom istvali, żraben u papoċċi")

7        Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sostniet li l-imsemmija trade marks kienu magħrufa fi Spanja u li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark mitluba jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta' dawn it-trade marks jew ikun ta' ħsara għalihom, fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

8        Permezz tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' April 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI, billi bbażat ruħha biss fuq iż-żewġ trade marks Spanjoli indikati fil-punt 6 aktar 'il fuq:

–        aċċettat parzjalment l-oppożizzjoni u, għalhekk, ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 25, kif ukoll għal uħud mill-prodotti fil-klassi 18 ("Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali, bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar");

–        ċaħdet l-oppożizzjoni u, għalhekk, aċċettat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti "Umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra", li jaqgħu fil-klassi 18, kif ukoll għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-klassi 24.

9        Kemm l-intervenjenti, f'dak li jirrigwarda ċ-ċaħda parzjali tar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, kif ukoll ir-rikorrenti, f'dak li jirrigwarda ċ-ċaħda parzjali ta' l-oppożizzjoni, ippreżentaw appelli lill-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

10      Fid-deċiżjoni tiegħu fuq iż-żewġ appelli, magħqudin flimkien skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU L 28, p. 11), ir-Raba Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta' Ottubru 2002 (każijiet magħquda R 700/2000-4 u R 746/2000-4, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fis-7 ta' Novembru 2002:

–        annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni safejn din kienet laqgħet l-oppożizzjoni u kienet, għalhekk, ċaħdet l-applikazzjoni għat-trade mark f'dak li jirrigwarda l-prodotti "Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali, bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar", li jaqgħu fil-klassi 18;

–        ċaħad l-appelli u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni f'dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3, 24 u 25, kif ukoll għall-prodotti "Umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra", li jaqgħu fil-klassi 18.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti qiegħda titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din taċċetta parzjalment l-appell ta' l-intervenjenti, tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti u tilqa' l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 24;

–        tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti kollha koperti minn din l-applikazzjoni u li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 24;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż.

12      L-UASI u l-intervenjenti qegħdin jitolbu sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

13      Sabiex issostni t-talbiet tagħha r-rikorrenti qiegħda essenzjalment tinvoka motiv prinċipali, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u motiv sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) ta' dan ir-Regolament.

 Fuq il-motiv prinċipali, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti qiegħda ssostni li, bil-kontra ta' dak li qies il-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, f'dan il-każ teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

15      L-ewwel nett, tant hemm xebh mill-qrib bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni li huma kważi identiċi.

16      It-tieni nett, teżisti relazzjoni ċara u stretta ħafna bejn il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti inklużi fil-klassi 3 u, fuq kollox, fil-klassi 25, u l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 24. Ir-rikorrenti tenfasizza li dawn il-klassijiet kollha jagħmlu parti mis-setturi tal-moda u tat-tessili, kemm jekk jirrigwardaw il-ħwejjeġ infishom, tessuti intiżi sabiex minnhom isiru l-ħwejjeġ, aċċessorji jew prodotti kosmetiċi. Dawn huma strettament marbutin mas-sbuħija, mal-kura tal-ġisem, mad-dehra fiżika u l-immaġni personali. Il-prodotti in kwistjoni jiġu kkummerċjalizzati permezz ta' l-istess kanali, b'tali mod li l-konsumaturi inevitabbilment jassoċjawhom flimkien billi jattribwulhom l-istess oriġni kummerċjali. Fid-deċiżjoni tagħha ta' l-20 ta' April 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet, barra minn dan, irrikonoxxiet li hemm konnessjoni bejn il-klassijiet 18 u 25 jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, fosthom il-"karattru distintiv għoli" tat-trade mark EMIDIO TUCCI.

17      It-tielet nett, ir-rikorrenti tfakkar li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandha, f'kull każ, issir evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22), li tikkunsidra fl-istess ħin il-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti u l-prinċipju ta' interdipendenza.

18      F'dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, ir-rikorrenti tfakkar li, aktar mal-karattru tat-trade mark preċedenti jkun distintiv aktar tkun għolja l-probabbiltà ta' konfużjoni, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, kemm fihom infushom kif ukoll minħabba r-reputazzjoni li dawn għandhom fis-suq, igawdu minn protezzjoni li hija aktar wiesgħa minn dik ta' trade marks b'karattru li huwa anqas distintiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Mayer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).

19      Fir-rigward tat-tieni minn dawn l-aspetti, ir-rikorrenti tfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati, u, b'mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u dak bejn il-prodotti jew servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista' jkun ikkompensat minn livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks, u vice versa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Mayer, punt 18 aktar 'il fuq, punt 19).

20      F'dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti, min-naħa u, peress li t-trade marks in kwistjoni huma kważi identiċi, min-naħa l-oħra, aspetti li jippermettu t-teħid in kunsiderazzjoni ta' livell aktar baxx ta' xebh dejn il-prodotti, l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji għandha twassal sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti tal-klassijiet 18 u 24.

21      La l-UASI u lanqas l-intervenjenti ma jikkontestaw li hemm xebh qawwi bejn is-sinjali in kwistjoni.

22      Dwar ix-xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, l-UASI jagħmel distinzjoni, fost il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, bejn, min-naħa, il-prodotti tal-klassi 18 "Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda; ġlud ta' l-annimali, bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ" kif ukoll dawk tal-klassi 24 (aktar 'il quddiem il-"prodotti ta' l-ewwel grupp") u, min-naħa l-oħra, il-prodotti tal-klassi 18 "Oġġetti tal-ġilda jew imitazzjoni tagħha li mhux inklużi fi klassijiet oħra" (aktar 'il quddiem il-"prodotti tat-tieni grupp").

23      F'dak li jirrigwarda l-prodotti ta' l-ewwel grupp, l-UASI, l-istess bħall-Bord ta' l-Appell, huwa ta' l-opinjoni li normalment ma jeżistix xebh bejn dawn il-prodotti u l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 25.

24      F'dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tieni grupp, l-UASI josserva li, fl-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh bejn dawn il-prodotti u l-prodotti koperti minn waħda mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti li jaqgħu fil-klassi 25, jidher li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra biss in-natura u l-iskopijiet differenti tagħhom mingħajr ma ddeċieda fuq l-eżistenza eventwali ta' relazzjoni ta' komplementarjetà bejniethom.

25      Issa, dawn il-prodotti tat-tieni grupp jinkludu aċċessorji tal-ġilda u ta' l-imitazzjoni tal-ġilda, bħal mhuma basktijiet u handbags ta' diversi tipi, portmonijiet, kartieri, eċċ., li, skond l-UASI, jiġu meqjusa mill-pubbliku bħala li għandhom relazzjoni stretta ta' komplementarjetà mal-ħwejjeġ u maż-żraben li jaqgħu fil-klassi 25. Għalhekk, huwa fatt magħruf sewwa li l-pubbliku femminili, b'mod partikolari, jagħti attenzjoni kbira lill-għażla ta' basket jew ta' handbag u joqgħod attent li dan ikun akkumpanjat minn ċertu tip ta' lbies u/jew ta' żraben.

26      F'dan ir-rigward, il-UASI jinvoka l-prassi li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni adottat f'deċiżjonijiet preċedenti, b'mod partikolari, żewġ deċiżjonijiet fejn kien ġie rikonoxxut li l-"handbags", min-naħa, u l-"oġġetti tal-ġilda u ta' l-imitazzjoni tal-ġilda u l-basktijiet", min-naħa l-oħra, jikkomplementaw il-"ħwejjeġ u ż-żraben", peress li l-konsumatur, fundamentalment, jipperċepixxi dawn il-prodotti tal-klassi 18 bħala aċċessorji tal-ħwejjeġ u taż-żraben tal-klassi 25. Din il-prassi deċiżjonali ġiet riprodotta fil-linji gwida dwar il-proċedura ta' oppożizzjoni, adottati mill-president ta' l-UASI fl-10 ta' Mejju 2004.

27      Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, l-UASI jiddikjara li jissottometti ruħu għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar jekk hemmx relazzjoni ta' komplementarjetà bejn il-prodotti in kwistjoni.

28      Min-naħa l-oħra, skond l-intervenjenti, f'dan il-każ għandha tiġi applikata r-regola ġenerali, imfakkra mill-Bord ta' l-Appell, li l-prodotti tal-klassijiet 18 u 24, min-naħa, u dawk tal-klassijiet 3 u 25, min-naħa l-oħra, għandhom normalment jiġu kkunsidrati bħala li mhumiex simili minħabba differenzi rigward in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom u l-metodi ta' distribuzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

29      Tista' tiġi biss ammessa eċċezzjoni għal din ir-regola f'ċerti każijiet partikolari, per eżempju, meta impriża tessili tkun kisbet ċerta reputazzjoni għat-tessuti tagħha u tiddeċiedi li tikkapitalizza fuq dan is-suċċess billi testendi l-attività tagħha għall-manifatturar tal-ħwejjeġ. F'każ bħal dan, il-konsumatur jassoċja dawn il-prodotti mal-produttur uniku tagħhom.

30      F'dan il-każ m'hemmx trabta partikolari bħal din peress li r-rikorrenti qatt ma użat it-trade mark EMIDIO TUCCI barra mis-settur speċifiku ta' l-ilbies ta' l-irġiel.

31      Dwar l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, f'dak li jirrigwarda, min-naħa, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-allegat karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti, l-UASI u l-intervenjenti jikkunsidraw li l-Bord ta' l-Appell ġustament iddeċieda li l-provi miġjuba mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti.

32      F'dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' interdipendenza, l-UASI jikkunsidra, bla ħsara għar-riżerva magħmula fil-punti 24 sa 27 aktar 'il fuq fir-rigward tal-prodotti tat-tieni grupp, li l-Bord ta' l-Appell ġustament osserva n-nuqqas oġġettiv ta' relazzjoni, anke waħda dgħajfa, bejn il-prodotti tal-klassijiet 18 u 24 koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u l-prodotti tal-klassi 3 u, fuq kollox, tal-klassi 25 koperti mit-trade marks preċedenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta jkun hemm oppożizzjoni mill-propjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark għandha tiġi miċħuda jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbilta' ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku tat-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

34      Għall-finijiet ta' din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament 40/94 jipprovdi li trade marks preċedenti, fil-każ ta' trade marks irreġistrati fi-Stat Membru, tfisser dawk it-trade marks b'data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

35      F'dan il-każ, ir-rikorrenti bbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq erba' trade marks nazzjonali, jiġifieri ż-żewġ trade marks Spanjoli identifikati fil-punt 6 aktar 'il fuq u żewġ trade marks oħra, rispettivament irreġistrati fi Spanja fil-5 ta' Diċembru 1996, bin-numru 2027132, għal prodotti tal-klassi 18, u fl-20 ta' Novembru 1997, bin-numru 2092894, għal prodotti tal-klassi 24. Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet li dawn l-aħħar żewġ trade marks jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' dan ir-rikors. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif għamlet id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li l-imsemmija trade marks ġew iddepożitati fis-6 ta' Mejju 1996 u fid-19 ta' Mejju 1997 rispettivament, filwaqt li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippreżentata fl-1 ta' April 1996. Għalhekk, huma biss iż-żewġ trade marks identifikati fil-punt 6 aktar 'il fuq li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala preċedenti fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata fil-punt preċedenti u, għaldaqstant, li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Dawn iż-żewġ trade marks preċedenti huma rreġistrati fi Spanja, li, għaldaqstant, tikkostitwixxi t-territorju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' din l-istess dispożizzjoni. Fid-dawl tan-natura tal-prodotti koperti minn dawn it-trade marks, il-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-konsumaturi finali.

36      Skond ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni dik il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament.

37      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti f'dak il-każ, b'mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh bejn is-sinjali u dak bejn il-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      F'dan il-każ la l-UASI u lanqas l-intervenjenti ma kkontestaw l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li hemm xebh bejn is-sinjali konfliġġenti fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

39      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-livell ta' xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, jiġifieri, min-naħa, il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti li jagħmlu parti mill-klassijiet 3 u 25 u, min-naħa l-oħra, il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark li jagħmlu parti mill-klassijiet 18 u 24, huwiex għoli biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks.

40      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, kif tfakkar ir-Regola 2(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), il-klassifikazzjoni, magħmula mill-ftehim ta' Nizza, tal-prodotti u s-servizzi għandha sservi għal għanijiet esklużivament amministrattivi. Konsegwentement xi prodotti ma jistgħux jiġu meqjusa li mhumiex simili għal xulxin minħabba biss li jagħmlu parti minn bħal f'dan il-każ, klassijiet differenti ta' din il-klassifikazzjoni.

41      Għandu mbagħad jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti, liema fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom ta' prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin [sentenza Canon, punt 19 aktar 'il fuq, punt 23, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Novembru 2003, Diaz vs l-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32].

42      Għalhekk, f'dan il-każ, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-prodotti kollha in kwistjoni huma marbutin mas-sbuħija, mal-kura tal-ġisem, mad-dehra fiżika jew ma' l-immaġni personali, anke jekk jiġi meqjus bħala stabbilit, mhuwiex biżżejjed sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala simili jekk, barra minn dan, dawn ikunu differenti sewwa fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizaw ir-relazzjonijiet ta' bejniethom.

43      F'dan ir-rigward, l-UASI ġustament osserva li l-prodotti tal-klassi 18 għandhom natura u skop differenti minn dawk tal-prodotti tal-klassijiet 3 u 25 koperti mit-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma tikkuntestax b'mod serju dawn id-differenzi f'dak li jirrigwarda l-prodotti tal-klassi 3. Dwar il-prodotti tal-klassi 25, dawn iservu sabiex jgħattu u jlibbsu partijiet tal-ġisem tal-bniedem, filwaqt li l-prodotti tal-klassi 18 iservu sabiex jiġu ttrasportati oġġetti, għad-dekorazzjoni ta' postijiet jew sabiex jipprovdu l-materja prima għall-produtturi ta' artikoli tal-ġilda u ta' imitazzjonijiet tal-ġilda. Dawn jiġu normalment prodotti minn produtturi differenti u kkummerċjalizzati permezz ta' kanali ta' distribuzzjoni differenti. Il-fatt li prodotti bħalma huma l-bagalji u l-umbrelel, min-naħa, u l-ħwejjeġ u ż-żraben min-naħa l-oħra, jistgħu jinbiegħu fl-istess stabbiliment kummerċjali, bħalma huma l-istabbilimenti kbar tal-bejgħ jew is-supermarkits mhuwiex partikolarment sinjifikattiv f'dan ir-rigward, peress li f'dawn il-postijiet tal-bejgħ wieħed jista' jsib prodotti ta' natura varja mingħajr ma' dawn jiġu mogħtija l-istess oriġini mill-konsumaturi. Lanqas ma teżisti relazzjoni ta' kompetizzjoni bejn dawn il-prodotti.

44      Bl-istess mod, it-tessuti u l-prodotti tessili tal-klassi 24, min-naħa, u l-ħwejjeġ u ż-żraben tal-klassi 25, min-naħa l-oħra, huma differenti minn xulxin taħt diversi aspetti, bħalma huma n-natura tagħhom, l-użu intenzjonali tagħhom, l-oriġini tagħhom u l-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell ġustament osserva, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa biss f'każijiet partikolari, jiġifieri meta produttur tat-tessuti jagħmel użu mill-fama tat-trademark tiegħu u jiddeċiedi li jestendi l-attivita tiegħu għall-produzzjoni tal-ħwejjeġ, li l-istess trade mark tintuża sabiex tirrappreżenta prodotti lesti (ħwejjeġ) u prodotti kważi lesti (tessuti għall-ħwejjeġ). Mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jidhirx li dan japplika għal dan il-każ.

45      Għalhekk, 'il bogħod minn "relazzjoni ċara u stretta ħafna" bejniethom, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 24 normalment ma jkunux jixbhu biżżejjed il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 25 sabiex iwasslu għal probabbiltà ta' konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali tagħhom f'moħħ il-pubbliku rilevanti, anke fil-każ ta' xebh bejn is-sinjali.

46      Madankollu hemm lok li tiġi eżaminata aktar fid-dettall it-teżi ta' l-UASI li, fost il-prodotti tal-klassi 18, dawk magħrufa bħala tat-tieni grupp, bħalma huma l-basktijiet, il-handbags, il-kartieri, il-portmonijiet u aċċessorji oħra ta' dan it-tip, għandhom relazzjoni stretta ta' komplementarjetà mal-ħwejjeġ u maż-żraben tal-klassi 25, b'tali mod li dawn il-prodotti jistgħu eventwalment jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebhu fis-sens tas-sentenza Canon, punt 19 aktar 'il fuq.

47      Skond id-definizzjoni li l-UASI tagħti fil-punt 2.6.1 tal-linji gwida dwar il-proċedura ta' oppożizzjoni, ċċitati fil-punt 26 aktar 'il fuq, il-prodotti li jikkumplementaw lil xulxin huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu ta' l-ieħor, b'tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà tal-produzzjoni taż-żewġ prodotti hija ta' l-istess impriża.

48      F'dan il-każ, madankollu, l-UASI bl-ebda mod ma stabbilixxa, u lanqas allega, l-eżistenza ta' relazzjoni ta' komplementarjetà bħal din bejn il-prodotti tat-tieni grupp u dawk tal-klassi 25. L-UASI deher pjuttost qiegħed jikkunsidra komplementarjetà estetika, u għalhekk soġġettiva, definita mill-abitudnijiet u l-preferenzi tal-konsumaturi, liema abitudnijiet jew preferenzi setgħu ġew indotti mill-istrateġiji ta' marketing tal-produtturi jew saħansitra minn sempliċi fenomeni tal-moda. Għandu jiġi wkoll osservat li, fit-teżi ta' l-UASI, ma jidhirx li din il-komplementarjetà laħqet l-istadju ta' "bżonn" estetiku fis-sens li l-konsumaturi jkunu jikkunsidraw bħala mhux tas-soltu jew xokkanti li jużaw basket li ma jkunx jaqbel mal-ħwejjeġ jew maż-żraben tagħhom.

49      Issa, f'dan il-każ, l-elementi konkreti li jistgħu jippermettu l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-teżi ta' l-UASI mhux talli ma kinux is-suġġett ta' l-ebda dibattitu kontradittorju quddiem il-Bord ta' l-Appell iżda dawn lanqas ma ġew ippreżentati mill-UASI fil-kuntest ta' din il-proċedura.

50      L-aktar l-aktar l-UASI jsostni li huwa "probabbli" li l-konsumaturi u, fuq kollox, il-konsumaturi nisa, ser jikkunsidraw il-prodotti tat-tieni grupp u, b'mod partikolari, il-handbags, bħala "aċċessorji" tal-ħwejjeġ ta' fuq u anke taż-żraben. Fil-fatt, skond il-UASI, huwa "normali" li parti kbira mill-pubbliku tikkunsidra dawn il-prodotti bħala "aċċessorji komplementari", peress li jiġu strettament ikkoordinati mal-ħwejjeġ ta' fuq u maż-żraben u peress li dawn "jistgħu perfettament" jiġu ddistribwiti mill-istess produtturi jew minn produtturi relatati.

51      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ispjegazzjonijiet huma, sa ċertu punt, magħmula b'mod spekulattiv jew ipotetiku, jew saħansitra huma bbażati fuq sempliċi postulazzjonijiet.

52      Minbarra dan, kemm il-linji gwida dwar il-proċedura ta' oppożizzjoni kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni invokati mill-UASI jirrikonoxxu li mhuwiex normali li l-handbags, min-naħa, u l-ħwejjeġ u ż-żraben, min-naħa l-oħra, jkunu distribwiti mill-istess produtturi jew minn produtturi relatati.

53      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mhuwiex xieraq li tiġi kkontestata, fid-dawl biss ta' l-allegazzjonijiet mhux sostanzjati ta' l-UASI, l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti li saret mill-Bord ta' l-Appell.

54      Ir-rikorrenti invokat ukoll, bħala wieħed mill-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, il-karattru distintiv ogħla min-normal tat-trade marks preċedenti tagħha (ara punti 17, 18 u 20 aktar 'il fuq).

55      Kif ġustament osservat id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni (ara l-punt III.B.4 tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' April 2000), il-karattru distintiv ogħla min-normal tat-trade mark preċedenti, li jirriżulta jew mill-kwalitajiet intrinsiċi tagħha jew inkella mir-reputazzjoni tagħha fis-suq, fil-fatt jikkostitwixxi waħda miċ-ċirkustanzi speċjali li fihom il-komplementarjetà estetika li jista' jkun hemm bejn il-prodotti tat-tieni grupp u dawk tal-klassi 25, minħabba li dawk ta' l-ewwel jista' eventwalment ikollhom karattru ta' aċċessorji fir-rigward ta' dawn ta' l-aħħar, tista' tiġi kkunsidrata bħala determinanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

56      Min-naħa, madankollu, ir-rikorrenti ma ġġib l-ebda element ta' prova jew argument li jista' jsostni l-asserzjoni li t-trade marks precedenti tagħha huma intrinsikament distintivi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, din l-allegazzjoni ma tistax ma tiġix miċħuda.

57      Min-naħa l-oħra, għalkemm il-karattru distintiv għoli ta' dawn it-trade marks, minħabba r-reputazzjoni li dawn igawdu fis-suq, ġie aċċettat mid-diviżjoni ta' l-oppożizzjoni, dan ġie ġustament miċħud mill-Bord ta' l-Appell fid-dawl ta' l-elementi ta' prova miġjuba mir-rikorrenti, hekk kif ser jiġi espost fil-punt 67 et seq aktar 'il quddiem.

58      Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tagħmel użu mill-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti tagħha.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ma għamel l-ebda żball ta' dritt meta kkonstata li, minħabba n-nuqqas ta' xebh tal-prodotti in kwistjoni, setgħet tiġi eskluża l-probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ. Għaldaqstant, il-motiv prinċipali bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

60      Anke jekk jiġi meqjus li ma teżisti l-ebda rabta bejn il-prodotti tal-klassi 3 u, fuq kollox, dawk tal-klassi 25 koperti mit-trade marks preċedenti u l-prodotti tal-klassijiet 18 u 24 koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI kellu jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade marks mitluba abbażi ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

61      Fil-fatt, f'dan il-każ ma jistax jiġi kkontestat li t-trade marks nazzjonali preċedenti EMIDIO TUCCI jgawdu reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, peress li dawn huma magħrufin minn parti sinjifikanti tal-pubbliku kkonċernat u li dawn għandhom karattru distintiv għoli, b'mod partikolari fis-settur tal-moda ta' l-irġiel hekk kif għarfet l-istess Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha ta' l-20 ta' April 2000.

62      Ir-rikorrenti tinvoka, f'dan is-sens, il-provi li hija ressqet matul il-proċedura ta' quddiem l-UASI.

63      Barra minn dan, ir-rikorrenti tiddikjara li qegħdha tippreżenta elementi ġodda ta' prova fil-forma ta' dokumenti u ta' xhieda, b'mod partikolari, talba għal informazzjoni li saret lill-Uffiċċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks, dwar l-eżistenza ta' trade marks irreġistrati minnha fid-diversi klassijiet tal-klassifika internazzjonali, kif ukoll ritratti ġodda, opuskoli, dikjarazzjonijiet bil-miktub, avviżi, rivisti u dokumenti pubbliċitarji ġodda.

64      Skond ir-rikorrenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 24, tkun tfisser użu abbużiv tal-karattru distintiv speċjali irrikonoxxut fil-każ tat-trade marks preċedenti tagħha.

65      L-UASI u l-intervenjenti jikkunsidraw li l-Bord ta' l-Appell ġustament qies li l-provi miġjuba mir-rikorrenti sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha u tipprova kemm il-karattru distintiv għoli tat-trade marks EMIDIO TUCCI għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni kif ukoll ir-reputazzjoni li dawn it-trademarks igawdu fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, mhumiex biżżejjed.

66      F'dak li jirrigwarda l-elementi l-ġodda ta' prova invokati mir-rikorrenti sabiex issostni r-rikors tagħha, l-UASI jikkunsidra li dawn ma jistgħux jiġu ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

67      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), li l-kontenut sostantiv tagħha huwa essenzjalment l-istess bħal dak ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni li tirrigwarda r-reputazzjoni, trade mark nazzjonali preċedenti għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikanti tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew servizzi koperti minnha. Fl-eżami ta' din il-kundizzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kwistjoni, jiġifieri, b'mod partikolari, s-sehem tas-suq li t-trade mark għandha, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu tagħha, kif ukoll l-importanza ta' l-investimenti li l-impriża għamlet sabiex tirreklamahom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1999, General Motors, C-375/97, Ġabra p. I-5421, punti 26 u 27).

68      F'dan il-każ, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni għamlet distinzjoni bejn ir-reputazzjoni ta' trade mark u l-karattru didtintiv għola min-normal tagħha minħabba l-għarfien tagħha fis-suq. Mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi deċiż jekk din id-distinzjoni għandiex tinżamm, għandu jiġi osservat li l-kisba ta' karattru distintiv li hu ogħla min-normal, minħabba l-għarfien ta' trade mark fis-suq, neċessarjament jippresupponi li din it-trade mark hija magħrufa minn, minn ta' l-anqas, parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat.

69      Safejn trade mark tista' tgawdi minn reputazzjoni biss jekk din, minn ta' l-anqas, tkun magħrufa fis-suq, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin għaldaqstant japplikaw kemm f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta' l-allegata reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti, fis-sens ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll f'dak li jirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-allegat karattru distintiv li hu ogħla min-normal ta' dawn it-trade marks minħabba l-għarfien li dawn igawdu fis-suq, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni abbażi ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' dan ir-Regolament (ara l-punti 54 et seq. aktar 'il fuq).

70      F'dan il-każ, mill-fajl jirriżulta li, l-ewwel quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u aktar tard quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti, sabiex tistabbilixxi kemm ir-reputazzjoni tat-trade marks nazzjonali preċedenti tagħha kif ukoll il-"karattru distintiv ogħla min-normal" miksub minn dawn ta' l-aħħar minħabba l-għarfien tagħhom fis-suq, ippreżentat il-provi li ġejjin:

–        tlettax-il fotokopja ta' reklami għall-ħwejjeġ tat-trade mark EMIDIO TUCCI, li dehru fl-1998 f'diversi gazzetti u rivisti spanjoli (Tribuna, Tiempo, Epoca, El País u El Mundo);

–        sitt ittri ta' diversi edituri ta' mezzi ta' komunikazzjoni (Grupo Zeta, El País, Diario ABC, RTVE, El Mundo, Tribuna u PCM), miktubin fl-1999 u li jiddikjaraw li l-ħwejjeġ tad-ditta EMIDIO TUCCI kienu s-suġġett ta' reklami fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni in kwistjoni "matul dawn l-aħħar ħames snin", jiġifieri, fl-aħjar każ, bejn l-1994 u l-1998;

–        kasett tal-vidjo b'diversi reklami, b'dikjarazzjoni li tgħid li dawn kienu ġew imxandra mit-televiżjoni (Tele Cinco) "bejn l-1994 u l-1999."

71      Fl-eżami tiegħu ta' dawn l-elementi ta' prova, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li:

–        il-fotokopji tar-reklami li dehru fl-istampa Spanjola fl-1998 saru wara l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark komunitarja in kwistjoni (ippreżentata fl-1 ta' April 1996) u għaldaqstant mhumiex rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' jekk it-trade mark nazzjonali preċedenti kinitx kisbet, f'din id-data, karattru distintiv għoli minħabba l-għarfien tagħha fis-suq;

–        il-biċċa l-kbira tad-dikjarazzjonijiet magħmula mid-diretturi ta' diversi mezzi ta' komunikazzjoni huma miktubin b'tali mod li mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk u safejn it-trade marks preċedenti kienu s-suġġett ta' reklami qabel id-data deċiżiva ta' l-1 ta' April 1996; tnejn biss minn fosthom, jiġifieri dawk tal-persuni responsabbli għar-rivisti Epoca u Tribuna, jindikaw dati rilevanti, bejn l-1994 u l-1995, li fihom waħda minn dawn it-trade marks kienet is-suġġett ta' reklami;

–        l-istess oġġezzjoni tista' ssir fir-rigward tal-kasett tal-vidjo;

–        Ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar il-fatturati magħmula mill-bejgħ tal-prodotti li jġibu t-trade mark tagħha, jew fir-rigward ta' l-investimenti li hija għamlet sabiex tippromwovihom matul il-perijodu rilevanti.

72      Fid-dawl tal-fajl, dawn il-konstatazzjonijiet għandhom jiġu approvati.

73      Għalhekk, l-UASI u l-intervenjenti huma ġġustifikati li jikkunsidraw, bħalma jagħmel il-Bord ta' l-Appell, li l-allegat karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti, minħabba l-għarfien tagħhom fis-suq, u, għaldaqstant, l-allegata reputazzjoni ta' dawn it-trade marks, ma ġewx suffiċjentement stabbiliti mill-provi li r-rikorrenti ġabet matul il-proċedura amministrattiva, peress li tali provi ma fihomx elementi oġġettivi huma ssostanzjati jew li jistgħu jiġu vverifikati biżżejjed sabiex jippermettu li jiġu evalwati s-sehem tas-suq li t-trade marks EMIDIO TUCCI għandhom fi-Spanja, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu tagħhom jew l-importanza ta' l-investimenti li l-impriża għamlet sabiex tippromwovihom (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 51).

74      F'dak li jirrigwarda l-elementi ġodda ta' prova li r-rikorrenti ppreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 63 aktar 'il fuq), dawn, abbażi ta' ġurisprudenza stabbilita, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs l-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 49; tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs l-UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 67].

75      Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda element jew argument li jista' jistabbilixxi li l-użu tat-trade mark mitluba jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew li tkun ta' ħsara għalihom, b'tali mod li ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ikun applikabbli.

76      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv sussidjarju bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

77      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Hekk moqrija f'seduta pubblika fil-Lussemburgu fit-13 ta' Diċembru 2004


H. Jung

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President ta' l-Awla


* Lingwa tal-kawża: It-Taljan.