Language of document : ECLI:EU:T:2005:246

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2005 (*)

"Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali – Tneħħija ta’ għajnuna finanzjarja – Nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna – Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Mqajjem ex officio"

Fil-kawża T-102/03

Centro informativo per la collaborazione tra le imprese e la promozione degli investimenti in Sicilia SpA (CIS), stabbilit f’Katanja (l-Italja), irrappreżentata minn A. Scuderi u G. Motta, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. de March u L. Flynn, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 4155 tal-15 ta’ Novembru 2002, dwar it-tneħħija ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) mogħtija taħt il-forma ta’ għotja globali għall-ħidma ta’ ċentru ta’ informazzjoni għall-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u l-promozzjoni ta’ l-investimenti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (93) 256/4, tas-16 ta’ Frar 1993, u għall-irkupru tal-ħlas bil-quddiem magħmul mill-Kummissjoni bħala parti minn din l-għajnuna,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 158 KE jipprovdi li l-Komunità għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali. B’mod partikolari, hija għandha jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma inqas favoriti, sabiex tippromwovi żvilupp armonjuż tal-Komunità kollha. Skond l-Artikolu 159 KE, il-Komunità għandha wkoll tappoġġa t-twettiq ta’ dawn bl-azzjoni li tieħu permezz tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).

2        Sabiex jilħaq dawn l-għanijiet u sabiex jirregola x-xogħlijiet tal-Fondi, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 2052/88, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinament ta’ l-interventi tagħhom u dawk tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra (ĠU L 185, p. 9), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5).

3        Fid-19 ta’ Diċembru 1988, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4253/88, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinament bejn l-interventi tal-Fondi Stutturali differenti, minn naħa, u bejnhom u bejn dawk tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħra, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1). Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1989 u ġie emendat diversi drabi qabel ma ġie abrogat fil-31 ta’ Diċembru 1999 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1).

4        Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti mill-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, intitolat "Tnaqqis, sospensjoni u tneħħija ta’ għajnuna", fil-verżjoni tiegħu emendata bir- Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20), applikabbli fil-15 ta’ Novembru 2002, jiġifieri d-data li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li tneħħi l-għajnuna in kwistjoni (iktar ‘il quddiem l-"Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88"), jipprovdi:

"1. Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew miżura jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità ta’ l-għajnuna finanzjarja mogħtija, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, b’mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet indikati minnu għall-implementazzjoni ta’ l-azzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.

2. [Wara dan l-eżami,] il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk mill-eżami jirriżulta li teżisti irregolarità jew bidla sinjifikanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ l-implementazzjoni ta’ l-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3. Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Jiżdied l-imgħax mas-somom li ma jitħallsux fi żmien xieraq skond id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju u skond ir-regoli dettaljati li tistabbilixxi l-Kummissjoni taħt il-proċeduri previsti fit-Titolu VIII." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Fatti u proċedura

 Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna

5        Bid-Deċiżjoni C (93) 256/4 tas-16 ta’ Frar 1993, il-Kummissjoni approvat l-għoti lir-Repubblika Taljana ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) taħt il-forma ta’ għotja globali għall-ħidma ta’ ċentru ta’ informazzjoni għall-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u l-promozzjoni ta’ l-investimenti, fil-kuntest Komunitarju ta’ sostenn għall-interventi strutturali Komunitarji – Objettiv Nru 1 – tar-Regione Siciliana (iktar ‘il quddiem id-"Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni").

6        It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jippreċiża li l-għajnuna ta’ l-ERDF liċ-Ċentru ta’ informazzjoni għall-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u l-promozzjoni ta’ l-investimenti, korp intermedjarju responsabbli, tammonta għal 6 760 000 ECU. Skond din id-dispożizzjoni, il-metodi ta’ użu ta’ din l-għotja għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim milħuq, flimkien ma’ l-Istat Membru kkonċernat, bejn il-Kummissjoni u l-korpi intermedjarji.

7        Skond l-Artikolu 2 u t-tabella finanzjarja annessa mad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, din l-għajnuna ta’ l-ERDF tirrappreżenta madwar 60 % ta’ l-ispiża totali prevista għall-proġett in kwistjoni u kellha tiġi kkompletata b’kontribuzzjoni mir-Regione Siciliana ta’ 3 758 000 ECU u b’kontribuzzjoni mis-settur privat ta’ 540 000 ECU.

8        L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tistabbilixxi l-31 ta’ Diċembru 1993 bħala d-data limitu biex jittieħdu l-impenji kollha legalment vinkolanti neċessarji sabiex isiru l-ispejjeż u l-31 ta’ Diċembru 1995 bħala d-data limitu biex dawn l-ispejjeż jiġu effettwati:

"L-għajnuna Komunitarja tista’ tintuża għal spejjeż għall-operazzjonijiet previsti mill-għotja globali li taw lok, fl-Istat Membru – qabel il-31 ta’ Diċembru 1993 – għal impenji legalment vinkolanti u l-assunzjoni ta’ impenji finanzjarji korrispondenti. Id-data limitu sabiex isiru dawn l-ispejjeż hija stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 1995."

9        Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni tipproroga dawn it-termini:

"Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tipproroga dawn it-termini, fuq talba magħmula mill-Istat Membru qabel ma jiskadi l-aħħar terminu previst, jekk l-informazzjoni pprovduta tiġġustifikah. Fin-nuqqas ta’ proroga tat-termini mogħtija mill-Kummissjoni, l-ispejjeż magħmula wara d-data limitu għat-twettiq tagħhom ma jistgħux jibqgħu jibbenefikaw mill-għajnuna Komunitarja."

10      Fit-22 ta’ Marzu 1993, il-Kummissjoni għamlet ħlas bil-quddiem ta’ 3 380 000 ECU lill-Ministeru tal-Finanzi Taljan bħala parti mill-għajnuna ta’ l-ERDF. Dan il-ħlas bil-quddiem ma ġiex mgħoddi liċ-Centro informativo per la collaborazione tra le imprese e la promozione degli investimenti in Sicilia SpA (iktar ‘il quddiem iċ-"CIS"), il-korp intermedjarju responsabbli għal din l-għajnuna u r-rikorrent f’din il-kawża.

 Ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni

11      Fit-2 ta’ Settembru 1993, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, iċ-CIS u l-Kummissjoni ffirmaw ftehim sabiex jiġu definiti l-metodi ta’ użu ta’ l-għotja globali mogħti bid-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (iktar ‘il quddiem il-"ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni").

12      Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni, l-intervent Komunitarju "għandu bħala għan il-ħolqien ta’ ċentru li jforni lill-impriżi, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, […] kemm servizzi ta’ informazzjoni ta’ valur miżjud kif ukoll servizzi intiżi għall-iżvilupp ta’ l-inizjativi intraprenditorjali ma’ l-impriżi ta’ Milan jew dawk li huma marbuta magħhom."

13      L-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim jiddeskrivi s-seba’ miżuri li kellhom jiġu implementati miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-intervent Komunitarju, jiġifieri:

–        miżura Nru 1 : twaqqif taċ-ċentru ta’ informazzjoni;

–        miżura Nru 2 : ħolqien ta’ sistema ta’ informazzjoni fuq l-impriżi Sqallin;

–        miżura Nru 3 : offerta ta’ servizz ta’ informazzjoni avvanzat għall-impriżi;

–        miżura Nru 4 : ħolqien ta’ pakketti ta’ investiment u ta’ kollaborazzjoni;

–        miżura Nru 5 : użu ta’ uffiċċji esterni;

–        miżura Nru 6 : promozzjoni tal-kollaborazzjoni;

–        miżura Nru 7 : marketing u komunikazzjoni.

B’mod partikolari, il-miżura Nru 1 kienet intiża li "tikkostitwixxi u tistruttura ċentru ta’ servizzi b’aċċess għan-netwerks ta’ servizzi nazzjonali u internazzjonali sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ l-impriżi Sqallin fis-suq".

14      L-Artikolu 14 tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni jipprovdi kif ġej:

"Il-Kummissjoni, bi ftehim ma’ l-Istat Membru, tista’ – jekk l-intermedjarju jaċċetta li jkun responsabbli għal nuqqasijiet gravi – tannulla f’kull mument l-impenji meħuda taħt dan il-ftehim billi tirrikonoxxi lill-intermedjarju l-ammonti dovuti għall-impenji meħuda u l-attivitajiet imwettqa għall-implementazzjoni ta’ l-għotja globali sad-data ta’ komunikazzjoni tat-tmiem."

 Trattativi għall-ftehim bejn iċ-CIS u r-Regione Siciliana

15      B’ittra tat-12 ta’ Novembru 1993 indirizzata lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet Taljani u lir-Regione Siciliana, iċ-CIS talab lill-Kummissjoni l-proroga ta’ sena tat-termini previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1993 biex jassumi l-impenji finanzjarji legalment vinkolanti kollha u l-31 ta’ Diċembru 1995 biex jeffettwa l-ispejjeż).

16      Din l-ittra kienet tispjega li d-dewmien fl-iffirmar tal-ftehim bejn iċ-CIS u r-Regione Siciliana, li kellu jippermetti liċ-CIS li jirċievi l-kontribuzzjoni tar-Regione Siciliana, kien dovut għad-dewmien fil-komunikazzjoni ta’ l-opinjoni tal-Consiglio di giustizia amministrativa (Kunsill ta’ ġustizzja amministrattiva) u bħala konsegwenza l-ħruġ tal-garanziji bankarji neċessarji għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni sar tard.

17      Il-Kummissjoni aċċettat li tipproroga sal-31 ta’ Diċembru 1994 it-terminu mogħti għall-assunzjoni ta’ l-impenji finanzjarji.

18      Fit-13 ta’ Diċembru 1994, iċ-CIS u r-Regione Siciliana ffirmaw ftehim sabiex jiddefinixxu l-metodi ta’ użu ta’ l-għajnuna mogħtija mir-Regione Siciliana sabiex tikkompleta l-għajnuna ta’ l-ERDF (iktar ‘il quddiem il-"ftehim bejn iċ-CIS u r-Regione Siciliana").

19      L-Artikolu 15 tal-ftehim bejn iċ-CIS u r-Regione Siciliana, madankollu, kien jipprovdi li, sabiex jidħol fis-seħħ, dan il-ftehim kien jeħtieġ ukoll digriet tal-President tar-reġjun u l-intervent tal-Qorti ta’ l-Awdituri. Dawn il-formalitajiet ġew sodisfatti fid-29 ta’ Marzu 1995, data li fiha dan il-ftehim daħal fis-seħħ.

20      L-Artikolu 11 tal-ftehim bejn iċ-CIS u r-Regione Siciliana jipprovdi li r-Regione Siciliana tista’ f’kull mument tannulla l-impenji meħuda taħt il-ftehim jekk l-intermedjarju jkun ħati ta’ nuqqas gravi ħafna, waqt li "tirrikonoxxi lill-intermedjarju l-ammonti dovuti f’dak li jirrigwarda l-impenji meħuda u l-attivitajiet imwettqa sabiex issir l-għotja globali sad-data ta’ notifika tat-tmiem."

21      Fl-1994, iċ-CIS implementa, permezz ta’ ħlas bil-quddiem mill-kapital tal-kumpannija stess, l-ewwel miżura li kellha tiġi effettwata fil-kuntest ta’ l-intervent Komunitarju, jiġifieri li "tikkostitwixxi u tistruttura ċentru ta’ servizzi b’aċċess għan-netwerks ta’ servizzi nazzjonali u internazzjonali sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ l-impriżi Sqallin fis-suq". Dawn l-azzjonijiet kienu jikkonsistu fl-impjieg ta’ riżorsi umani u finanzjarji speċifiċi sabiex tiġi ggarantita assistenza konkreta lill-korpi reġjonali u Komunitarji u fl-istabbiliment ta’ kuntatti ma’ impriżi u assoċjazzjonijiet. Skond iċ-CIS, tali azzjonijiet kellhom jitwettqu, għaliex fil-każ li ma kinux jitwettqu d-dewmien akkumulat ma setax jiġi rkuprat. Iċ-CIS innotifika dawn l-azzjonijiet lill-Kummissjoni permezz ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-istat u tar-reġjuni Taljani.

22      Fil-15 ta’ Diċembru 1994, saret laqgħa tal-kumitat ta’ sorveljanza tal-proġett f’Palermo fil-preżenza tar-rappreżentanti taċ-CIS u ta’ uffiċjal tad-Direzzjoni Ġenerali (DĠ) "Politika Reġjonali" tal-Kummissjoni. Waqt din il-laqgħa, dan l-uffiċjal indika li d-deliberazzjoni tal-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-CIS dwar il-proġetti ta’ eżekuzzjoni u l-impenn tagħha li timplementa l-proġett kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ "impenji li għandhom jitwettqu qabel il-31 ta’ Diċembru 1994" fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

 Mit-tieni talba għal proroga tat-termini previsti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sad-deċiżjoni kkontestata

23      Matul ix-xahar ta’ Diċembru 1994, ir-Regione Siciliana indirizzat lill-Kummissjoni t-tieni talba għal proroga tat-termini għall-għotja ta’ għajnuna ta’ l-ERDF, li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni.

24      B’ittra tal-21 ta’ Settembru 1995, il-Kummissjoni nnotifikat liċ-CIS ir-rifjut tagħha li tagħti l-proroga mitluba mir-Regione Siciliana u talbitu jikkomunika l-ammont ta’ l-ispejjeż effettwati sabiex tiġi stabbilita l-kwota ta’ parteċipazzjoni ta’ l-ERDF:

"[…] Nixtiequ ninformawkom li t-talba tagħkom għal estensjoni tat-termini għall-impenji finanzjarji ma setgħatx tintlaqa’ mill-Kummissjoni minħabba n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet validi ta’ impenn fir-rigward ta’ l-impriżi benefiċjarji, minkejja l-għoti, f’waqtu, ta’ deċiżjoni ta’ proroga ta’ sena (li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 1994). Għandna bżonn insiru nafu wkoll, mill-iktar fis possibbli, l-ammont ta’ l-impenji finanzjarji tagħkom sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ l-impenji tagħna."

25      Fl-20 ta’ Ottubru 1995, wara r-rifjut tal-Kummissjoni ta’ proroga tat-termini għall-implementazzjoni ta’ l-għotja globali, iċ-CIS innotifika formalment li kien impossibbli għalih li jkompli l-proġett li kien jikkostitwixxi l-għan tal-kumpannija u għażel li jxolji minn qabel il-kumpannija, li kellu bħala effett li jqiegħdha fi stralċ.

26      Sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti fl-implementazzjoni tal-proġett fl-ammont tal-kwota assunta mir-Regione Siciliana, iċ-CIS ippreżenta quddiem l-awtoritajiet ta’ dan ir-reġjun lista ta’ spejjeż magħmula f’dan il-kuntest għal ammont totali ta’ 711 587 000 Liri Taljani (ITL). Iċ-CIS talab ukoll lir-Regione Siciliana li tressaq talba analoga għal rimbors fir-rigward tas-somom iddepożitati mal-Ministeru tal-Finanzi Taljan bħala għajnuna ta’ l-ERDF.

27      B’ittra tad-9 ta’ Marzu 2001, l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni rendikont finali ta’ l-ispejjeż magħmula miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-għajnuna kif ukoll id-dokumentazzjoni relatata billi identifikaw is-somma ta’ 688 505 743 ITL bħala spejjeż iddikjarati ammissibbli mill-awtoritajiet reġjonali.

28      B’ittra tas-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 billi stiednet lill-awtoritajiet Taljani u l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Din l-ittra kienet tindika li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra li tneħħi l-għajnuna ta’ l-ERDF u li titlob ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem magħmul għar-raġuni li l-eżami tad-dokumenti trażmessi "[kien] juri biċ-ċar li l-ispejjeż iddikjarati [kienu] jirrigwardaw biss il-ħolqien ta’ l-attivitajiet taċ-[CIS]", filwaqt li l-azzjonijiet ta’ informazzjoni, ta’ assistenza u ta’ promozzjoni ma kinux fost l-ispejjeż dikjarati, meta dawn l-azzjonijiet kellhom isiru miċ-CIS skond il-ftehim milħuq bejn din ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni, li kien jippermetti lill-Kummissjoni, fl-opinjoni tagħha, li taħseb li "iċ-[CIS], li waqqaf kull attività fis-6 ta’ Diċembru 1995, qatt ma [kien] operattiv".

29      B’ittra tal-11 ta’ Marzu 2002, ir-Regione Siciliana kkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tal-likwidatur taċ-CIS fuq id-deċiżjoni li jinbdew il-proċeduri previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Din l-ittra kienet tfakkar li l-awtoritajiet Taljani kienu informaw lill-Kummissjoni li l-ispejjeż dikjarati ammissibbli wara l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni magħmula mir-Regione Siciliana kienu ta’ 688 505 743 ITL, li dawn l-ispejjeż kienu saru miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-attivitajiet inerenti fit-twettiq tal-miżura Nru 1 "Twaqqif taċ-ċentru ta’ informazzjoni" u li l-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-CIS kien adotta diversi deċiżjonijiet dwar miżuri oħra previsti mill-għajnuna, bħall-miżura Nru 3 "Offerta ta’ servizz ta’ informazzjoni avvanzat għall-impriżi", li għaliha d-data u r-riżorsi ta’ persunal neċessarji ġew identifikati, u l-miżura Nru 5 "Użu ta’ uffiċċji esterni", li l-proġetti ta’ fattibbiltà tagħhom ġew adottati. Din l-ittra kienet tindika wkoll li n-nuqqas ta’ twettiq tal-proġett ma kienx jirriżulta mill-attività jew min-nuqqas ta’ attività taċ-CIS, iżda mid-dewmien fil-konklużjoni tal-ftehim bejn iċ-CIS u r-Regione Siciliana u konsegwentement mid-dewmien tal-kofinanzjament min-naħa ta’ dan ir-reġjun.

30      Bid-Deċiżjoni C (2002) 4155, tal-15 ta’ Novembru 2002, indirizzata lir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni neħħiet l-għajnuna ta’ l-ERDF ta’ 6 760 000 ECU mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtu lura l-ħlas bil-quddiem mogħti bħala għajnuna (iktar ‘il quddiem id-"Deċiżjoni kkontestata").

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

32      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lir-rikorrent u l-Kummissjoni jippreżentaw diversi dokumenti u li jagħtu risposta bil-miktub għal numru ta’ domandi.

33      B’ittra tar-rikorrent tal-31 ta’ Diċembru 2004 u b’ittra tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Jannar 2005, il-partijiet ikkonformaw mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

34      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2005. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent kkonferma li huwa ma jikkontestax id-Deċiżjoni kkontestata safejn hija tneħħi l-għajnuna, iżda biss safejn hija ma tagħtix ir-rimbors tal-kwota lill-ERDF f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż magħmula miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-għajnuna għal ammont ċertifikat ta’ 688 505 743 ITL.

35      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata safejn hija ma tagħtix ir-rimbors tal-kwota ta’ l-ERDF f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż magħmula miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-għajnuna għall-ammont ċertifikat ta’ 688 505 743 ITL;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

37      Ir-rikorrent jinvoka tmien motivi fil-kuntest tar-rikors tiegħu: l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88; it-tieni motiv huwa bbażat fuq l-abbuż ta’ poter imwettaq mill-Kummissjoni; it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 14 tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni; ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-"prinċipju ta’ force majeure"; il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali; is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u t-tmien motiv huwa bbażat fuq abbuż ta’ poter.

38      Iktar partikolarment, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent josserva b’mod inċidentali li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora li r-rifjut tagħha ta’ proroga tat-termini previsti għall-azzjoni inevitabbilment twassal għall-waqfien ta’ l-attivatijiet li kellhom iwasslu għall-implementazzjoni sħiħa ta’ l-għotja globali.

39      Bl-istess mod, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14 tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni, safejn din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tannulla l-impenji meħuda taħt il-ftehim meta l-intermedjarju jkun ħati ta’ nuqqas gravi, filwaqt li tirrikonoxxi lill-intermedjarju d-dritt għal rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti għall-impenji meħuda u l-attivitajiet imwettqa għal dan il-għan. Fil-kawża in kwistjoni għaldaqstant, a fortiori, il-Kummissjoni kellha tagħti r-rimbors ta’ l-ispejjeż magħmula miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għajnuna, għaliex in-nuqqas ta’ implementazzjoni ma jirriżultax min-nuqqas ta’ attività taċ-CIS, iżda minn fatti barra mill-kontroll tagħha, u għaliex iċ-CIS għamel kull ma kien possibbli għalih biex iwettaq l-attivitajiet mitluba.

40      Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 14 tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni mhuwiex applikabbli f’din il-kawża, safejn huwa jkopri l-każ tat-tmiem unilaterali tal-ftehim mill-Kummissjoni. Issa, din il-kawża tirrigwarda t-tneħħija ta’ għajnuna Komunitarja mill-Kummissjoni minħabba irregolaritajiet jew emendi importanti fil-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-proġett u l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 huwa l-unika dispożizzjoni applikabbli.

41      Minbarra dan, fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità safejn il-Kummissjoni, billi rrifjutat t-talba għal rimbors ta’ l-ispejjeż li diġà kienu saru miċ-CIS, qabżet il-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 1999, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, T-216/96, Ġabra p. II‑3139, punt 101). B’hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kawża sabiex tevita li tadotta deċiżjoni li tippenalizza ċ-CIS billi żżommu responsabbli tad-dewmien tar-Regione Siciliana. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li, minħabba fid-Deċiżjoni kkontestata, huwa tilef id-dritt għall-għajnuna kollha prevista mid-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, fatt li huwa ma jikkontestax. Madankollu, huwa jqis sproporzjonat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtih lura l-ammont ta’ l-ispejjeż magħmula miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni tal-proġett, spejjeż li r-realtà u l-fondatezza tagħhom ġew ikkonstatati u ċertifikati mill-awtoritajiet Taljani u li saħansitra ġew inizjalment aċċettati mill-Kummissjoni.

42      Skond il-Kummissjoni, it-tneħħija ta’ l-għajnuna kollha ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha huma sodisfatti. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni tqis, fid-dawl tad-dokumenti pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha bl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li hija kellha tneħħi l-għajnuna Komunitarja. B’mod partikolari, hija tenfasizza li waħda biss mis-seba’ miżuri previsti mill-proġett twettqu, li din il-miżura kienet limitata għall-ħolqien biss ta’ struttura li minnha l-miżuri l-oħra kellhom jitwettqu u li din l-istruttura ma setgħetx topera minħabba fl-istralċ tagħha f’Ottubru 1995, jiġifieri saħansitra qabel ma’ t-terminu ta’ ħlas skada u, f’kull każ, qabel ma setgħet topera.

43      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, safejn id-Deċiżjoni kkontestata tneħħi l-għajnuna kollha mingħajr ma tikkunsidra l-konsegwenzi għaċ-CIS ta’ tali miżura, li, fir-rispett tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw din il-kawża u konvint mir-regolarità ta’ l-aġir tiegħu, kien wettaq bona fede, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, l-attivitajiet kollha neċessarji għall-implementazzjoni ta’ l-għotja globali. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-ispejjeż magħmula fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għajnuna, debitament ċertifikati u ddikjarati pjuttost milli tiddeċiedi t-tneħħija ta’ l-għajnuna mingħajr ma tirrimborsa dawn l-ispejjeż.

44      Skond il-Kummissjoni, il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi titlob tliet kundizzjonijiet fid-dritt Komunitarju: l-ewwel nett, li l-awtoritajiet Komunitarji jkunu taw assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u korroboranti lil dawk ikkonċernati; it-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jnisslu fid-destinatarji tagħhom aspettattivi leġittimi u, t-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T-203/97, ĠabraFP p. I‑A‑129 u II‑705, punti 70 u 71). F’din il-kawża, l-ebda waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta. B’hekk, kien fuq inizjattiva tiegħu stess li ċ-CIS effettwa spejjeż li jikkorrispondu għall-għajnuna. Ċertament, il-Kummissjoni tagħraf li hija ma opponietx ruħha għal din l-inizjattiva taċ-CIS, iżda hija ssostni li lanqas ma rrikjedietha u dan għaldaqstant ma jistax inissel fir-rikorrent l-ebda aspettattiva leġittima ta’ rimbors ta’ dawn l-ispejjeż. Minbarra dan, il-Kummissjoni tosserva li d-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u l-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni jindikaw li l-għotja globali ġiet mogħtija għall-ftuħ u l-ħidma taċ-ċentru ta’ informazzjoni fit-termini stabbiliti. Għaldaqstant, l-ebda dispożizzjoni ma tippermetti l-konklużjoni li l-ispejjeż sostnuti għall-implementazzjoni tal-proġett jiġu rimborsati f’każ li dan il-proġett ma jitwettaqx.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45      Il-fatti u l-argumenti ppreżentati mir-rikorrent fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u inklużi fin-noti tiegħu, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–        iċ-CIS ma wettaq l-ebda irregolarità u lanqas emenda l-implementazzjoni ta’ l-għajnuna, iżda kien biss vittma ta’ l-aġir tar-Regione Siciliana;

–        iċ-CIS implementa l-miżura Nru 1 u indika lill-Kummissjoni li ħa numru ta’ impenji b’mod partikolari rigward il-miżuri Nri 3 u 5;

–        il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-assigurazzjonijiet mogħtija waqt il-laqgħa tal-kumitat ta’ sorveljanza tal-15 ta’ Diċembru 1994, li matulha r-rappreżentant tiegħu indika l-miżuri li setgħu jittieħdu biex jissodisfaw l-kundizzjoni marbuta ma’ l-impenji li għandhom jiġu assunti qabel il-31 ta’ Diċembru 1994;

–        il-Kummissjoni injorat il-fatt li kien wara r-rifjut tagħha ta’ proroga tat-terminu li kien jippermetti l-adozzjoni ta’ impenji legali u finanzjarji vinkolanti li l-attivitajiet previsti fil-kuntest ta’ l-għajnuna ma setgħux jiġu mwettqa;

–        b’hekk, l-istralċ taċ-CIS mhuwiex ħlief il-konsegwenza diretta tar-rifjut ta’ proroga ta’ dan it-terminu, li bilfors implika l-impossibbiltà tat-twettiq ta’ l-għajnuna;

–        il-Kummissjoni tbiegħdet ukoll mill-pożizzjoni adottata f’ittra tagħha tal-21 ta’ Settembru 1995, li fiha talbet liċ-CIS jindika l-ammont ta’ l-ispejjeż magħmula sabiex tistabbilixxi l-kwota ta’ parteċipazzjoni ta’ l-ERDF.

46      Għandu jiġi osservat li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni taqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE u tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24, u tat-2 ta’ April 1998 Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Marzu 2001, Métropole télévision vs Il-Kummissjoni, T-206/99, Ġabra p. II-1057, punt 43).

47      Għandu jiġi mfakkar ukoll li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali li toħloq preġudizzju għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 63; u s-sentenza Métropole télévision vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 44).

48      Issa, f’din il-kawża, id-Deċiżjoni kkontestata ma tiddeċidix fuq id-diversi fatti u argumenti ċċitati iktar ‘il fuq, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni jekk tali elementi jistgħux jiġġustifikaw ir-rimbors ta’ spejjeż magħmulha miċ-CIS qabel it-tneħħija ta’ l-għajnuna, u dan meta r-risposta għal dawn l-elementi hija essenzjali biex tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina l-mertu tad-Deċiżjoni kkontestata.

49      Fil-fatt, fil-kuntest tal-parti li tirrigwarda l-"implementazzjoni tal-proġett", id-Deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha tosserva li "l-benefiċjarju tqiegħed fi stralċ fl-20 ta’ Ottubru 1995" (premessa 6), li r-rendikont finali ta’ l-ispejjeż kif ukoll id-dokumentazzjoni relatata ġew trażmessi lill-Kummissjoni u li l-ispejjeż dikjarati mill-benefiċjarju jitilgħu għal 711 584 000 ITL, li minnhom 688 505 743 ITL ġew iddikjarati ammissibbli wara l-verifika magħmula mill-awtoritajiet tar-Regione Siciliana (premessa 7).

50      Fil-kuntest tal-parti li tirrigwarda r-"reazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat", id-Deċiżjoni kkontestata tippreċiża dan li ġej (premessa 10):

"B’ittra tal-11 ta’ Marzu 2002 […], l-awtoritajiet Taljani bagħtu l-informazzjoni komplementari mitluba, mħejjija mil-likwidatur [taċ-CIS]. Din l-informazzjoni kkonfermat li:

–        l-ispejjeż dikjarati kienu jammontaw għal 711 584 000 ITL, u dawk li ġew iddikjarati ammissibbli, wara ċ-ċertifikazzjoni magħmula mill-awtoritajiet tar-Regione Siciliana, kienu jammontaw għal 688 505 743 ITL;

–        l-attivitajiet relatati ma’ l-għotja globali kienu jirrigwardaw esklużivament il-miżura Nru 1 ‘twaqqif taċ-ċentru ta’ informazzjoni’;

–        id-dritt għall-ħlas kien ibbażat fuq il-kundizzjoni li n-nuqqas tat-twettiq ta’ l-għan stabbilit ma jirriżultax mill-attività (jew min-nuqqas ta’ attività) taċ-CIS, iżda mid-dewmien fil-konklużjoni tal-ftehim bejn ir-Regione Siciliana u l-benefiċjarju, u konsegwentement mid-dewmien fil-kofinanzjament tar-Regione Siciliana."

51      Fil-kuntest tal-parti dwar l-"evalwazzjoni mill-Kummissjoni", id-Deċiżjoni kkontestata tafferma biss dan li ġej (premessa 12):

"[…]

–      l-għan ta’ l-għotja globali li jikkonsisti fit-twettiq ta’ l-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 5 tal-ftehim [bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni] ma ntlaħaqx, peress li, mis-seba’ miżuri previsti minn dan l-Artikolu, il-miżura Nru 1 biss ‘twaqqif taċ-ċentru ta’ informazzjoni CIS’ ġiet imwettqa;

–        l-argumenti mressqa miċ-CIS lanqas ma jiġġustifikaw it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż dikjarati u li jirrigwardaw il-miżura ‘twaqqif taċ-ċentru ta’ informazzjoni CIS’. Ir-raġunijiet ippreżentati biex jiġi spjegat il-falliment ta’ l-għotja globali, marbuta mad-dewmien fil-kofinanzjament min-naħa ta’ l-awtoritajiet Taljani, ma jiġġustifikawx it-talba għal kontribuzzjoni Komunitarja safejn l-għajnuna kienet ingħatat għall-implementazzjoni ta’ l-attivitajiet indikati fil-ftehim [bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni]. L-għan ta’ l-għotja globali kien l-attività ta’ ċentru ta’ informazzjoni. Fil-fatt, dan iċ-ċentru qatt ma ħadem u ġie mqiegħed fi stralċ wara li implementa waħda biss mis-seba’ miżuri previsti mill-ftehim [bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni]. Konsegwentement, [in-nuqqas ta’] osservazzjoni tal-ftehim [bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni] jiġġustifika t-tneħħija ta’ l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ għotja globali u l-irkupru tal-ħlas magħmul bil-quddiem."

52      Għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni kkontestata ma ssemmix dak li seħħ bejn it-2 ta’ Settembru 1993, data li fiha l-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni ġie ffirmat, u l-20 ta’ Ottubru 1995, data li fiha ċ-CIS ġie mqiegħed fi stralċ.

53      L-ewwel nett, id-Deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għall-ewwel talba għal proroga tat-termini ppreżentati miċ-CIS lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Novembru 1993 u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ proroga sal-31 ta’ Diċembru 1994 tat-terminu miftiehem għall-assunzjoni ta’ l-impenji finanzjarji prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

54      It-tieni nett, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkonċedi t-tieni proroga tat-termini mitluba mir-Regione Siciliana, li kellu bħala effett awtomatiku li jipprekludi liċ-CIS mill-implementazzjoni ta’ l-għajnuna, mhux imsemmi mid-Deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda traċċa ta’ dawn iż-żewġ dokumenti, kif hija setgħat tindika lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’risposta għat-talba li tippreżenta dawn id-dokumenti. Madankollu, għandu jiġi osservat b’mod inċidentali li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni li tipproroga dawn it-termini jekk l-informazzjoni provduta tiġġustifikah.

55      It-tielet nett, l-ittra tal-Kummissjoni liċ-CIS bid-data tal-21 ta’ Settembru 1995 hija injorata mid-deċiżjoni kkontestata, meta din l-ittra tinforma liċ-CIS li t-"[tieni] talba għal estensjoni tat-termini għall-impenji finanzjarji ma setgħetx tintlaqa’ mill-Kummissjoni minħabba fin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet validi sabiex tieħu impenn fir-rigward ta’ l-impriżi benefiċjarji". Għandu jiġi osservat li r-raġuni invokata minn din l-ittra tmur kontra l-pożizzjoni espressa waqt il-laqgħa tal-kumitat ta’ sorveljanza tal-proġett, li saret f’Palermo fil-15 ta’ Diċembru 1994 fil-preżenza ta’ rappreżentanti taċ-CIS, ta’ uffiċjal tad-DĠ "Politika Reġjonali" tal-Kummissjoni u uffiċjali tar-Regione Siciliana, li matulha ġiet imsemmija l-kwistjoni ta’ l-impenji li għandhom jiġu effettwati qabel il-31 ta’ Diċembru 1994. Waqt din il-laqgħa, l-uffiċjal tal-Kummissjoni indika, skond kif huwa rrapportat fl-osservazzjonijiet taċ-CIS fuq id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 mibgħuta fil-11 ta’ Marzu 2002 lill-Kummissjoni u li ma ġewx ikkontestati minn din ta’ l-aħħar: "[Fil-]każ speċifiku taċ-CIS, jista’ jitqies li d-Deċiżjoni li permezz tagħha l-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-CIS approva l-proġetti għall-implementazzjoni tal-miżuri u l-impenn flimkien għat-twettiq tal-proġett kif previst jirriżulta mill-kunċett ta’ ‘impenji li għandhom jitwettqu qabel il-31 ta’ Diċembru 1994’." Huwa għalhekk sabiex ikun konformi ma’ din l-interpretazzjoni li l-kunsill ta’ amministrazzjoni taċ-CIS adotta, fl-20 ta’ Diċembru 1994, diversi deċiżjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-proġett, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżura Nru 3 (Offerta ta’ servizz ta’ informazzjoni avvanzat għall-impriżi), li għaliha d-data u r-riżorsi ta’ persunal li tirrikjedi ġew identifikati, u l-miżura Nru 5 (Użu ta’ uffiċċji esterni), li l-proġetti ta’ fattibbiltà tagħhom ġew adottati.

56      Issa, fuq dan il-punt, id-Deċiżjoni kkontestata tafferma li l-miżura Nru 1 biss (Twaqqif taċ-ċentru ta’ informazzjoni) ġiet implementata, mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-argumenti ppreżentati miċ-CIS fl-ittra ċċitata iktar ‘il fuq tal-11 ta’ Marzu 2002 f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tal-miżuri Nru 3 u Nru 5, u dan saħansitra qabel ma’ l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti t-tieni proroga tat-termini.

57      Ir-raba’ nett, id-Deċiżjoni kkontestata tinjora wkoll il-kontenut ta’ l-ittra tal-Kummissjoni liċ-CIS bid-data tal-21 ta’ Settembru 1995, safejn hija titlob liċ-CIS li "[tgħarraf] mill-iktar fis possibbli, l-ammont ta’ l-impenji finanzjarji [tagħha] sabiex tistabbilixxi l-ammont [ta’ l-impenji tal-Kummissjoni]". Minn din it-talba jista’ raġjonevolment jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet għalhekk aċċettat li tagħti rimbors ta’ parti mill-ispejjeż effettwati miċ-CIS għall-implementazzjoni ta’ l-għajnuna.

58      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni kkontestata, li madankollu tiġġustifika t-tneħħija ta’ l-għajnuna u r-rifjut li jingħata r-rimbors in kwistjoni fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri kollha previsti mill-Artikolu 5 tal-ftehim bejn iċ-CIS u l-Kummissjoni, ma tikkunsidrax il-possibbilità mogħtija mill-Artikolu 14 ta’ dan il-ftehim, li jipprovdi li, fil-każ meta l-intermedjarju jrendi ruħu responsabbli għal nuqqas gravi, il-Kummissjoni tista’ tannulla l-impenji meħuda skond il-ftehim "billi tirrikonoxxi [madankollu] lill-intermedjarju l-ammonti dovuti għall-impenji meħuda u l-attivitajiet imwettqa għall-implementazzjoni ta’ l-għotja globali sad-data tal-komunikazzjoni tat-tmiem". Issa, jekk l-ispejjeż magħmula għall-implementazzjoni ta’ l-għotja globali jistgħu jiġu rimborsati fil-każ ta’ nuqqas gravi min-naħa ta’ l-intermedjarju, huwa diffiċli li jinftiehem għalfejn dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu rimborsati fl-assenza ta’ tali nuqqas min-naħa tar-rikorrent.

59      Għaldaqstant, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti fil-motivazzjoni b’tali mod li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’miżura li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuqhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, ma tistax tevalwa l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

60      Għalhekk, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 253 KE. Id-Deċiżjoni kkontestata, fil-fatt, mhijiex motivata biżżejjed fuq il-kwistjoni tar-rimbors tal-kwota ta’ l-ERDF f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż magħmula miċ-CIS fil-kuntest ta’ l-għajnuna għall-ammont ċertifikat ta’ 688 505 743 ITL.

 Fuq l-ispejjeż

61      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 4155 tal-15 ta’ Novembru 2002, dwar it-tneħħija ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali li kienet ingħatat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (93) 256/4 tas-16 ta’ Frar 1993, hija annullata safejn hija tneħħi l-għajnuna għall-ispejjeż imwettqa miċ-Centro informativo per la collaborazione tra le imprese e la promozione degli investimenti in Sicilia SpA għal ammont ċertifikat ta’ 688 505 743 Liri Taljani.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 2005.

H. Jung

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.