Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-6 ta' Ottubru 2010 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-222/08)1

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Directtiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) - Komunikazzjonijiet elettroniċi - Netwerks u serizzi - Artikolu 12 - Stima tal-ispiża tal-obbligi ta' servizz universali - Komponiment soċjali tas-servizz universali - Artikolu 13 - Iffinanzjar ta' obbligi ta' servizz universali - Determinazzjoni tal- piż inġust)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. van Vliet u A. Nijenhuis, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: T. Materne u M. Jacobs, aġenti u S. Depré, avukat)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 12(1), tal-Artikolu 13(1) u tat-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 367) - Komponent soċjali tas-servizz universali - Ħatra ta' impriżi - Provvista ta' kundizzjonijiet tariffarji partikolari - Nuqqas ta' trasparenza

Dispożittiv

Ir-Renju tal-Belġju,

- minn naħa, billi naqas milli jipprevedi, fil-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tal-komponent soċjali tas-servizz universali, il-benefiċċji tas-suq li jgawdu minnhom l-impriżi li għandhom l-obbligu li jagħmlu dan il-forniment, inkluż il-benefiċji intanġibbli, u,

- min-naħa l-oħra, billi kkonstata b'mod ġenerali u abbażi tal-kalkolu tal-ispejjeż netti tal-fornituri tas-servizz universali li qabel kien l-uniku fornitur ta' dan is-servizz, li l-impriżi kollha li issa huma obbligati li jfornu l-imsemmi servizz huma fil-fatt suġġetti għal piż inġust minħabba dan il-forniment, u billi għamel dan mingħajr ma wettaq eżami partikolari, kemm tal-ispiża netta li tirrappreżenta l-forniment tas-servizz universali għal kull operatur ikkonċernat, kif ukoll tal-karatteristiċi kollha ta' dan tal-aħħar, bħal-livell tat-tagħmir tiegħu jew tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), rispettivament.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għal żewġ terzi tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għat-terz l-ieħor.

____________

1 - ĠU C 209, 15.08.2008.