Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2008 - Atlantean vs Il-Kummsissjoni

(Kawża T-125/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Atlantean Ltd (Killybegs, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Fraser, solicitor, G. Hogan, E. Regan u C. Toland, barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-konvenuta tagħmel tajjeb għad-danni li ġarrbet ir-rikorrenti minħabba d-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, ta' l-4 ta' April 2003, safejn it-talba ta' l-Irlanda sabiex iżżid il-kapaċità tal-bastiment MFV Atlantean ġiet miċħuda illegalment; l-imsemmija danni jammontaw għal EUR 7 419 522, taħt il-kundizzjoni li din is-somma tiġi aġġornata matul il-proċedimenti, flimkien ma' interessi mill-4 ta' April 2003 sa meta jsir il-ħlas finali, kif ukoll l-interessi moratorji f'każ li jkun hemm dewmien fil-ħlas tal-kumpens ordnat, wara li tingħata s-sentenza.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti tressaq rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba t-telf li hija qiegħda ssostni li soffriet bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE ta' l-4 ta' April 2003 li ċaħdet it-talba ta' l-Irlanda fir-rigward tal-bastiment Atlantean tar-rikorrenti sabiex tiġi miżjuda l-kapaċità tiegħu fil-kuntest tar-raba' programm multi-annwali ta' gwida (MAGP IV) applikabbli għal raġunijiet ta' titjib fis-sigurtà, fin-navigazzjoni fuq il-baħar, fl-iġjene, fil-kwalità tal-prodotti u fil-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta' tul totali ta' iktar minn tnax-il metru.1. Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2006 safejn hija tapplika għall-bastiment Atlantean tar-rikorrenti2.

In sostenn ta' l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ssostni li bl-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, il-Kummissjoni kisret għadd ta' regoli superjuri tad-dritt: mhux biss ma kellhiex il-kompetenza sabiex tieħu d-Deċiżjoni, bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tagħha, iżda kisret ukoll il-prinċipju ta' ċertezza legali, il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta' non-retroattività, il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, il-prinċipju ta' proporzjonalità, l-obbligu li tagħti l-motivazzjonijiet tagħha skond l-Artikolu 253 KE, id-dritt ta' smigħ tar-rikorrenti u abbużat mill-poteri tagħha. Ir-rikorrenti ssostni ukoll li l-Kummissjoni kisret b'mod manifest u gravi l-limiti tas-setgħa tagħha ta' diskrezzjoni. Hija tisħaq li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, is-semplici ksur tad-dritt Komunitarju huwa ksur suffiċjentement serju tad-dritt.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet u għadha ssofri telf u danni sostanzjali bħala konsegwenza diretta ta' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni annullata peress li kellha tixtri kapacità ta' sostituzzjoni polivalenti addizzjonali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li d-danni huma reali u ċerti.

____________

1 - ĠU L 90, p. 48.

2 - Is-sentenza tat-13 ta' Ġunju 2006, Atlantean vs Il-Kummissjoni (T-192/03, Ġabra p. II-42).