Language of document : ECLI:EU:C:2010:359

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C‑222/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Belġju

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Finanzjament tal-obbligi tas-servizz universali – Tariffi soċjali – Kunċett ta’ “piż inġust” – Kalkolu tal-ispiża netta”






I –    Introduzzjoni

1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat iddeċidiet dwar il-finanzjament tal-obbligi tas-servizz universali tat-telekomunikazzjonijiet (2). Madankollu, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju tal-Belġju jqajjem, għall-ewwel darba, il-kwistjoni rigward “it-tariffi soċjali”: dawk li huma orħos mill-prezz tas-suq applikati mill-impriżi għall-provvista ta’ servizzi lill-kategoriji partikolari ta’ utenti.

2.        F’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta t-termini li abbażi tagħhom jingħata kumpens finanzjarju għat-tariffi soċjali. B’mod iktar speċifiku, għandha teżamina t-termini tad-Direttiva 2002/22 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (3), li tippermetti lil Stat Membru li jikklassifika bħala “piż inġust” it-tariffi soċjali kollha li jwasslu għal sitwazzjoni ta’ żbilanċ għall-operaturi li huma obbligati joffruhom.

3.        Madankollu, il-kawża ma nħolqotx mix-xejn iżda hija r-riżultat ta’ kontroversja bejn l-operaturi Belġjani tas-settur u l-operaturi storiċi ta’ dan il-pajjiż, Belgacom. Il-Kummissjoni intervjeniet fid-diskussjoni billi ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita wkoll b’talba għal deċiżjoni preliminari relatata mill-qrib, li toriġina minn rikors imressaq mill-operaturi inkwistjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-Belġju (Kawża C‑389/08, Base et). Din iċ-ċirkustanza tispjega għalfejn il-konklużjonijiet taż-żewġ kawżi huma ppreżentati fl-istess ġurnata minħabba li jittrattaw l-istess suġġett għalkemm b’partikolaritajiet li jiġġustifikaw li jkunu trattati separatament.

II – Is-suġġett tar-rikors

4.        Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l‑Artikolu 266 KE, biex tiddikjara li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1), kif ukoll it-Taqsima A tal‑Anness IV tad-Direttiva 2002/22, minħabba li :

–        ma għamilx il-kalkolu speċifiku tal-ispejjeż netti tat-tariffi soċjali qabel ma kklassifikhom bħala “piż inġust”,

–        stabbilixxa metodu għal kalkolu tal-ispiża netta tat-“tariffi soċjali” li huwa inkompatibbli mad-Direttiva 2002/22.

III – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/22, jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet partikolarment meta s-servizzi jiġu forniti bi ħlas jew b’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi jew iktar favorevoli biex iwettqu objettivi ta’ interess pubbliku. Għalhekk dan jirrigwarda l-forniment tal-imsemmija “servizz universali” f’dan is-settur filwaqt li fl-istess ħin ikun garantit il-funzjonament tas-suq b’kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha.

6.        Skont id-Direttiva 2002/22, is-servizzi universali jinkludu: a) konnessjoni għan-netwerk pubbliku tat-telefon f’post fiss, bi prezz li jista’ jintlaħaq (4); b) għadd suffiċjenti ta’ telefonijiet pubbliċi bi ħlas, kif ukoll numri ta’ emerġenza, b’mod partikolari, in-numru ta’ emerġenza Ewropew 112 mingħajr ħlas minn kull telefon (5), ċ) id-direttorji tat-telefon u l-informazzjoni dwar in-numri tal-abbonati, (6) u d) kwalunkwe miżuri favur utenti li huma soċjalment iktar vulnerabbli bħal dawk fiż-żoni rurali jew iżolati, l-anzjani (7), il-persuni b’diżabbiltà (8) jew il-konsumaturi bi dħul baxx (9) sabiex ikollhom aċċess għal dawn is-servizzi bl-istess kundizzjonijiet.

7.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/22 jirreferi għall-ħatra tal-impriżi li jipprovdu s-servizzi universali :

“1.      L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l-forniment ta’ servizz universali kif identifikat fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 u, fejn japplika, l-Artikolu 9(2) sabiex ikun jista' jiġi kopert it-territorju kollu nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru mpriżi differenti jew settijiet ta' impriżi biex ifornu elementi differenti ta' servizz universali u/jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju nazzjonali.

2.      Meta l-Istati Membri jaħtru mpriżi f'parti jew fit-territorju kollu nazzjonali bħala li jkollhom obbligi ta' servizz universali, għandhom jagħmlu dan billi jużaw mekkaniżmu ta' ħatra effiċjenti, oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, li bih ebda mpiża ma tkun a priori eskluża milli tiġi maħtura. Dawk il-metodi ta' ħatra għandhom jassiguraw li s-servizz universali jiġi provdut b'mod effiċjenti fl-ispiża u jista' jintuża bħala mezz biex tiġi stabbilita l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali skond l-Artikolu 12.”

1.      It-“tariffi soċjali”

8.        It-tariffi soċjali, ibbażati fuq il-ħtieġa li joffru “prezz li jista’ jintlaħaq” huma komponent tas-servizzi universali msemmi speċifikament fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2002/22, “prezz li jista’ jintlaħaq” ifisser prezz “definit mill-Istati Membri f’livell nazzjonali fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, u jista' jinvolvi l-iffissar ta’ tariffi komuni irrespettivament mil-lok jew għażliet ta’ tariffa speċjali biex jittrattaw il-ħtiġiet ta’ utenti bi dħul baxx. Prezz li jista’ jintlaħaq għall-konsumaturi ndividwali huwa relatat mal-kapaċità tagħhom li jissorveljaw u jikkontrollaw l-infieq tagħhom”.

9.        L-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/22, jipprovdu li :

“1.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 bħala li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u provduti mill-impriżi maħtura, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-prezzijiet u d-dħul tal-konsumaturi nazzjonali.

2.      L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeħtieġu li l-impriżi maħtura jfornu għażliet ta’ tariffi jew pakketti lill-konsumaturi li jitilqu minn dawk provduti taħt kondizzjonijiet normali kummerċjali, b’mod partikolari biex jiġi assigurat li dak bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali ma jiġux prevenuti milli jaċċessaw jew jużaw is-servizz pubblikament disponibbli tat-telefon.

3.      L-Istati Membri jistgħu, minbarra kull dispożizzjoni li l-impriżi maħtura jfornu għażliet speċjali ta’ tariffi jew li jikkonformaw ma’ limiti ta’ prezz jew medjar ġeografiku jew skemi oħra simili, jassiguraw li appoġġ jiġi provdut lil konsumaturi identifikati bħala li għandhom dħul baxx jew ħtiġiet soċjali speċjali”.

2.      L-iffinanzjar tas-servizz universali

10.      Il-preambolu tad-Direttiva 2002/22 jipprovdi li, il-fatt li jingħata kumpens lill-impriżi li jfornu s-servizzi universali ma għandux “jirriżulta f’distorsjoni ta’ kompetizzjoni” iżda l-kumpens għandu jkopri biss “[l-]ispiża netta speċifika nvoluta […] b’mod newtrali kompetittiv” (10). Abbażi ta’ din il-premessa, id-Direttiva 2002/22 tawtorizza lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi li japprovaw il-kumpens tal-ispiża netta tas-servizz universali, anki jekk biss “fejn meħtieġ” u “fil-każi fejn jintwera li l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b’telf jew bi spiża netta li jaqgħu barra li-standards kummerċjali normali” (11). Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji tiddetermina dak li d-Direttiva tiddefinixxi “piż inġust” (12).

11.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 bit-titolu “Iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali”, jistipula l-metodi ta’ kumpens tal-obbligi tas-servizz universali:

“1.       Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

a)      li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew

b)      jaqsmu l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.      Fejn l-ispiża netta tinqasam taħt il-paragrafu 1 (b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ qsim amministrat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-benefiċjarji taħt is-sorveljanza ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ispiża netta biss, kif stabbilita taħt l-Artikolu 12, ta’ l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tista’ tiġi ffinanzjata.

3.      Il-mekkaniżmu tal-qsim għandu jirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità skond il-prinċipji ta’ l-Anness IV, Taqsima B. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtieġux kontribuzzjonijiet minn impriżi li l-valur tal-bejgħ nazzjonali tagħhom ikun anqas minn limitu ffissat.

4.      Kull ħlasijiet relatati mal-qsim ta’ l-ispiża ta’ obbligi ta’ servizz universali għandhom jiġu disassoċċjati u identifikati separatament għal kull impriża. Dawk il-ħlasijiet m’għandhomx ikunu mposti jew miġbura minn impriżi li ma jfornux servizzi fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-mekkaniżmu tal-qsim”.

3.      L-ispiża netta tas-servizzi universali

12.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22 dwar “Stima ta’ l-ispejjeż ta’ obbligi ta’ servizz universali”, jipprovdi l-kriterji li ġejjin :

“1.       Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista’ jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.

Għal dak l-iskop l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom:

(a)       jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta’ xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew

(b)      jagħmlu użu ta’ l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifikat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).

2.      Il-kontabilità u/jew informazzjoni oħra li sservi bħala bażi għall-kalkolu ta’ l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali taħt il-paragrafu 1 (a) għandhom jiġu awditjati jew verifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-partijiet relevanti u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Ir-riżultat tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż u l-konklużjonijiet tal-verifika għandhom jintgħamlu pubblikament disponibbli”.

13.      Fl-aħħar nett, it-Taqsima A tal-Anness IV tgħid kif ġej:

“[…] Fit-twettieq ta’ eżerċizzju ta’ kalkolu, l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal impriża maħtura fl-operazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali u fl-operazzjoni mingħajr obbligi ta’ servizz universali. Dan japplika sew jekk in-network fi Stat Membru partikolari jkun żviluppa kollu kemm hu jew jekk ikun għadu jkun qiegħed jiżviluppa u jespandi. Attenzjoni debita għandha tingħata biex issir stima korretta l-ispejjeż li x’impriża maħtura tkun għażlet li tevita li kieku ma kien hemm ebda obbligu ta’ servizz universali. Il-kalkolu ta’ l-ispiża netta għandu jistma l-benefiċċji, nklużi benefiċċji ntanġibbli, għall-operatur ta’ servizz universali.

Il-kalkolu għandu jiġi bbażat fuq in-nefqiet attribwibbli għal:

(i)       l-elementi tas-servizzi identifikati li jistgħu jiġu biss provduti b’telf jew provduti taħt kondizzjonijiet ta’ spiża li jaqgħu barra li-standards normali kummerċjali.

         Din il-kategorija tista’ tinkludi elementi ta’ servizz bħal aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza bit-telefon, il-forniment ta’ ċerti telefons pubbliċi bi ħlas, il-forniment ta’ ċerti servizzi jew tagħmir għal persuni b’disabilità, eċċ;

(ii)      utenti finali jew gruppi ta’ utenti finali speċifiċi li, waqt li jittieħed kont ta’ l-ispiża għall-forniment tan-network u servizz speċifiku, id-dħul ġenerat u kull medjar ġeografiku tal-prezzijiet imposti mill-Istat Membru, li s-servizz għalihom jista’ jsir biss b’telf jew taħt kondizzjonjiet ta’ l-ispiża li jaqgħu barra li-standards normali tal-kummerċ.

         Din il-kategorija tinkludi wkoll dawk l-utenti finali jew gruppi ta’ utenti finali li ma kienux jiġu servuti minn operatur kummerċjali li ma kellux obbligu li jipprovdi servizz universali.

Il-kalkolu ta’ l-ispiża netta ta’ aspetti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali għandu jsir separatament u sabiex jiġi evitat għadd doppju ta’ xi benefiċċji u nefqiet diretti jew indiretti. L-ispiża netta globali ta’ obbligi ta’ servizzi universali għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma ta’ l-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-komponenti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali, waqt li jittieħed kont ta’ kull benefiċċju ntanġibbli. Ir-responsabbiltà għall-verifikar ta’ l-ispiża netta hija ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali”.

B –    Il-liġi Belġjana

14.      Il-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 dwar it-telekomunikazzjonijiet elettroniċi (13), kif emendata bil-liġi tal-25 ta’ April 2007 (14), tistabbilixxi sistema ta’ ffinanzjar tas-servizz universali li tiddistingwi bejn it-tariffi soċjali u l-bqija tal-obbligi tas-servizz universali.

1.      L-iffinanzjar tat-tariffi soċjali

15.      L-Artikolu 74 tal-liġi tal-2005 kif emendata, jinkludi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kumpens fost l-operaturi, filwaqt li jikkunsidra l-“kundizzjonijiet tariffarji partikolari ta’ ċertu kategoriji ta’ benefiċjarji” bħala komponent soċjali tas-servizz universali (15).

16.      Il-Belgisch Instituut voor postdiensten en telecommunicatie (L-Istitut Belġjan għas-servizzi postali u t-telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“BIPT”) għandu jressaq rapport annwali lill-ministru bl-għadd tal-“abbonati soċjali” tad-diversi impriżi fir-rigward tal-kwota tagħhom tas-suq fis-settur tat-telefonija pubblika (16).

17.      Il-kumpens għat-“tariffi soċjali” meta jintalab lill-BIPT mill-operatur ikkonċernat, għandu jsir minn fond li għandu personalità ġuridika, amministrat mill-BIPT (17).

18.      Biex ikun ikkumpensat il-piż tal-“klijenti soċjali” sostnut mill-impriżi kollha, il-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 74 jipprovdu l-qsim tal-fondi b’mod proporzjonali għall-valur tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata. Il-kumpensi għandhom jingħataw immedjatament anki jekk isiru permezz tal-fond, u jkunu effettivi mill-mument li l-fond jirriżulta operattiv jew l-iktar tard matul is-sena wara d-dħul fis-seħħ tal-istess Artikolu 74 (18).

19.      L-ispiża netta tat-tariffi soċjali għal kull operatur li jressaq talba f’dak is-sens, se tkun ikkalkolata mill-BIPT, skont il-metodu definit fl-Anness (19).

20.      Barra minn hekk, il-BIPT jista’ jiddetermina metodi ta’ kalkolu tal-ispiża u tal-kumpensi skont il-limiti stabbiliti fl-istess liġi (20).

21.      Skont l-Artikolu 45a tal-imsemmi Anness, il-kalkolu tal-ispiża netta tat-tariffi soċjali jikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul tal-impriża li kieku kellha tadotta l-kundizzjonijiet kummerċjali normali u d-dħul li realment ikollha bl-applikazzjoni tal-obbligu li traħħas, skont kif provdut fil-liġi, lil xi benefiċjarji tat-tariffi soċjali. Barra minn hekk, l-Anness jinkludi dispożizzjoni tranżitorja li tgħid li, fl-ewwel ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-liġi, il-kumpens (meta dovut) mill-operatur storiku għandu jitnaqqas bil-perċentwali stabbilita mill-BIPT abbażi tal-benefiċċju indirett u b’kunsiderazzjoni għall-kalkoli preċedenti li jsiru tal-ispejjeż netti tat-tariffi soċjali tiegħu.

22.      L-Artikolu 202 tal-liġi tal-2007, jinterpreta l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 74 tal-liġi tal-2005, li jgħid li r-rimbors mill-fond huwa dovut immedjatament. Mill-Artikolu 202 jirriżulta li fil-preparazzjoni tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, tat-13 ta’ Ġunju 2005, fuq talba tal-operatur storiku tas-servizz universali, u wara li l-BIPT iffissa l-ispiża netta ta’ dan is-servizz, il-leġiżlatur Belġjan, fil-kwalità ta’ awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”), għamel evalwazzjoni tal-piż sostnut mill-ex monopolista. B’hekk, il-leġiżlatur sar tal-fehma li kwalunkwe sitwazzjoni ta’ żbilanċ minħabba l-provvista tas-servizz universali, iddikjarata permezz ta’ dan il-kalkolu, kienet irraġonevoli u konsegwentement, kienet tikkostitwixxi “piż inġust”.

23.      Permezz tad-“Digriet Irjali” tal-20 ta’ Lulju 2006, kienu ddefiniti l-metodi tal-funzjonament tat-tariffi soċjali(21); it-tielet paragarfu tal-Artikolu 4 kien jgħid li l-fond kien jikkalkola r-rimbors b’kunsiderazzjoni għall-ammont totali tar-roħs mogħti lill-benefiċjarji minn kull operatur, l-għadd ta’ benefiċjarji kif ukoll il-perijodu tal-provvista. Din id-dispożizzjoni kienet irrevokata bil-liġi tal-25 ta’ April 2007.

2.      Il-vantaġġi tat-tariffi soċjali

24.      L-Artikolu 22 tal-Anness għal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex individwu jkun jista’ jibbenefika mit-tariffi soċjali (22).

25.      L-Artikolu 38 tal-imsemmija liġi, jistabbilixxi b’mod konkret it-tnaqqis tariffarju inerenti għal dan il-komponent tas-servizz universali, li jibda minn tnaqqis minimu (id-dispożizzjoni tuża l-espressjoni “tal-inqas”) fuq it-tariffi ordinarja li jista’ jikkorrispondi, skont it-tip ta’ benefiċjarju, għal roħs ta’ 50 % fuq it-tariffa normali tal-konnessjoni għal netwerk pubbliku tat-telefon f’post fiss jew għal tnaqqis ta’ rata fissa fuq abbonament jew fuq it-tariffa tat-telefonati, skont il-perijodi li tkun ikkalkolata għalihom u skont kif titħallas lil operatur wieħed jew iktar; barra minn hekk jipprovdi li għal ċerti kategoriji ta’ klijenti soċjali, għandha tingħata karta mħallsa minn qabel ta’ EUR 6.20 valida għal xahrejn.

3.      L-iffinanzjar tal-obbligi l-oħra tas-servizz universali

26.      L-Artikoli 92 sa 95 tat-Taqsima 7 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, jirrigwardaw il-fond għas-servizz universali. Il-mekkaniżmi speċifiċi għall-iffinanzjar jissemmew fid-dettall fit-Taqsima 8(23).

27.      Skont l-Artikolu 100, wara l-komunikazzjoni tad-data rispettiva, mill-fornituri tas-servizz universali, il-BIPT kull sena, tiddetermina l-ispiża netta ta’ dawn l-obbligi, minbarra t-tariffi soċjali, b’kalkolu li dwaru ssir pubblikazzjoni dettaljata.

28.      L-Artikolu 101 tal-liġi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-25 ta’ April 2007, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu t-tariffi soċjali, li huma suġġetti għal dispożizzjonijiet dwar fond speċifiku. Barra minn hekk, l-Artikolu jipprovdi li għal kull element tas-servizz universali minbarra t-tariffi soċjali, il-fond jagħti rimbors lill-fornituri kkonċernati li talbu għalih lill-BIPT.

29.      L-Artikolu 203 tal-liġi tal-25 ta’ April 2007, jinterpreta dan l-obbligu filwaqt li jippreċiża li “l-leġiżlatur, bħala l-awtorità regolatorja nazzjonali, fix-xogħol preparatorju għal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, f’konformità mal-kundizzjonijiet imposti mid-Direttiva 2002/22/KE dwar is-servizz universali, wara talba f’dan is-sens, imressqa mill-operatur storiku tas-servizz universali, u wara li l-Istitut ikkalkola l-ispiża netta tas-servizz universali, għamel evalwazzjoni tal-piż inġust. F’din l-okkażżjoni l-leġiżlatur, kif barra minn hekk ġie indikat wkoll mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), iddikjara li fil-limiti li fihom kien kkunsidrat il-benefiċċju indirett kollu,, inkluż il-benefiċċji immaterjali li jistgħu jkunu miksuba minn din il-provvista, kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ li tirriżulta minn dan il-kalkolu effettivament tikkostitwixxi piż inġust u dan għandu jkun sostnut mill-impriżi kollha kkonċernati”.

IV – Il-fażi prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Fil-15 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha, lir-Renju tal-Belġju, dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi tat-Telekomunikazzjonijiet tal‑2005 mal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1), kif ukoll mat-Taqsima A tal-Anness IV għad-Direttiva 2002/22.

31.      Fir-risposta tiegħu, tas-16 ta’ Frar 2007, il-Gvern Belġjan ikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tiegħu lill-Kummissjoni u sostna li t-traspożizzjoni tad-direttiva kienet korretta. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Belġjani ħabbru tibdiliet li saru għal-liġi tal-2005 li effettivament introduċewhom permezz tal-liġi tal-2007 u li wasslu lill-Kummissjoni biex tirtira xi oġġezzjonijiet u biex tillimita ruħha biex tiddefendi oġġezzjoni waħda biss dwar il-kumpens għall-obbligi inerenti għat-tariffi soċjali.

32.      Fis-27 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju, li dan injorha. Għalhekk fit-22 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE.

33.      Wara l-preżentazzjoni tar-rikors u r-risposta, il-Kummissjoni ppreżentat replika li r-Renju tal-Belġju rrispondiha permezz ta’ kontroreplika.

34.      Is-seduta, li kienet komuni għal din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-389/08 saret fis‑17 ta’ Marzu 2010. Kienu preżenti r-rappreżentanti tar-Renju tal-Belġju u tal-Kummissjoni u minn din id-data setgħu jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet.

V –    Analiżi

A –    Is-suġġett tad-diskussjoni u l-osservazzjonijiet preliminari

35.      Fil-Belġju, l-impriżi kollha li joffru servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet huma obbligati li jagħtu tariffi soċjali lil kwalunkwe persuna li tikkwalifika għalihom. Għal kuntrarju, ftit impriżi jwettqu obbligi l-oħra tas-servizz universali.

36.      Biex tiżgura kumpens ekonomiku tat-tariffi soċjali, il-liġi Belġjana taqsam il-piż bejn l-impriżi kollha, billi stabbilixxiet fond ġestit abbażi tat-tnaqqis tat-tariffi offruti minn kull operatur meta mqabbel mas-sehem kumplessiv tiegħu tas-suq: jekk dan it-tnaqqis ikun inqas minn dak sostnut minnu, hu għandu jħallas id-differenza lill-fond; jekk, għal kuntrarju, il-proporzjon “tal-klijenti mingħajr qligħ” sostnut mid-dħul mill-bejgħ tiegħu jaqbeż din iċ-ċifra, l-operatur għandu jirċievi kumpens mill-fond f’ammont ekwivalenti għal din id-differenza.

37.      Minbarra din is-sistema ta’ kumpens tat-tariffi soċjali, jeżisti fond ieħor għall-iffinanzjar tal-obbligi l-oħra tas-servizz universali.

38.      Permezz tal-ewwel motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li s-sistema Belġjana tal-iffinanzjar tat-tariffi soċjali tikser id‑Direttiva 2002/22, minħabba li fid-dikjarazzjoni ta’ “piż inġust” ma tipprovdix il-kalkolu speċifiku tal-ispejjeż netti ta’ dawn it-tariffi, iżda tattribwixxi din il-klassifikazzjoni b’mod awtomatiku u abbażi ta’ liġi interpretata b’mod retroattiv minn liġi oħra sussegwenti.

39.      Permezz tat-tieni motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tikkritika lill-Belġju għall-fatt li s-sistema tiegħu ta’ kalkolu tal-ispiża netta tat-“tariffi soċjali” hija inkompatibbli mad-Direttiva 2002/22, minħabba li tintroduċi kunċett ta’ “spiża netta” distinta minn dak provdut f’din id-direttiva u ma tikkunsidrax, għall-fini tal-kalkolu, il-benefiċċji mhux tanġibbli.

40.      Il-Gvern Belġjan jiċħad li naqas milli jikkalkola l-ispiża netta qabel ikkonkluda li kien hemm “piż inġust”, u nnota li fl-2003 ġiet ikkalkolata l-ispiża netta tal-obbligi tas-servizz universali forniti minn Belgacom, li dak iż-żmien kienet l-unika impriża suġġetta għal dawn l-obbligi. Huwa jsostni wkoll li d‑Direttiva 2002/22 tipprovdi sistema astratta ta’ kalkolu, li ma għandhiex għalfejn tkun ripetuta għal kull operatur. Fl-aħħar nett, dan il-Gvern isostni li d-direttiva kkonċernata ma tipprekludix evalwazzjoni ekonomika magħmula abbażi tal-kunsiderazzjoni ta’ nuqqas ta’ qligħ minħabba l-applikazjoni ta’ dan it-tnaqqis tariffarju.

41.      Sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma, jeħtieġ li ssir analiżi dettaljata tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/22 sabiex ikunu kkjarifikati l-ambitu u l-objettivi tagħhom. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tkun utli għall-eżami kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa mill-Kummissjoni.

42.      Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, id-Direttiva 2002/22 tipprovdi miżuri korrettivi speċifiċi fil-każ fejn l-obbligi inerenti għas-servizz universali ma jkunux raġonevoli għall-impriżi, iżda fil-verità ma tistabbilixxix sistema ta’ ffinanzjar sħiħ. Madankollu, għalkemm l-obbligi tas-servizz pubbliku huma eteroġeni u jippreżentaw karatteristiċi partikolari, mid-Direttiva 2002/22 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-determinazzjoni, il-monitoraġġ u l-analiżi tal-ispejjeż tas-servizz universali skont il-kriterji ta’ individwalità, konkretezza u perijodiċità.

1.      Individwalità

43.      Fid-difiża tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-evalwazzjoni tal-isforz ekonomiku neċessarju għal provvista tas-servizz universali teżiġi analiżi komprensiva u wiesgħa. Fl-opinjoni tiegħu, sistema bħal dik ipprovduta mid-direttiva tista’ twassal biex xi impriżi ma jirċevux din l-għajnuna jekk ma jitolbuhiex jew jekk l-ispejjeż tagħhom ikunu raġonevoli, liema fattur jiġġenera trattament mhux ugwali li jmur kontra l-objettivi.

44.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

45.      L-ewwel nett, l-argument jitlef is-saħħa tiegħu minħabba li d-direttiva tawtorizza, iżda ma tobbligax, li jintalab rimbors għal “piż inġust” sostnut, u t-tieni nett, minħabba li mhux it-tariffi kollha tas-servizz universali huma neċessarjament “inġusti”.

46.      Id-Direttiva 2002/22 tobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni strateġika u l-kapaċità ekonomika ta’ kull operatur mingħajr ma taċċetta, fil-prinċipju, kalkolu matematiku ġeneriku abbażi ta’ data minn impriża waħda. Dan jidher mill-fatt li l-premessa 21 tgħid li “[…] Fil-każ ta’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż permezz ta’ mposti fuq l-impriżi, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dak il-metodu ta’ allokazzjoni bejniethom huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u huwa skond il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan il-prinċipju ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jeżentaw operaturi ġodda li ma jkunux għadhom kisbu xi presenza sinjifikani fis-suq […]” u “[…] b’mod partikolari fil-każ ta’ mekkaniżmi ta’ qsim [għandhom ikunu rispettati wkoll il-prinċipji] tan-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità […]”.

2.      Speċifiċità

47.      L-argument espost fil-paragrafu preċedenti jwassal għall-evalwazzjoni konkreta tal-ġustifikazzjoni tal-piż, jiġifieri b’relazzjoni għal kull komponent tal-obbligi tas-servizz universali, u mhux għal evalwazzjoni astratta.

48.      Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (24), il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li ddeċidiet dwar id-Direttiva preċedenti, ippreċiżat li biex ikun ikkalkolat dan il-piż għandu jkun ikkunsidrat biss “ir-riżultat dirett tal-provvista ta’ dan is-servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li kkonkludiet li “d-Direttiva 97/33 tipprekludi […] li jkunu ffissati elementi tal-ispiża netta tas-servizz universali b’mod fiss jew mhux preċiż, mingħajr ma jsir kalkolu speċifiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

49.      Barra minn hekk, it-Taqsima A tal-Anness IV għad-Direttiva 2002/22 jipprovdi li “il-kalkolu ta’ l-ispiża netta ta’ aspetti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali għandu jsir separatament […] L-ispiża netta globali ta’ obbligi ta’ servizzi universali [ta’ impriża] għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma ta’ l-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-komponenti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali” (25).

50.      Barra minn hekk, il-premessa 24 tad-Direttiva 2002/22 tħeġġeġ lill-ARN biex jiżguraw li l-impriżi li jirċievu ffinanzjar għas-servizz universali jfornu “livell suffiċjenti ta’ dettal ta’ l-elementi speċifiċi li jeħtieġu dak l-iffinanzjar”. Ma jevitax din il-premessa il-fatt li “operaturi maħtura jgħollu l-ispiża netta stmata ta’ obbligi ta’ servizz universali” u, biex tiġi evitata kwalunkwe tentazzjoni, il-premessa tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “trasparenza u kontroll effettivi ta’ l-ammonti mitluba biex jiffinanzjaw obbligi ta’ servizz universali” (26).

51.      Il-fatt li dawn il-provvisti addizzjonali tas-servizz universali huma suġġetti għall-kriterju tal-profitt mingħajr ma jkunu imposti “ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi […]” (27) jikkonferma, fl-opinjoni tiegħi, li t-tqassim tal-kalkolu, li jiffunzjona bħala strument li jevita frodi possibbli kif jistgħu jkunu wkoll l-inklużjoni tal-iffinanzjar tal-elementi addizzjonali tas-servizz universali jew l-isfruttar tas-“sussidji trażversali”.

3.      Perijodiċità tal-kalkolu

52.      F’konformità mal-argument dwar l-uniċità tal-evalwazzjoni, ir-Renju tal-Belġju jsostni li, ladarba tkun żgurata n-newtralità ekonomika permezz tal-pagamenti lill-fond, ma hemmx għalfejn issir analiżi ulterjuri dwar jekk il-piż hux inġust li, fl-opinjoni tiegħu, ma tostakolax aġġornament annwali (28).

53.      Dan l-argument jidher li qed jinjora n-natura dinamika tal-obbligi tas-servizz universali li, kif tenfasizza d-Direttiva 2002/22, għandhom ikunu “perjodikament riveduti bil-ħsieb li jsiru proposti li jitbiddel jew jiġi ridefinit il-kamp ta’ applikazzjoni [fid-dawl ta’] l-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi” (29). Id-direttiva ċċitata tgħid ukoll li “kull bidla tal-kamp ta’ applikazzjoni awtomatikament tfisser li kull spiża netta tista’ tiġi ffinanzjata permezz tal-metodi permessi f’din id-Direttiva” (30).

54.      Għalhekk, jekk jiżdiedu obbligi ġodda għas-servizz universali, jew jitfaċċaw impriżi li qabel ma kinux ifornu dan is-servizz, jinħolqu spejjeż oħra li jeżiġu kalkolu ġdid. Din ir-reviżjoni tkun suġġetta għal verifika mill-ARN dwar il-metodu li biha kull impriża għandha ssostni l-ispejjeż fix-xenarju l-ġdid, u għalhekk tiddetermina jekk dawn l-ispejjeż jikkostitwixxux, b’mod definittiv, “piż inġust” meta mqabbel mas-sitwazzjoni preċedenti.

B –    Fuq l-ewwel motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

55.      Nibda issa b’eżami dettaljat tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni, fejn fl-ewwel ilment tagħha, takkuża lir-Renju tal-Belġju li ma wettaqx eżami preliminari bl-għan li jistabbilixxi jekk il-provvista tas-servizz universali jikkostitwixxix piż inġust għal kull operatur tat-telekomunikazzjonijiet. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Belġjan jindikaw li din l-analiżi fil-fatt saret u b’mod limitat għall-Belgacom, l-uniku operatur eżistenti dak iż-żmien. Barra minn hekk, il-kalkolu kien ikopri l-obbligi kollha tas-servizz universali li kellhom jitwettqu u mhux biss it-tariffi soċjali.

56.      Il-Gvern Belġjan jirrikonoxxi li qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi tal‑25 ta’ April 2007, ma kinitx teżisti dikjarazzjoni speċifika li tafferma li l-ispejjeż netti tat-tariffi soċjali jikkostitwixxu “piż inġust” skont id‑Direttiva 2002/22. Id-dikjarazzjoni formali saret biss bl-adozzjoni tal-Artikolu 202 tal-liġi tal-2007 ċċitata iktar ’il fuq li kellha l-għan li, billi tipprovdi interpretazzjoni, ittemm sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Wara l-kuntatti inizjali li saru qabel din il-kawża, il-Belġju ddikjara bil-liġi, li skont il-leġiżlazzjoni tal‑2005, l-applikazzjoni tat-tariffi soċjali kienet dejjem tikkostitwixxi piż inġust. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-2005 uża l-kalkolu tal-ispejjeż netti li sar fl‑2003, u aġġornat fl‑2005, tal-obbligi kollha tas-servizz universali tal-Belgacom. B’dan il‑mod, skont ir-Renju tal-Belġju, id-deċiżjoni dwar l-inġustizzja tal-piż, ittieħdet mil-leġiżlatur wara l-analiżi mwettqa mill-BIPT.

57.      Fil-fatt, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22, jipprovdi sistema ta’ evalwazzjoni u kalkolu li jippreċedi d-dikjarazzjoni tal-eżistenza ta’ “piż inġust”. Skont dak li qalet il-Kummissjoni, il-leġiżlatur Belġjan stabbilixxa skema ta’ kumpens fejn fiha tħalla barra kwalunkwe riferiment għal inġustizzja fl-obbligi tas-servizz universali, li wara kien integrat permezz ta’ dikjarazzjoni retroattiva. Fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża C-389/09, enfasizzajt l-importanza ta’ din il-fażi preliminari għall-evalwazzjoni u l-kalkolu mill-perspettiva taċ-ċertezza legali u n-newtralità teknika li l-ARN għandha tiggarantixxi. Fid-dawl tal-objettivi tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ “piż inġust”, kif ukoll tal-kliem tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22, intervent bħal dak tal-2007, li permezz tiegħu kienet interpretata ex lege deċiżjoni leġiżlattiva tal-2005, jikkostitwixxi aġir inkompatibbli mal-imsemmija Direttiva.

58.      Madankollu, il-Kummissjoni fir-rikors osservat li n-natura leġiżlattiva tad-dikjarazzjoni ma hijiex il-preokkupazzjoni ewlenija tagħha. Għall-kuntrarju, il-fatt li wassal għal din il-proċedura huwa n-nuqqas ta’ kalkolu preliminari, flimkien man-natura ġenerali tad-dikjarazzjoni fformulata fl-2005 u fl-2007 u d-diffikultà li din tkun verifikata.

59.      F’dan ir-rigward, diġà enfasizzajt fil-punti 42 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li s-sistema pprovduta fl-Artikolu 12 tad-direttiva timponi, anki jekk b’mod taċitu, li jkunu osservati l-kriterji tal-individwalità, l-ispeċifiċità u l-perijodiċità fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit minn dik id-dispożizzjoni. Kif diġà spjegajt, dawn l-elementi ma nstabux fil-modalità li biha r-Renju tal-Belġju għamel dikjarazzjoni dwar il-“piż inġust”. Għalhekk, sa fejn il-leġiżlatur aġixxa b’mod li jagħmel iktar diffiċli l-applikazzjoni tal-kriterji tal-individwalità, l-ispeċifiċità u l-perijodiċità, nikkunsidra li l-ewwel motiv tal-Kummissjoni huwa fondat.

C –    Fuq it-tieni motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

60.      Il-Kummissjoni taqsam dan il-motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’żewġ partijiet, waħda dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-“ispejjeż netti” tat-tariffi soċjali u l-oħra dwar l-inklużjoni f’dan il-kalkolu tal-benefiċċji intanġibbli. Għalhekk, filwaqt li l-motiv preċedenti kien ibbażat fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22, it-tieni motiv jirrigwarda s-sistema ta’ allokazzjoni stabbilità fl-Artikolu 13, li josserva wkoll il-kriterji tal-individwalità, l-ispeċifiċità u l-perijodiċità.

1.      Fuq id-definizzjonijiet ta’ “spiża netta” u l-partikolarità tal-kalkolu applikat għat-tariffi soċjali

61.      Skont il-Kummissjoni, il-metodu Belġjan għall-iffinanzjar tas-servizz universali jmur kontra d-Direttiva 2002/22, inkwantu jwettaq evalwazzjoni globali bbażata fuq data li tirrigwarda esklużivament lill-Belgacom, l-ex monopolista, u li testendi għall-impriżi l-oħra mingħajr ma kkunsidraw iċ-ċirkustanzi tagħhom. B’dan il-mod, fl-Istat konvenut, it-“tariffi soċjali” jikkostitwixxu f’kull każ u għal kull operatur, “piż inġust”. Sa fejn din il-konklużjoni tibbaża fuq metodu ta’ kalkolu li fl-opinjoni tal-Kummissjoni mhux korrett, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tal-Belġju li naqas milli jwettaq obbligi tiegħu skont l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) kif ukoll it-Taqsima A tal-Anness IV għad-Direttiva 2002/22.

62.      Min-naħa tiegħu, l-Istat konvenut isostni li l-iffinanzjar tas-servizz universali ma għandux ikun ibbażat fuq analiżi perijodika tal-inġustizzja tal-piż li tista’ twassal “għall-għoti ta’ kumpens”. Għall-kuntrarju, ir-Renju tal-Belġju jqis li, għall-finijiet tal-“istabbiliment ta’ sistema ta’ ffinanzjar ġenerali”, ikun biżżejjed li l-ispejjeż ikunu analizzati darba biss.

63.      Id-Direttiva 2002/22 timponi li jkun hemm kompetizzjoni anki fiż-żoni “żvantaġġati ġeografikament u ekonomikament”. Il-Gvern Belġjan jenfasizza l-vantaġġi tal-kompetizzjoni libera li jirriżultaw mill-mod regolatorju tiegħu tat-tariffi soċjali abbażi tal-argument li ġej: jekk operatur jattira iktar abbonati soċjali mill-ammont korrispondenti għall-valur tad-dħul mill-bejgħ tiegħu, huwa jirċievi kontribut mill-fond; għall-kuntrarju, jekk operatur ma jagħmilx sforz biex jattira lil dawn il-klijenti, għandu jħallas għall-kwota li ma jkunx laħaq. B’dan il-mod, il-forzi tas-suq iqassmu lil dawn il-klijenti.

64.      L-analiżi ta’ dan l-argument, li hija bbażata fuq il-promozzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi, għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari inerenti għall-applikazzjoni tat-tariffi soċjali fil-Belġju, iżda b’kunsiderazzjoni, bħala qafas xieraq u ġenerali, tal-kundizzjonijiet tal-individwalità, l-ispeċifiċità u l-perijodiċità msemmija iktar ’il fuq, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2002/22.

65.      L-ewwel nett, id-Direttiva 2002/22 ma topponix, fid-dawl tal-Artikolu 8 tagħha, li l-impriżi kollha tat-telekomunikazzjonijiet ta’ Stat Membru jikkollaboraw għall-provvista ta’ parti mis-servizz universali, kif appuntu ġara fil-Belġju fir-rigward tat-tariffi soċjali. It-tieni nett, il-mekkaniżmu tal-iffinanzjar stabbilit fil-Belġju mnebbaħ mill-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2002/22. Din id-dispożizzjoni, b’differenza għall-Artikolu 13(1)(a), ma tipprovdix ħlasijiet minn fondi pubbliċi favur xi impriża, iżda sempliċement taqsam l-ispiża netta tal-obbligi tas-servizz universali bejn “il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

66.      Fil-qosor, dan il-mekkaniżmu ta’ qsim fir-realtà jeżiġi awtoffinanzjar; dan ifisser, b’mod definittiv, li l-piż jinqasam mhux biss bejn l-operaturi li assumew l-obbligu rispettiv tas-servizz universali iżda wkoll fost l-impriżi li ma nħatrux għal dan l-iskop.

67.      Abbażi ta’ din il-premessa, jekk l-impriżi kollha li jfornu s-servizz jiżguraw l-obbligu tas-servizz universali korrispondenti (f’dan il-każ, it-tariffi soċjali), il-bżonn ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-ispejjeż għandha tkun relattiva. Barra minn hekk, minħabba li l-ispiża netta tat-tariffi soċjali tikkoinċidi mas-sussidju fuq ir-rata tas-suq, il-kalkolu individwali u speċifiku mhux indispensabbli għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa.

68.      Għall-kuntrarju, din it-teżi ma tkunx valida jekk ikunu jeżistu operaturi (anki jekk wieħed biss) li ma humiex suġġetti għall-obbligu li japplikaw tariffi soċjali, jew fil-każ meta l-obbligu tas-servizz universali ma jippermettix kalkolu aritmetiku, għad-differenza tat-tariffi soċjali. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-istess tip ta’ relazzjoni għall-operaturi kollha “kwota tas-suq tal-klijenti soċjali”, mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-ispejjeż, tista’ twassal għal kumpens żejjed jew kumpens nieqes li jagħti vantaġġ lill-operatur wieħed jew iktar u b’hekk tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Riżultat li ovvjament imur kontra d-Direttiva 2002/22, u li jista’ jseħħ bi probabbiltà ikbar f’sitwazzjoni bħal dik tal-Belġju, fejn l-operatur storiku, skont dak li ntqal b’mod ċar fis-seduta, isostni tariffi soċjali li jammontaw għal 96 %.

69.      Fil-fatt, it-twettiq ta’ obbligi oħra tas-servizz universali li huma differenti mit-tariffi soċjali, jeħtieġu sagrifiċċju pjuttost kbir minn ċerti operaturi f’termini monetarji, filwaqt li operaturi oħra ma jonqsilhomx il-qligħ finali. Dan jiddependi fuq is-saħħa ekonomika ta’ kull operatur u ovvjament fuq il-pożizzjoni tiegħu fis-suq.

70.      Huwa evidenti li r-Renju tal-Belġju huwa konxju ta’ dawn ir-riskji. Fil-fatt, indipendentement mill-ispeċifiċitajiet inerenti għat-tariffi soċjali, l-Artikolu 100 tal-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet tipprovdi li ladarba d-data relatata tkun ikkomunikata b’mod xieraq minn kull fornitur tas-servizz universali, il-BIPT jikkalkola kull sena l-ispiża netta ta’ dawn l-obbligi. Dan il-kalkolu, barra minn hekk, għandu jkun ippubblikat b’mod dettaljat.

71.      Għal dawn ir-raġunijiet, insostni li l-ewwel kap tat-tieni motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni huwa infondat.

2.      Fuq il-kalkolu tal-benefiċċji intanġibbli

72.      Kif innotat mill-Kummissjoni, il-‘premessa’ 20 tad-Direttiva 2002/22 tagħmel riferiment speċifiku għall-benefiċċji intanġibbli u tipprovdi li l-“benefiċċji indiretti [f’termini monetarji] li mpriża tikseb minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala fornitur ta’ servizz universali, għandu jitnaqqas mill-ispiża netta diretta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali sabiex jiġi stabbilit il-piż globali ta’ l-ispiża”.

73.      Il-preokkupazzjoni dwar il-kalkolu tal-benefiċċji intanġibbli huwa rifless ukoll fit-Taqsima A tal-Anness IV, li wara li tfakkar li “[i]l-kalkolu ta’ l-ispiża netta ta’ aspetti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali għandu jsir separatament” tippreċiża li għandu jkun evitat “għadd doppju ta’ xi benefiċċji u nefqiet diretti jew indiretti”. Fl-aħħar nett, dan l-Anness jagħmel riferiment ukoll għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-“benefiċċji ntanġibbli” sabiex tkun ikkalkolata l-ispiża netta kumplessiva tal-obbligi tas-servizz universali.

74.      Barra minn hekk, fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Franza (31), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li jistgħu jkunu injorati dawn it-tip ta’ benefiċċji mnissla mill-provvista tas-servizz universali. Fil-fatt, ma jistax jinċaħad li kull operatur jipproġetta fis-suq imaġini ta’ marka speċifika li n-notorjetà tagħha tista’ tissaħħaħ mill-mod li bih ikunu forniti dawn is-servizzi.

75.      Il-leġiżlazzjoni Belġjana injorat dawn il-benefiċċji, u jista’ jingħad li kienu kkunsidrati biss fl-analiżi tal-ispejjeż sostnuti minn Belgacom, filwaqt li ma kinux ikkunsidrati la għal operaturi oħra u lanqas għall-evalwazzjonijiet futuri.

76.      Għaldaqstant, it-tieni kap tat-tieni motiv imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat, fir-rigward tal-metodu maħluq mill-Belġju biex tkun ikkalkolata l-ispiża netta tat-tariffi soċjali, ma jipprovdix il-possibbiltà li jkunu kkunsidrati tali benefiċċji indiretti.

3.      Rikapitulazzjoni

77.      Kif spjegajt fil-punti 48 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kalkolu tal-ispiża netta, bħala regola ġenerali, u għall-finijiet ta’ qsim tar-responsabbiltà fost l-impriżi fil-konfront tal-fond ta’ kumpens, għandu jsir skont il-kriterji ta’ individwalità, speċifiċità u perijodiċità, li l-ommissjoni tagħhom f’dan il-każ, tiġġustifika li jintlaqa’ l-ewwel motiv tal-Kummissjoni.

78.      Fl-istess ħin, il-bżonn li fejn ikun il-każ, dan il-kalkolu jsir qabel id-dikjarazzjoni tal-piż inġust għandu jkun rispettat fil-każijiet fejn issir għażla għal sistema ta’ qsim tal-piż kif ipprovdut fl‑Artikolu 13(1) (b) tad‑Direttiva 2002/22, u fejn mhux l-operaturi kollha huma suġġetti għal obbligu speċifiku ta’ servizz universali għalkemm jikkontribwixxu għall-iffinanzjar tiegħu. Madankollu, f’dan il-każ, din l-ipoteżi ma teżistix anzi għall-kuntrarju, l-impriżi kollha huma suġġetti għall-obbligu tal-provvista tas-servizz, u kollha jikkontribwixxu fondi għas-sistema. Fil-każ inkwistjoni, il-kalkolu tal-ispiża netta jsir permezz ta’ kalkolu aritmetiku applikat b’mod identiku għall-operaturi kollha kkonċernati. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni ma urietx li l-ispiża netta tat-tariffi soċjali għandha tinkiseb permezz ta’ sistema ta’ kalkolu differenti minn dik proposta mill-Belġju. Jekk ma dan jiżdied il-fatt li l-operaturi kollha jikkontribwixxu biex ifornu s-servizz, peress li bl-istess mod huma obbligati li joffruh u li jipparteċipaw b’mod konġunt għall-iffinanzjar tiegħu, nikkonkludi wkoll li l-ewwel kap tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

79.      Minkejja dan u għar-raġunijiet esposti fil-punti 72 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni kap tat-tieni motiv imressaq mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’, sa fejn ir-Renju tal-Belġju ma jikkunsidrax, fil-kalkolu tal-ispiża netta tat-tariffi soċjali, il-benefiċċji indiretti li jinkisbu bl-għoti ta’ dawn it-tariffi.

VI – Fuq l-ispejjeż

80.       Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ir-rikors jintlaqa’ parzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

81.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont dak li qed nipproponi, iċ-ċaħda ta’ kap ta’ wieħed miż-żewġ motivi mressqa mill-Kummissjoni fil-konfront tar-Renju tal-Belġju, titlob li, għal raġunijiet ta’ ugwaljanza, kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha.

VII – Konklużjoni

82.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex :

“1)      Tiddikjara li billi naqas milli jagħmel, meta neċessarju u fiċ-ċirkustanzi deskritti hawn fuq, dikjarazzjoni ta’ ‘piż inġust’, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/22 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

2)      Tiddikjara li r-Renju tal-Belġju

-      ma naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) kif ukoll it-Taqsima A tal-Anness IV għad-Direttiva 2002/22 billi stabbilixxa sistema ta’ kalkolu tal-ispiża netta tat-tariffi soċjali li hija ugwali għad-differenza bejn id-dħul li kieku jikseb il-fornitur tas-servizz fil-kundizzjonijiet normali tas-suq u d-dħul li huwa effettivament jikseb mill-benefiċjarju tat-tariffi.

-      naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) kif ukoll it-Taqsima A tal-Anness IV għad-Direttiva 2002/22 billi stabbilixxa sistema ta’ kalkolu tal-ispiża netta li ma tieħux inkunsiderazzjoni l-benefiċċji intanġibbli li jirriżultaw mill-provvista tas-servizz.

3)      Tikkundanna lil kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2008, Arcor (C-55/06, Ġabra p. I- 2931); tas-17 ta’ Lulju 2008, Arcor et (C-152/07 sa C-154/0717, Ġabra p. I‑5959) u tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar (C-438/04, Ġabra p. I-6675).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 367).


4 – Premessa 8 u l-Artikolu 4(1).


5 – Premessa 12 u l-Artikolu 6 (1) u (3).


6 – Premessa 11 u l-Artikolu 5.


7 – Premessa 7.


8 – Artikolu 7.


9 – Artikolu 9.


10 – Premessa 4.


11 – Premessa 18.


12 – Premessa 21.


13 – Moniteur belge tal-20 ta’ Ġunju 2005.


14 – Moniteur belge tat-8 ta’ Mejju 2007.


15 – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 74.


16 – It-tielet paragrafu tal-Artikolu 74.


17 – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 74.


18 – It-tmien paragrafu tal-Artikolu 74.


19 – Speċifikament ipprovduta fl-Artikolu 45a tal-anness għal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, introdott mill-Artikolu 200 tal-liġi tal-25 ta’ April 2007.


20 – L-għaxar paragrafu tal-Artikolu 74.


21 – Moniteur belge tat-8 ta’ Awwissu 2006.


22 – Inter alia, u ladarba r-rekwiżiti supplimentari li jeżiġi l-Artikolu 22 ikunu sodisfatti, il-persuni li għandhom iktar minn 65 sena, l-adulti bi grad ta’ diżabbiltà ekwivalenti għal 66 % jew iktar, il-benefiċjarji li għandhom dħul baxx, il-persuni suġġetti għal deċiżjoni Rjali u s-suldati li għamew bil-gwerra.


23 – Artikoli 96 sa 102.


24 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Kawża C-146/00, (Ġabra p I-9767), punt 60.


25 – It-test fil-korsiv huwa enfasi magħmul minni.


26 – L-Avukat Ġenerali Geelhoed, adotta approċċ iktar dirett fil-konklużjonijiet ippreżentati fis-7 ta’ Ġunju 2001, fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq fil-punt 15, Il-Kummissjoni vs Franza, u spjega li “għandna nikkontrollaw lill-monopolisti antiki, li mhux biss għandhom pożizzjoni dominanti tas-suq, iżda abbażi ta’ din il-pożizzjoni, ħafna drabi jkunu l-uniċi li jkollhom viżjoni ċara tar-relevanza għall-qligħ tagħhom tal-ispiża li għandha tkun ikkalkulata. Huwa evidenti li dawn l-operaturi ma għandhomx interess li jikkalkulaw l-ispejjeż bi preċiżjoni massima”.


27 – L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22, imħabbar fil-premessa 25 jipprovdi li “L-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-parteċipanti tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji li jirrelataw ma' miżuri li m’humiex parti mill-obbligi ta’ servizz universali. L-Istati Membri ndividwali jibqgħu ħielsa li jimponu miżuri speċjali (barra mill-kamp ta’ applikazzjoni i ta’ obbligi ta’ servizz universali) u jiffinanzjawhom b’konformità mal-liġi tal-Komunità iżda mhux permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti tas-suq”.


28 – F’konformità mal-Artikolu 45a tal-liġi Belġjana dwar it-telekomunikazzjonijiet.


29 – Artikolu 15 u l-premessa 25 tad-Direttiva 2002/22.


30 – Premessa 25 tad-Direttiva 2002/22.


31 – Fil-punt 76, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu li tali benefiċċji intangibili jittieħdu inkunsiderazzjoni.