Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2009 - Budapesti Erőmű vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-182/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Budapesti Erőmű (Budapest, Ir-Repubblika tal-Ungerija) (rappreżentanti: M. Powell, Solicitor, C. Arhold, K. Struckmann u A. Hegyi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta' Ġunju 2008 fil-Kawża tal-Għajnuna mill-Istat C 41/05, sa fejn tirrigwarda l-ftehim għal xiri ta' elettriku konkluż mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż;

tordna kull miżura oħra li titqies meħtieġa.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 2223 finali, tal-4 ta' Ġunju 2008, li ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi favur ċerti produtturi tal-elettriku, fil-forma ta' ftehim għal xiri ta' elettriku għal terminu twil, b'data qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea, konklużi bejn l-operatur tan-netwerk Magyar Villamos Müvek Rt., li tagħha l-Istat Ungeriż huwa l-proprjetarju, u dawn il-produtturi [Għajnuna mill-Istat C 41/2005 (ex NN 49/2005) - "Spejjeż mhux irkuprabbli" fl-Ungerija]. Ir-rikorrenti hija, fid-deċiżjoni kkontestata, identifikata bħala waħda mill-benefiċarji tal-allegata għajnuna mill-Istat u d-deċiżjoni tordna lil Ungerija sabiex tirkupra l-għajnuna, bl-imgħax, mingħand ir-rikorrenti.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b'mod żbaljat ikkunsidrat iż-żmien tal-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea bħala l-perijodu rilevanti għall-evalwazzjoni. Minflok, il-Kummissjoni kellha tevalwa jekk il-ftehim għal xiri ta' elettriku tar-rikorrenti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali preżenti meta l-ftehim ġew konklużi, kellhomx xi elementi ta' għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE u li hija wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi kkonkludiet li l-ftehim għal xiri ta' elettriku joffru vantaġġ ekonomiku. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat it-Trattat ta' Adeżjoni tal-Ungerija, kif ukoll l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/19991.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li taħseb il-Kummissjoni, ma kienx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u li l-Anness IV tat-Trattat ta' Adeżjoni ma jelenkax b'mod eżawrjenti l-għajnuniet kollha mill-Istat li jistgħu jitqiesu bħala għajnuniet eżistenti, iżda jistabbilixxi biss eċċezzjoni mill-prinċipju li jipprovdi li l-għajnuniet kollha ta' qabel l-adeżjoni huma għajnuniet eżistenti per se. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tal-Artikolu 87(3) KE fir-rigward tal-possibbiltà li deroga titqies bħala għajnuna mill-Istat għal koġenerazzjoni, tal-Artikoli 86(2) KE, 88(1) u (3) KE, kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, fir-rigward tal-irkupru ta' għajnuna individwali eżistenti.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tevalwa l-ftehim għal xiri ta' elettriku inkwistjoni għaliex huma ġew konklużi qabel l-adeżjoni tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali bħalma huma d-dritt għal smigħ u l-obbligu ta' eżami diliġenti u imparzjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali billi għamlet evalwazzjoni globali tal-ftehim għal xiri ta' elettriku mingħajr ma evalwat il-klawżoli prinċipali ta' kull ftehim għal xiri ta' elettriku individwalment. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, sabiex tkun tista' tevalwa jekk il-ftehim għal xiri ta' elettriku humiex għajnuna mill-Istat, għandha tevalwa jekk il-ftehim joffrux vantaġġ ekonomiku lill-produtturi, u, sabiex tagħmel dan, huwa assolutament essenzjali li kull ftehim għal xiri ta' elettriku jiġi eżaminat individwalment. Barra minn hekk, hija ssostni li l-metodu adottat mill-Kummissjoni mhuwiex adegwat sabiex issir evalwazzjoni korretta dwar jekk numru sinjifikattiv ta' miżuri individwali jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Jekk il-ftehim għal xiri ta' elettriku setgħu jitqiesu bħala skemi ta' għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni kellha ssegwi l-proċedura tal-miżuri xierqa prevista fl-Artikolu 88(1) KE u fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999.

Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE.

Fl-aħħar nett, permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni abbużat mis-setgħat mogħtija lilha permezz tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi adottat deċiżjoni negattiva skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE, għaliex talbet li l-ftehim għal xiri ta' elettriku jiġu tterminati mingħajr ma stabbilit il-vantaġġ ekonomiku tagħhom.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 83, p. 1.