Language of document : ECLI:EU:T:2009:417

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja li tikkonsisti f’tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru distintiv miksub permezz tal-użu – Artikolu 7(3) u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Raġuni relattiva għal rifjut – Trade mark nazzjonali preċedenti mhux irreġistrata li tikkonsisti f’tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar – Artikolu 8(4) u Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009] – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009)”

Fil-Kawża T‑137/08,

BCS SpA, stabbilita f’Milan (l-Italja), irrappreżentata minn M. Franzosi, V. Jandoli u F. Santonocito, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Deere & Company, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Gray, solicitor, u A. Tornato, avukat,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-16 ta’ Jannar 2008 (Każ R 222/2007‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn BCS SpA u Deere & Company,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ April 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fit-22 ta’ Lulju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Lulju 2008,

wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ April 1996, l-intervenjenti, Deere & Company, ippreżentat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, P. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)], applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal li ġej:

Image not found

2        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 7 u 12 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad‑deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 7: “Magni tax-xogħol intiżi għall-agrikoltura u għall‑forestrija marbuta, miġbuda jew bil-mutur”;

–        klassi 12: “Magni tax-xogħol intiżi għall-agrikoltura u għall-forestrija bil-mutur, b’mod partikolari tractors għall-irziezet, tractors żgħar, tractors għar-raba’ u karrijiet”.

3        Il-kuluri previsti fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġew iddisinjati skont is-sistema ta’ Munsell: 9.47 GY3.57/7.45 (aħdar) u 5.06 Y7.63/10.66 (isfar). Id-deskrizzjoni tippreċiża li “il-korp tal-vettura huwa aħdar [u li] ir-roti huma sofor”, kif turi stampa mehmuża mal-applikazzjoni u riprodotta hawn taħt:

Image not found

4        Fl-20 ta’ Novembru 2001, l-intervenjenti kisbet ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”).

5        Fil-5 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti, BCS SpA, ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-prodotti kollha protetti permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] kif ukoll tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 52(1)(ċ) u tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament [li saru l-Artikolu 53(1)(c) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009].

6        Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti sostniet, l-ewwel nett, li t-trade mark ikkontestata kienet nieqsa minn karattru distintiv fil-ġurnata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li l‑prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009), ma kinitx suffiċjenti.

7        It-tieni nett, ir-rikorrenti allegat li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata minkejja l-eżistenza ta’ trade mark Taljana mhux irreġistrata, li tikkonsisti wkoll f’tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar. Hija sostniet li l‑użu ta’ din it-trade mark qabel l-1996 għal “Magni tax-xogħol intiżi għall-agrikoltura u għall-forestrija bil-mutur, b’mod partikolari tractors għall-irziezet, tractors żgħar, tractors għar-raba’ u karrijiet” fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Greċja, fl-Ispanja, fi Franza, fl-Italja, fl-Olanda, fl-Awstrija, fil-Portugall u fir‑Renju Unit, kien jagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

8        B’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2006, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fiż-żewġ motivi tagħha, billi kkunsidrat, minn naħa, li r-rikorrenti ma kkontestatx b’suċċess il-validità tal-provi li jirrigwardaw il-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ppreżentati mill-intervenjenti skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra li, minkejja li r-rikorrenti wriet li hija kienet użat il-kuluri aħdar u isfar fuq diversi magni għall-agrikoltura qabel il-preżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata, hija madankollu ma kinitx uriet li dan is-sinjal kien ipperċepit qabel din id-data mill-pubbliku rilevanti tat-territorji kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali.

9        Fit-2 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni minħabba l‑fatt li l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata ma kienx ġie evalwat fir-rigward tat-territorji kollha kkonċernati u minħabba li d‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, minkejja li ammettiet li s-sinjal li kien il-proprjetà tar-rikorrenti kien ġie użat fis-suq, ikkonkludiet inġustament li ma kienx ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini.

10      B’deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-16 ta’ Jannar 2008, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-rikors ġie miċħud kollu kemm hu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitlobu li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill‑partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq ċerti dokumenti waqt is-seduta.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 7(3), tal-Artikolu 8(4) u tal‑Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar‑Regolament Nru 207/2009).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

15      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi billi naqas milli jivverifika jekk it-trade mark ikkontestata (tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar) kinitx ġiet użata bħala trade mark, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jwettaq evalwazzjoni globali tal-provi u sempliċiment eżaminahom individwalment, mingħajr koordinazzjoni jew mingħajr ma ġew ikkunsidrati fil-globalità tagħhom.

16      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma evalwax korrettament il-provi li jidhru fil-proċess, minn naħa, peress li d-dokumenti ppreżentati ma kinux ikopru l-Unjoni Ewropea kollha jew mill-inqas parti sostanzjali tagħha u, min-naħa l-oħra, peress li l-valur probatorju ta’ dawn il-provi kien baxx minħabba l-fatt li kienu juru sempliċiment li l-kuluri ntużaw flimkien ma’ trade mark verbali jew li kienu ġejjin minn imsieħba kummerċjali tal-intervenjenti u mhux minn sorsi indipendenti rappreżentattivi tal-konsumaturi kkonċernati.

17      Skont ir-rikorrenti, għandu jiġi applikat livell ta’ prova partikolarment għoli fl-eżami jekk it-trade mark ikkontestata kisbitx karattru distintiv permezz tal-użu, peress li l-kuluri m’għandhomx karattru distintiv intrinsiku, għaliex huma jintużaw prinċipalment għal finijiet dekorattivi u mhux għal finijiet ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. Dan huwa iktar u iktar minnu meta, bħal fil-kawża preżenti, huma jintużaw prinċipalment ma’ indikazzjoni distintiva minn dik li lilha l-konsumaturi kkonċernati għandhom mnejn jagħtu iktar attenzjoni.

18      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jivverifika jekk il-pubbliku kkonċernat kienx ipperċepixxa effettivament it‑tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar, mingħajr trade mark figurattiva jew verbali oħra miegħu, bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, il-fajl amministrattiv jinkludi biss studju tas-suq, dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat fil-Ġermanja, fejn huwa evalwat il-karattru distintiv tad-trade mark ikkontestata.

19      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkunsidra, minn naħa, li l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ, dwar l-ispejjeż għar-reklamar u dwar il-partijiet l-oħra tas‑suq ma tikkonċernax it-territorji kollha jew hija partikolarment dgħajfa għal x’uħud minnhom u, min-naħa l-oħra, li d-dikjarazzjonijiet tad-diversi assoċjazzjonijiet ma jirreferux għall-użu esklużiv tat-trade mark ikkontestata mill-intervenjenti, li saru wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark kkontestata, u li ma sarux quddiem nutar.

20      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ikkontestata hija ta’ “ġeometrija varjabbli”, fis-sens li la hija ċara u lanqas preċiża, u għaldaqstant ma tissodisfax ir-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza.

21      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud. Barra minn hekk, l-UASI osserva, waqt is-seduta, li l-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ikkontestata kien jikkostitwixxi motiv ġdid u kien, għaldaqstant, inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ilment imqajjem waqt is-seduta

22      Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq ir-rappreżentazzjoni grafika ambigwa tat-trade mark ikkontestata jirrigwarda l-applikazzjoni tal‑Artikolu 4 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009) u tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(a) tar‑Regolament Nru 207/2009]. Issa, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti sempliċiment akkużat lill-Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 7(3), – li jippermetti li ssir deroga mill-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d) [l‑Artikolu 7(1)(ċ) u (d) saru l-Artikolu 7(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 207/2009] – mill-Artikolu 8(4) u mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

23      Għaldaqstant l-ilment invokat mir-rikorrenti waqt is-seduta dwar il-konformità tat-trade mark ikkontestata mar-rekwiżiti tar-rappreżentazzjoni grafika ma jikkostitwixxix iż-żieda ma’ motiv imqajjem fir-rikors, iżda jikkostitwixxi motiv ġdid ippreżentat matul il-kawża. Għaldaqstant, dan il-motiv huwa inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

–       Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94

24      Qabel kollox, għandhom jiġu mfakkra l-prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

25      F’dak li jirrigwarda l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-identifikazzjoni, miċ-ċrieki ta’ persuni rilevanti, tal-prodott jew tas-servizz bħala wieħed li joriġina minn impriża partikolari għandha ssir permezz tal-użu tat-trade mark inkwantu trade mark u, għaldaqstant, permezz tan-natura u l-effett tagħha, li jagħmluha ta’ natura tali li tiddistingwi l-prodott ikkonċernat minn dawk ta’ impriżi oħra [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, Ġabra p. I‑5475, punt 64].

26      F’dan ir-rigward, l-espressjoni “l-użu tat-trade mark inkwantu trade mark” għandha tinftiehem li qiegħda tirreferi biss għall-użu tat‑trade mark għal finijiet ta' identifikazzjoni tal-prodott jew tas‑servizz miċ-ċrieki ta’ persuni rilevanti bħala wieħed li joriġina minn impriża speċifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C‑353/03, Ġabra p. I‑6135, punt 29).

27      Barra minn hekk, l-kisba ta’ karattru distintiv ta’ trade mark jista’ jirriżulta mill-użu tagħha flimkien ma’ trade mark irreġistrata oħra jew bħala parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI u Sämann, C‑488/06 P, Ġabra p. I-5685, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmilx distinzjoni skont in-natura tas-sinjali inkwistjoni. Għaldaqstant, il-kuluri jew it-tagħqid ta’ kuluri jistgħu minnhom infushom jiksbu, għall-prodotti jew servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, karattru distintiv minħabba l-użu li sar minnhom, skont l-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punti 78 u 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-karattru distintiv ta’ sinjal, inkluż dak miksub permezz tal-użu li sar minnu, għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-perċezzjoni preżunta ta’ konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 63).

30      F’dan il-kuntest, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa b’mod globali l-elementi li jistgħu juru li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni sar xieraq sabiex jidentifika l‑prodott ikkonċernat bħala wieħed li joriġina minn impriża speċifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 49).

31      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li, għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-kisba, minn trade mark, ta’ karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, jistgħu jitqiesu, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq miżmum mit-trade mark, kemm huwa intensiv, ġeografikament mifrux u t-tul ta’ żmien tal-użu ta’ din it-trade mark, l-ammonti li ġew investiti mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, il-proporzjon taċ-ċrieki ta’ persuni rilevanti li, permezz tat-trade mark, jidentifikaw il-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża speċifika kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija, jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn (ara, b’analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60, u Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

32      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-motiv preżenti.

33      F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell naqas milli jwettaq evalwazzjoni globali tal-provi u sempliċiment eżaminahom individwalment mingħajr ma ħadhom inkunsiderazzjoni fil-globalità tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li mid‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minkejja li l-Bord tal-Appell eżamina kull prova, huwa qies ukoll li l-provi kollha ppreżentati mill-intervenjenti kienu “koerenti u [kienu] jikkoroboraw lil xulxin” (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Mill-punti 32, 36 sa 38 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-kisba ta’ karattru distintiv hija bbażata, minn naħa, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sett ta’ provi li juru l-użu għal żmien twil u intensiv tat-trade mark ikkontestata, u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li dan l-użu ppermetta lill‑pubbliku rilevanti sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti li għandhom l-imsemmi sinjal.

35      Fir-rigward tal-ilment li l-Bord tal-Appell wettaq żball billi naqas milli jivverifika jekk it-trade mark ikkontestata kinitx intużat inkwantu trade mark, għandu jitfakkar li huwa minnu li mhux kull użu ta’ trade mark, b’mod partikolari tal-użu ta’ tagħqid ta’ żewġ kuluri, jikkostitwixxi neċessarjament użu inkwantu trade mark (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq).

36      Madankollu, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal‑fondatezza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal‑Appell, fil-punti 32 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet tal-assoċjazzjonijiet professjonali li jipprovdu li t-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar kien jirreferi għall‑magni għall-agrikoltura prodotti mill-intervenjenti u l-fatt li l‑intervenjenti użat b’mod koerenti, fl-Unjoni Ewropea, l-istess tagħqid ta’ kuluri fuq il-magni tagħha għal perijodu kunsiderevoli qabel l‑1996.

37      Dawn iż-żewġ elementi huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-użu tat‑tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar ma kienx purament stilistiku, iżda ppermetta lill-pubbliku kkonċernat sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti li għandhom l-imsemmi tagħqid ta’ kuluri. Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, billi naqas milli jivverifika jekk it-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar kienx intuża inkwantu trade mark.

38      F’dak li jirrigwarda l-ilment li jipprovdi li l-provi li jidhru fil-proċess tal‑Bord tal-Appell ma kinux jikkonċernaw lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ April 1996, għandu jiġi osservat dan li ġej.

39      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm għandu jiġi stabbilit li t-trade mark ikkontestata kisbet karattru distintiv fil-Komunità kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 83), ma huwiex meħtieġ li l-istess tipi ta’ provi jitressqu għal kull Stat Membru.

40      Il-fatt li, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, il-proċess ma kienx jinkludi stħarriġ ta’ opinjoni intiż li tiġi evalwata l-perċezzjoni, mill-pubbliku rilevanti fl-Unjoni Ewropea, tat-trade mark ikkontestata, ma jistax għaldaqstant iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

41      In-nuqqas ta’ stħarriġ ta’ opinjoni ma jeskludix il-fatt li jintwera li sinjal kiseb karattru distintiv permezz tal-użu, peress li din il-prova tista’ tiġi prodotta permezz ta’ elementi oħra, (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mis-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 53) jirriżulta li t-twettiq ta’ stħarriġ ta’ opinjoni ma jikkostitwixxix rekwiżit assolut sabiex jiġi konkluż li sinjal kiseb karattru distintiv permezz tal-użu.

42      Fir-rigward taċ-ċifri, għandu jiġi kkonstatat li l-uniċi ċifri li ma jidhrux fil-proċess tal-Bord tal-Appell huma dawk tad-dħul mill-bejgħ magħmul fil-Finlandja u fl-Irlanda. Madankollu, għal dawn iż-żewġ Stati Membri kif ukoll għall-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ April 1996, l‑intervenjenti kienet ippreżentat quddiem l-UASI informazzjoni dettaljata fuq l-ishma tagħha mis-suq u l-volumi ta’ bejgħ tagħha bejn l-1970 u l-1996 kif ukoll fuq dawk tal-kompetituri tagħha.

43      Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-ishma tas-suq miżmuma mill-intervenjenti kienu żgħar wisq sabiex ikunu tali li juru firxa profonda u dejjiema fis-suq, għandu jiġi osservat li l-prodotti inkwistjoni jikkostitwixxu oġġetti ta’ produzzjoni li l‑prezz tagħhom huwa għoli u li l-akkwist tagħhom huwa ppreċedut minn proċess li fih il-konsumatur jinforma ruħu b’attenzjoni fuq il-firxa ta’ prodotti li hija offruta billi jqabbel u jeżamina d-diversi mudelli tal‑kompetituri.

44      F’tali suq, ma huwiex neċessarju li trade mark tikseb sehem importanti mis-suq sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li hija nżammet fil-memorja tal-konsumaturi rilevanti. Għal dan huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li t-trade mark ikkontestata kellha preżenza solida u għal żmien twil fis-suq.

45      Fil-kawża preżenti, mill-proċess tal-Bord tal-Appell jirriżulta, minn naħa, li l-intervenjenti użat fl-Unjoni Ewropea, b’mod koerenti, l-istess tagħqid ta’ kuluri fuq il-magni għall-agrikoltura tagħha kollha għal perijodu kunsiderevoli qabel l-1996 u, min-naħa l-oħra, li fil-pajjiżi fejn ir‑rikorrenti tqis li s-sehem mis-suq tal-intervenjenti kien partikolarment żgħir, l-intervenjenti kienet preżenti mill-inqas 30 sena qabel id-data tal‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, peress li din il-preżenza ilha mill-1966 fl-Awstrija, mill-1939 fil-Finlandja, mill-1949 fil-Greċja u mill-1953 fl-Italja (punti 5 u 38 tad‑deċiżjoni kkontestata). Dawn il-fatti ma ġewx ikkontestati mir‑rikorrenti.

46      Minn dak li ntqal jirriżulta li, jekk huwa minnu li t-trade mark ikkontestata ntużat u ġiet promossa flimkien mat-trade mark verbali John Deere u li l-ispejjeż għar-reklamar tal-intervenjenti fl-Unjoni Ewropea ġew ippreżentati f’daqqa u mhux individwalment għal kull pajjiż, ir‑rikorrenti tiżbalja meta tallega li ma ntweriex, suffiċjentement skont il-liġi, li l-intervenjenti kienet użat it-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar fuq il-prodotti tagħha inkwantu trade mark u li l-firxa tal-prodotti tagħha kienet profonda u damet fit-tul fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ April 1996.

47      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk dan l-użu u din il-firxa kinux suffiċjenti sabiex jippermettu lill-pubbliku rilevanti jidentifika, permezz tat-trade mark ikkontestata, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti indikati.

48      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqiegħed f’dubju r-rilevanza u l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tad-diversi assoċjazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Hija tikkritika l-fatt li dawn id‑dikjarazzjonijiet ma sarux b’mod spontanju, li l-kontenut tagħhom ġie ddettat jew mill-inqas ikkoordinat mill-intervenjenti, li huma ma kinux jirreferu għall-użu esklużiv tat-trade mark ikkontestata mill‑intervenjenti, li nħarġu wara l-perijodu ta’ riferiment u li ma sarux quddiem nutar, u li l-entitajiet li għamlu dawn id‑dikjarazzjonijiet la kienu rappreżentanti tal-pubbliku rilevanti u lanqas indipendenti, peress li kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom imsieħba kummerċjali tal-intervenjenti.

49      Fir-rigward tad-data tad-dikjarazzjonijiet, għandu jiġi osservat li l-fatt li huma ġew iffirmati fl-2000 ma jimplikax li dawn kienu nieqsa minn valur probatorju għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat‑trade mark ikkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI u Cornu, C‑108/07 P, Ġabra p. I-61, punt 53). Barra minn hekk, l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 207/2009) jipprojbixxi l‑annullament tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata jekk jiġi stabbilit li hija kisbet karattru distintiv qabel id-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fil-kawża preżenti, fil-5 ta’ Jannar 2004. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet ippreżentati mhumiex rilevanti, peress li ma jkoprux neċessarjament il-perijodu qabel l-1 ta’ April 1996, huwa, f’kull każ, ineffettiv.

50      Fir-rigward tal-kwistjoni tan-nuqqas ta’ spontanjetà tal-assoċjazzjonijiet u tar-rwol tal-intervenjenti fir-redazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-imsemmija dikjarazzjonijiet inkitbu fuq talba tal-intervenjenti u li din kienet eventwalment ikkoordinat il-preparazzjoni tagħhom ma jqiegħedx f’dubju, minnu nnifsu, il-kontenut u l-valur probatorju tagħhom.

51      Fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, hemm fil-fatt lok li jiġi preżunt li kull assoċjazzjoni ffirmat id-dikjarazzjoni tagħha minn jeddha u tassumi l-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjoni. Barra minn hekk, il-valur probatorju ta’ dikjarazzjoni ma jistax jiġi miċħuda minħabba l-fatt li hija ma saritx quddiem nutar [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, Ġabra p. II-174, punt 41].

52      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet tad-distributuri ta’ magni għall-agrikoltura u tal-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi ta’ magni għall-agrikoltura mhumiex affidabbli ma tistax tintlaqa’.

53      Qabel kollox, mill-ġurisprudenza bl-ebda mod ma jirriżulta li huma biss id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill‑konsumaturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bil-kontra, il-formulazzjoni użata f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri d-“dikjarazzjonijet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn” (sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51), tinkludi wkoll id‑dikjarazzjonijiet tal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u/jew ta’ distributuri.

54      Għaldaqstant, f’dan il-każ għandu biss jiġi stabbilit jekk id-diversi assoċjazzjonijiet li għamlu dikjarazzjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indipendenti, b’tali mod li dawn setgħu jifformulaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-interess speċifiku tal‑intervenjenti.

55      F’dak li jirrigwarda l-assoċjazzjonijiet tal-agrikolturi u l‑assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-magni għall-agrikoltura, li għandhom bħala għan essenzjali li jipproteġu u jippromwovu l-interess tas‑settur li huma jirrappreżentaw u jorganizzaw, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma ppreżentat l-ebda indikazzjoni intiża biex turi l-parzjalità tagħhom jew l-interess tagħhom li l-intervenjenti tikseb ir‑reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha m’għandhiex dritt. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ħa ġustament inkunsiderazzjoni d‑dikjarazzjonijiet ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet.

56      F’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-entitajiet li jaġixxu bħala distributuri għall-intervenjenti fil-Finlandja u fl-Italja, biżżejjed jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tagħhom sempliċiment jikkorroboraw dawk tal-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-magni għall-agrikoltura fl-Italja u tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-agrikolturi fil-Finlandja. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element li jista’ jqieħed f’dujbu l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet taż‑żewġ assoċjazzjonijiet. Għaldaqstant it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell tad-dikjarazzjonijiet tad-distributuri Finlandiżi u Taljani ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

57      Fir-rigward tal-argument li d-dikjarazzjonijiet ma jipprovawx “użu esklużiv” tat-trade mark ikkontestata mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li hija l-assoċjazzjoni magħmula mill-pubbliku bejn it-trade mark u oriġini kummerċjali, u mhux l-użu esklużiv ta’ trade mark, li huwa rilevanti.

58      Fil-kawża preżenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirrigwardaw l-Irlanda u d‑Danimarka, id-dikjarazzjonijiet tad-diversi assoċjazzjonijiet jirreferu għall-fatt li t-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar, użat fir-rigward tal‑magni għall-agrikoltura, huwa assoċjat, fis-settur ikkonċernat, mal‑intervenjenti. L-istħarriġ ta’ opinjoni mwettaq fil-Ġermanja jikkorrobora din l-affermazzjoni.

59      Fir-rigward tal-Irlanda u d-Danimarka, id-dikjarazzjonijiet ippreżentati jindikaw li t-tagħqid tal-kuluri msemmija iktar ’il fuq huwa assoċjat ma’ diversi prodotti ta’ diversi produtturi u mhux biss dawk tal-intervenjenti. Madankollu, dan ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

60      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell evalwa l‑kisba tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata billi bbaża ruħu fuq sensiela ta’ indikazzjonijiet, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tad-diversi assoċjazzjonijiet u l-istħarriġ ta’ opinjoni mwettaq fil-Ġermanja, kif ukoll fuq il-fatt li l-prodotti tal-intervenjenti ġew ippreżentati flimkien fuq is-swieq rilevanti kollha matul perijodu sinjifikattiv u li l‑intervenjenti kienet użat, b’mod intensiv u għal żmien twil, it-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar inkwantu trade mark fuq l-imsemmija prodotti.

61      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-intervenjenti ilha preżenti fis-suq Daniż mill-1947 u fis-suq Irlandiż mill-1951. Barra minn hekk, mill-proċess tal-Bord tal-Appell jirriżulta li l-intervenjenti ilha tgawdi preżenza solida fuq dawn iż-żewġ swieq mill-1970 u li tista’ titqabbel mal-preżenza tagħha f’diversi Stati Membri oħra f’din id-data.

62      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat minħabba l-fatt li kkonkluda li ġie pprovat suffiċjentement skont il-liġi li t-trade mark ikkontestata kienet kisbet karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, fl-1 ta’ April 1996, id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

63      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament tal‑Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

64      Fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li fid-deċiżjoni kkontestata ġew applikati, fir-rigward tat-trade mark Taljana tagħha li mhijiex irreġistrata u li tkopri l-kuluri aħdar u isfar, kriterji iktar stretti minn dawk applikati fl-eżami tal-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, filwaqt li,l‑kundizzjonijiet għall-kisba ta’ drittijiet fuq it-trade mark huma, essenzjalment, l-istess fiż-żewġ każijiet. Għaldaqstant il-Bord tal‑Appell kiser mhux biss l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, iżda wkoll l-Artikolu 73 tal-istess regolament, inkwantu r‑raġunament tiegħu huwa insuffiċjenti u kontradittorju.

65      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dawn il-motivi jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66      Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi kkonstatat li huwa infondat.

67      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2007, Wesergold Getränkeindustrie vs UASI – Lidl Stiftung (VITAL FIT), T‑111/06, Ġabra p. II‑159, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata].

68      Għandu jitfakkar ukoll li kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu, li jirriżulta mill‑Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tal-att inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma kienx f’pożizzjoni li jkun jaf, totalment jew parzjalment, il-motivi veri tad-deċiżjoni u li, minħabba dan, id‑dispożittiv tal-att ikun, totalment jew parzjalment, nieqes minn kull bażi ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑5/93, Ġabra p. II‑185, punt 42).

69      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma tallegax li ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell adotta d‑deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni pjuttost li l-Bord tal-Appell evalwa provi li jistgħu jitqabblu b’mod differenti u li, konsegwentement, wasal għal konklużjonijiet diverġenti minn elementi simili. Madankollu, tali approċċ, jekk jitqies li ġie stabbilit, ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, iżda biss dak tal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament.

70      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li hija ma kinitx kisbet dritt għal trade mark de facto fis-suq Taljan, minkejja li l‑kuluri tas-sinjal tagħha kienu identiċi għal dawk tat-trade mark ikkontestata, li l-provi ppreżentati huma tal-istess valur, jew anki ta’ valur ogħla, u li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ sinjifikat sekondarju kienu l-istess.

71      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-oneru tal-prova impost fuq ir‑rikorrenti skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jikkorrispondi għal dak impost fuq l-intervenjenti skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament.

72      Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, mill-fatti mhux ikkontestati jirriżulta li l-elementi prodotti mir-rikorrenti quddiem il‑Bord tal-Appell kienu, fit-totalità tagħhom, ta’ valur probatorju inqas minn dawk ippreżentati mill-intervenjenti.

73      L-ewwel nett, huwa kostanti bejn il-partijiet li r-rikorrenti wafqet, mill-inqas bejn l-1973 u l-1983 milli tuża t-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar fuq il-prodotti tagħha fl-Italja. Minkejja li r-rikorrenti setgħet tikseb dritt mhux irreġistrat fuq is-sinjal tagħha permezz tal-użu bejn l‑1983 u l-1996, hija m’għamlitx dan. Mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li hija ma użatx it-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar b’mod koerenti u uniformi. Bil-kontra, hija użat diversi toni ta’ aħdar u isfar kif ukoll tagħqid tal-kuluri aħdar u abjad.

74      Għaldaqstant is-sospensjoni fl-użu tat-tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar bħala trade mark kif ukoll l-użu varjabbli tal-imsemmija kuluri kienu ta’ natura li jostakolaw lill-pubbliku milli jassoċja b’mod sistematiku lir‑rikorrenti ma’ tagħqid speċifiku ta’ kuluri.

75      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l‑valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-ex impjegati tar-rikorrenti ma kienx ċert. Kif jirriżulta mill-punti 46 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata, l‑imsemmija dikjarazzjonijiet ma ġewx ikkorroborati permezz ta’ provi oħra li jidhru fil-proċess, u dawn ġew saħansitra kontradetti parzjalment.

76      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat minħabba li kkonkluda li l-istudju tas-suq ippreżentat mir-rikorrenti ma kienx persważiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġu enfasizzat li l-Bord tal-Appell osserva ġustament, fil-punti 57 u 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti f’dan l-istudju, bil-kontra ta’ dak magħmul mill‑intervenjenti, ma kinux ġewx mistoqsija fuq ir-raġuni għalfejn kienu qed jagħtu risposta partikolari u ma ġewx ippreżentati bi stampa differenti, f’kulur differenti, sabiex jiġi ggarantit li huma ma jagħrfux l-istampa permezz ta’ kriterji oħra barra l-kulur. Dawn il-fatti mhumiex ikkontestati mir‑rikorrenti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi stabbilit jekk, fl-istħarriġ tar‑rikorrenti, il-parteċipanti għarfux il-prodotti tar-rikorrenti biss permezz tal‑kuluri tagħhom u mhux minħabba l-forma tagħhom jew minħabba elementi oħra.

77      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li l-valur probatorju tal-istħarriġ tar-rikorrenti kien kunsiderevolment inqas minn dak tal-istħarriġ prodott mill-intervenjenti, peress li l-persuni mistoqsija fil-kuntest tal-istħarriġ tar-rikorrenti ntalbu jibnu mill‑memorja tagħhom il-perċezzjoni tagħhom tat-trade marks għaxar snin qabel.

78      Minn dak kollu li ntqal it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda.

79      Għaldaqstant ir-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BCS SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ottubru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.