Language of document : ECLI:EU:T:2009:155

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Mejju 2009 (1)

“Trade mark Komunitarja – Trade mark Komunitarja verbali AURELIA – Nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa ta’ tiġdid – Kanċellazzjoni tat-trade mark fl-iskadenza tar-reġistrazzjoni – Applikazzjoni għal restitutio in integrum”

Fil-Kawża T‑136/08,

Aurelia finance SA, stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn M. Elmslie, solicitor, u N. Saunders, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tad-9 ta‘ Jannar 2008 (Każ R 1214/2007‑1), dwar l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ippreżentata mir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Papasavvas (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ April 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Lulju 2008,

wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-4 ta’ Awwissu 2000, ir-rikorrenti Aurelia finance SA, kisbet mingħand l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali AURELIA bħala trade mark Komunitarja, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01 p. 146-180), kif emendat.

2        Fil-21 ta’ Novembru 2005, l-UASI fakkar lir-rappreżentant tar-rikorrenti għat-trade mark inkwistjoni li kien possibbli li din ir-reġistrazzjoni tiġi mġedda, billi din tal-aħħar kellha tiskadi fid-19 ta’ Ġunju 2006. L-UASI rrimarka li kellha ssir applikazzjoni għal dan il-għan u li kellha titħallas it-taxxa ta’ tiġdid qabel it-2 ta’ Lulju 2006, iżda li, bi ħlas ta’ taxxa żejda għal ħlas tardiv, dan it-terminu ta’ żmien seta’ jiġi estiż sat-2 ta’ Jannar 2007.

3        Fit-22 ta’ Jannar 2007, l-UASI nnotifika lir-rappreżentant tar-rikorrenti bl-iskadenza tat-terminu ta’ żmien u tal-kanċellazzjoni tat-trade mark mir-reġistru tat-trade marks mid-19 ta’ Ġunju 2006.

4        Fil-5 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal restitutio in integrum lill-UASI fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 u talbet lill-UASI jieħu mill-kont kurrenti tagħha t-taxxa ta’ tiġdid korrispondenti kif ukoll it-taxxa ta’ restitutio in integrum. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti esponiet li kienet użat, b’mod partikolari għat-tiġdid tat-trade mark inkwistjoni, s-servizzi ta’ kumpannija speċjalizzata fil-provvista ta’ servizzi ta’ tiġdid tat-trade marks (iktar ‘il quddiem il-“kumpannija speċjalizzata”). Il-kumpannija speċjalizzata implementat sistema informatika konnessa ma’ bażi ta’ data li fiha d-data varja dwar il-proprjetarji, it-trade marks u l-privattivi suġġetti għal tiġdid tiddaħħal manwalment. Meta trade mark speċifika għandha tiġġedded, is-sistema suppost tiġġenera tliet ittri ta’ twissija għall-attenzjoni tal-proprjetarju, ittri li jitolbu l-kunsens tiegħu qabel ma jsir it-tiġdid. Jekk waħda minn dawn l-ittri ma tiġix iġġenerata, sistema ta’ sigurtà tiġi attivata, li tipprintja u tibgħat ittra ta’ sostituzzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, billi impjegat tal-kumpannija speċjalizzata naqas milli jdaħħal fil-bażi ta’ data ċerta data tar-rikorrenti li hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-sistema, ma ntbagħtet ebda notifikazzjoni lilha. Barra minn dan, sussegwentement ġara li s-sistema ta’ sigurtà, maħsuba sabiex jiġi identifikat dan it-tip ta’ żball, ma kinitx ġiet attivata, għaliex kienet ġiet implementata biss għat-tiġdid tal-privattivi, u mhux għat-tiġdid tat-trade marks.

5        B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2007, id-dipartiment “Trade marks u reġistru” tal-UASI ċaħad din it-talba minħabba li l-kumpannija speċjalizzata ma kinitx ippruvat il-viġilanza meħtieġa.

6        Fil-31 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u sabiex l-applikazzjoni għal restitutio in integrum tintlaqa’.

7        B’deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2008 (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Awla tal-Appell ċaħdet dan ir-rikors billi qieset li l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx applikabbli, billi l-kumpannija għat-tiġdid tat-trade marks magħżula mir-rikorrenti ma ppruvatx il-viġilanza meħtieġa fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Essenzjalment, hija qieset li l-kumpannija speċjalizzata kien messha implementat sistema ta’ tiġdid tat-trade marks li toffri garanziji ta’ funzjonament tajjeb u li tinkludi mekkaniżmu ta’ sorveljanza li jista’ jidentifika l-iżbalji u anomaliji possibbli. Fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu bħall-dan, żbalji ta’ funzjonament bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ huma previdibbli. Barra minn dan, ma tressqet ebda prova fir-rigward tal-allegati testijiet ta’ parametraġġ tas-sistema.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrinvija l-applikazzjoni għal restitutio in integrum quddiem l-UASI għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94.

11      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli kkunsidra, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-osservanza tal-obbligu ta’ viġilanza kellu, f’dan il-każ, jiġi evalwat f’relazzjoni mas-servizz ta’ tiġdid tat-trade marks iddelegat mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti tqis li l-evalwazzjoni għandha titwettaq f’relazzjoni magħha stess, jew saħansitra mar-rappreżentant tagħha. Hija tirrileva li huwa użu komuni li l-funzjonijiet amministrattivi, bħat-tiġdid tat-trade marks, ikunu ddelegati lil impriżi speċjalizzati u li, għaldaqstant, l-obbligu ta’ viġilanza għandu jitqies bħala li jkun osservat meta tintgħażel persuna kkwalifikata u tal-esperjenza.

12      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-diċitura tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94, “il-[proprjetarji] ta’ trade mark Komunitarja […] li ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw terminu ta’ żmien fil-konfront ta’ l-[UASI] minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk in-nuqqas ta’ osservanza in kwistjoni jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt ”.

13      Minn dan l-artikolu jirriżulta li r-restitutio in integrum hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda hija li l-parti tkun aġixxiet bil-viġilanza neċessarja kollha fid-dawl taċ-ċirkustanzi u, it-tieni, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-parti kellha bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju [digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Settembru 2006, Hensotherm vs UASI – Hensel (HENSOTHERM), T‑366/04, Ġabra p. II‑65, punt 48].

14      Minn dan l-artikolu jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ viġilanza jaqa’, l-ewwel nett, fuq il-proprjetarju tat-trade mark. B’hekk, jekk il-proprjetarju jiddelega l-funzjonijiet amministrattivi relatati mat-tiġdid ta’ trade mark, huwa għandu jiżgura li l-persuna magħżula minnu tippreżenta l-garanziji neċessarji li jippermettu l-preżunzjoni ta’ eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija funzjonijiet.

15      Għandu wkoll jitqies li, minħabba d-delegazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet, il-persuna magħżula hija, l-istess bħall-proprjetarju, suġġetta għall-imsemmi obbligu ta’ viġilanza. Fil-fatt, billi din tal-aħħar taġixxi f’isem u għall-proprjetarju, l-atti tagħha għandhom jitqiesu bħala li huma dawk tal-proprjetarju. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li kien hemm lok li tiġi vverifikata l-osservanza, minn naħa tal-kumpannija speċjalizzata, tal-viġilanza kollha meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

16      Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għal prassi allegatament differenti tal-qrati nazzjonali u tal-Awli tal-Appell dwar l-iżbalji mwettqa minn kumpanniji tal-posta u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jitfakkar minn naħa, li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma u, min-naħa l-oħra, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Awli tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti ta’ dawn tal-aħħar [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-12 ta’ Marzu 2008, Suez vs UASI (Delivering the essentials of life), T‑128/07, Ġabra p. II‑36, punt 32].

17      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li hija, jew ir-rappreżentant tagħha, kien messha vverifikat il-kumpannija inkarigata bit-tiġdid tat-trade marks kif magħżula minnha. Skontha, is-superviżjoni tax-xogħol ta’ impriża li hija speċjalizzata fit-tiġdid tat-trade marks ma kienx kompitu tagħha u lanqas tar-rappreżentant tagħha.

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti, jew ir-rappreżentant tagħha, kien messha għamlet superviżjoni tal-imsemmi servizz. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra biss li s-sistema implementata minn impriża speċjalizzata fit-tiġdid tat-trade marks kellha toffri biżżejjed garanziji ta’ funzjonament, inkluż mekkaniżmu ta’ sorveljanza li jippermetti l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ kull żball potenzjali li jirriżulta minn ġestjoni ħażina tal-fajls mill-impjegati tal-impriża li qed toffri s-servizz jew mis-sistema informatika stess.

19      It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkunsidra li l-livell ta’ viġilanza meħtieġ għat-tiġdid tat-trade marks kien l-istess jew ogħla minn dak meħtieġ f’applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade marks. Skontha, dan il-livell għandu jitqies bħala inferjuri, inkwantu l-proċess tat-tiġdid tat-trade marks jinkludi biss funzjonijiet ta’ natura amministrattiva, li ma jeħtiġux esperjenza fl-interpretazzjoni tad-dritt tat-trade marks, kuntrarjament għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks, li jirrikjedu funzjonijiet ta’ natura ġuridika u li huma, għaldaqstant, mogħtija lil speċjalisti f’dan il-qasam. Ir-rikorrenti tqis wkoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dritt tal-privattivi, fejn ġie kkonstatat li l-livell ta’ viġilanza meħtieġa minn speċjalisti professjonali mhuwiex rikjest minn assistenti, li ma għandhomx l-istess livell ta’ għarfien professjonali.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-livell ta’ viġilanza rikjest ma jvarjax skont in-natura, amministrattiva jew ġuridika, tal-funzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati. Fil-fatt, kieku d-distinzjoni proposta mir-rikorrenti bejn funzjonijiet ġuridiċi u funzjonijiet amministrattiva kellha tiġi applikata, kull nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu proċedurali jista’ b’hekk ikun ippreżentat bħala li huwa nuqqas amministrattiv, li jippermetti lill-applikanti negliġenti milli jibbenefikaw, fil-każijiet kollha, minn rekwiżiti ridotti fir-rigward tal-livell ta’ viġilanza tagħhom, kif enfasizzat ġustament mill-UASI. F’kull każ, l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 ma jadottax distinzjoni bħall-din, iżda jirrikjedi li tinġieb prova ta’ kull viġilanza rikjesta miċ-“ċirkustanzi”.

21      Barra minn dan, anki jekk jitqies li l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 ġie bbażat fuq mudell li jaqa’ taħt id-dritt tal-privattivi, ma hemm xejn li jindika li l-interpretazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet għandha tkun identika, peress li l-interessi inkwistjoni fiż-żewġ oqsma jistgħu jkunu differenti. Fil-fatt, il-kuntest ġuridiku tad-dritt tal-privattivi huwa differenti u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-privattiva huma intiżi sabiex jirregolaw proċeduri differenti minn dawk applikabbli għal trade mark.

22      Għandu wkoll jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-leġiżlatur inkorpora l-Artikolu 78 fir-Regolament Nru 40/94, li l-ewwel paragrafu tiegħu jippermetti lill-partijiet, f’każ tal-iskadenza ta’ ċerti termini ta’ żmien, li jingħataw lura d-drittijiet tagħhom mingħajr il-ħtieġa li juru li pproduċew l-prova tal-viġilanza kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi. Madankollu, il-fatt li l-leġiżlatur espressament semma, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu, l-iskadenza tat-terminu għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade marks fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament jindika x-xewqa tiegħu li jissuġġetta din l-iskadenza għad-dover ġenerali ta’ viġilanza imposta mill-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu, kif jirrileva ġustament l-UASI.

23      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-Artikolu 78(6) u (7) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż sabiex jipproteġi lil terzi, in bona fide, li qegħdu prodotti fis-suq jew ipprovdew servizzi li huma identiċi jew li jixxiebħu waqt il-perijodu ta’ bejn it-telf tad-drittijiet tat-trade mark Komunitarja u l-pubblikazzjoni tan-nota tal-istabbiliment mill-ġdid ta’ dawn id-drittijiet. Skontha, din il-protezzjoni timplika li l-livell ta’ viġilanza meħtieġ mill-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija inqas mil-livell ta’ viġilanza applikata fid-deċiżjoni kkontestata.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju ta’ “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” jissemma fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jesponi l-kundizzjonijiet li fihom tista’ issir applikazzjoni għal restitutio in integrum. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78(6) u (7) tar-Regolament Nru 40/94 japplika biss meta l-applikazzjoni għal restitutio in integrum ġiet aċċettata u huwa intiż sabiex jipproteġi l-interessi ta’ terzi li aġixxew in bona fide. Għaldaqstant, l-Artikolu 78(6) u (7) tar-Regolament Nru 40/94 huwa irrilevanti għad-determinazzjoni tal-livell ta’ viġilanza meħtieġa mill-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament.

25      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji meta eżamina l-provi li kienu ġew ipprovduti quddiemu u, għaldaqstant, iddeċieda b’mod żbaljat li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum kellha tinċaħad. Hija tqis li s-sistema użata mill-kumpannija speċjalizzata kienet tikkonforma mar-rekwiżiti tal-linji gwida tal-UASI, li jinterpretaw, fil-punt 6.2.3, il-kliem “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi”, imniżżla fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94, bħala li jfissru “li jkun hemm sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza interna tat-termini li teskludi ġeneralment l-inosservanza involontarja ta’ dawn it-termini”. Fil-fatt, il-kelma “ġeneralment” tindika, skont ir-rikorrenti, li l-iżbalji eċċezzjonali jagħtu lok għal restitutio in integrum. Issa, f’dan il-każ, il-funzjonament ħażin tas-sistema kienet internament dovuta għall-fatt li, b’mod eċċezzjonali, impjegat tal-kumpannija speċjalizzata ma kienx daħħal id-data meħtieġa. Barra minn dan, la dawn id-direttivi, la l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas il-ġurisprudenza ma jirrikjedu, skont ir-rikorrenti, li jiġi installat mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sistema informatika, bħal dak li kien ġie implementat għall-privattivi, peress li s-sistema informatika waħedha tiżgura ġeneralment l-osservanza tat-termini, anki fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu bħall-dan.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-kliem “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” imniżżla fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirrikjedi l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza interna tat-termini li teskludi ġeneralment in-nuqqas ta’ osservanza involontarja ta’ dawn it-termini, kif previsti mid-direttivi tal-UASI. Minn dan jirriżulta li huma biss l-avvenimenti eċċezzjonali u, għaldaqstant, imprevedibbli abbażi tal-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum.

27      F’dan il-każ, meta kumpannija speċjalizzata implementat sistema informatika ta’ tfakkir tat-termini, il-viġilanza meħtieġa miċ-ċirkustanzi tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-kunċett ġenerali tal-imsemmija sistema jiżgura l-osservanza tat-termini, it-tieni nett, li din is-sistema tippermetti li jiġi identifikat u korrett kull żball prevedibbli fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tal-impjegati tal-kumpannija speċjalizzata u kif ukoll fil-funzjonament tas-sistema informatika u, it-tielet nett, li l-impjegati tal-kumpannija speċjalizzata li huma responsabbli għad-dħul tad-data meħtieġa u għall-użu ta’ din is-sistema jiġu adegwatament imħarrġa, obbligati li jivverifikaw l-operazzjonijiet tagħhom u jkunu suġġetti għal superviżjoni.

28      Madankollu, anki jekk jitqies li l-kunċett tas-sistema informatika ta’ tfakkir tat-termini jiżgura ġeneralment l-osservanza tat-termini, xorta jibqa’ l-fatt li żbalji umani ta’ dħul ta’ informazzjoni ma jistgħux jiġu esklużi, anki fil-każ fejn l-impjegati jingħataw taħriġ u istruzzjonijiet xierqa u jkunu suġġetti għal superviżjoni xierqa. Fil-fatt, żbalji umani relatat mad-dħul ta’ informazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma avvenimenti eċċezzjonali jew imprevedibbli. Konsegwentement, l-imsemmija sistema kellha tipprevedi mekkaniżmu ta’ identifikar u ta’ korrezzjoni ta’ żbalji bħall-dawn. Madankollu, peress li mekkaniżmu bħall-dan ma ġiex implementat, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament li l-obbligu ta’ viġilanza meħtieġ miċ-ċirkustanzi ma kienx ġie osservat.

29      Konsegwentement, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrinvija l-applikazzjoni għal restitutio in integrum quddiem l-UASI għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid għandu wkoll jiġi miċħud, bħall-kumplament tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

31      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aurelia finance SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2009.

Firem


1 Lingwa tal-Kawża: l-Ingliż