Language of document :

Kawża T-555/22

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Mejju 2024

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u esperti fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Interess tas-servizz – Proporzjonalità”

Uffiċjali – Kompetizzjoni – Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali – Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni fir-rigward tal-interess tas-servizz – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Oneru tal-prova

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikoli 21(1) u 22; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(1), 27 u 28(f), u Anness III, Artikolu 1(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1)

(ara l-punti 23 sa 29, 35 sa 39, 65 sa 69, 72, 88 u 89)

Sunt

Adita b’rikors ippreżentat mir-Repubblika Franċiża, sostnuta minn tliet Stati Membri oħra li intervjenew fil-proċedura, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, il-Qorti Ġenerali annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/400/22. Din il-kompetizzjoni kienet intiża sabiex jiġu stabbiliti listi ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u ta’ esperti fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju fi ħdan il-Kummissjoni. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni għall-ewwel darba dwar il-legalità ta’ sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni ġenerali li tillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-imsemmija kompetizzjoni għal lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni Ewropea (l-Ingliż) u tipprevedi li l-eżamijiet determinanti kollha ta’ din il-kompetizzjoni jsiru f’din il-lingwa biss.

F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża sostniet li l-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni kien jikser l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, relatati, rispettivament, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mar-rispett tad-diversità lingwistika. Ir-rikorrenti spjegat li, fid-dawl tal-użu u tal-utilità ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni minbarra l-Ingliż fi ħdan il-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Franċiż, il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni rreklutati jkunu immedjatament operattivi ma setax jiġġustifika tali limitazzjoni, peress li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz. Ir-rikorrenti żiedet li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi n-natura proporzjonata ta’ din id-diskriminazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali indikat li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, li bħala prinċipju hija pprojbita skont l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, ċerti kandidati potenzjali li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mil-lingwi magħżula jkunu vvantaġġati, peress li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u jkunu, b’hekk, irreklutati bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li l-oħrajn, li ma jkollhomx tali għarfien, ikunu esklużi minnha.

Is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, l-istess bħalma għandu l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) meta dan tal-aħħar jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-imsemmija istituzzjonijiet, hija għalhekk imperattivament irregolata mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, id-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali jistgħu jiġu aċċettati biss jekk tali limitazzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz. Barra minn hekk, kwalunkwe kundizzjoni relatata ma’ konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal din il-kundizzjoni u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha.

Fil-fatt, diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa tista’ tiġi ġġustifikata mill-interess tas-servizz li jkun hemm uffiċjali li jafu l-lingwa jew il-lingwi użati mid-dipartiment inkwistjoni b’mod li jkunu immedjatament operattivi. Madankollu, hija l-istituzzjoni li tillimita s-sistema lingwistika ta’ proċedura ta’ selezzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni tkun tabilħaqq adatta sabiex tissodisfa bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati jkunu mitluba jwettqu, li tkun proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet u li tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli. Il-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, għandha twettaq eżami in concreto tan-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni fid-dawl tal-imsemmija bżonnijiet.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni oġġettiva tal-limitazzjoni lingwistika mill-bżonnijiet reali tas-servizz, tali limitazzjoni għandha tkun relatata mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu. Fi kliem ieħor, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni jirrikjedu, minnhom infushom, għarfien tal-Ingliż fil-livell B2. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma rabtitx il-ħtieġa għall-persuni rreklutati li jkollhom għarfien tal-Ingliż fil-livell B2 sabiex ikunu immedjatament operattivi mal-funzjonijiet partikolari li dawn il-persuni ser ikunu mitluba jwettqu, iżda mas-sempliċi fatt li dawn il-persuni ser ikollhom jeżerċitaw l-imsemmija funzjonijiet f’dipartimenti li fihom il-persunal attwali juża prinċipalment l-Ingliż għat-twettiq tal-imsemmija funzjonijiet. Tali argument, li jfisser biss li l-funzjonijiet għandhom jiġu eżerċitati bl-Ingliż għaliex huma diġà eżerċitati f’din il-lingwa, ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jistabbilixxi li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża hija adatta sabiex tissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz fir-rigward tal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ allegat “fatt stabbilit” ma hijiex koerenti mas-sitwazzjoni ta’ dipartiment li nħoloq riċentement u f’fażi sħiħa tal-kostituzzjoni tal-persunal tiegħu waqt il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali osservat li l-argument tal-Kummissjoni ma kienx ġie issostanzjat biżżejjed mid-dokumenti prodotti għal dan l-għan. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-limitazzjoni lingwistika kienet iġġustifikata.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni lingwistika, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi ta’ kompetizzjoni u l-possibbiltajiet ta’ tagħlim mill-uffiċjali rreklutati, fi ħdan l-istituzzjonijiet, tal-lingwi neċessarji għall-interess tas-servizz. Peress li ma wettqitx tali bbilanċjar, il-Kummissjoni ma wrietx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża kienet proporzjonata għall-bżonnijiet tas-servizz.