Language of document : ECLI:EU:C:2022:129

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑24 ta’ Frar 2022 (1)

Kawża C673/20

EP

vs

Préfet du Gers et

Institut national de la statistique et des études économiques,

partijiet magħquda:

Maire de Thoux

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Interpretazzjoni u validità tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Ċittadin tar-Renju Unit residenti fi Stat Membru tal-Unjoni għal iktar minn 15‑il sena u mċaħħad mid-dritt għall-vot fir-Renju Unit – Tneħħija mil-lista elettorali fl-Istat Membru ta’ residenza”






I.      Introduzzjoni

1.        Iċ-ċittadini Brittaniċi li bbenefikaw mill-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea jistgħu jżommu dawn il-vantaġġi wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni? Din id-domanda tinsab fil-qalba tal-erba’ domandi magħmula mit-Tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) fil-kuntest ta’ tilwima dwar jekk EP, ċittadina Brittanika, komplietx tibbenefika mid-dritt li tivvota u li toħroġ bħala kandidata għall-elezzjonijiet muniċipali fi Franza. L-ewwel u t-tieni domanda jistaqsu jekk iċ-ċittadini Brittaniċi, jew uħud minnhom, jibqgħux ċittadini tal-Unjoni u jibqgħux igawdu mill-benefiċċji ta’ dan l-istatus. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tielet u r-raba’ domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja jitolbu li l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) tiġi evalwata, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

II.    Dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

1.      Ċittadinanza talUnjoni

2.        L-Artikolu 9 TUE jipprevedi:

“Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.”

3.        L-Artikolu 20(1) TFUE, li jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huwa miktub f’termini kważi identiċi.

4.        Skont l-Artikolu 22(1) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. L-Artikolu 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jikkonferma dan id-dritt.

2.      Ħruġ tarRenju Unit millUnjoni

5.        L-Artikolu 50 TUE jipprevedi:

“(1) Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

(2) L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

(3) It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

[…]”

6.        Id-Deċiżjoni 2020/135 approvat il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) (3) f’isem l-Unjoni Ewropea.

7.        Skont l-Artikolu 185 tiegħu, il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ f’nofsillejl (CET) fil‑31 ta’ Jannar 2020.

8.        L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kien jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni. Dan beda fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

9.        Il-portata tat-tranżizzjoni hija ddefinita fl-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li l-ewwel paragrafu tiegħu jippreċiża li, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli “għar-Renju Unit u fir-Renju Unit” matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Fost id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-organi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni li ma kinux applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni hemm l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE, l-Artikolu 40 tal-Karta, u atti adottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi li, “[s]akemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit”.

B.      Iddritt Franċiż

10.      L-Artikolu 88‑3 tal-Kostituzzjoni tal‑4 ta’ Ottubru 1958, fil-verżjoni li tirriżulta mil-loi constitutionnelle n°93‑952 (il-Liġi Kostituzzjonali Nru 93‑952) tas‑27 ta’ Lulju 1993, jistabbilixxi:

“Suġġett għar-reċiproċità u konformement mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-[TUE], id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali jista’ jingħata biss liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Franza. Dawn iċ-ċittadini ma jistgħux jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ sindku jew jipparteċipaw fil-ħatra tal-eletturi tas-senaturi jew fl-elezzjoni tas-senaturi […]”

11.      L-Artikolu LO 227‑1 tal-code électoral issu de la loi organique n°98‑404 du 25 mai 1998 déterminant les conditions d’application de l’article 88‑3 de la Constitution relatif à l’exercice par les citoyens de l’Union européenne résidant en France, autres que les ressortissants français, du droit de vote et d’éligibilité aux élections municipales, et portant transposition de la directive 94/80/CE du 19 décembre 1994 (JORF Nru 120 tas‑26 ta’ Mejju 1998; il-Kodiċi Elettorali li jirriżulta mil-Liġi Organika Nru 98‑404 tal‑25 ta’ Mejju 1998 li Jistabbilixxi l-Kundizzjonijiet għall-Applikazzjoni tal-Artikolu 88‑3 tal-Kostituzzjoni dwar l-Eżerċizzju miċ-Ċittadini tal-Unjoni Ewropea Residenti fi Franza, Minbarra ċ-Ċittadini Franċiżi, tad-Dritt għall-Vot u għall-Eliġibbiltà fl-Elezzjonijiet Muniċipali u li jittrasponi d-Direttiva 94/80/KE tad‑19 ta’ Diċembru 1994, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Elettorali”) jipprevedi:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fi Franza, minbarra ċ-ċittadini Franċiżi, jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjoni tal-kunsilli muniċipali bl-istess kundizzjonijiet bħall-eletturi Franċiżi, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima.

Il-persuni msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jitqiesu li huma residenti fi Franza jekk ikollhom il-post ta’ residenza attwali tagħhom hemm jew jekk ir-residenza tagħhom tkun kontinwa.

[…]”

12.      L-Artikolu LO 227‑2 tal-Kodiċi Elettorali jipprevedi:

“Sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot, il-persuni msemmija fl-Artikolu LO 227‑1 għandhom jiġu rreġistrati, fuq talba tagħhom, f’lista elettorali speċjali.

Huma jistgħu jitolbu r-reġistrazzjoni tagħhom jekk ikollhom il-kapaċità elettorali tagħhom fl-Istat ta’ oriġini tagħhom u jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali, minbarra n-nazzjonalità Franċiża, sabiex ikunu eletturi u jitniżżlu f’lista elettorali fi Franza.”

13.      Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 16(3) tal-Kodiċi Elettorali, l-Institut national de la statistique et des études économiques (l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Istudji Ekonomiċi, iktar ’il quddiem l-“INSEE”) huwa responsabbli għat-tħassir mir-reġistru elettorali tal-ismijiet tal-eletturi mejta u tal-eletturi li ma jibqgħux intitolati jivvutaw.

III. Ittilwima filkawża prinċipali u ttalba għal deċiżjoni preliminari

14.      EP ilha residenti fi Franza mill‑1984 u hija miżżewġa ma’ ċittadin Franċiż. Id-digriet tar-rinviju jgħid li hija ma kisbitx in-nazzjonalità Franċiża permezz taż-żwieġ peress li, bħala ex uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, kienet ħadet ġurament ta’ lealtà lejn ir-Reġina tal-Ingilterra.

15.      Mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-INSEE neħħa lil EP mil-lista elettorali tal-Komun ta’ Thoux (Franza). Għaldaqstant hija ma setgħetx tipparteċipa fl-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fil‑15 ta’ Marzu u fit‑28 ta’ Ġunju 2020.

16.      Fis‑6 ta’ Ottubru 2020, EP ippreżentat applikazzjoni għall-inklużjoni mill-ġdid fil-lista elettorali għal ċittadini mhux Franċiżi tal-Unjoni Ewropea. L-għada, is-sindku tal-Komun ta’ Thoux ċaħad din l-applikazzjoni. EP imbagħad ressqet il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni Elettorali tal-Komun ta’ Thoux. Peress li dan l-organu wieġeb billi indika li kellu jissejjaħ biss f’Marzu 2021, EP ikkunsidrat din it-tweġiba bħala konferma impliċita tad-deċiżjoni tas-sindku tas‑7 ta’ Ottubru 2020. Għalhekk, fid‑9 ta’ Novembru 2020, EP ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza).

17.      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Novembru 2020, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2020, it-Tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati bħala li jirrevokaw iċ-ċittadinanza Ewropea taċ-ċittadini Brittaniċi li, qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari għal dawk li ilhom jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi Brittanika msejħa ‘15 year rule’, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall-vot?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ meħuda flimkien mal-punt 6 tal-Preambolu tiegħu u mal-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jitqiesu li ppermettew lil dawn iċ-ċittadini Brittaniċi li jżommu, mingħajr eċċezzjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza Ewropea li kienu jgawdu minnhom qabel il-ħruġ ta’ pajjiżhom mill-Unjoni Ewropea?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma huwiex parzjalment invalidu inkwantu jikser il-prinċipji li jifformaw l-identità tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll l-Artikoli 39 u [40] tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu ma jinkludix stipulazzjoni li tippermettilhom iżommu dawn id-drittijiet mingħajr eċċezzjoni?

4)      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma huwiex parzjalment invalidu inkwantu jikser l-Artikoli 18, 20 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u kif ukoll l-Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkwantu jċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fir-Renju Unit mid-dritt għall-vot u mill-eliġibbiltà għall-elezzjonijiet muniċipali f’dan il-pajjiż u, jekk il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja jinterpretawh bl-istess mod bħalma jinterpretah il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat, Franza), dan il-ksur ma jestendix għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għal-liġi Brittanika msejħa ‘15 year rule’, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall-vot?”

18.      EP, il-Gvern Franċiż u dak Rumen, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Evalwazzjoni

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.      Ċittadinanza – Kompetenza ta’ Stat Membru

19.      L-għaxar premessa tal-preambolu tat-TUE tiddikjara d-deċiżjoni tal-Istati Membri li jistabbilixxu ċittadinanza komuni għaċ-ċittadini tagħhom. It-tlettax-il premessa tagħha terġa’ tiddeċiedi li toħloq għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa.

20.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 TUE jistabbilixxi li, permezz ta’ dan it-trattat, il-Partijiet Kontraenti Għolja qegħdin jistabbilixxu bejniethom Unjoni, li lilha l-Istati Membri jagħtu kompetenzi sabiex jintlaħqu għanijiet komuni. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jiddeskrivi t-TUE bħala pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed irravviċinata fost il-popli tal-Ewropa.

21.      Huwa fil-kuntest speċifiku ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Artikolu 9 TUE u l-Artikoli 20 sa 24 TFUE jistabbilixxu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jiddefinixxu l-kontenut tagħha u jispeċifikaw min jista’ jibbenefika minnha.

22.      L-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE jipprevedu li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiżdied man-nazzjonalità mogħtija mill-Istati Membri u ma tissostitwixxihiex. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri setgħu jiddeċiedu li jaqsmu l-kompetenzi tagħhom u li jagħtu lill-Unjoni Ewropea s-setgħa li tiddetermina min ikun intitolat isir ċittadin tal-Unjoni. Din l-għażla espliċita tal-Istati Membri mhux biss tirrendi lill-Unjoni Ewropea inkapaċi li toħloq ċittadinanza tal-Unjoni indipendentement min-nazzjonalità kif mogħtija mill-Istati Membri, iżda wkoll tqajjem ostakolu kostituzzjonali sabiex tali setgħa tiġi dedotta taħt id-dritt tal-Unjoni.

23.      Fid-dawl taċ-ċarezza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma huwiex sorprendenti li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi f’Rottmann (4), f’Tjebbes (5), u, l-iktar reċentement, f’Wiener Landesregierung (6), tirrikonoxxi espliċitament li l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jiddeterminaw min huwa ċittadin u, konsegwentement, min huwa ċittadin tal-Unjoni. Dan it-tqassim ta’ kompetenzi ma nbidilx mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens li, f’sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni meta jeżerċitaw kompetenzi bħal dawk li jirregolaw il-kisba u t-telf tan-nazzjonalità (7).

24.      Is-sentenza f’Rottmann (8) kienet tirrigwarda sitwazzjoni fejn it-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru kien ikollu bħala konsegwenza li jirrendi lill-persuna kkonċernata apolidi (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li kienet tgħid li d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf tan-nazzjonalità taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru (10). Madankollu, l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali f’sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun konformi ma’ dan tal-aħħar (11). Fost iċ-ċirkustanzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk fejn ċittadin tal-Unjoni jirriskja li jitlef l-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE u d-drittijiet marbuta miegħu minħabba deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jirrevokaw in-naturalizzazzjoni tiegħu jew tagħha wara li hu jew hi jkunu tilfu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li Stat Membru jirrevoka n-nazzjonalità ta’ ċittadin tal-Unjoni fejn din in-nazzjonalità tkun inkisbet b’mod frawdolenti, anki jekk din id-deċiżjoni ttelliflu l-istatus mogħti lilu jew lilha mill-Artikolu 20 TFUE, sakemm din id-deċiżjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (13).

25.      Is-sentenza f’Tjebbes (14) kienet tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li permezz tagħha ċittadin b’nazzjonalità doppja tilef in-nazzjonalità Olandiża tiegħu meta, wara li laħaq l-età maġġorenni tiegħu u waqt li kellu ż-żewġ nazzjonalitajiet, huwa kellu r-residenza prinċipali tiegħu għal perijodu mhux interrott ta’ 10 snin barra mit-territorju tal-Istati Membri. Peress li t-telf tan-nazzjonalità Olandiża kellu l-konsegwenza li jċaħħad lil dawn il-persuni mill-istatus u mill-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mill-ġdid li dan kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li l-Pajjiżi l-Baxxi għandu josserva (15). Fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf tan-nazzjonalità, huwa leġittimu li Stati Membri jeħtieġu l-eżistenza ta’ rabta effettiva bejn iċ-ċittadini tagħhom, u jistgħu għalhekk jipprevedu li l-assenza, jew it-tmiem, ta’ din ir-rabta tinvolvi t-telf tan-nazzjonalità (16). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix Stat Membru milli jqis li individwu jkun tilef in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha, anki fejn dan iwassal għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (17). Madankollu, qabel ma jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jwettaq eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u tal-familja tagħha, sabiex jevalwa l-konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (18).

26.      Fis-sentenza f’Wiener Landesregierung (19), ċittadina Estonjana, JY, irċeviet assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Awstrijaċi li hija kienet ser tikseb in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru kieku setgħet turi li, fi żmien sentejn, tkun irrinunzjat għaċ-ċittadinanza Estonjana tagħha (20). Minħabba li kienet wettqet ċerti reati amministrattivi, l-awtoritajiet Awstrijaċi rrevokaw id-deċiżjoni li jagħtu lil JY in-nazzjonalità Awstrijaka (21). Ir-revoka tad-deċiżjoni li tingħata n-nazzjonalità Awstrijaka lil JY wasslet għall-konsegwenza li hija saret apolidi, u għaldaqstant tilfet l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn, fil-proċess ta’ naturalizzazzjoni, tintilef iċ-ċittadinanza tal-Unjoni temporanjament għaliex l-Istat Membru ta’ oriġini jkun irrevoka n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata qabel ma hija tkun kisbet in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, l-obbligu li tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 20 TFUE jaqa’ primarjament fuq dan tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni li jiġu rrevokati l-assigurazzjonijiet mogħtija qabel għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet leġittimi u tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità (23).

2.      Ħruġ tarRenju Unit millUnjoni

27.      L-Artikolu 50(1) TUE jirrikonoxxi li Stat Membru jista’ jeżerċita l-għażla sovrana tiegħu li joħroġ mill-Unjoni konformement mal-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu (24). Din id-dispożizzjoni hija intiża wkoll sabiex tiġi mħarsa n-natura volontarja u unilaterali tad-deċiżjoni ta’ ħruġ (25). Ladarba d-deċiżjoni ta’ ħruġ tiġi nnotifikata lill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni Ewropea tinnegozja mal-Istat inkwistjoni sabiex jiġu miftiehma arranġamenti sabiex jagħtuha effett. L-Artikolu 50(3) TUE jagħti terminu għat-tul ta’ dawn in-negozjati, billi jipprevedi li t-Trattati għandhom jieqfu japplikaw għall-Istat li jkun qiegħed joħroġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika tad-deċiżjoni dwar il-ħruġ, sakemm il-Kunsill Ewropew ma jaqbilx b’mod unanimu mal-Istat ikkonċernat sabiex jiġi estiż dan it-terminu. In-nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim previst mill-Artikolu 50(2) TUE għalhekk ma jipprekludix li jseħħ il-ħruġ (26).

28.      Skont l-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati għandhom jieqfu japplikaw għal Stat li jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ. Fil-każ tar-Renju Unit, il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ f’nofsillejl (CET) fil‑31 ta’ Jannar 2020, u f’dak il-mument ma baqax Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, ir-Renju Unit ma baqax deċiż, inter alia, li jistabbilixxi ċittadinanza komuni għal dik taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni jew li joħloq unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa. Peress li l-eżistenza taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiddependi mill-kisba u mill-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u peress li r-Renju Unit volontarjament irrinunzja għal dan l-istatus bil-mod previst mid-dritt tal-Unjoni, iċ-ċittadini Brittaniċi waqfu milli jkunu ċittadini tal-Unjoni.

29.      L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ stabbilixxa perijodu ta’ tranżizzjoni li permezz tiegħu d-dritt tal-Unjoni kien japplika “għar-Renju Unit u fir-Renju Unit” sal‑31 ta’ Diċembru 2020. Matul dan il-perijodu, l-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kien jeskludi espressament l-applikazzjoni “għar-Renju Unit u fir-Renju Unit” tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE, tal-Artikolu 22(1) TFUE u tal-Artikolu 40 tal-Karta, dwar id-dritt għall-vot u għall-kandidatura taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet muniċipali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Isegwi li, mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ċittadin Britanniku ma kienx baqa’ jgawdi, bħala ċittadin tal-Unjoni, minn dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu jew tagħha.

30.      Isegwi li, mat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini Brittaniċi ma baqgħux ċittadini tal-Unjoni. Filwaqt li t-termini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kienu jagħtuhom ċerti drittijiet matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom ma kinux fosthom.

3.      Ilkawża ta’ EP

31.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, EP tressaq numru ta’ argumenti, li jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi. L-ewwel wieħed huwa li, minkejja t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, hija tibqa’ ċittadina tal-Unjoni. It-tieni, u sussidjarjament, hija ssostni li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma setax legalment iċaħħadha mill-benefiċċju tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet muniċipali. Uħud mill-punti magħmula f’dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub jistiednu t-tweġiba segwenti min-naħa tiegħi.

32.      Is-silta tas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’Nottebohm (27) li għaliha tirreferi EP tagħmilha ċara li l-kisba tan-nazzjonalità tiddependi mill-eżistenza ta’ att pożittiv minn Stat. L-Unjoni Ewropea ddeterminat liberament li l-ksib taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija kundizzjoni sospensiva għall-għoti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Dan il-fatt biss huwa biżżejjed sabiex jitwarrab l-argument tagħha li r-rabtiet ta’ individwu ma’ Stat, anki fejn dawn ir-rabtiet kienu ffaċilitati mill-pussess tiegħu ta’ status legali li ma għadux jeżisti, huma fihom innifishom kapaċi jsostnu talba għan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat.

33.      Jidher li EP issostni li r-rabtiet li hija bniet ma’ Franza fi żmien meta hija kienet ċittadina ta’ Stat Membru jipprekluduha milli tiġi mċaħħda miċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li, minkejja r-residenza twila tagħha fi Franza u ż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin Franċiż, EP għażlet li ma tiksibx in-nazzjonalità Franċiża. Skont il-Gvern Franċiż, EP tista’ tapplika għal dan, peress li hija miżżewġa ma’ ċittadin Franċiż. EP għalhekk ma għandha għalfejn tagħmel xejn ħlief li tagħmel it-talba meħtieġa lill-awtoritajiet Franċiżi għall-kisba tan-nazzjonalità Franċiża, li awtomatikament tagħtiha ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Huwa, mill-inqas, paradossali li filwaqt li EP tinvoka esklużivament ir-rabtiet tagħha ma’ Franza sabiex isostni li hija intitolata żżomm iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, hija simultanjament tirrifjuta li tieħu l-uniku pass li jista’ jwassal sabiex hija żżomm iċ-ċittadinanza tagħha tal-Unjoni, jiġifieri l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Franċiża. Mingħajr il-pussess tagħha tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, Franza ma tistax tirrikonoxxi lil EP bħala ċittadina tal-Unjoni.

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE huma, inter alia, intiżi li jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tiegħu fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (28). Jidher li EP qiegħda ssostni li, peress li integrat lilha nnifisha fis-soċjetà Franċiża fil-kapaċità tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni, issa ma tistax tiċċaħħad minn dan l-istatus u mit-tgawdija tad-drittijiet marbutin miegħu. Barra mill-oġġezzjoni li EP, bħaċ-ċittadini Brittaniċi l-oħra kollha, waqfet milli tissodisfa l-prerekwiżit essenzjali għat-tgawdija tal-istatus u l-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri nazzjonalità ta’ Stat Membru, bħala konsegwenza diretta tad-deċiżjoni sovrana tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ jintqal ukoll li l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-soċjetajiet tal-Istati Membri ma tinsabx fost l-għanijiet imfittxija taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

35.      Sabiex issostni argument li n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ma hijiex prerekwiżit għall-pussess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, EP tiċċita wkoll sentenza mill-punt 23 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Rottmann (29) fis-sens li “ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tippreżupponi ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru iżda hija wkoll kunċett legali u politiku awtonomu meta mqabbel ma’ dak taċ-ċittadinanza”.

36.      Fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro wkoll jindika li n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tagħti aċċess għat-tgawdija tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni u tagħmel lil dawn il-persuni ċittadini tal-Unjoni. Huwa osserva li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija iktar minn ġabra ta’ drittijiet li, fihom innifishom, jistgħu jingħataw lil dawk li ma jkollhomx din iċ-ċittadinanza. Hija tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ natura politika bejn iċ-ċittadini Ewropej ibbażata fuq l-impenn reċiproku tagħhom li jiftħu l-komunitajiet politiċi rispettivi tagħhom għaċ-ċittadini Ewropej l-oħrajn u li jibnu forma ta’ lealtà ċivika u politika fuq livell Ewropew. Skont l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, billi għamlu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru bħala kundizzjoni biex wieħed ikun ċittadin Ewropew, l-Istati Membri riedu jindikaw li din il-forma ġdida ta’ ċittadinanza ma tqegħidx f’dubju l-lealtà ewlenija tal-individwu lejn il-komunitajiet politiċi nazzjonali. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija għalhekk miksuba permezz tal-kisba tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li l-aċċess għaliha huwa rregolat mid-dritt nazzjonali. Bħal kull forma ta’ ċittadinanza, din tikkostitwixxi l-bażi ta’ żona politika ġdida li minnha joħorġu drittijiet u dmirijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Il-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza (u, għaldaqstant, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni) ma humiex per se rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda l-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza għandhom ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u għandhom jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadin tal-Unjoni.

37.      Għalhekk, il-punt 23 tal-konklużjonijiet tal-AĠ Poiares Maduro f’Rottmann (30) mhux talli ma jsostnix il-propożizzjoni sostnuta minn EP iżda jimminaha kompletament. Huwa jiddeskrivi r-raġunament għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni bħala kontinġenti fuq iż-żamma tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru bħala l-impenn reċiproku tal-Istati Membri sabiex jibnu forma ġdida ta’ lealtà ċivika u politika fuq livell Ewropew. Permezz tad-deċiżjoni sovrana tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit wera d-determinazzjoni ċara tiegħu li jiċħad dan l-impenn. Fil-kuntest ta’ dan l-att minn Stat sovran, individwu ma jistax jippretendi li jinvoka n-nazzjonalità Brittanika tiegħu sabiex jinvoka pretensjoni għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew għall-benefiċċji tagħha.

38.      EP issostni wkoll li l-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li peress li d-dispożizzjonijiet elenkati fih huma ddikjarati inapplikabbli “għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni”, din l-inapplikabbiltà ma tapplikax għall-Istati Membri, inkluża Franza. L-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din il-limitazzjoni peress li jipprevedi li d-dritt tal-Unjoni japplika għall-Istati Membri kollha, inkluż ir-Renju Unit, matul dan il-perijodu.

39.      Dan il-qari tal-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jidher li jinjora l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Unjoni bħala tali, iżda għad-“dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1”. L-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu l-effett li jeskludi d-dispożizzjonijiet li jagħmel riferiment għalihom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak li huwa dritt applikabbli tal-Unjoni għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni. Isegwi li l-Artikolu 127(6) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu l-effett li jeżenta lill-Istati Membri mill-obbligu li japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għalhekk ma kien jimponi fuq Franza ebda rekwiżit li żżomm lil EP fil-listi elettorali għall-elezzjonijiet lokali li nżammu f’dan l-Istat Membru f’dan il-perijodu.

40.      EP għamlet ukoll diversi lmenti li d-deċiżjoni tat-tħassir ta’ isimha mil-lista elettorali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tagħha. Bl-invokazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Rottmann (31) u f’Tjebbes (32), hija ssostni li deċiżjoni li ċċaħħadha mill-benefiċċju taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tista’ tittieħed biss wara evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħha fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi u wara li jkunu ngħatawlha proċeduri ġusti, fosthom id-dritt għal smigħ.

41.      Bħalma ġie espost fil-punti 23 sa 25, iktar ’il fuq, is-sentenzi f’Rottmann (33) u f’Tjebbes (34) seħħew f’ċirkustanzi fejn Stat Membru rrevoka n-nazzjonalità tiegħu minn persuni individwali, u hekk wassal għat-telf taċ-ċittadinanza tagħhom tal-Unjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Istat Membru inkwistjoni kien obbligat iwettaq eżami individwali tal-konsegwenzi ta’ dan id-dannu għall-persuna kkonċernata (35).

42.      Fil-fehma tiegħi, EP ma tistax tinvoka s-sentenzi f’Rottmann (36) u f’Tjebbes (37) billi ssostni li, kieku s-sitwazzjoni personali tagħha kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni, tali evalwazzjoni setgħet twassal għal riżultat differenti fil-każ tagħha. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li awtorità kompetenti tibbilanċja d-drittijiet u n-normi kunfliġġenti qabel ma tieħu deċiżjoni li taffettwa lil individwu. Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jeħtieġu ebda bbilanċjar mill-awtorità li tiddeċiedi li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi personali ta’ EP. Bħala konsegwenza diretta tad-deċiżjoni sovrana tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, persuna fis-sitwazzjoni ta’ EP tilfet id-dritt tagħha għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fi Franza, l-Istat Membru ta’ residenza tagħha. Hija din id-deċiżjoni sovrana, mhux dik ta’ Stat Membru jew kwalunkwe awtorità, li kkawżatilha t-telf tal-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet. Kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet li ġew ikkunsidrati fis-sentenzi f’Rottmann (38) u f’Tjebbes (39), la l-awtur tad-deċiżjoni u lanqas il-qorti tar-rinviju ma kellhom jew ma għandhom xi setgħa li jilqgħu t-talbiet ta’ EP. Ebda teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali ta’ EP ma seta’ jwassal għal eżitu ieħor konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għall-istess raġunijiet, is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Wiener Landesregierung (40) ma tista’ tkun ta’ ebda għajnuna għal EP.

43.      Inżid ukoll li, sa fejn EP tfittex li tassimila s-sitwazzjoni tagħha ma’ dik ta’ persuni apolidi, li kienu jagħmlu parti mill-kuntest tas-sentenzi f’Rottmann (41), u f’Wiener Landesregierung (42), jista’ jiġi osservat li hija ta’ nazzjonalità Brittanika. Hija tista’ tindirizza kwalunkwe kwistjoni li jista’ jkollha dwar l-istatus jew id-drittijiet tagħha bħala ċittadina Brittanika lill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Franza jew l-Unjoni Ewropea ma jista’ jkollhom ebda rwol f’tali tilwima.

44.      Dawn l-osservazzjonijiet huma applikabbli ugwalment għat-tentattivi ta’ EP li tinvoka aspettattivi leġittimi kontra l-Unjoni Ewropea u/jew l-awtoritajiet Franċiżi. Kwalunkwe ksur tal-aspettattivi leġittimi li EP jista’ jkollha rigward l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni għandu jiġi indirizzat lir-Renju Unit, li ħareġ mill-Unjoni Ewropea, u mhux lill-awtoritajiet Franċiżi u jew lill-Unjoni Ewropea.

45.      L-argument ta’ EP li l-awtoritajiet Franċiżi ċaħdulha d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali, u b’hekk ċaħħduha mid-dritt li tipparteċipa fil-proċess demokratiku, huwa ugwalment żbaljat. Kwalunkwe ċaħda tad-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċess demokratiku bħala ċittadina Brittanika tirriżulta esklużivament bħala konsegwenza tad-dritt tar-Renju Unit.

46.      EP issostni wkoll li l-fatt li ċ-ċittadini Brittaniċi residenti fl-Unjoni Ewropea jiġu mċaħħda mid-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE.

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ċittadin tal-Unjoni residenti fir-Renju Unit seta’ jinvoka l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni (43). Bl-istess mod, EP tista’, bħala prinċipju, tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità inkluża fl-Artikolu 18 TFUE kontra Franza matul dan il-perijodu.

48.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-TFUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (44).

49.      Għall-għanijiet ta’ din il-kawża, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali huwa espressament ittrattat fl-Artikolu 20(2)(b) TFUE, li l-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ espressament eskluda mid-drittijiet li ċ-ċittadini Brittaniċi komplew igawdu fl-Unjoni Ewropea matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

50.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (45).

51.      Fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, minħabba l-istatus ġuridiku differenti tagħhom, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal EP, ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Id-differenzi fit-trattament tagħhom għalhekk ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni mhux iġġustifikata minħabba n-nazzjonalità.

52.      Din l-aħħar konklużjoni hija, ċertament, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi d-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet muniċipali skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom (46). Fi kliem ieħor, minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jagħmlu dan, huwa ma jipprekludihomx milli jagħtu d-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Il-fatt li d-dritt Franċiż ma jagħtix dan id-dritt lil tali persuni ma huwiex oġġezzjonabbli bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni.

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ser nindirizza l-erba’ domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju sabiex tingħatalha risposta utli.

a)      Lewwel domanda

54.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 50 TUE u l-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhomx jiġu interpretati bħala li jirrevokaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni taċ-ċittadini Britanniċi li, qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari għal dawk li ilhom jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn ħmistax-il sena u li huma suġġetti għar-regola tar-Renju Unit imsejħa “15 year rule”, li ċċaħħadhom b’dan il-mod mid-dritt għall-vot.

55.      Għar-raġunijiet stabbiliti fid-dettall fil-punti 19 sa 52 iktar ’il fuq, bis-saħħa tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jinvoka l-proċess taħt l-Artikolu 50 TUE u tal-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit bħala konsegwenza tiegħu, iċ-ċittadini Brittaniċi ma baqgħux ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Huma għalhekk ma baqgħux ċittadini tal-Unjoni. Kwalunkwe konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mir-residenza ta’ EP barra mir-Renju Unit fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-vot fl-elezzjonijiet ta’ dan l-Istat huma kwistjoni bejnha u r-Renju Unit, Stat terz, u għalhekk jaqgħu barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56.      Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 50 TUE u l-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom l-effett li jtemmu, minn nofsillejl (CET) fil‑31 ta’ Jannar 2020, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ ċittadini Brittaniċi, inklużi dawk li kienu eżerċitaw, qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

b)      Ittieni domanda

57.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra jekk l-Artikoli 2, 3, 10, 12 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ meħuda flimkien mal-premessa 6 tal-preambolu tiegħu u mal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, għandhom jitqiesu li ppermettew lil dawn iċ-ċittadini Brittaniċi li jżommu, mingħajr eċċezzjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni li kienu jibbenefikaw minnhom qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

58.      Din id-domanda tidher li tistrieħ fuq il-bażi li, anki jekk iċ-ċittadini Brittaniċi waqfu milli jkunu ċittadini tal-Unjoni bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 50 TUE u tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-effett ikkombinat tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jipproteġi liċ-ċittadini Brittaniċi li kienu diġà kisbu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni minn waħda mill-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni miċ-ċittadini Brittaniċi.

59.      It-teżi li fuqha hija bbażata din id-domanda tiltaqa’ ma’ tal-inqas tliet ostakoli insormontabbli.

60.      L-ewwel, kif jirriżulta mir-risposta proposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 50 TUE u l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jipprevedu ebda eċċezzjoni għar-regola li, mal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru, bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn dan għaċ-ċittadini Brittaniċi.

61.      It-tieni, peress li sabiex wieħed ikun ċittadin tal-Unjoni għandu jkun ċittadin ta’ Stat Membru, qabel nofsillejl (CET) fil‑31 ta’ Jannar 2020, iċ-ċittadini Brittaniċi kollha kienu ċittadini tal-Unjoni, irrispettivament jekk kinux eżerċitaw xi wieħed mid-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus tal-aħħar. L-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda bażi ġuridika għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ individwu bħala ċittadin tal-Unjoni.

62.      It-tielet, kif ġie diskuss preċedentement, l-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi espressament li l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE, l-Artikolu 40 tal-Karta, u kull att adottat fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma japplikawx matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

63.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tat-TFUE ma jippermettux liċ-ċittadini Brittaniċi li jżommu, mingħajr eċċezzjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni li huma kienu jgawdu minnhom qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fil‑31 ta’ Jannar 2020.

c)      Ittielet u rraba’ domanda

64.      It-tielet u r-raba’ domanda huma magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għall-ewwel tnejn. Peress li jqajmu l-kwistjoni tal-validità tal-Ftehim dwar il-Ħruġ minn numru ta’ angoli differenti, iżda simili, jista’ jkun opportun li dawn jiġu kkunsidrati flimkien.

65.      Huwa stabbilit sew li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll f’dak ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex twettaq evalwazzjoni dwar jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jkunx kompatibbli mat-Trattati u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni Ewropea konformement mat-Trattati (47).

66.      Meta, bħal f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea, din it-talba għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda l-att tal-Unjoni li japprova l-konklużjoni ta’ tali ftehim internazzjonali. L-istħarriġ ta’ validità li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twettaq f’tali kuntest jista’ jirrigwarda l-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (48).

67.      Kif ġie indikat fil-punt 6 iktar ’il fuq, permezz tad-Deċiżjoni 2020/135 l-Unjoni Ewropea approvat il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

68.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari jistgħu jiġu fformulati mill-ġdid bħala li jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni 2020/135, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, hijiex invalida sa fejn, fid-dawl tal-kontenut tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ma tagħtix id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali lil ċittadini Brittaniċi li jkunu residenti fi Stat Membru u li ma jkollhom in-nazzjonalità ta’ ebda Stat Membru.

69.      Kif ġie indikat iktar ’il fuq, minn nofsillejl (CET) tal‑31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni kien japplika għar-Renju Unit u għaċ-ċittadini tiegħu skont id-deroga prevista fl-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jeskludi b’mod partikolari d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza.

70.      Fil-fehma tiegħi, meta tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz sa mill-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni 2020/135 ma tistax tiġi kkritikata talli ma tirrikonoxxix liċ-ċittadini Brittaniċi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni jew warajh. It-telf ta’ dawn id-drittijiet huwa wieħed mill-konsegwenzi tad-deċiżjoni sovrana tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li d-Deċiżjoni 2020/135, flimkien mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kienet tipprevedi li, eċċezzjonalment, ċerti partijiet tal-acquis kienu japplikaw matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni sabiex jiżguraw il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea li, skont il-preambolu tiegħu, huwa l-għan tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li d-Deċiżjoni 2020/135 ma tmurx kontra l-Artikolu 20(2)(b) u l-Artikolu 22 TFUE jew l-Artikolu 40 tal-Karta f’dak li jirrigwarda d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali. A fortiori, għall-istess raġunijiet, id-Deċiżjoni 2020/135 ma tmurx kontra l-Artikoli 18 u 21 TFUE għall-għanijiet tal-kwistjoni li tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

71.      Din il-konklużjoni bl-istess mod ma hijiex affettwata mill-fatt li ċerti ċittadini Brittaniċi, bħal EP, kienu eżerċitaw ċerti drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni qabel il-ħruġ tar-Renju Unit, fosthom id-dritt li jiċċaqilqu u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Ma hemm ebda bażi fid-dritt sabiex tiġi sostnuta dikjarazzjoni li d-Deċiżjoni 2020/135 kienet illegali peress li ma kinitx tagħti ċ-ċittadinanza tal-Unjoni lil persuni li ma kinux għadhom ċittadini tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni jew warajh, irrispettivament mill-post ta’ residenza tagħhom.

72.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn grad għoli ta’ libertà f’deċiżjonijiet politiċi li jiġu adottati fit-twettiq tar-relazzjonijiet esterni tagħhom (49). Fl-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ politika esterna tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu għalhekk leġittimament jikkonkludu mal-imsieħba tagħhom ftehimiet internazzjonali bbażati fuq il-prinċipju ta’ reċiproċità u ta’ vantaġġi reċiproċi (50).

73.      Il-preambolu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jirrikonoxxi li huwa neċessarju li tiġi żgurata protezzjoni reċiproka liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini Brittaniċi, kif ukoll għall-membri tal-familja rispettivi tagħhom, f’ċirkustanzi fejn huma jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Huwa proprju f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea tindika, inter alia, dokument tan-negozjar intitolat “The United Kingdom’s Exit from the European Union – Safeguarding the Position of EU Citizens Living in the UK and UK Nationals Living in the EU” ta’ Ġunju 2017. Dan id-dokument jiżvela li r-Renju Unit ma ppruvax jara li ċ-ċittadini Brittaniċi residenti fl-Unjoni Ewropea jgawdu mid-drittijiet politiċi wara l-irtirar tiegħu inkambju għall-għoti ta’ drittijiet reċiproċi liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fir-Renju Unit (51).

74.      Għaldaqstant ma hemm ebda bażi legali jew fattwali li fuq il-bażi tagħha jista’ jiġi kkunsidrat li l-Unjoni Ewropea qabżet il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni billi ma komplietx tippermetti liċ-ċittadini Brittaniċi residenti fi ħdan l-Unjoni jeżerċitaw id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali tal-Istati Membri wara l-ħruġ tar-Renju Unit, kemm jekk permezz ta’ deċiżjoni unilaterali jew permezz tal-eżitu tan-negozjati mar-Renju Unit.

75.      Sa fejn it-tielet domanda tistaqsi speċifikament jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiksirx ċerti prinċipji li jinsabu fil-bażi tal-identità tal-Unjoni u jekk huwiex sproporzjonat peress li ma jinkludi ebda eċċezzjoni għar-regola li ċ-ċittadini Brittaniċi jitilfu d-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fil-qosor. Peress li l-għażla sovrana tar-Renju Unit li jħalli lill-Unjoni Ewropea hija ekwivalenti għal ċaħda tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, u peress li l-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit sabiex jiffaċilita l-ħruġ ordnat tal-aħħar wieħed mill-ewwel waħda, l-Unjoni Ewropea ma kinitx f’pożizzjoni li tinsisti sabiex ir-Renju Unit jaderixxi kompletament għal xi wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea lanqas ma setgħet tiżgura drittijiet li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx obbligata tinvoka f’isem persuni li huma ċittadini ta’ Stat li telaq mill-Unjoni Ewropea u li għalhekk ma għadhomx ċittadini tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, peress li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiddependi mill-pussess taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, ebda risposta oħra ħlief l-esklużjoni taċ-ċittadini Brittaniċi mid-definizzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni ma kienet possibbli sabiex fl-istess ħin tibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.

76.      Fir-rigward tar-raba’ domanda, fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 127(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ma hemm ebda bażi legali biex wieħed jiddistingwi bejn iċ-ċittadini Brittaniċi li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u dawk li ma għamlux dan. Bħala kwistjoni ta’ dritt, iċ-ċittadini Brittaniċi kollha kienu ċittadini tal-Unjoni qabel ma r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-użu li huma setgħu għamlu minn dan l-istatus. Kwalunkwe kwistjoni ta’ aspettattivi leġittimi hija kwistjoni li għandha tiġi ttrattata mal-Istat li huma ċittadini tiegħu, jiġifieri, ir-Renju Unit.

77.      Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li r-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tkun li d-Deċiżjoni 2020/135, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ma hijiex invalida sa fejn hija ma tagħtix id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali liċ-ċittadini Brittaniċi li jkunu residenti fi Stat Membru u li ma jkollhom in-nazzjonalità ta’ ebda Stat Membru.

V.      Konklużjoni

78.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal judiciaire d’Auch (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Auch, Franza) bil-mod li ġej:

(1)      L-Artikolu 50 TUE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom l-effett li jtemmu, minn nofsillejl (CET) fil‑31 ta’ Jannar 2020, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ ċittadini Brittaniċi, inklużi dawk li kienu eżerċitaw, qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ stabbiliment liberu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(2)      Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma jippermettux liċ-ċittadini Brittaniċi jżommu, mingħajr eċċezzjoni, id-drittijiet għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni li huma kienu jgawdu minnhom qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, fil‑31 ta’ Jannar 2020.

(3)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma hijiex invalida sa fejn hija ma tagħtix id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali liċ-ċittadini Brittaniċi li jkunu residenti fi Stat Membru u li ma jkollhom in-nazzjonalità ta’ ebda Stat Membru.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2020, L 29, p. 1.


3      ĠU 2019, C 384 I, p. 1.


4      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104).


5      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189).


6      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung et (Revoka tal-assigurazzjni ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34).


7      Sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 39 u 41), tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 30), tal‑14 ta’ Diċembru 2021, V.M.A. (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 38), u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung et (Revoka tal-assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 37).


8      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104).


9      Ibid, punti 26 sa 29.


10      Ibid., punt 39.


11      Ibid., punt 41.


12      Ibid., punt 42.


13      Ibid., punti 42 u 59.


14      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189).


15      Ibid., punt 32.


16      Ibid., punt 35.


17      Ibid., punt 39.


18      Ibid., punti 40 sa 46.


19      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022 (C‑118/20, EU:C:2022:34).


20      Ibid., punti 13 u 14.


21      Ibid., punti 15 sa 17.


22      Ibid., punt 33.


23      Ibid., punt 51.


24      Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 50).


25      Ibid., punt 68.


26      Digriet tad‑19 ta’ Marzu 2019, Shindler et vs Il‑Kunsill (C‑755/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:221, punt 31).


27      Sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ April 1955, Nottebohm Case (Il‑Liechtenstein vs Il‑Gwatemala), Ġabra tas-sentenzi, opinjonijiet konsultattivi u digrieti 1955, p. 4.


28      Sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 56), u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung et (Revoka tal-assigurazzjonijiet ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 42).


29      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588).


30      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588).


31      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, (C‑135/08, EU:C:2010:104).


32      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, (C‑221/17, EU:C:2019:189).


33      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, (C‑135/08, EU:C:2010:104).


34      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, (C‑221/17, EU:C:2019:189).


35      Sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 55) u tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 41).


36      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, (C‑135/08, EU:C:2010:104).


37      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, (C‑221/17, EU:C:2019:189).


38      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, (C‑135/08, EU:C:2010:104).


39      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, (C‑221/17, EU:C:2019:189).


40      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung et (Revoka tal-assigurazzjonijiet ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34).


41      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, (C‑135/08, EU:C:2010:104).


42      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung et (Revoka tal-assigurazzjonijiet ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 64).


44      Ibid., punt 65.


45      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 37).


46      Skont il-Kummissjoni, numru ta’ Stati Membri jagħtu dan id-dritt taħt ċerti kundizzjonijiet.


47      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 48).


48      Ibid., punti 50 u 51.


49      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Swiss International Air Lines (C‑272/15, EU:C:2016:993, punt 24).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il‑Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 45).


51      Dan id-dokument huwa disponibbli online fuq https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/621848/60093_Cm9464_NSS_SDR_Web.pdf.