Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Marzu 2008 - Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-129/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Markku Sahlstedt (Karkkila, il-Finlandja), Juha Kankkunen (Laukaa, il-Finlandja), Mikko Tanner (Vihti, il-Finlandja), Toini Tanner (Helsinki, il-Finlandja), Liisa Tanner (Helsinki, il-Finlandja), Eeva Jokinen (Helsinki, il-Finlandja), Aili Oksanen (Helsinki, il-Finlandja), Olli Tanner (Lohja, il-Finlandja), Leena Tanner (Helsinki, il-Finlandja), Aila Puttonen (Ristiina, il-Finlandja), Risto Tanner (Espoo, il-Finlandja), Tom Järvinen (Espoo, il-Finlandja), Runo K. Kurko (Espoo, il- Finlandja), Maa- ja metsätaloustuottajain keskusliitto MTK ry (Helsinki, il-Finlandja), Maataloustuottajain Keskusliiton Säätiö (Helsinki, il-Finlandja) (rappreżentant: K. Marttinen)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għandha tiġi annullata in kwantu din tirrigwarda s-siti kollha ta' importanza Komunitarja li jinsabu fid-deċiżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja

Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li huwa impossibli li tilqa' t-talba ċċitata iktar 'il fuq, hija għandha, sussidjarjament, tiddikjara l-annullament tad-deċiżjoni f'dak li jirrigwarda s-siti ta' importanza Komunitarja meta ma jkunx possibbli għall-Qorti tal-Prim'Istanza, tannulla d-deċiżjoni individwalizzati fil-punt 6.2.2.7 tar-rikors.

Talbiet għal komunikazzjoni u miżuri istruttorji

Jekk ir-rikors ma jiġix deċiż, fuq il-bażi biss ta' l-elementi ta' provi ppreżentati f'dan ir-rikors, favur ir-rikorrenti skond it-talbiet prinċipali ċċitati iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej għandha:

1)     tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tagħti lir-rikorrenti, fil-forma ta' CD-ROM, il-proposti li r-Repubblika tal-Finlandja għadditilha f'dak li jirrigwarda s-siti li għandhom jiġu inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, bl-informazzjoni kollha inkluża, skond is-seba' premessa tad-deċiżjoni,

2)    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tgħaddi lir-rikorrenti, fil-forma ta' CD-ROM, l-informazzjoni xjentifika u oħra li hija fil-pussess tagħha dwar is-siti kollha inklużi fid-deċiżjoni kkontestata tar-Repubblika tal-Finlandja - informazzjoni msemmija fit-tmien premessa tad-deċiżjoni -, kif ukoll verżjoni stampata tal-mapep u ta' l-informazzjoni msemmija fid-disa' premessa ta' l-imsemmija deċiżjoni;

3)    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tgħaddi lir-rikorrenti d-dokumentazzjoni kollha dwar s-siti tar-Repubblika tal-Finlandja elaborata matul il-koperazzjoni msemmija fl-għaxar premessa tad-deċiżjoni kkontestata jew miksuba mill-Kummissjoni f'dan il-perijodu, fil-forma ta' CD-ROM u l-mapep fil-verżjoni stampata, u

4)    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tgħaddi lir-rikorrenti l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-"[H]abitats Naturali" msemmija fil-ħmistax-il premessa tad-deċiżjoni kkontestata;

-    il- Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti miżjuda bl-interessi legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni1 hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju u b'mod partikolari għall-Artikolu 3 u 4 tad-direttiva Habitat kif ukoll għall-Anness III li l-Artikolu 4 jagħmel referenza għalih. Il-natura infrazzjonali tad-deċiżjoni fid-dritt Komunitarju hija bbażata fuq erba' motivi prinċipali:

a)     Id-direttiva Habitat ma tippermettix li jiġu annullati, permezz ta' deċiżjonijiet ġodda, bil-mod u għar-raġunijiet indikati, deċiżjonijiet preċedenti dwar il-lista ta' siti ta' importanza Komunitarja ("siti SCI"). Id-dispożizzjonijiet ta' proċedura previsti mid-direttiva Habitat jorbtu wkoll lill-Kummissjoni. Interpretazzjoni oħra tikkawża inċertezza legali fir-rigward tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali u tal-proprjetarji ta' l-art.

b)    Skond l-Artikolu 3 tad-direttiva Habitat, in-network Natura 2000 huwa network ekoloġiku Ewropew koerenti ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni li għandu jiżgura ż-żamma ta' stat ta' konservazzjoni favorevoli bil-mod previst mid-direttiva. Il-koerenza tan-network hija garantita u l-livell favorevoli ta' konservazzjoni huwa milħuq inkwantu l-Artikolu 4 tad-direttiva dwar l-għażla taż-żoni u l-Anness III tagħha huma dispożizzjonijiet vinkolanti kemm għall-Istati Membru kif ukoll għall-Kummissjoni, u dan in kwantu regoli tekniċi dettaljati fis-sustanza. Huwa impossibbli li jiġu magħżula siti bħala siti SCI mingħajr ma jiġu osservati r-regoli kkonċernati matul kull stadju. B'kunsiderazzjoni għall-istat ta' konservazzjoni favorevoli li kien indikat bħala li huwa għan koerenti, is-siti għandhom ikunu magħżula minn kull Stat Membru skond il-kriterji uniformi li huma msemmija fl-Artikolu 4 u fl-Anness III tad-direttiva Habitat.

c)    L-istadju 1 ta' l-Anness III (stadju ta' l-Istat Membru) u l-istadju 2 ta' l-Anness III (stadju tal-Kummissjoni) jifformaw numru ta' atti li għandhom effetti ġuridiċi. Id-deċiżjoni dwar is-siti ta' importanza Komunitarja li taqa' taħt l-istadju 2 tal-proċedura mhijiex konformi mad-direttiva Habitat jekk il-proposta ta' l-istadju 1 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-direttiva.

d)    Fit-tħejjija tal-proposta tar-Repubblika tal-Finlandja f'dak li jirrigwarda ż-żona Boreali bħala sit SCI, la l-Artikolu 4 tad-direttiva Habitat u lanqas id-dispożizzjoni dwar l-istadju 1 ta' l-Anness III tagħha ma kienu osservati. Safejn il-proposta tar-Repubblika tal-Finlandja kienet aċċettata bħala tali u fir-rigwrd taż-żoni kollha, permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sit SCI hija wkoll kuntrarja għad-direttiva għal din ir-raġuni waħedha.

    

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/24/KE, tat- 12 ta' Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta' siti ta' importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Boreali (ĠU L 12, p. 118).