Language of document : ECLI:EU:T:2009:155

Kawża T‑136/08

Aurelia Finance SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Trade mark Komunitarja verbali AURELIA — Nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa ta’ tiġdid — Kanċellazzjoni tat-trade mark fl-iskadenza tar-reġistrazzjoni — Applikazzjoni għal restitutio in integrum”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Restitutio in integrum — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 78(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Restitutio in integrum — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 78(1))

1.      Skont id-diċitura tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, “il-[proprjetarji] ta’ trade mark Komunitarja […] li ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw terminu ta’ żmien fil-konfront tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk in-nuqqas ta’ osservanza in kwistjoni jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt”.

Minn dan l-artikolu jirriżulta li r-restitutio in integrum hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda hija li l-parti tkun aġixxiet bil-viġilanza neċessarja kollha fid-dawl taċ-ċirkustanzi u, it-tieni, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-parti kellha bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju.

Minn dan l-artikolu jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ viġilanza jaqa’, l-ewwel nett, fuq il-proprjetarju tat-trade mark. B’hekk, jekk il-proprjetarju jiddelega l-funzjonijiet amministrattivi relatati mat-tiġdid ta’ trade mark, huwa għandu jiżgura li l-persuna magħżula minnu tippreżenta l-garanziji neċessarji li jippermettu l-preżunzjoni ta’ eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija funzjonijiet.

Minħabba d-delegazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet, il-persuna magħżula hija, l-istess bħall-proprjetarju, suġġetta għall-imsemmi obbligu ta’ viġilanza. Fil-fatt, billi din tal-aħħar taġixxi f’isem u għall-proprjetarju, l-atti tagħha għandhom jitqiesu bħala li huma dawk tal-proprjetarju.

(ara l-punti 12-15)

2.      Il-kliem “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” imniżżla fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jirrikjedu l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza interna tat-termini li teskludi ġeneralment in-nuqqas ta’ osservanza involontarja ta’ dawn it-termini, kif previsti mid-direttivi tal-Uffiċċju. Minn dan jirriżulta li huma biss l-avvenimenti eċċezzjonali u, għaldaqstant, imprevedibbli abbażi tal-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum.

Meta kumpannija speċjalizzata timplementa sistema informatika ta’ tfakkir tat-termini, il-viġilanza meħtieġa miċ-ċirkustanzi tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-kunċett ġenerali tal-imsemmija sistema jiżgura l-osservanza tat-termini, it-tieni nett, li din is-sistema tippermetti li jiġi identifikat u korrett kull żball prevedibbli fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tal-impjegati tal-kumpannija speċjalizzata u kif ukoll fil-funzjonament tas-sistema informatika u, it-tielet nett, li l-impjegati tal-kumpannija speċjalizzata li huma responsabbli għad-dħul tad-data meħtieġa u għall-użu ta’ din is-sistema jiġu adegwatament imħarrġa, obbligati li jivverifikaw l-operazzjonijiet tagħhom u jkunu suġġetti għal superviżjoni.

Anki jekk jitqies li l-kunċett ta’ sistema informatika ta’ tfakkir tat-termini jiżgura ġeneralment l-osservanza tat-termini, xorta jibqa’ l-fatt li żbalji umani ta’ dħul ta’ informazzjoni ma jistgħux jiġu esklużi, anki fil-każ fejn l-impjegati jingħataw taħriġ u istruzzjonijiet xierqa u jkunu suġġetti għal superviżjoni xierqa. Fil-fatt, żbalji umani relatati mad-dħul ta’ informazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma avvenimenti eċċezzjonali jew imprevedibbli. Konsegwentement, l-imsemmija sistema għandha tipprevedi mekkaniżmu ta’ identifikar u ta’ korrezzjoni ta’ żbalji bħall-dawn. Peress li mekkaniżmu bħall-dan ma ġiex implementat, l-obbligu ta’ viġilanza meħtieġ fiċ-ċirkustanzi mhuwiex osservat.

(ara l-punti 26-28)