Language of document : ECLI:EU:C:2023:640

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Settembru 2023 (*)

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ‘Orizzont 2020’ (2014‑2020) – Dokumenti dwar il-proġett ta’ riċerka ‘iBorderCtrl: Intelligent Portable Border Control System’ – Deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) li tirrifjuta l-aċċess għal ċerta informazzjoni – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża C‑135/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑25 ta’ Frar 2022,

Patrick Breyer, residenti f’Kiel (il-Ġermanja), irrappreżentat minn J. Breyer, Rechtsanwalt,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), irrappreżentata minn V. Canetti u S. Payan-Lagrou, bħala aġenti, assistiti minn R. van der Hout u C. Wagner, Rechtsanwälte,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, A.‑C. Simon u A. Spina, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Patrick Breyer jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2021, Breyer vs REA (T‑158/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:902), li permezz tagħha din ċaħdet parzjalment ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) tas‑17 ta’ Jannar 2019 (ARES (2019) 266593) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li tirrifjuta li tagħtih aċċess għal ċerti dokumenti relatati mal-proġett “iBorderCtrl: Intelligent Portable Control System” (iktar ’il quddiem il-“proġett iBorderCtrl”), stabbilit fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” (2014‑2020) (iktar ’il quddiem il-“programm Orizzont 2020”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament (KE) Nru 1049/2001

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

3        Il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)].”

4        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti mill-istess regolament.

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

6        L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[l]-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni”.

 IrRegolament (KE) Nru 58/2003

7        L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad‑19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li

“L-aġenziji eżekuttivi għandhom ikunu soġġetti għar-Regolament [Nru 1049/2001] meta jirċievu talba dwar aċċess għal dokument li jkun fil-pussess tagħhom.”

 IrRegolament (UE) Nru 1290/2013

8        Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014‑2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 81), tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, mir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU 2021, L 170, p. 1). Konsegwentement, dan l-ewwel regolament jibqa’ fi kwalunkwe każ applikabbli f’dan il-każ.

9        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2013 kien jgħid li:

“Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet, deċiżjonijiet jew kuntratti ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe data, għarfien u informazzjoni ikkomunikati bħala kunfidenzjali fil-qafas ta’ azzjoni għandhom jinżammu kunfidenzjali, filwaqt li tiġi kkunsdrata l-liġi tal-Unjoni rigward il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u l-aċċess għaliha.”

10      L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, meta mitluba, tagħmel disponibbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat, kwalunkwe informazzjoni utli fil-pussess tagħha dwar riżultati ġġenerati minn parteċipant f’azzjoni li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni, sakemm iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)      l-informazzjoni kkonċernata hija rilevanti għall-politika pubblika;

(b)      il-parteċipanti ma jkunux ipprovdew raġunijiet sodi u suffiċjenti biex l-informazzjoni kkonċernata tinżamm.

[…]”

11      L-Artikolu 43(2) u (3) tal-imsemmi regolament kien jistabbilixxi li:

“2.      Soġġett għal xi restrizzjoni minħabba l-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, regoli dwar sigurtà jew interessi leġittimi, kull parteċipant għandu permezz ta’ mezzi adatti jiddissemina r-riżultati fil-pussess tiegħu malajr kemm jista’ jkun. Il-ftehim dwar l-għotja jista’ jistabbilixxi l-iskadenzi f’dan ir-rigward.

Kwalunkwe obbligu addizzjonali ta’ użu għandu jiġi stabbilit fil-ftehim dwar l-għotja u indikat fil-programm ta’ ħidma jew fil-pjan ta’ ħidma.

Fir-rigward tad-disseminazzjoni tar-riżultati permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi, l-aċċess miftuħ għandu japplika taħt it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja. […]

Fir-rigward tad-disseminazzjoni ta’ data dwar riċerka, il-ftehim dwar l-għotja jista’, fil-kuntest tal-aċċess miftuħ għad-data dwar riċerka u l-preservazzjoni tagħha, jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet skont liema għandu jiġi pprovdut l-aċċess miftuħ għal tali riżultati, b’mod partikolari f’riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-[Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC)] u f’riċerka tal-FET (Teknoloġiji Futuri u Emerġenti) jew f’oqsma adatti oħra, u b’kont meħud tal-interessi leġittimi tal-parteċipanti u kwalunkwe restrizzjoni minħabba regoli tal-protezzjoni, regoli tas-sigurtà jew regoli tal-proprjetà intellettwali. F’każijiet bħal dawn, il-programm ta’ ħidma jew il-pjan ta’ ħidma għandu jindika jekk hijiex meħtieġa d-disseminazzjoni ta’ data dwar riċerka permezz ta’ aċċess miftuħ.

Għandha tingħata notifika bil-quddiem ta’ kull attività ta’ disseminazzjoni lill-parteċipanti l-oħra. Wara n-notifika, parteċipant jista’ joġġezzjona jekk juri li l-interessi leġittimi tiegħu fir-rigward tar-riżultati jew tat-tagħrif eżistenti tiegħu sejrin isofru dannu sinifikanti bid-disseminazzjoni maħsuba. F’każijiet bħal dawn, id-disseminazzjoni ma tistax isseħħ sakemm ma jittieħdux passi adatti għas-salvagwardja ta’ dawk l-interessi leġittimi. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi l-iskadenzi f’dan ir-rigward.

3.      Għall-finijiet tal-monitoraġġ u tad-disseminazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ finanzjament rilevanti, il-parteċipanti għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-użu u mad-disseminazzjoni, u jipprovdu kwalunkwe dokument meħtieġ f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja. Soġġett għall-interessi leġittimi tal-parteċipanti li pprovdew l-informazzjoni, tali informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Il-ftehim dwar l-għotja għandu, fost l-oħrajn, jistabbilixxi l-iskadenzi fir-rigward ta’ tali obbligi ta’ rappurtar.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

12      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

13      Fid‑19 ta’ April 2016, ir-REA kkonkludiet, fil-kuntest tal-programm Orizzont 2020, il-ftehim ta’ sussidju Nru 700626 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sussidju”) mal-membri ta’ konsorzju għall-finanzjament tal-proġett iBorderCtrl għal perijodu ta’ 36 xahar mill‑1 ta’ Settembru 2016.

14      L-għan ta’ dan il-proġett kien li jiġu ttestjati teknoloġiji ġodda sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Unjoni billi tiġi żgurata ġestjoni iktar rapida tal-vjaġġaturi u identifikazzjoni iktar rapida ta’ attivitajiet illegali.

15      Fil‑5 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent ressaq quddiem il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, talba għal aċċess għal diversi dokumenti relatati kemm mal-awtorizzazzjoni tal-proġett kif ukoll mal-iżvolġiment tiegħu. Din it-talba ntbagħtet lir-REA fis‑7 ta’ Novembru ta’ wara.

16      Fit‑23 ta’ Novembru 2018, ir-REA informat lir-rikorrent li hija kienet qiegħda tilqa’ t-talba tiegħu għal aċċess, fl-intier tagħha għal wieħed mid-dokumenti mitluba, peress li dan kien aċċessibbli għall-pubbliku, u parzjalment għal dokument ieħor mitlub. Hija indikatlu wkoll li kienet qiegħda tiċħad it-talba tiegħu għal aċċess fir-rigward tad-dokumenti l-oħra mfassla matul il-proġett, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, sa fejn uħud minn dawn id-dokumenti kienu jinkludu data personali ta’ persuni fiżiċi li pparteċipaw fil-proġett, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

17      Fis‑26 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent ressaq talba konfermattiva għal aċċess, li fiha aċċetta r-redazzjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi involuti fil-proġett.

18      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-REA tat aċċess parzjali għal ċerti dokumenti mitluba u ċaħdet il-kumplament tat-talba tiegħu għal aċċess.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Marzu 2019, P. Breyer ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi kkritika lir-REA, minn naħa, fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-proġett iBorderCtrl, talli naqset milli tiddeċiedi dwar it-talba għal aċċess tiegħu u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-iżvolġiment ta’ dan il-proġett, talli tatu biss aċċess parzjali għall-ewwel sensiela ta’ dokumenti u li rrifjutalu l-aċċess għat-tieni sensiela ta’ dokumenti, billi invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju.

20      Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellant kien invoka żewġ motivi, fejn l-ewwel wieħed biss huwa rilevanti għall-eżami ta’ dan l-appell.

21      Dan il-motiv, li jikkritika lir-REA talli rrifjutat l-aċċess jew talli tat biss aċċess parzjali għad-dokumenti relatati mal-iżvolġiment tal-proġett, kien maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq l-assenza ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u t-tieni parti fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni skont l-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

22      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża u ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ P. Breyer.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet flappell

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-REA.

24      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla fit-totalità tagħha s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lir-REA għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

25      Ir-REA, sostnuta mill-Kummissjoni, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil P. Breyer għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

 Fuq lappell

26      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka aggravju wieħed ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni billi rrifjutatlu, b’mod żbaljat, aċċess sħiħ għad-dokumenti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-proġett iBorderCtrl, filwaqt li l-interess pubbliku għall-aċċess għall-informazzjoni jipprevali fuq l-interessi kummerċjali tal-parteċipanti f’dan il-proġett.

27      Ir-REA tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell kollu kemm hu.

 Fuq lammissibbiltà

 Largumenti talpartijiet

28      Ir-REA ssostni, qabelxejn, li peress li l-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, laqgħet parzjalment it-talbiet tal-appellant, dan tal-aħħar ma jistax jieħu vantaġġ mill-annullament ta’ dik is-sentenza fl-intier tagħha.

29      Hija tesponi, sussegwentement, li l-allegazzjonijiet tal-appellant ma jikkonċernawx il-motivazzjoni tas-sentenza appellata iżda l-kuntest politiku iktar wiesa’ tal-appell, li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali u li ma jidentifikawx b’mod ċar l-iżbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali. L-appellant jillimita ruħu li jirriproduċi l-argumenti, fil-parti l-kbira tagħhom ta’ natura sostantiva, diġà invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, billi jirreferi barra minn hekk għal aspetti fattwali mhux ikkonstatati minnha u mingħajr ma jiddeskrivi bi preċiżjoni, skont l-Artikolu 168(1)(d) u l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi.

30      Fl-aħħar nett, hija ssostni li s-suġġett tal-appell huwa illegalment estiż, sa fejn l-appellant illimita ruħu li jikkritika l-punti 181 sa 205 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ddeskriva l-motivi u l-argumenti ta’ dritt li huwa kellu l-intenzjoni li jinvoka kontra l-partijiet l-oħra ta’ dik is-sentenza.

31      L-appellant joġġezzjona li huwa ma jikkontestax is-sentenza appellata sa fejn din laqgħet ir-rikors tiegħu, li l-appell tiegħu jiddeskrivi l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jillimita ruħu li jirrepeti l-argumenti invokati fl-ewwel istanza, u li l-ibbilanċjar korrett tal-interessi preżenti ma huwiex kwistjoni ta’ fatt, iżda kwistjoni ta’ liġi, li tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

32      L-ewwel, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, għalkemm huwa kien inizjalment talab l-annullament sħiħ tas-sentenza appellata, l-appellant ippreċiża, fil-punt 2 tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, li huwa kien qiegħed jitlob l-annullament ta’ dik is-sentenza biss sa fejn hija ma laqgħetx ir-rikors tiegħu.

33      Barra minn hekk, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li appell jista’ jiġi ppreżentat biss minn parti li tkun tilfet parzjalment jew għalkollox fit-talbiet tagħha.

34      Peress li l-appellant tilef parzjalment fit-talbiet tiegħu, l-appell tiegħu kontra s-sentenza appellata sa fejn din tiċħad parzjalment ir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni kontenzjuża huwa għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ammissibbli.

35      It-tieni, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għalhekk, appell li jillimita ruħu sabiex jirrepeti jew sabiex jirripproduċi testwalment l-aggravji u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑475/19 P u C‑688/19 P, EU:C:2020:1036, punt 33).

37      Madankollu, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura ta’ appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑280/14 P, EU:C:2015:792, punt 43, u tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-appell tiegħu li jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata, l-appellant ma għandux l-intenzjoni li jikseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda jikkontesta l-motivi li jinsabu fil-punti speċifiċi ta’ din is-sentenza, billi jifformula argumenti legali intiżi sabiex juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-interessi pubbliċi invokati insostenn tat-talba għal żvelar u tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

39      Issa, huwa paċifiku li l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ fatt jew ta’ att magħmula mill-Qorti Ġenerali hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 41). F’dan il-każ, dan japplika għall-kwistjoni dwar jekk l-interessi invokati mill-appellant għandhomx jitqiesu bħala interessi pubbliċi superjuri, fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      It-tielet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-REA bbażat fuq inammissibbiltà tal-appell għar-raġuni li s-suġġett tiegħu ġie estiż b’mod irregolari. Kif ġie enfasizzat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, fl-aħħar stadju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza appellata biss sa fejn din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li huwa jikkontesta biss ċerti punti tas-sentenza appellata ma jistax jikkostitwixxi kawża ta’ inammissibbiltà tal-appell tiegħu jew tal-aggravju tiegħu.

41      L-appell huwa għalhekk ammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Largumenti talpartijiet

42      L-uniku aggravju tal-appellant, li permezz tiegħu huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali, billi rrifjutatlu aċċess sħiħ għad-dokumenti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-proġett iBorderCtrl meta kien jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tagħhom, kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jinkludi żewġ partijiet.

43      Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li huwa ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa invoka interessi differenti li, fil-fehma tiegħu, kienu jissodisfaw din il-klassifikazzjoni.

44      L-ewwel, ir-rikorrent jesponi li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw proġett iffinanzjat kompletament minn fondi pubbliċi.

45      L-interess pubbliku li tkun tista’ tiġi diskussa l-opportunità ta’ finanzjament pubbliku ta’ proġett tant invażiv u diskutibbli daqs il-proġett iBorderCrtl huwa iktar u iktar ikkaratterizzat peress li l-finanzjament pubbliku ikun jista’ jintuża għal proġetti oħra ta’ riċerka inqas kontroversjali.

46      It-tieni, l-appellant isostni li jeżisti interess pubbliku li tiġi eżaminata l-bażi xjentifika u l-affidabbiltà tat-teknoloġija użata fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl, li suppost tippermetti l-kxif awtomatizzat ta’ gideb permezz ta’ analiżi tal-mikroespressjonijiet tal-uċuħ tal-vjaġġaturi li jwieġbu għall-mistoqsijiet li jsirulhom qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni.

47      It-tielet, l-appellant jinvoka l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri marbut mal-impatt li t-teknoloġiji użati fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl jista’ jkollhom fuq id-drittijiet fundamentali.

48      It-trasparenza hija meħtieġa peress li dawn it-teknoloġiji jeħtieġu l-użu ta’ testijiet u esperimenti, jinvolvu l-użu ta’ data bijometrika u jista’ jkollhom effetti diskriminatorji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni f’sitwazzjoni vulnerabbli.

49      Barra minn hekk, skont l-appellant, in-natura sperimentali tal-proġett iBorderCtrl timplika, bħal fil-qasam tat-testijiet kliniċi, li l-pubbliku jiġi informat sa mill-fażi ta’ riċerka sabiex ikun jista’ jsir dibattitu pubbliku dwar ir-rilevanza tat-teknoloġiji użati u sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ etika u ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

50      Ir-raba’, l-appellant isostni li jeżisti interess superjuri ta’ natura xjentifika, tal-media, politika u demokratika għall-iżvelar tad-dokumenti tal-proġett.

51      Skont il-“prinċipju ta’ universalità tax-xjenza”, interess xjentifiku huwa marbut mal-iżvelar tar-riżultati kollha tar-riċerka sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu diskussi u kkritikati, iktar u iktar peress li jeżisti dibattitu xjentifiku dwar jekk it-teknoloġija, kontroversjali ħafna, ta’ detezzjoni viżiva ta’ gideb tipproduċix riżultati probatorji.

52      L-eżistenza ta’ diversi studji ddedikati għal dawn it-teknoloġiji turi għalhekk kemm il-livell għoli ta’ interess li dawn joħolqu fil-komunità xjentifika kif ukoll in-natura ftit probatorja tar-riżultati tagħhom. In-numru kbir ta’ rapporti ddedikati għall-proġett iBorderCtrl jiżvela, min-naħa tiegħu, l-interess qawwi tal-media għal dan it-tip ta’ proġett, filwaqt li l-ħidma tal-Parlament Ewropew turi l-interess politiku li jqajjem.

53      Barra minn hekk, it-teknoloġija użata, inizjalment maħsuba għall-kontrolli fil-fruntieri, tista’ tintuża f’oqsma oħra sabiex jiġu investigati l-persuni u jiġu kkontrollati d-dikjarazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, hemm interess demokratiku u politiku sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji tal-kontroll tal-massa, attwalment ipprojbiti, huwiex mixtieq u jekk għandhiex tingħatalhom bażi legali.

54      Barra minn hekk, l-appellant jirrileva li ħafna informazzjoni dwar il-proġett iBorderCtrl diġà ġiet żvelata, inkluż minn parteċipanti fil-proġett. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li informazzjoni selettiva tiġi mxerrda b’dan il-mod, mingħajr ma terz indipendenti jkun jista’ jwettaq verifiki oġġettivi, ma huwiex konformi mal-interess pubbliku.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellant iqis li, fl-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju “ma għandhomx rilevanza partikolari” u huma inqas importanti mill-interess tal-pubbliku għat-trasparenza.

56      B’mod partikolari, l-interess pubbliku huwa partikolarment predominanti għad-dokumenti li ftit għandhom x’jaqsmu mas-sigrieti tan-negozju, bħall-evalwazzjonijiet etiċi u legali tat-teknoloġija, il-pjanijiet ta’ komunikazzjoni pubblika, ir-rapport dwar il-ġestjoni tal-kwalità jew id-dokumenti li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ riċerka.

57      Fit-tieni lok, l-appellant jesponi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 194 sa 200 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1290/2013 u tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014‑2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104, rettifika fil-ĠU 2015, L 6, p. 6), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ sussidju kienu suffiċjenti sabiex jissodisfaw dan l-interess peress li l-parteċipanti fil-proġett kellhom l-obbligu li jxandru r-riżultati tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi liberament aċċessibbli, li r-REA kienet twettaq azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ pubbliċità, li għalihom setgħu jintużaw sunti ta’ rapporti, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni u l-Istati Membri kellhom dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni, li kien ġie eżerċitat kontroll fuq il-legalità tal-iżvilupp ta’ dan il-proġett u, fl-aħħar nett, li l-evalwazzjonijiet etiċi u legali tal-imsemmi proġett kienu ġew sottomessi lil konsulent tal-etika indipendenti.

58      Qabelxejn, huwa jsostni li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni impost fuq il-parteċipanti fil-proġett ta’ riċerka inkwistjoni ma jistax jissodisfa l-interess pubbliku għall-aċċess għall-informazzjoni peress li d-dokumenti kollha relatati ma’ dan il-proġett għandhom jiġu ppubblikati, inklużi dawk dwar l-istat tar-riċerka u l-materjali u l-metodi użati, u li dan l-obbligu ma jestendix għall-informazzjoni kummerċjali meqjusa li jistħoqqilha protezzjoni.

59      Fil-fehma tiegħu, il-pubbliku, li jiffinanzja l-proġett, għandu jkollu aċċess f’waqtu għall-informazzjoni kollha mill-fażi ta’ riċerka u ta’ żvilupp. Barra minn hekk, dan l-approċċ jikkorrispondi għall-prassi tal-Kummissjoni għall-artikli xjentifiċi marbuta ma’ proġetti ffinanzjati taħt il-programm Orizzont 2020 u mal-istruttura tar-Regolament Nru 1290/2013, li l-Artikolu 43(2) tiegħu jipprevedi li kull parteċipant f’dan il-programm għandu jxerred kemm jista’ jkun malajr, permezz tal-mezzi xierqa, ir-riżultati fil-pussess tiegħu. L-appellant josserva wkoll f’dan is-sens li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedix eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni għall-proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp fis-seħħ u li r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-parteċipanti ma humiex ikbar matul il-proġett milli wara t-tlestija tiegħu.

60      Għalhekk, huwa jilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-parteċipanti fil-proġett iBorderCtrl setgħu jżommu sigrieta l-informazzjoni kollha li tirrigwarda speċifikament is-sistema, inkluża dik dwar il-legalità u l-aċċettabbiltà etika tagħha, kif ukoll dwar ir-riskji u l-inkonvenjenzi kollha li din tippreżenta.

61      Huwa jsostni sussegwentement li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ pubbliċità tar-REA lanqas ma huma ta’ natura li jissodisfaw l-interess pubbliku għall-aċċess għall-informazzjoni peress li din l-aġenzija hija obbligata tosserva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u li l-informazzjoni li hija tippubblika, spiss ta’ natura “pubbliċitarja”, ma tippermettix dibattitu indipendenti jew kritiku.

62      Fl-aħħar nett, l-appellant iqis li d-dritt tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jkollhom aċċess għall-informazzjoni ma jistax jissodisfa l-interess tal-pubbliku li jiġi informat għaliex dan ma huwiex aċċess pubbliku għall-informazzjoni.

63      Ir-REA, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali debitament ikkonstatat u mmotivat l-assenza ta’ prova, mill-appellant, tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba u, min-naħa l-oħra, li l-appellant ma rnexxilux jidentifika żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li jistgħu jikkontestaw is-sentenza appellata.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

64      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-appellant jikkontesta s-sentenza appellata biss sa fejn din irrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ta’ natura li jiġġustifika l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti jew ta’ partijiet ta’ dokumenti li għalihom ir-REA kienet ikkonkludiet li dawn kienu jaqgħu taħt is-sistema ta’ eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

65      L-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 117, 135, 146, 152, 164, 172 u 178 tas-sentenza appellata, li jgħidu li r-REA ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab f’ċerti dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti seta’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju, għalhekk ma humiex ikkontestati fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-uniku aggravju tiegħu għandu jiġi eżaminat.

66      Kif jipprevedi espressament l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 58/2003, l-aġenziji eżekuttivi, bħar-REA, huma obbligati josservaw ir-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1049/2001.

67      Konformement mal-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel parti mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, li jistabbilixxi pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u l-eqreb possibbli taċ-ċittadin (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Dan l-għan fundamentali tal-Unjoni huwa rifless ukoll, minn naħa, fl-Artikolu 15(1) TFUE, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ, prinċipju kkonfermat ukoll fl-Artikolu 10(3) TUE u fl-Artikolu 298(1) TFUE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 42 tal-Karta, permezz tal-istabbiliment tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Barra minn hekk, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li tingħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika. Billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi b’mod miftuħ, hija tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex iżżid il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għal dan l-għan, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, bla ħsara għal sistema ta’ eċċezzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li, b’deroga mill-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punti 76 sa 78).

71      Fost dawn l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, hemm dik stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ “interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali”, sakemm ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

72      Is-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista f’dan l-Artikolu 4 hija bbażata għalhekk fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma protetti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar, b’tali mod li d-deċiżjoni meħuda dwar it-talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevalixxi fil-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 63).

73      Għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta wettqet dan l-ibbilanċjar u meta rrifjutat li tikklassifika l-interessi invokati mill-appellant bħala interessi pubbliċi superjuri li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

74      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddikjarat, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, li hija l-persuna li ssostni l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94).

75      Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll ġustament, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li għalkemm l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001, madankollu, sempliċi kunsiderazzjonijiet ġenerali ma jistgħux ikunu ta’ natura li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza għandu importanza partikolari li tista’ tipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 92 u 93; tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 92 u 93, kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il‑Kummissjoni, C‑271/15 P, EU:C:2016:557, punt 95).

76      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-aggravju huwa bbażat parzjalment fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar in-neċessità li tiġi ppubblikata l-informazzjoni kollha dwar proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament pubbliku u dwar l-interess xjentifiku marbut mal-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka teknoloġika skont il-“prinċipju ta’ universalità tax-xjenza”.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li proġett ta’ riċerka jibbenefika minn finanzjament minn fondi tal-Unjoni u għandu bħala għan l-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jiżvela l-eżistenza ta’ interess reali tal-pubbliku fl-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ dan il-proġett. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, l-espożizzjoni ta’ tali motiv ta’ natura ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-interess għandu neċessarjament jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar ta’ dawn id-dokumenti.

78      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx l-eżistenza ta’ interess xjentifiku, tal-media u tal-pubbliku b’mod ġenerali fit-tixrid tal-informazzjoni dwar il-proġett iBorderCtrl, iżda ddeċidiet, fil-punti 193, 197 u 200 tas-sentenza appellata, li dan l-interess kien issodisfatt mis-sistema ta’ tixrid tar-riżultati prevista mir-Regolament Nru 1290/2013 u mill-ftehim ta’ sussidju.

79      Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, minn naħa, fil-punti 194 u 195 tas-sentenza appellata, fuq l-obbligi ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati imposti fuq il-parteċipanti fil-proġett u, min-naħa l-oħra, fil-punt 196 ta’ dik is-sentenza, fuq id-drittijiet ta’ aċċess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-proġett.

80      Għal dak li jirrigwarda l-obbligi imposti fuq il-parteċipanti fil-proġett, il-Qorti Ġenerali rrilevat qabelxejn li l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1290/2013 u l-Artikolu 29.1 tal-ftehim ta’ sussidju kienu jipprevedu obbligu għal dawn il-parteċipanti li jxerrdu permezz ta’ mezzi xierqa r-riżultati tal-proġett, bla ħsara għal eventwali restrizzjonijiet imposti, b’mod partikolari, permezz tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, tar-regoli ta’ sigurtà jew tal-interessi leġittimi.

81      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-portata tal-obbligu ta’ tixrid tar-riżultati tar-riċerka impost fuq l-imsemmija parteċipanti kienet speċifikata mill-ftehim ta’ sussidju. Hija tirreferi għall-Artikolu 29.2 ta’ din il-konvenzjoni, li kien jistipula li aċċess liberu għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi tar-riżultati evalwati bejn pari għandu jiġi ggarantit, u għall-Artikolu 38.2.1 tal-imsemmija konvenzjoni, li kien jipprevedi li r-REA setgħet, fl-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, tuża l-informazzjoni dwar il-proġett u d-dokumenti, b’mod partikolari s-sunti intiżi għall-pubblikazzjoni u l-elementi li jistgħu jitwasslu lill-pubbliku, għall-attivitajiet tagħha ta’ komunikazzjoni u ta’ pubbliċità. Il-Qorti Ġenerali semmiet ukoll l-Artikolu 20.3(a)(iii) u l-Artikolu 20.4(a) tal-ftehim ta’ sussidju, li jgħidu li l-parteċipanti għandhom jissottomettu lir-REA, flimkien mar-rapporti perjodiċi tekniċi u finanzjarji, is-sunti li jinkludu, b’mod partikolari, deskrizzjoni tar-riżultati u tat-tixrid tagħhom, intiżi għall-pubblikazzjoni mir-REA.

82      Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-proġett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1290/2013 u l-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju kienu jipprevedu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fih, l-aċċess tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri għall-informazzjoni dwar ir-riżultati ġġenerati minn parteċipant li bbenefika minn finanzjament tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament jiżgura lill-istess istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri drittijiet ta’ aċċess, għall-finijiet tal-iżvilupp, tal-implimentazzjoni u tal-monitoraġġ ta’ politiki jew ta’ programmi tal-Unjoni, għal dawn ir-riżultati.

83      F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-interessi pubbliċi invokati mill-appellant insostenn tat-talba tiegħu għall-iżvelar kienu ssodisfatti mis-sistema ta’ tixrid tar-riżultati prevista mir-Regolament Nru 1290/2013 u mill-ftehim ta’ sussidju.

84      Kif tfakkar fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha qabelxejn fuq l-obbligi ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati imposti fuq il-parteċipanti fil-proġett.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, kuntrarjament għal dak li jallega l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-informazzjoni kollha li tirrigwarda speċifikament il-proġett iBorderCtrl, inkluża dik dwar il-legalità u l-aċċettabbiltà etika tiegħu, setgħet tinżamm sigrieta.

86      Fid-dawl tal-punt 194 tas-sentenza appellata, jidher li l-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li l-obbligu ta’ tixrid tar-riżultati tar-riċerka impost fuq il-parteċipanti fil-proġett, previst fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1290/2013 u fl-Artikolu 29.1 tal-ftehim ta’ sussidju, kien limitat mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, tar-regoli ta’ sigurtà jew tal-interessi leġittimi.

87      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-dokumenti relatati mal-implikazzjonijiet etiċi u legali tal-proġett, mill-punti 113 sa 118 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali approvat id-deċiżjoni kontenzjuża biss fir-rigward ta’ dawk li kienu jinkludu informazzjoni dwar l-għodda u t-teknoloġiji konkretament imfassla mill-membri tal-konsorzju fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni sa fejn din kienet irrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-evalwazzjoni ġenerali etika u legali ta’ sistemi li jużaw mezzi teknoloġiċi innovattivi, bħalma huma l-identifikazzjoni awtomatizzata tal-gideb.

88      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-appellant li jgħid li l-kriterji żviluppati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jwasslu sabiex sensiela sħiħa ta’ dokumenti relatati mar-riżultati tal-proġett, fosthom, b’mod partikolari, dawk relatati mar-riżultati tat-testijiet pilota jinżammu sigrieti, dan huwa bbażat fuq estrapolazzjoni mhux iġġustifikata tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali għal dokumenti differenti minn dawk li kienu s-suġġett tat-talba għal żvelar u, għaldaqstant, tad-deċiżjoni kontenzjuża.

89      It-tieni, l-argument tal-appellant li jgħid li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni impost fuq il-parteċipanti fil-proġett ma jistax jissodisfa l-interess pubbliku peress li dan l-obbligu ma jippermettix il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kummerċjali meqjusa bħala li jistħoqqilha protezzjoni lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, jekk jintlaqa’ dan l-argument ikun ifisser li tiġi preżunta s-supremazija tal-interessi pubbliċi invokati insostenn tat-talba fuq l-interessi li ġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar, filwaqt li, kif tfakkar fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, huwa dak li jinvoka l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan.

90      It-tielet, il-paragun magħmul mill-appellant ma’ proġetti preċedenti ta’ riċerka u ta’ żvilupp “simili”, li jikkonfermaw li l-pubblikazzjonijiet tal-parteċipanti f’tali proġetti ma jippermettux dibattitu pubbliku, jirriżulta minn kunsiderazzjoni ġenerali, relatata ma’ proġetti oħra, li ma hijiex xierqa sabiex tistabbilixxi, fir-rigward speċifikament tal-proġett iBorderCtrl, l-insuffiċjenza, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza, tal-informazzjoni kkomunikata abbażi tar-Regolament Nru 1290/2013 u tal-ftehim ta’ sussidju.

91      Ir-raba’, l-appellant ma jurix kif l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tgħid li kien possibbli li tinżamm diskussjoni pubblika informata dwar l-aspetti differenti tal-proġett iBorderCtrl li kien qiegħed jiġi żviluppat abbażi tar-riżultati mxerrda skont dan ir-regolament u din il-konvenzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolament Nru 1049/2001 kien jipprevedi eċċezzjoni ġenerali għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni għall-proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp pendenti.

93      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tiegħu, l-appellant jinvoka, essenzjalment, l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jsir jaf l-informazzjoni kollha dwar l-istadji kollha ta’ proġett ta’ riċerka teknoloġika ffinanzjat minn fondi pubbliċi, li jipprevali sistematikament fuq l-interessi kummerċjali tal-impriżi li jipparteċipaw f’dan il-proġett. Dan l-argument jista’ jirnexxi biss fil-preżenza ta’ preżunzjoni li tali informazzjoni titqies li tippreżenta interess pubbliku superjuri. Fl-assenza ta’ tali preżunzjoni, kif tfakkar fil-punti 74 u 89 ta’ din is-sentenza, huwa l-appellant li għandu jinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati.

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda element tal-aggravju ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li hija żbaljata fid-dritt l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 202 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-appellant baqa’ ma weriex li l-prinċipju ta’ trasparenza kien jippreżenta, f’dan il-każ, importanza partikolari li tipprevali fuq l-interess leġittimu għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-membri tal-konsorzju parteċipanti fil-proġett.

95      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi sa fejn qieset li l-interessi pubbliċi invokati mill-appellant setgħu jiġu ssodisfatti mill-obbligi ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati tal-proġett iBorderCtrl imposti fuq il-parteċipanti f’dan il-proġett mill-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1290/2013 kif ukoll mill-Artikoli 20.3(a)(iii), mill-Artikolu 20.4(a) u mill-Artikoli 29.1, 29.2 u 38.2.1 tal-ftehim ta’ sussidju.

96      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, qieset li dawn l-interessi kienu żgurati mid-drittijiet ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni u ta’ aċċess previsti, għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri, fl-Artikoli 4 u 49 tar-Regolament Nru 1290/2013 kif ukoll fl-Artikolu 36.1 tal-ftehim ta’ sussidju, filwaqt li, minn naħa, dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previst mir-Regolament Nru 1049/2001 la għandhom l-istess benefiċjarji u lanqas l-istess għanijiet.

97      Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 1290/2013, id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati ġġenerati minn parteċipant fil-kuntest ta’ azzjoni li tkun ibbenefikat minn finanzjament tal-Unjoni huwa rriżervat għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Huwa jagħtihom biss aċċess, fuq talba, għall-informazzjoni li hija rilevanti għall-finijiet tal-politika pubblika, li, ladarba tiġi kkomunikata, tibqa’ kunfidenzjali sakemm ma ssirx pubblika jew titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-parteċipanti. Bl-istess mod, mill-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 1290/2013 jirriżulta li d-drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati ta’ parteċipant li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni previsti minn din id-dispożizzjoni huma rriżervati għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni biss “bil-fini debitament iġġustifikat li jiżviluppaw, jimplimentaw u jissorveljaw il-politiki jew il-programmi tal-Unjoni”.

98      Għall-kuntrarju, id-dritt ta’ aċċess previst mir-Regolament Nru 1049/2001 huwa rrikonoxxut, skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, l-applikant ma huwiex obbligat li jiġġustifika t-talba tiegħu għal aċċess.

99      Kif isostni ġustament l-appellant, id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1290/2013 ma jistax għalhekk jissodisfa l-interess pubbliku invokat insostenn ta’ talba għal aċċess għal dokumenti magħmula abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 minn ċittadin tal-Unjoni jew minn persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru.

100    Madankollu, il-motivi esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 196 tas-sentenza appellata huma superfluwi meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-punti 194 u 195 tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament, kif jirriżulta mill-punti 84 sa 95 ta’ din is-sentenza, li l-interessi pubbliċi invokati mill-appellant setgħu jiġu ssodisfatti mill-obbligi ta’ pubblikazzjoni imposti fuq il-parteċipanti fil-proġetti ta’ riċerka mill-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 1290/2013 u mill-Artikolu 20.3(a)(iii), mill-Artikolu 20.4(a) kif ukoll mill-Artikoli 29.1, 29.2 u 38.2.1 tal-ftehim ta’ sussidju. Fil-fatt, tali obbligi, direttament imposti fuq dawn il-parteċipanti, jippermettu li l-informazzjoni dwar ir-riżultati tar-riċerki ssir pubblika, indipendentement mill-eventwali azzjonijiet ta’ tixrid li jistgħu jitwettqu mill-Unjoni jew mill-Istati Membri wara l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal din l-informazzjoni.

101    Għaldaqstant, l-argument imressaq mill-appellant f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, aggravju dirett kontra motiv tas-sentenza appellata, li d-dispożittiv tagħha huwa bbażat b’mod suffiċjenti fid-dritt fuq motivi oħra, huwa ineffettiv u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il‑Kummissjoni, C‑122/01 P, EU:C:2003:259, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Banco Santander vs Il‑Kummissjoni, C‑52/19 P, EU:C:2021:794, punt 127).

102    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-appellant ibbażat fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jirriżulta mill-fatt li l-proġett iBorderCtrl jista’ jippreġudika d-drittijiet fundamentali, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument billi qieset, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli għall-proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffinanzjati taħt il-programm Orizzont 2020 kienu jimponu fuq il-parteċipanti l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, u fuq il-Kummissjoni obbligu li tiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-prinċipji. Hija żiedet li dawn ir-rekwiżiti kienu barra minn hekk riflessi fil-fatt li l-evalwazzjonijiet legali u etiċi tal-proġett iBorderCtrl kienu speċifikament inklużi fl-istadji obbligatorji tal-iżvilupp tiegħu, peress li l-kwistjonijiet etiċi kienu huma stess issorveljati minn konsulent tal-etika indipendenti.

103    Il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod partikolari għall-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1290/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tiegħu, u għall-Artikolu 34 tal-ftehim ta’ sussidju.

104    B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

105    Fil-fatt, il-fatt li l-parteċipanti fil-proġett iBorderCtrl huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, u li l-Kummissjoni hija obbligata tiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-prinċipji, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-preżunzjoni tal-assenza ta’ preġudizzju għall-imsemmija drittijiet u prinċipji u li jeskludi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri marbut mal-iżvelar tad-dokumenti relatati ma’ dan il-proġett minħabba l-effetti possibbli tat-tekniki użati fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

106    Għalkemm dan jirrifletti l-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni għaż-żamma ta’ dawn id-drittijiet tal-aħħar, it-tfakkira tal-obbligu għall-parteċipanti fil-proġett li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet ma tistax tiġġustifika li t-terzi jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jitolbu l-aċċess għal dawn id-dokumenti sabiex, b’mod partikolari, jivverifikaw li l-parteċipanti fil-proġett u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni osservaw l-obbligi rispettivi tagħhom.

107    Madankollu, il-motiv imsemmi fil-punt 198 tas-sentenza appellata huwa ta’ natura superfluwa.

108    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 199 ta’ dik is-sentenza, minn naħa, li l-appellant ma allegax li d-drittijiet fundamentali tal-persuni li pparteċipaw fit-testijiet pilota fil-kuntest tal-proġett iBorderCtrl ma kinux ġew irrispettati u, min-naħa l-oħra, li l-interess pubbliku li huwa invoka, li kien jikkonċerna fir-realtà użu futur eventwali f’kundizzjonijiet reali tas-sistemi bbażati fuq tekniki u teknoloġiji żviluppati fil-kuntest ta’ dan il-proġett, huwa ssodisfatt bit-tixrid tar-riżultati fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1290/2013 u mill-ftehim ta’ sussidju.

109    Issa, l-appellant ma jinvokax żnaturament tal-argumenti tiegħu stess fl-ewwel istanza.

110    Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 84 sa 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, sa fejn il-proġett iBorderCtrl kien biss proġett ta’ riċerka li kien qiegħed jiġi żviluppat, u li l-uniku għan tiegħu kien li jiġu ttestjati teknoloġiji, l-interess pubbliku li fuqu bbaża ruħu l-appellant seta’ jiġi ssodisfatt permezz tat-tixrid tar-riżultati tal-proġett fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1290/2013 u mill-ftehim ta’ sussidju.

111    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, ineffettiv u, parzjalment, infondat.

112    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

113    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

114    Peress li l-appellant tilef il-kawża, dan għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-REA, kif mitlub minn din tal-aħħar.

115    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Kummissjoni, intervenjenti fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Patrick Breyer huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.