Language of document :

Appell imressaq fl-24 ta' Lulju 2007 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) kontra s-sentenza mogħtija fit-22 ta' Mejju 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-97/06, López Teruel vs l-UASI

(Kawża T-284/07 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (L-UASI) (rappreżentanti: I. de Medrano Caballero u E. Maurage, aġenti)

Il-parti l-oħra fil-kawża: Adelaida López Teruel (Guadalajara, Spanja)

Talbiet tal-parti rikorrenti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta' Mejju 2007 mogħtija fil-Kawża F-97/06;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tas-sentenza tat-22 ta' Mejju 2007 li l-annulament tagħha huwa mitlub fil-kuntest ta' l-appell preżenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) annulla d-deċiżjoni ta' l-UASI tas-6 ta' Ottubru 2005 li tiċħad talba imressqa minn A. López Teruel għall-konvokazzjoni ta' kummissjoni ta' invalidità.

Sabiex isostni t-talba tiegħu għall-annulament ta' l-imsemmija sentenza, l-UASI jqajjem tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet statutorji dwar il-konvokazzjoni ta' kummissjoni ta' invalidità, peress li t-TSP assimila l-kundizzjonijiet tal-benefiċċju tal-pensjoni ta' invalidità ma dawk tal-konvokazzjoni ta' kummissjoni ta' invalidità. Ir-rikorrent fl-appell jikkontesta wkoll li l-AIPN għandha l-kompetenza li tikkonvoka kummissjoni bħal din u ssostni li s-sentenza tat-TSP hija b'hekk ivvizzjata minn żball ta' interpretazzjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 90 tar-Regoli tal-Persunal u fuq żball tad-dritt fir-rigward tad-determinazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li t-TSP ikkunsidra d-deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 2005 bħala l-uniku att li jippreġudika aġent u billi ttratta bħala att ta' konferma id-deċiżjoni ta' l-UASI li twieġeb għall-ilment imressaq kontra tagħha.

It-tielet nett, l-UASI jsostni li t-TSP manifestament interpreta ħażin fatti u elementi ta' prova meta huwa qies li l-Uffiċċju bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-konklużjonijiet tal-vista ta' tabib indipendenti li seħħet fit-18 ta' Ottubru 2005.

____________