Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) fl-24 ta’ Mejju 2023 – DocLX Travel Events GmbH vs Bundesarbeitskammer

(Kawża C-320/23, Bundesarbeitskammer)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DocLX Travel Events GmbH

Konvenut: Bundesarbeitskammer

Domandi preliminari

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija adita, skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bid-domandi li ġejjin rigward l-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE 1 :

In-natura xierqa/raġonevoli tal-ispejjeż ta’ terminazzjoni u, għaldaqstant, tal-ammont tagħhom, għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-mument tal-offerta magħmula mill-organizzatur tal-vjaġġi, tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, tad-dikjarazzjoni ta’ terminazzjoni mill-vjaġġatur, tad-data tat-tmiem previst tal-vjaġġ, jew b’riferiment għal mument ieħor?

In-natura xierqa/raġonevoli tal-ispejjeż ta’ terminazzjoni u, għaldaqstant, tal-ammont tagħhom, għandha tiġi evalwata abbażi ta’ kalkolu ekonomiku eżatt tal-valur tagħhom, jew abbażi ta’ kriterji oħra, pereżempju stima standard stipulata, li tikkorrispondi għal perċentwali tal-prezz tal-vjaġġ?

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li l-ispejjeż ta’ terminazzjoni miftiehma fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ikunu għoljin b’mod mhux raġonevoli, l-organizzatur tal-vjaġġi jżomm id-dritt tiegħu għall-pagament tal-ispejjeż ta’ terminazzjoni xierqa/raġonevoli (fis-sens tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda), jew dawn l-ispejjeż għandhom jiġu kkalkolati skont id-dannu konkretament sostnut mill-organizzatur tal-vjaġġi, jew inkella l-organizzatur jitlef kompletament dan id-dritt?

Fl-evalwazzjoni tan-natura xierqa/raġonevoli tal-ispejjeż ta’ terminazzjoni, b’mod partikolari meta jkun ġie miftiehem li huma jieħdu l-forma ta’ somma standard, huwa possibbli li jsir riferiment għad-dritt nazzjonali li jagħti lill-qorti setgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-ammont fil-każ li jkunu mistennija spejjeż proċedurali sproporzjonati?

____________

1 ĠU 2015, L 326, p. 1