Language of document : ECLI:EU:T:2005:224

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

tal-15 ta' Ġunju 2005(*)

"Trade Mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Talba għal trade mark komunitarja verbali SPAFORM – Trade Marks verbali li ġew reġistrati qabel SPA u SPA THERMES – Rifjut parzjali ta’ l-oppożizzjoni – Regola 18(1), tar-Regolament (KE) nru 2868/95"

Fil-kawża T-186/04

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, stabbilita f’Spa (il-Belġju), rappreżentata minn L. de Brouwer, E. Cornu, É. De Gryse u D. Moreau,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u disinni) (UASI), rappreżentati minn M. G. Schneider, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Spaform Ltd, stabbilita f’Southampton (ir-Renju Unit), rappreżentata minn J. Gardneri u A. Howard, barristers,

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-25 ta’ Frar 2004 (Każ R 827/2002‑4), dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni bejn Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, u Spaform Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET
EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors depożitat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Mejju 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI depożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Ottubru 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti depożitata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Ottubru 2004,

wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-Kawża

1       Fil-5 ta’ Awwissu 1997, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha kienet intalbet ir-reġistrazzjoni kienet is-sinjal verbali SPAFORM.

3       Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 7, 9, u 11 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Dawn il-prodotti jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–       "pompi, regolaturi tal-pressjoni, valvijiet tal-pressjoni", li jaqgħu fil-klassi 7;

–       "apparat u strumenti li jkejlu l-pressjoni", li jaqgħu fil-klassi 9;

–       "vaski tal-banju; vaski tal-banju bil-moviment [spa]; banjijiet tal-whirlpool; sinkijiet; installazzjonijiet tal-banju mgħammra bil-ġettijiet ta’ l-ilma bil-pressjoni; doċċoċ, pajpijiet ta’ l-ilma", li jaqgħu fil-klassi 11.

4       Fis-27 ta’ Lulju 1998, it-talba tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet ippublikata fil-Bullettin ta’ trade marks komunitarji nru 55/1998.

5       Fid-27 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrenti ppreżentat oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata prinċipalment fuq it-trade marks SPA THERMES u SPA, li kienu s-suġġett tar-reġistrazzjonijiet segwenti:

–       ir-reġistrazzjoni nru 555 229, tas-26 ta’ Lulju 1994, fil-Benelux tat-trade mark SPA THERMES għall-prodotti u s-servizzi segwenti:

–       "Preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi", li jaqgħu fil-klassi 3;

–       "Apparat għad-dawl, tisħin, ġenerazzjoni tal-fwar, tisjir, ksieħ, tnixxif, ventilazzjoni, provvista ta’ l-ilma u għall-użu sanitarju, li jinkludu sistemi ta’ distribuzzjoni, ta’ trattament, ta’ purifikazzjoni u ta’ filtraġġ ta’ l-ilma", li jaqgħu fil-klassi 11;

–       "servizzi mgħotija fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ stabbiliment termali li jinkludi l-provvista ta’ servizzi ta’ kura sanitarja; banjijiet, doċċoċ, massaġġi", li jaqgħu fil-klassi 42;

–       ir-reġistrazzjoni nru 389 230, tal-21 ta’ Frar 1983, fil-Benelux tat-trade mark SPA għal "ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet", li jaqgħu fil-klassi 32.

7       Fil-każ ta’ dan l-aħħar trade mark, l-avviż ta’ oppożizzjoni ma kienx jinkludi rappreżentazzjoni. Minbarra dan, ir-rikorrenti rreferiet għar-"reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks għall-prodotti [li jaqgħu fil-] klassi 32 fil-Benelux".

8       Sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti għamlet referenza għall- Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament nru 40/94 fir-rigward tar-reġistrazzjoni nru 555 229. Minbarra dan, hija għamlet referenza wkoll għall-Artikolu 8(5), ta’ l-istess regolament, fir-rigward tar-reġistrazzjoni nru 389 230.

9       Fl-4 ta’ Ottubru 2000, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni talbet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta fatti, provi u osservazzjonijiet in sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha, filwaqt li infurmatha li eżami detalljat ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni wera li din ta’ l-aħħar mhix ammissibbli f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(5) tar-Regolament nru 40/94, peress li s-sinjal li huwa s-suġġett tat-trade mark li jgawdi minn reputazzjoni, mhux indikat u ma ġie anness l-ebda ċertifikat dwar ir-reġistrazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni.

10     Fl-1 ta’ Diċembru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat lid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni kopja tar-reġistrazzjoni ċitata, sabiex issostni l-oppożizzjoni magħmula fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament nru 40/94.

11     Permezz tad-Deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2002, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni irrifjutat l-oppożizzjoni peress li kkunsidrat t-talba bbażata fuq l-Artikolu 8(5), tar-Regolament nru  40/94 bħala inammissibbli. Hija bbażat ruħha fuq l-Artikolu 42 tar-Regolament nru  40/94 kif ukoll fuq ir-regola 18(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru  2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1, iktar ’il quddiem ir-"regolament ta’ implimentazzjoni"). Id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni fil-fatt ikkunsidrat li l-informazzjoni li l-UASI kellha fl-iskadenza tat-terminu ta’ l-oppożizzjoni, f’dan il-każ is-27 ta’ Ottubru 1998, ma kienetx tippermetti li tiġi identifikata it-trade mark preċedenti li kienet tgawdi minn reputazzjoni. Minbarra dan, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni kkunsidrat li ma kienx hemm ir-riskju ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti SPA THERMES, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament nru  40/94.

12     Fit-30 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem l-UASI fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 57 sa 59 tar-Regolament nru 40/94.

13     Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2004 (aktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad l-appell magħmul mir-rikorrenti. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-motiv ta’ rifjut ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament nru  40/94 ma kellux jiġi analizzat safejn dan kien inammissibbli. F’dan ir-rigward, huwa indika li "s-sinjal li huwa s-suġġett tar-reġistrazzjoni in kwistjoni ma kienx jidher". Minbarra dan, ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell qies li ma kienx hemm riskju ta’ konfużjoni bejn it-trade mark SPAFORM u t-trade mark preċedenti SPA THERMES, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament nru  40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-UASI sabiex iħallas l-ispejjeż.

15     L-UASI titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tilqa’ t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lil kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha.

16     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–       tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–       tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

17     Fis-seduta, l-intervenjenti talbet li l-UASI jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż konnessi mas-seduta, peress li hija ma kienitx tidher kieku l-UASI talab li r-rikors jiġi miċħud.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet ta’ l-UASI

18     L-UASI kkonkluda li għandha tintlaqa t-talba tar-rikorrenti li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. Hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI (C-106/03 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 26 u 27). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-UASI kienet, skond l-Artikolu 133(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, nominata bħala difensur quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u ma kelliex is-setgħa li tbiddel it-termini tal-Kawża quddiem din ta’ l-aħħar, kif jirriżulta mit-talbiet u mill-allegazzjonijiet rispettivi ta’ l-applikant għar-reġistrazzjoni u ta’ dak li ressaq l-oppożizzjoni. Iżda, l-UASI jippreċiża li hu mhux obbligat li jiddefendi sistematikament id-deċiżjonijiet ikkontestati tal-Bordijiet ta’ l-Appell. F’dan ir-rigward, l-UASI jagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE) (T-107/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 29 et seq.).

19     Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, f’proċedimenti li għandhom bħala suġġett rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell li kienet ġiet deċiża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni, l-UASI m’għandux is-setgħa li jvarja, minħabba fil-pożizzjoni li huwa għandu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, it-termini tal-kawża li jirriżultaw mit-talbiet rispettivi ta’ l-applikant għar-reġistrazzjoni u tal-parti li qed topponi [sentenza Vedial vs UASI, ċitata iktar ’il fuq, punt 26, li kkonfermat fl-Appell is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II‑5275].

20     Iżda, minn dik il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-UASI huwa marbut jitlob iċ-ċaħda ta’ rikors magħmul kontra deċiżjoni ta’ waħda mill-Bordijiet ta’ Appell tagħha. Fil-fatt, jekk l-UASI ma għandux il-kompetenza legali sabiex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell, għal kuntrarju, ma jkunx mistenni li jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ Bord ta’ l-Appell jew li neċessarjament jitlob iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha li jikkontestaw tali deċiżjoni (sentenza BIOMATE, ċitata iktar ’il fuq, punt 34).

21     Għalhekk, l-UASI jista’, bħal fil-każ preżenti, mingħajr ma jbiddel it-termini tal-kawża, jitlob li t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tiġi milqugħa.

 Fuq il-Mertu

22     Sabiex issaħħaħ ir-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tar-regola 18 (1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

23     Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, l-irregolarità misjuba mid-Diviżjoni ta’ l- Oppożizzjoni, u wara mir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, kienet tikkonċerna biss l-implimentazzjoni tar-regola 18(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, skond din, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-avviż ta’ oppożizzjoni indikax b’mod ċar it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni.

24     Hija tammetti li l-avviż ta’ oppożizzjoni ma "rrappreżentax" is-sinjal li kien is-suġġett tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għandha reputazzjoni li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni. Iżda, din ir-reġistrazzjoni ġiet indikata b’mod preċiż permezz tar-referenza għall-Benelux bħala pajjiż ta’ reġistrazzjoni, tan-numru tar-reġistrazzjoni u d-data u ta’ l-indikazzjoni tal-prodotti msemmija.

25     Ir-rikorrenti sostniet li l-avviż ta’ oppożizzjoni mibgħut fis-27 ta’ Ottubru 1998 permezz ta’ l-avukat tagħha lid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ta’ l-UASI jindika fil-paġna 5, taħt it-titoli 69, 70 u 71 tal-formola, li jirrigwardaw "trade marks preċedenti li jgawdu minn reputazzjoni", l-frażijiet segwenti:

–       "reputazzjoni : fi Stat membru";

–       "Stat membru : Benelux (reġistrazzjoni nru  389 230, tal-21 ta’ Frar 1983)";

–       "l-oppożizzjoni hija bbażata fuq: klassi 32: ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet".

26     Minbarra dan, it-titoli l-oħra ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni, partikolarment dawk dwar il-"motivi ta’ l-oppożizzjoni", kienu jindikaw fil-paġna 6 li "kien jeżisti riskju ta’ konfużjoni, li jinkludu riskju ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark komunitarja SPAFORM u t-trade marks SPA [irreġistrati] f’isem [ir-rikorrenti], li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni", filwaqt li l-punt 3 tal-paġna 6 ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni jippreċiża li r-rikorrenti "tgawdi minn reputazzjoni tat-trade marks tagħha għall-prodotti [li jaqgħu fil-] klassi 32 fil-Benelux".

27     Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni ma teħtieġx li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni għandha tkun "rappreżentata". Billi eżiġa "rappreżentazzjoni" tat-trade mark invokata sabiex issostni l-oppożizzjoni, għalkemm l-imsemmija regola teħtieġ biss li din tkun "identifikata b’mod ċar", l-Bord ta’ l-Appell mar lil hinn mill-kundizzjonijiet previsti minn dik id-dispożizzjoni.

28     Ir-rikorrenti tqies li l-kundizzjonijiet tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni ġew sodisfatti f’dan il-każ. Skond din, l-ewwel għan tar-Regola 18(1) ta’ dan ir-regolament huwa sabiex jippermetti lill-applikant għat-trade mark komunitarja, konvenut fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ difiża billi tippermettilu jidentifika d-drittijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

29     Hija ssostni li, f’dan il-każ, dan l-għan intlaħaq. Fil-fatt, peress li t-trade mark li tgawdi minn reputazzjoni li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni ġiet identifikata b’mod ċar permezz ta’ referenza kompluta għar-reġistrazzjoni tagħha, l-applikant għat-trade mark komunitarja, li kien il-konvenut fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, setgħa faċilment jifhem u jivverifika l-bażi li fuqha saret l-oppożizzjoni.

30     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kundizzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma jidhrux li huma konformi mal-prassi preċedenti tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI għal dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta’ l-Appell tas-6 ta’ Marzu 2002 (Kawża R 870/2001-3, Bridgewater vs Bridgewater).

31     Skond l-UASI, l-identifikazzjoni ċara tal-jedd preċedenti prevista mir-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni hija kundizzjoni assoluta għall-ammissibilità ta’ l-oppożizzjoni. Mhux possibbli li jsir rimedju għal nuqqas ta’ identifikazzjoni tat-trade mark preċedenti u d-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni m’għandiex l-obbligu li titlob lill-parti li qegħda topponi sabiex jirrimedja n-nuqqas. L-UASI jirreferi wkoll għad-direttivi dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni adottati fl-10 ta’ Mejju 2004, li fl-ewwel parti, Kapitolu 1(A)(VI), jiddistingwu bejn l-elementi "assoluti" u "relattivi" ta’ identifikazzjoni. Minbarra dan, jekk, fl-avviż ta’ oppożizzjoni, element assolut ta’ identifikazzjoni kien nieqes, it-trade mark preċedenti ma tistax tkun identifikata u, għalhekk, ma tistax isservi ta’ bażi għall-oppożizzjoni. Huma meqjusa bħala elementi assoluti ta’ identifikazzjoni n-numri ta’ reġistrazzjoni jew ta’ l-applikazzjoni għal trade mark preċedenti. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ elementi relattivi ta’ identifikazzjoni, dawn ta’ l-aħħar huma r-rappreżentazzjoni tat-trade mark, it-tip ta’ trade mark, l-oġġetti u s-servizzi u indikazzjonijiet oħra bħad-data tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni. Fir-rigward ta’ l-elementi msemmija l-aħħar, il-parti li qegħda topponi għandha tgawdi minn terminu ta’ xaharejn sabiex tirrimedja nuqqasijiet.

32     L-UASI jqis li, fid-dawl ta’ l-interessi preżenti, l-pożizzjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell kienet stretta wisq meta wieħed iqis l-elementi minimi li jippermettu l-identifikazzjoni tat-trade mark preċedenti, f’dan il-każ, trade mark verbali. Għaldaqstant, l-UASI jsostni li d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell mhix ġustifikata fir-rigward tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni. Id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell skond hu kellhom jikkunsidraw li l-indikazzjoni tan-numru ta’ reġistrazzjoni u r-referenza ta’ l-Istat Membru kkonċernat kienet biżżejjed sabiex tidentifika t-trade mark preċedenti. Konsegwenza, kien ikun biżżejjed li d-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni talbet aktar informazzjoni skond ir-Regola 18(2) tar-regolament ta’ implimentazzjoni.

33     Skond l-UASI, id-Diviżjonijiet ta’ Oppożizzjoni u l-Bordijiet ta’ l-Appell fil-bidu ma kienux iħarsu bl-istess mod għal dak li jirrigwarda l-elementi neċessarji sabiex jiġi identifikat b’mod ċar il-jedd preċedenti invokat sabiex isostni oppożizzjoni. Huwa rikonoxxa li ċerti Bordijiet ta’ l-Appell adottaw pożizzjoni restrittiva [deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell tal-25 ta’ Frar 2002, (Kawża R 1184/2000‑2, P‑51 Mustang vs Ford Mustang), u d-deċiżjoni Bridgewater vs Bridgewater, ċitati iktar ’il fuq]. Minkejja dan, huwa jsostni li dawk id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw jeddijiet preċedenti li ma kienux ġew irreġistrati u li jeżistu deċiżjonijiet kuntrarji tal-Bordijiet ta’ l-Appell [deċiżjoni tat-tieni Bord ta’ l-Appell tad-19 ta’ Diċembru 2003 (Kawża R 704/2002‑2, Myo Max by CEFAR vs cefar-centro de estudos de farmacoepidemiologia)]. Fl-aħħar nett huwa jindika li d-direttivi dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni jmorru fid-direzzjoni li huwa jirrakkomanda.

34     L-intervenjenti tfakkar il-kundizzjonijiet dwar il-kontenut ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni, msemmija fir-Regola 15(2) tar-regolament ta’ implimentazzjoni, li skond din "L-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jkun fih […] rappreżentazzjoni u, fejn huwa xieraq, deskrizzjoni tal-marka preċedenti jew jedd preċedenti". Minbarra dan, skond l-intervenjenti, ir-Regola 15(2), tar-regolament ta’ implimentazzjoni espliċitament teħtieġ li l-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jinkludi rappreżentazzjoni tal-marka preċedenti, jiġifieri aktar minn deskrizzjoni sempliċi tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-UASI li żied kundizzjoni supplimentari ta’ ammissibbilità ta’ l-oppożizzjoni sa fejn din il-kundizzjoni tirriżulta b’mod espliċitu mir-regolament ta’ implimentazzjoni.

35     L-intervenjenti għamlet referenza għall-prassi preċedenti ta’ l-UASI, u partikolarment għad-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-4 ta’ Marzu 2002 (Kawża R 662/2001‑1, ORANGEX vs Orange X-PRESS, punt 21), li skond din l-avviżi kollha ta’ oppożizzjoni "iridu jkunu ċari u preċiżi b’mod suffiċjenti sabiex ma jagħtux lok għal ekwivoku rigward l-iskop u t-tifsira tagħha". Hija ikkwotat ukoll id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tas-6 ta’ Lulju 2004 (Kawża nru 2218/2004, Atlas Copco AB vs The Black & Decker Corp.), li skond din "ir-rekwiżiti minimi sabiex trade mark jew jedd preċedenti tiġi kkunsidrata li ġiet identifikata b’mod ċar huma r-rappreżentazzjoni tat-trade mark jew tas-sinjal, indikazzjoni ta’ l-Istat fejn it-trade mark hija reġistrata jew depożitata jew fejn il-jedd preċedenti jeżisti kif ukoll in-numru ta’ reġistrazzjoni (in konnessjoni ma’ trade mark rreġistrata jew applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark)".

36     Minbarra dan, l-intervenjenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li tipprovdi r-Regola 18(2), tar-regolament ta’ implimentazzjoni, ir-Regola 18(1) ma tobbligax lill-UASI li jeżiġi lill-parti li topponi sabiex tirranġa l-iżbalji previsti mill-imsemmi paragrafu [deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell tad-9 ta’ Jannar 2004 (Kawża R 129/2003‑1, Weekenders Worldwide Trade and Service Kft vs Gregor Kohlruss, punt 24)].

37     Hija żiedet li dawk in-nuqqasijiet jistgħu jiġu rimedjati biss qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ l-oppożizzjoni. Għaldaqstant, l-UASI ma kienetx obbligata li tikkunsidra l-informazzjoni ppreżentata wara dik id-data. F’dan ir-rigward, hija semmiet ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marín (Chef) (T-232/00, Ġabra p. II‑2749, punti 34 u 36), li skond din, "jekk l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jissodissfax il-kundizzjonijiet ta’ l-ammissibilità kkontemplati fir-Regola 18(1) tar-regolament [ta’ implimentazzjoni], l-oppożizzjoni għandha tiġi rifjutata bħala inammissibili sakemm in-nuqqasijiet misjuba ma jkunux rimedjati qabel l-iskadenza tat-terminu għall-oppożizzjoni".

38     Skond l-intervenjenti, ir-rikorrenti issimplifikat b’mod eżaġerat il-motivi kkunsidrati mill-Bord ta’ l-Appell. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-premessi 2, 3 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata, juru fl-ewwel lok, li fl-avviż ta’ l-oppożizzjoni r-rikorrenti la inkludiet ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark SPA THERMES, u lanqas iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tagħha, fit-tieni lok, li hija ppreżentat biss informazzjoni dwar trade mark waħda rreġistrata preċedentement, għalkemm l-avviż ta’ oppożizzjoni rrefera għal numru ta’ trade marks li jkopru prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, u, fit-tielet lok, li d-data tat-terminu għall-oppożizzjoni skadiet fis-27 ta’ Ottubru 1998. Minkejja dan, ir-rikorrenti ma ppreżentatx l-informazzjoni meħtieġa qabel dik id-data, kif meħtieġ mir-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ppreżentatx ċertifikat ta’ reġistrazzjoni qabel l-1 ta’ Diċembru 2000 u naqqset ukoll milli tippreżenta rappreżentazzjoni tat-trade mark preċedenti kkonċernata.

39     Minbarra dan, l-intervenjenti tfakkar li r-rikorrenti rrikonoxxit, quddiem ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li identifikazzjoni ċara tat-trade mark preċedenti in kwistjoni hija differenti minn identifikazzjoni sempliċi. Ma kienx ikun raġonevoli li l-parti li topponi tistenna li l-UASI jwettaq riċerka fir-reġistru ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex jidentifika dik it-trade mark, meta l-parti li topponi għandha dik l-informazzjoni. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tat-trade mark għandha tippermetti lill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI li jiddeċidi dwar il-kontroversji li jinġiebu quddiema. Il-funzjoni ta’ l-UASI hija li tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ identifikazzjoni ċara tal-jedd preċedenti invokat sabiex isostni l-oppożizzjoni, jekk applikazzjoni għal reġistrazzjoni li prima facie hija aċċettabbli tridx tkun rifjutata. L-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jiffaċilita dan.

40     L-intervenjenti ssostni li l-għan tar-Regola 18(1), tar-regolament ta’ implimentazzjoni mhuwiex biss li jiġi infurmat l-applikant għat-trade mark li kontriħ issir l-oppożizzjoni, iżda wkoll li jiġi infurmata l-UASI dwar ċirkostanzi fattwali relatati ma’ l-oppożizzjoni u, b’hekk, li tippermettilu li jiddeċiedi dwar il-kontroversja. Skond l-intervenjenti, ir-rikorrenti ma ssodisfax dan l-għan previst mir-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni.

41     Fl-aħħar nett, l-intervenjenti tfakkar li d-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni rrifjutat l-oppożizzjoni bħala inammissibbli, peress li "l-proċess ma kienx jinkludi l-indikazzjoni suffiċjentement ċara tal-forma tat-trade mark mhux reġistrata".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-interpretazzjoni tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni

42     Skond it-termini tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni, "[Jekk] […] l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jidentifikax b’mod ċar l-applikazzjoni li kontriha saret l-oppożizzjoni jew il-marka preċedenti jew il-jedd preċedenti li fuq il-bażi tiegħu qegħda ssir l-oppożizzjoni, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-avviż ta’ oppożizzjoni bħala inammissibbli sakemm dawk in-nuqqasijiet ma jkunux ġew rimedjati qabel jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni".

43     Huwa kostanti f’dan il-każ, li r-rikorrenti naqqset milli tirrappreżenta, fl-avviż ta’ oppożizzjoni, it-trade mark verbali SPA, irreġistrata fil-Benelux taħt in-numru 389 230, ir-reputazzjoni ta’ liema hija tindika sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha abbażi ta’ l-Artikolu 8(5) tar-regolament nru  40/94. Jeħtieġ li qabel xejn jiġi stabbilit jekk l-indikazzjoni ċara meħtieġa mir-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni teħtieġx rappreżentazzjoni ta’ dik it-trade mark.

44     Preliminarjament, hemm lok li wieħed jgħid li l-verżjoni Franċiża tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni tirreferi għal indikazzjoni ċara ("l’acte d’ opposition n’indique pas clairement"), filwaqt li l-verżjoni Ingliża ta’ din ir-regola tirreferi għal identifikazzjoni ċara ("the notice of opposition does not clearly identify"). Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt komunitarju jeżiġi li, f’każ ta’ differenza bejniethom, d-dispożizzjoni in kwistjoni tkun interpretata skond il-kuntest ġenerali u ta’ l-għan aħħari tar-regoli ta’ liema tifforma parti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Deċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I‑4291, punt 28, u ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 28). F’dan il-każ, ir-Regola 18 tar-regolament ta’ implimentazzjoni għandha l-għan li l-indikazzjoni tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni tkun suffiċjentement ċara sabiex l-UASI u l-parti l-oħra fil-proċedimenti jkunu jistgħu jidentifikawha. Fir-rigward ta’ dan l-għan, id-differenza terminoloġika bejn iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi ċitati iktar ’il fuq ma kienet tinkludi ebda kontradizzjoni.

45     Sussegwentement, hemm lok li jintqal li fl-implimentazzjoni tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni m’għandhiex l-obbligu li tistieden lill-parti li tressaq oppożizzjoni sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ indikazzjoni ċara ta’ trade mark preċedenti.

46     Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, fin-nuqqas ta’ referenza espliċita, ma jistax jiġi dedott mir-Regola 15(2)(b)(vi), tar-regolament ta’ implimentazzjoni, obbligu ta’ rappreżentazzjoni tat-trade mark preċedenti applikabbli fil-kuntest tar-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni.

47     Jirriżulta minn dak li ntqal li huwa xieraq li r-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni tiġi interpretata bħala li timponi li tiġi indikata b’mod suffiċjentement ċar tat-trade mark preċedenti li fuqha l-oppożizzjoni hija bbażata sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni, u dan qabel l-iskadenza tat-terminu għall-oppożizzjoni.

–        Fuq l-indikazzjoni ċara tat-trade mark SPA

48     Konsegwentement, hemm lok sabiex jiġi verifikat jekk, f’dan il-każ, l-avviż ta’ oppożizzjoni kienx jinkludi ġabra ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiża li tippermetti li tiġi identifikata b’mod ċar it-trade mark SPA, reġistrata fil-Benelux taħt in-numru  389 230.

49     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-indikazzjoni tan-numru ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li fuqha l-oppożizzjoni hija bbażata u ta’ l-Istat Membru li fiha hija rreġistrata tikkostitwixxi indikazzjoni ċara skond ir-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni.

50     F’dan il-każ, huwa kostanti li l-avviż ta’ oppożizzjoni jinkludi l-fażijiet segwenti:

–       "reputazzjoni : fi Stat membru";

–       "Stat membru : Benelux (reġistrazzjoni nru  389 230 tal-21 ta’ Frar 1983)";

–       "l-oppożizzjoni hija bbażata fuq : klassi 32 : ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet".

51     Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li titoli oħra ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni, partikolarment dawk dwar il-motivi ta’ l-oppożizzjoni, jindikaw li "jeżisti riskju ta’ konfużjoni, li jinkludi riskju ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark komunitarja SPAFORM u t-trade marks SPA […], li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni", u li "SPA Monopole […] tgawdi minn reputazzjoni tat-trade marks tagħha għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 fil-Benelux".

52     Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi deċiż li t-trade mark preċedenti in kwistjoni hija indikata b’mod ċar fl-avviż ta’ oppożizzjoni. Din il-konklużjoni ma tistax terġa titpoġġa fid-diskussjoni permezz ta’ l-argumenti mressqa mill- intervenjenti.

53     Għal dak li jirrigwarda l-argumenti dwar il-konfużjoni bejn it-trade marks li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li mill-proċess jidher li r-rikorrenti ma invokatx, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 8(5) tar-regolament nru  40/94, it-trade mark SPA THERMES, irreġistrata fil-Benelux taħt in-numru 555 229, iżda t-trade mark SPA, irreġistrata fil-Benelux taħt in-numru 389 230. Minbarra dan, ir-referenza għal numru ta’ trade marks fl-avviż ta’ oppożizzjoni ma jwassalx għal konfużjoni minħabba li, anki jekk dan l-avviż għandu effettivament referenza għal numru ta’ trade marks SPA, kull waħda minhom għandha numru ta’ reġistrazzjoni distinta.

54     Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma pproduċietx iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark SPA, biżżejjed li wieħed jiftakar li r-Regola 18(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni ma teħtieġx, għall-fini ta’ l-indikazzjoni ċara tat-trade mark preċedenti, il-preżentata ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni (ara punt 49 aktar ’il fuq). Din il-konklużjoni hija kkonfermata mir-Regola 16(2) tar-regolament ta’ implimentazzjoni li tipprovdi li, "jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ marka preċedenti li mhix trade mark komunitarja, l-avviż ta’ oppożizzjoni trid preferibbilment tiġi akkumpannjata mill-provi ta’ reġistrazzjoni jew tad-depożitu ta’ dik il-marka preċedenti, kif ukoll iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni". In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dik ir-regola tista’ tiġi regolarizzata, bħal fil-każ preżenti, konformement mar-Regola 16 (3), f’teminu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ oppożizzjoni.

55     Barra minhekk, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-prassi preċedenti tal-Bordijiet ta’ l-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-prassi fid-deċiżjonijiet ta’ l-UASI ma torbotx lill-Qrati Komunitarji [ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II‑4881, punt 32]. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet imsemmija mill-intervenjenti dwar trade marks li mhumiex is-suġġett ta’ reġistrazzjoni preċedenti, fejn ir-rappreżentazzjoni dehret, konsegwentement, essenzjali sabiex tiġi assigurata indikazzjoni ċara. Iżda, dan mhux il-każ fil-każ preżenti, peress li t-trade mark preċedenti hija trade mark verbali rreġistrata, li n-numru ta’ reġistrazzjoni kif ukoll l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tagħha huma indikati b’mod ċar (ara punt 49 aktar ’il fuq).

56     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-motiv miġjub mir-rikorrenti huwa fondat. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata billi tiddikjara bħala inammissibbli l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-regolament nru 40/94 għal dak li jirrigwarda t-trade mark SPA, irreġistrata fil-Benelux taħt in-numru 389 230.

 Fuq l-ispejjeż

57     Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI titlef, fil-parti fejn id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell hija parzjalment annullata, hemm lok li huwa jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż konformement mat-talbiet tar-rikorrenti. Peress li l- intervenjenti tilfet hija tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade Marks u disinni) (UASI), tal-25 ta’ Frar 2004 (Kawża R 827/2002-4) hija parzjalment annullata safejn hija tiddikjara bħala inammissibbli l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark komunitarja, għal dak li jirrigwarda t-trade mark SPA, irreġistrata fil-Benelux taħt in-numru 389 230.

2)      Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

3)      L-UASI għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk li saru mir-rikorrenti.

4)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. 

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Ġunju 2005.

Reġistratur

 

il-President

H. Jung

 

J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.