Language of document : ECLI:EU:C:2010:583

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Netwerks u servizzi – Artikolu 12 – Kalkolu tal-ispiża tal-obbligi ta’ servizz universali – Komponent soċjali tas-servizz universali – Artikolu 13 – Finanzjament ta’ obbligi ta’ servizz universali – Determinazzjoni tal-piż inġust”

Fil-Kawża C‑222/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u A. Nijenhuis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn T. Materne u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S. Depré, avukat,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ttrasponiex kompletament l-Artikoli 12(1) u 13(1), kif ukoll it-Taqsima A tal‑Anness IV tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 367), ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva u l-Artikolu 249 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 2002/22

2        Il-premessa 4 tad-Direttiva 2002/22 tipprovdi li l-fatt ta’ “[l]‑assigurazzjoni ta’ servizz universali (jiġifieri, l-forniment ta’ sett minimu definit ta’ servizzi lill-utenti finali bi prezz li jista’ jintlaħaq) jista’ jinvolvi l-forniment ta’ xi servizzi lill-xi utenti finali bi prezzijiet li jitilqu [jmorru lilhinn] minn dawk li jirriżultaw mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. Iżda, il-fatt li jingħata kumpens lill-impriżi maħtura biex jfornu servizzi bħal dawk f’dawk iċ-ċirkostanzi m’għandux jirriżulta f’distorsjoni ta’ kompetizzjoni, sakemm l-impriżi maħtura jiġu kompensati għall- ispiża netta speċifika nvoluta u sakemm il-piż ta’ l-ispiża netta jiġi rkuprat b’mod newtrali kompetittiv”.

3        Skont il-premessa 18 tad-Direttiva 2002/22:

“L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-iffinanzjar ta’ l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali fil-każi fejn jintwera li l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b’telf jew bi spiża netta li jaqgħu barra li-standards kummerċjali normali. […]”

4        Il-premessa 21 tad-Direttiva 2002/22 hija fformulata b’dan il-mod:

“Meta obbligu ta’ servizz universali jirrappresenta piż inġust [eċċessiv] fuq impriża, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi għall-irkupru effiċjenti ta’ l-ispejjeż netti. […]”

5        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Disponibilità ta’ servizz universali”:

“1.       L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-servizzi stipulati f’dan il-Kapitolu jintgħamlu disponibbli skond il-kwalità speċifikata lill-utenti kollha fit-territorju tagħhom, independentement mill-lok ġeografiku, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista’ jintlaħaq.

2.       L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ servizz universali, waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta’ l-oġġettività, it-trasparenza, in‑non‑diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu [huma differenti] mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.”

6        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħatra ta’ impriżi”, jipprovdi li:

“1.       L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l-forniment ta’ servizz universali […]

2.       Meta l-Istati Membri jaħtru mpriżi f’parti jew fit-territorju kollu nazzjonali bħala li jkollhom obbligi ta’ servizz universali, għandhom jagħmlu dan billi jużaw mekkaniżmu ta’ ħatra effiċjenti, oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, li bih ebda mpiża ma tkun a priori eskluża milli tiġi maħtura. Dawk il-metodi ta’ ħatra għandhom jassiguraw li s-servizz universali jiġi provdut b’mod effiċjenti fl-ispiża u jista’ jintuża bħala mezz biex tiġi stabbilita l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali skond l-Artikolu 12.”

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Tariffi bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu”, jipprovdi li:

“1.       L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 bħala li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u provduti mill-impriżi maħtura, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-prezzijiet u d-dħul tal-konsumaturi nazzjonali.

2.       L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeħtieġu li l-impriżi maħtura jfornu għażliet ta’ tariffi jew pakketti lill-konsumaturi li jitilqu [jmorru lilhinn] minn dawk provduti taħt kondizzjonijiet normali kummerċjali, b’mod partikolari biex jiġi assigurat li dak [l-persuni] bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali ma jiġux prevenuti milli jaċċessaw jew jużaw is-servizz pubblikament disponibbli tat-telefon.

[…]”

8        L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Stima ta’ l-ispejjeż ta’ obbligi ta’ servizz universali”, jipprovdi li:

“Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista’ jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.

Għal dak l-iskop l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom:

a)      jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta’ xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew

b)      jagħmlu użu ta’ l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifkat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).”

9        Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali”:

“1.      Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

a)      li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew

b)      jaqsmu l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]”

10      It-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 tiddeskrivi kif l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kkalkolata, kif ġej:

“L-obbligi għal servizz universali jirreferu għall-obbligi imqegħda fuq impriża minn Stat Membru li jikkonċernaw il-forniment ta’ network u servizz f’żona speċifikata ġeografika kollha, inkluż, fejn meħtieġ, il-prezzijiet medji f’dik iż-żona ġeografika għall-forniment ta’ dak is-servizz jew forniment ta’ għażliet speċifiċi ta’ tariffi għall-konsumaturi bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsidraw il-mezzi kollha biex jassiguraw inċentivi adatti għall-impriżi (maħtura jew le) biex ifornu obbligi ta’ servizz universali b’effiċjenza fl-ispiża. Fit-twettieq ta’ eżerċizzju ta’ kalkolu, l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal impriża maħtura fl-operazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali u fl-operazzjoni mingħajr obbligi ta’ servizz universali. Dan japplika sew jekk in-network fi Stat Membru partikolari jkun żviluppa kollu kemm hu jew jekk ikun għadu jkun qiegħed jiżviluppa u jespandi. Attenzjoni debita għandha tingħata biex issir stima korretta l-ispejjeż li x’impriża maħtura tkun għażlet li tevita li kieku ma kien hemm ebda obbligu ta’ servizz universali. Il-kalkolu ta’ l-ispiża netta għandu jistma l-benefiċċji, nklużi benefiċċji ntanġibbli, għall-operatur ta’ servizz universali.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2002/22, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw magħha sal-24 ta’ Lulju 2003, l-aktar tard, filwaqt li jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom u japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-25 ta’ Lulju 2003.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Fit-13 ta’ Ġunju 2005, ir-Renju tal-Belġju adotta l-liġi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi (Moniteur belge tal-20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005”, li sussegwentement ġiet emendata bil-Liġi tal-25 ta’ April 2007 dwar dispożizzjonijiet varji (IV) (Moniteur belge tat-8 ta’ Mejju 2007, p. 25103, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-25 ta’ April 2007”).

13      L-Artikolu 74 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, kif emendata bil-Liġi tal-25 ta’ April 2007 huwa fformulat kif ġej:

“Il-komponent soċjali tas-servizz universali għandu jikkonsisti fil-forniment, mill-operaturi kollha li joffri servizz pubbliku tat-telefon lill-konsumaturi, ta’ kundizzjonijiet tariffarji speċjali lil ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji.

Il-kategoriji ta’ benefiċjarji u l-kundizzjonijiet tariffarji msemmija fl-ewwel paragrafu, kif ukoll il-proċeduri intiżi sabiex jinkisbu l-imsemmija kundizzjonijiet tariffarji huma ddefiniti fl-Anness.

Kull sena, l-Istitut [Belġjan għas-servizzi postali u t-telekomunikazzjonijiet, (iktar ’il quddiem l-“Istitut”)] għandu jippreżenta lill-Ministru [kompetenti fl-oqsma dwar il-komunikazzjonijiet telefoniċi] rapport fuq is-sehem relattiv tal-operaturi fin-numru totali tal-abbonati soċjali, meta mqabbla mas-sehem tagħhom tas-suq ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-telefonija pubblika.

Għandu jinħoloq fond għas-servizz universali fil-qasam tat-tariffi soċjali sabiex jiġu kkumpensati l-fornituri ta’ tariffi soċjali li jkunu għamlu talba, f’dan is-sens, lill-Istitut. Dan il-fond għandu jkollu personalità ġuridika u jkun amministrat mill-Istitut.

Ir-Re għandu jiddetermina, permezz ta’ digriet diskuss fil-Kunsill tal-Ministri, u wara li l-Istitut jagħti l-opinjoni tiegħu, il-modalitajiet tal-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu.

Fil-każ li n-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti mill-operatur huwa inqas min-numru ta’ tnaqqis tariffarju li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu tad-dħul mill-bejgħ globali tas-suq tat-telefonija pubblika, dan l-operatur għandu jħallas din id-differenza.

Fil-każ li n-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti mill-operatur huwa ikbar min-numru ta’ tnaqqis tariffarju li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu tad-dħul mill-bejgħ globali tas-suq tat-telefonija pubblika, dan l-operatur għandu jirċievi kumpens fl-ammont ta’ din id-differenza.

Il-kumpensi msemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom jitħallsu immedjatament. Il-kumpens effettiv, li jsir permezz tal-fond, għandu jitwettaq immedjatament kif il-fond jibda jopera u, l-iktar tard, matul is-sena ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu.

L-Istitut għandu jikkalkola, skont il-metodu ddefinit fl-Anness, l-ispiża netta tat-tariffi soċjali għall-operaturi kollha li jkunu għamlu talba, f’dan is-sens, lill-Istitut.

L-Istitut jista’ jiddetermina l-modalitajiet tal-kalkolu tal-ispejjeż u l-kumpensi sal-limiti stabbiliti mil-liġi preżenti u mill-Anness tagħha.”

14      L-Artikolu 45a tal-Anness tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, introdott mill-Artikolu 200 tal-Liġi tal-25 ta’ April 2007, jiddefinixxi l-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu tal-ispiża netta tat-tariffi soċjali. L-imsemmi Artikolu 45a jipprovdi li:

“L-ispiża netta tat-tariffi soċjali tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li kieku jkollu l-fornitur ta’ tariffi soċjali f’kundizzjonijiet kummerċjali normali u dak li hu jdaħħal wara li jsir it-tnaqqis, previst fil-liġi preżenti, favur il-benefiċjarju tat-tariffi soċjali.

Waqt l-ewwel ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-liġi, il-kumpens li l-fornitur storiku ta’ tariffi soċjali jirċievi skont il-każ, għandu jitnaqqas b’perċentwali ffissata mill-Istitut.

Il-perċentwali msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tiġi ffissata abbażi tal-benefiċċju indirett. L-Istitut għandu jibbaża ruħu fuq il-kalkoli mwettaq minnu diġà meta ffissa l-ispejjeż netti tal-fornitur storiku tat-tariffi soċjali.”

15      Skont l-Artikolu 202 tal-Liġi tal-25 ta’ April 2007:

“Fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 74 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 […], il-kelmiet ‘Il-kumpensi msemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom jitħallsu immedjatament’ għandhom jiġu interpretati kif ġej:

Matul il-preparazzjoni tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 […], fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fid-Direttiva 2002/22 u wara talba f’dan is-sens min-naħa tal-fornitur storiku tas-servizz universali u wara l-iffissar tal-ispiża netta tas-servizz universali mill-Istitut, il-leġiżlatur, bħala awtorità regolatorja nazzjonali, għamel evalwazzjoni tan-natura irraġonevoli tal-piż. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur qies, bħalma barra minn hekk ġie kkonstatat mill-Kunsill tal-Istat, li sa fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji indiretti kollha, inkluż il-benefiċċju intanġibbli li jista’ jiġi ġġenerat minn dak il-forniment, kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ li dan il-kalkolu juri hija, fil-fatt, piż irraġonevoli.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16      Wara li fl-24 ta’Ġunju 2005 irċiviet it-test tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, li bih ir-Renju tal-Belġju adotta l-miżuri ta’ taspożizzjoni tad-Direttiva 2002/22, il-Kummissjoni wriet dubji rigward il-konformità ta’ ċerti aspetti ta’ din il-liġi mal-Artikoli 12(1) u 13(1) tal-imsemmija direttiva, permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Novembru 2006.

17      Fir-risposta tiegħu tas-16 ta’ Frar 2007, ir-Renju tal-Belġju ħabbar l‑adozzjoni ta’ emendi lill-imsemmija liġi, li saru sussegwentement permezz tal-Liġi tal-25 ta’ April 2007.

18      Għaldaqstant, il-Kummissjoni mbagħad irtirat numru mill-ilmenti tagħha. Madankollu hija żammet żewġ ilmenti, jiġifieri dawk dwar, minn naħa, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Belġjana li tipprovdi għall-eżami mill-awtorità regolatorja nazzjonali ta’ jekk l-obbligu li jiġu proposti tariffi soċjali jirrappreżentax piż inġust u, min-naħa l-oħra, dwar il-mezz ta’ kalkolu, mill-imsemmija awtorità, tal-ispejjeż netti marbuta mal-forniment tat-tariffi soċjali.

19      Fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Renju tal-Belġu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2002/22 fi żmien xahrejn mid-data meta jirċievi din l-opinjoni.

20      Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Awwissu 2007, ir-Renju tal-Belġju għamel talba sabiex jiġi estiż dan it-terminu, li l-Kummissjoni rrifjutat minħabba li l-kundizzjonijiet previsti f’dan il-qasam ma kinux sodisfatti.

21      Peress li qieset li l-informazzjoni mogħtija mir-Renju tal-Belġju ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment dwar il-modalitajiet li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-obbligu li jiġu applikati tariffi soċjali jirrappreżentax piż inġust

 L-argumenti tal-partijiet

22      Skont il-Kummissjoni, l-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2002/22 jobbligaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali teżamina n-natura tal-piż li jirriżulta, għall-operaturi maħtura sabiex ifornu s-servizz universali, minn dan il-forniment.

23      Permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 74 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, fil-verżjoni introdotta mil-Liġi tal-25 ta’ April 2007, il-leġiżlatur Belġjan qies li kull spiża netta li tirriżulta mill-obbligu li jiġu applikati tariffi soċjali tirrappreżenta piż inġust għall-impriża kkonċernata, li jrid neċessarjament iwassal għal kumpens. Sussegwentement inħoloq fond għas-servizz universali fil-qasam tat-tariffi soċjali, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-operaturi u intiż sabiex jikkumpensa lill-imsemmija impriżi.

24      Apparti li tistaqsi jekk il-leġiżlatur innifsu jistax jikkonstitwixxi awtorità regolatorja nazzjonali, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2002/22 timponi l-obbligu li jsir eżami konkret tan-natura possibilment inġusta tal-piż fil-kuntest tal-kalkolu tal-ispiża netta u tal-finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali. Konsegwentement, il-fatt li l-evalwazzjoni f’dan ir-rigward saret simultanjament mal-adozzjoni tal-liġi li għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli dwar is-servizz universali, ma huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2002/22, sa fejn dan iwassal għad-determinazzjoni a priori tan-natura inġusta tal-piż, u dan b’mod ġenerali u astratt.

25      Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-metodu użat ma jikkorrispondix għall-modalitajiet imposti mid-Direttiva 2002/22, peress li la l-leġiżlatur Belġjan u lanqas l-Istitut qatt ma eżaminaw jekk il-forniment tas-servizz universali jirrappreżentax piż inġust għall-operaturi kkonċernati.

26      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz universali mwettaq mill-Istitut, fis-26 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 ġiet adottata biss sentejn u nofs wara li l-Istitut ta l-opinjoni tiegħu, l-imsemmi kalkolu ma kienx għadu jgħodd u ma kienx adattat għas-sitwazzjoni reali tal-fatti. Fil-fatt, minkejja li l-imsemmija liġi imponiet l-obbligu ta’ servizz universali fuq l-operaturi kollha, l-opinjoni tal-Istitut dwar l-ispejjeż sostnuti minn Belgacom (iktar ’il quddiem “Belgacom”) kienu jirrigwardaw biss l-istimi għas-sena 2003, meta hija kienet l-unika waħda suġġetta għall-obbligu li tapplika tariffi soċjali. Konsegwentement, l-opinjoni inkwistjoni ma tistax tkun ibbażata fuq kalkolu validu tal-ispejjeż netti li abbażi tagħhom ir-Renju tal-Belġju seta’ jikkunsidra li l-adozzjoni tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 kienet twassal għal piż inġust għall-operaturi kollha.

27      Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema Belġjana ma tinkoraġġixxix sabiex jiġu osservati l-prinċipji ta’ profitt, ta’ effiċjenza, ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ distorsjoni minima tal-kompetizzjoni, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi, għal dan ir-rigward, tirreferi għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑220/07, punt 31).

28      Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, b’riżultat ta’ kif huma rregolati mil-liġi Belġjana, il-kompetenzi tal-Istitut huma wisq limitati, sa fejn ma huwiex previst li l-Istitut jista’ jikkonstata li l-forniment tas-servizz universali ma jwassalx għal piż inġust.

29      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija sorprisa li l-leġiżlatur Belġjan aġixxa bħala awtorità regolatorja nazzjonali għal aspett wieħed biss tad-direttivi dwar it-telekomunikazzjonijiet, jiġifieri l-evalwazzjoni rigward l-eżistenza ta’ piż inġust li jirriżulta mill-forniment tas-servizz universali, filwaqt li l-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 ma kinitx tipprevedi din is-sitwazzjoni li, barra minn hekk, ma saret ebda pubblikazzjoni dwarha f’dan is-sens, għall-kuntrarju ta’ dak li jitlob l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29. p. 349), u minkejja li l-argumenti bbażati fuq id-dritt kostituzzjonali Belġjan ma jistax jiġi kkontestat b’mod validu.

30      Filwaqt li jinvoka l-prinċipju tal-awtonomija tal-Istituzzjonijiet, l-Artikolu 249 KE, kif ukoll il-premessa 11 u l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2002/21, ir-Renju tal-Belġju jsostni li xejn ma jipprekludi li, skont is-sistema kostituzzjonali tiegħu, il-Parlament Belġjan jaġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ piż inġust li jirriżulta mill-forniment tas-servizz universali.

31      Il-fatt li jiġi stabbilit, permezz ta’ leġiżlazzjoni, dak li għandu jfisser piż inġust jevita trattament mhux ugwali bejn id-diversi operaturi li issa huma kollha obbligati japplikaw tariffi soċjali u għaldaqstant isostnu telf minħabba f’dan ir-rigward, peress li t-tariffi huma inqas mill-prezzijiet normali. L-ispejjeż netti kollha li impriża maħtura sabiex tforni s-servizz universali għandha ssostni bħala l-fornitur ta’ dan is-servizz għandhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala spejjeż inġusti, u konsegwentement għandhom jiġu kkumpensati.

32      Ir-Renju tal-Belġju jippreċiża li l-kompiti mogħtija lill-awtorità regolatorja nazzjonali fir-rgiward tal-organizzazzjoni tas-servizz universali kienu inqasmu bejn, minn naħa, il-leġiżlatur, u min-naħa l-oħra, l-Istitut li, bħala l-korp ta’ implementazzjoni, jiddetermina d-dritt ta’ kull operatur għal kumpens, skont il-kriterji stabbiliti mil-liġi.

33      Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li sistema liberalizzata ta’ servizz soċjali universali speċifiku bħal dak inkwistjoni, fejn l-operaturi kollha huma maħtura bħala fornituri ta’ dan is-servizz, tikkontribwixxi għal kompetizzjoni kontinwa bejn l-operaturi u twassal għal vantaġġi kbar għall-konsumatur.

34      Madankollu, sabiex tali sistema tiffunzjoni tajjeb din teħtieġ li l-operaturi jkollhom garanziji li jirrigwardaw il-possibbiltà li jiksbu kumpens. Għal dan il-għan, il-kumpens previst ikopri l-ammont tat-tnaqqis legali li huma kellhom jagħtu sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-abbonati soċjali, sa fejn dak l-ammont jaqbeż, proporzjonalment, is-sehem rispettiv tagħhom tas-suq. L-ispiża netta ddeterminata b’dan il-mod tikkorrispondi għal dak li t-tielet paragrafu tat-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 tiddefinixxi bħala “in-nefqiet attribwibbli għal [...] utenti finali jew gruppi ta’ utenti finali speċifiċi li [...] s-servizz għalihom jista’ jsir biss [...] taħt kondizzjonjiet ta’ l-ispiża li jaqgħu barra li-standards normali tal-kummerċ”.

35      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni Belġjana ma tipprovdix għal eżami fir-rigward tan-natura possibilment inġusta tal-piż li jirriżulta mill-obbligi ta’ servizz universali, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-leġiżlatur qies li l-piż huwa inġust meta spiża netta għandha tiġi sostnuta u tiġi ppreżentata talba għal finanzjament. Kull evalwazzjoni oħra tan-natura inġusta tal-ispiża, fil-kuntest tas-sistema Belġjana, twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati, peress li għalkemm huma kollha jsostnu l-istess obbligi, id-dritt li jintalab kumpens huwa limitat għal numru minnhom biss.

36      Barra minn hekk, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar in-natura inġusta tal-imsemmi piż, l-Istitut kien wettaq il-kalkolu tal-ispiża netta riżultat tal-offerta tas-servizz soċjali universali, skont it-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22. Dan il-kalkolu kien sar għall-ewwel darba fl-2002, imbagħad kien ġie aġġornat fl‑2005 fid-dawl, b’mod partikolari, tal-benefiċċji tas-suq li setgħet possibbilment tibbenifika minnhom Belgacom minħabba l-monopolju li kellha f’dak iż-żmien.

37      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza li jinsab fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/22, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li d-deċiżjoni definittiva dwar il-kalkolu tal-ispiża netta ġiet ippubblikata fit-18 ta’ Mejju  2005 fuq is-sit internet tal-Istitut.

38      Barra minn hekk, l-intervent tal-leġiżlatur kien obbligatorju minħabba rekwiżiti kostituzzjonali, peress li l-iskema ta’ kumpens stabbilita għall-benefiċċju tal-operaturi kellha tiġi kklassifikata bħala skema fiskali.

39      Id-Direttiva 2002/22 timponi l-obbligu ta’ eżami uniku tan-natura possibbilment inġusta tal-piż, li konsegwentement iwassal sabiex jiġi stabbilit il-mekkaniżmu ġenerali ta’ finanzjament, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva. B’mod żbaljat, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenza fundamentali li teżisti bejn, minn naħa, il-kalkolu tal-ispiża netta fil-kuntest tad-deċiżjoni rigward in-natura possibbilment inġusta tal-piż u tad-deċiżjoni li tipprevedi mekkaniżmu ta’ kumpens, li kienet operazzjoni unika li seħħet mal-adozzjoni tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, u, min-naħa l-oħra, il-kalkolu tal-ispiża netta skont l-Artikolu 45a tal-Anness ta’ din il-liġi, li hija operazzjoni ta’ kull sena mwettqa għall-finijet tal-ħlas tal-kumpens lill-operaturi kkonċernati kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva 2002/22 hija intiża sabiex toħloq qafas regolatorju armonizzat li, fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jiżgura l-forniment ta’ servizz universali, jiġifieri sett minimu ta’ servizzi partikolari lill-untenti finali kollha bi prezz li jista’ jintlaħaq. Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tiġi żgurata d-disponibbiltà, mal-Komunità Ewropea kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba u aċċessibbli għall-pubbliku, permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

41      Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ servizz universali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ l-oġġettività, it-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-proporzjonalità u għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, filwaqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

42      Bħalma tipprovdi l-premessa 4 tad-Direttiva 2002/22, il-fatt li huwa żgurat li s-servizz universali jista’ jwassal għall-forniment ta’ ċerti servizzi lil utenti finali bi prezzijiet li jmorru lilhinn minn dawk li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet normali tas-suq. Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur Komunitarju ppreveda, bħalma jirriżulta mill-premessa 18 tal-istess direttiva, li l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-finanzjament tal-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali fil-każi fejn jintwera li dawn l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b’telf jew bi spiża netta li tmur lilhinn mill-standards kummerċjali normali.

43      Għaldaqstant, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/22, meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu li l-forniment tas-servizz universali, bħal dak imsemmi fl-Artikoli 3 sa 10 ta’ din id-direttiva, jista’ jirrappreżenta piż inġust għall-impriżi maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ dan il-forniment.

44      Hemm lok li jiġi kkonstatat li għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), kif ukoll tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 jistabbilixxu r-regoli ta’ kif għandha tiġi kkalkolata l-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu qiesu li din tista’ tirrappreżenta piż inġust, la mill-imsemmi Artikolu 12(1) u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jistabbilixxi huwa stess il-kundizzjonijet li taħthom l-imsemmija awtoritajiet għandhom jikkunsidraw, qabel kollox, li l-imsemmi forniment jista jirrappreżenta tali piż inġust.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Belġju ma naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva billi stabbilixxa l-kundizzjonijiet ta’ kif għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi piż huwiex inġust jew le.

46      Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li huwa biss abbażi tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 12 tagħha, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jikkonstataw li impriża maħtura bħala fornitriċi tas-servizz universali hija fil-fatt suġġetta għal piż inġust u li għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, fuq talba minn din l-impriża, li jadottaw il-modalitajiet għal kumpens minħabba din l-ispiża.

47      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(a), kif ukoll tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22, dan il-kalkolu għandu jsir għal kull impriża maħtura sabiex tforni s-servizz universali.

48      Peress li l-konstatazzjoni li l-forniment ta’ dan is-servizz li jirrappreżenta piż inġust għal impriża waħda jew iktar, jikkostitwixxi l-prerekwiżit neċessarju għall-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kumpens mill-Istati Membri, minħabba l-ispejjeż sostnuti minn din jew dawn l-impriżi, huwa importanti li jiġi ddetermiant x’għandu jfisser “piż inġust”, peress li dan il-kunċett ma huwiex definit mid-Direttiva 2002/22.

49      F’dan ir-rigward, mill-premessa 21 tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jorbot il-mekkaniżmi għall-irkupru tal-ispejjeż netti, li l-forniment tas-servizz universali jista’ jikkawża għal impriża, mal-eżistenza ta’ piż eċċessiv fuq din l-impriża. F’dan il-kuntest, billi qies li l-ispiża netta tas-servizz universali ma tirrappreżentax neċessarjament piż eċċessiv għall-impriżi kkonċernati kollha, huwa ried jeskludi li kwalunkwe spiża netta ta’ forniment ta’ servizz universali tagħti awtomatikament lok għal dritt ta’ kumpens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-piż inġust li l-awtorità regolatorja nazzjonali trid tikonstata l-eżistenza tiegħu qabel kwalunkwe kumpens, huwa piż li għal kull impriża kkonċernata, huwa ta’ natura eċċessiva fir-rigward tal-kapaċità tagħha li ssostnih, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha kollha, b’mod partikolari, fil-livell ta’ tagħmir tagħha, tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha, kif ukoll tas-sehem tagħha tas-suq.

50      Għalkemm, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni f’dan ir-rigward fid-Direttiva 2002/22, huwa l-obbligu tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tistabbilixxi, b’mod ġenerali u impersonali, il-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati l-limiti li fihom, fid-dawl tal-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti, piż jista’ jitqies bħala eċċessiv, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija awtorità ma tistax tikkonstata li l-piż tal-forniment tas-servizz universali huwa inġust, skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, ħlief bil-kundizzjoni li jsir eżami partikolari tas-sitwazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata fir-rigward ta’ dawn il-kriterji.

51      Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata li impriża waħda jew iktar, maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali, huma suġġetti għal piż inġust u jekk din l-impriża jew dawn l-impriżi jitolbu li jiġu kkumpensati għal dan, huwa mbagħad l-obbligu tal-Istat Membru li jimplementa l-mekkaniżmi neċessarji għal dan il-għan, skont l-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2002/22 li minnu, barra minn hekk, jirriżulta li dan il-kumpens għandu jkun ipproporzjonat mal-ispejjeż netti bħalma kienu kkalkolati skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva.

52      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jikkonstataw, mingħajr ma jiksru l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2002/22, li l-forniment ta’ servizz universali jikkostitwixxi fil-fatt piż inġust li jista’ jiġi kkumpensat, mingħajr ma jkun sar kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment li tirrappreżenta għal kull impriża li hija responsabbli għaliha u jkun ġie evalwat jekk din l-ispiża tikkostitwixxix piż eċċessiv għall-imemmija impriża. Lanqas ma jistgħu jadottaw skema ta’ kumpens fejn il-kumpens ma jkunx relatat ma’ din l-ispiża netta.

53      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandu jiġi eżaminat il-mertu tal-ewwel ilment.

54      Mill-Artikolu 74 tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, kif interpretat mil-Liġi tal-25 ta’ April 2007, jirriżulta li sabiex jiġi konkluż li forniment tal-komponent soċjali tas-servizz universali jirrappreżenta piż inġust, il-leġiżlatur Belġjan qies li, sa fejn il-kalkolu tal-ispiża netta ta’ dan is-servizz sar fid-dawl tal-benefiċji indiretti kollha, inkluż il-benefiċċju intanġibbli, li jista’ jiġi ġġenerat minn din il-provvista, “kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ li dan il-kalkolu juri huwa […] fil-fatt, piż irraġonevoli”. Mill-istess Artikolu 74 l-imsemmi leġiżlatur iddeċieda li, fil-każ li n-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti minn operatur huwa ikbar min-numru ta’ tnaqqis tariffarju li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu tad-dħul mill-bejgħ globali tas-suq tat-telefonija pubblika, dan l-operatur għandu jirċievi kumpens li l-ammont tiegħu huwa ffissat skont din id-differenza.

55      Sabiex fl-2005 iddeċieda b’dan il-mod dwar in-natura inġusta tal-piż li jirrappreżenta l-forniment ta’ tariffi soċjali fir-rigward tas-servizz universali, il-leġiżlatur Belġjan ibbaża ruħu fuq opinjoni tal-Istitut tal-2002 dwar l-ispejjeż sostnuti mill-operatur storiku, Belgacom, u li kienu jikkonċernaw stimi għas-sena 2003.

56      Kif jirriżulta mill-konstatazzjoni tal-punt 44 tas-sentenza preżenti, xejn ma kien jipprekludi l-awtorità regolatorja nazzjonali, meta l-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 kienet tobbliga lill-operaturi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet sabiex joffru tariffi soċjali minn dak iż-żmien, milli tqis abbażi tal-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li l-ispiża tal-forniment tas-servizz universali “tista’” tirrappreżenta piż inġust, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22.

57      Min-naħa l-oħra, il-modalitajiet sabiex jiġi ddeterminat il-piż inġust li jagħti dritt għal kumpens, kif previst mill-imsemmija liġi, ma jidhrux li huma konformi mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 13 tad- Direttiva 2002/22.

58      Fil-fatt, fl-ewwel lok, billi qies li kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ żvelata mill-kalkolu tal-ispiża netta hija “piż irraġonevoli”, il-leġiżlatur Belġjan ta awtomatikament dritt għal kumpens lill-operaturi li għalihom l-ispejjeż netti sostnuti minħabba obbligi ta’ servizz universali li huma suġġetti għalihom, xorta ma jirrappreżentawx piż eċċessiv, filwaqt li minn dak li ntqal fil-punt 49 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, għalkemm sitwazzjoni ta’ żbilanċ hija piż, din ma hijiex neċessarjament piż eċċesssiv għal kull operatur.

59      Fit-tieni lok, l-evalwazzjoni ta’ din in-natura eċċessiva tal-piż marbuta mal-forniment tas-servizz universali taħtieġ eżami partikolari kemm tal-ispiża netta li jirrappreżenta dan il-forniment għal kull operatur ikkonċernat, kif ukoll tal-karatteristiċi kollha ta’ dan l-operatur, bħal-livell tat-tagħmir tiegħu, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu, kif ukoll is-sehem tiegħu tas-suq, bħalma jirriżulta mill-punti 47 u 49 tas-sentenza preżenti. Madankollu, ir-Renju tal-Belġju ma stabbilixxix, u dan ma jirriżulta minn l-ebda dokument fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġsutizzja, li l-leġiżlatur Belġjan ħa inkunsiderazzjoni dawn il-karatteristiċi kollha meta kkonkluda li l-forniment tas-servizz universali jirrappreżenta piż inġust.

60      Fit-tielet lok, billi pprovdiet li kull spiża, sostnuta minħabba li n-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti minn operatur tmur lilhinn proporzjonalment mis-sehem tiegħu tas-suq, għandha tkun awtomatikament ikkumpensata, il-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 tistabbilixxi mekkaniżmu li jwassal għal kumpens li ma huwiex relatat mal-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali kif kien ikkalkolat skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22.

61      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, sa fejn huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22, għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, dwar il-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali

 L-argumenti tal-partijiet

62      Fil-kuntest tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa li, sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana l-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali huwa bbażat fuq telf ipotetiku li huwa ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għan-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti li jmur lilhinn, proprzjonalment, mis-sehem tal-operatur ikkonċernat tas-suq, l-ispejjeż reali li l-impriża setgħet fil-fatt tevita kieku ma kienx jeżisti l-obbligu ta’ servizz universali ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni. Tali approċċ jmur kontra kemm l-Artikolu 12 tad-Direttiva 200/22 kif ukoll l-obbligu taħt it-Taqsima A tal-Anness IV tagħha.

63      Min-naħa l-oħra, il-mezz ta’ kalkolu previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana ma jiħux inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tas-suq li tibbenifika minnhom impriża maħtura, filwaqt li d-Direttiva 2002/22 timponi li l-kalkolu tal-ispiża netta jieħu inkunsiderazzjoni benefiċċji li l-forniment tas-servizz universali jista’ jġib miegħu, inklużi l-benefiċċji intanġibbli.

64      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Renju tal-Belġju jwettaq żball meta jikkunsidra t-termini “dħul” u “spejjeż” bħala sinonimi. Il-fatt li d-dħul tal-fornitur ikun inqas minħabba li jrid joffri tariffa soċjali jikkostitwixxi, madankollu, aspett li huwa separat mill-kwistjoni ta’ liema spejjeż netti addizzjonali huwa jsostni minħabba l-obbligu ta’ servizz universali.

65      Fil-fatt, l-ispejjeż addizzjonali reali li dan il-fornitur isostni, jiġifieri l-ispejjeż li jevita kieku ma kienx obbligat joffri tariffa soċjali, ma jikkorrispondux neċessarjament għall-ammont ta’ tnaqqis li għandu jagħti. Dawn l-ispejjeż jiddependu, minn naħa, mill-istruttura tal-ispejjeż tal-operatur ikkonċernat, liema struttura tiddependi, min-naħa tagħha, fuq it-tip ta’ servizzi li huwa forna u, min-naħa l-oħra, mis-sitwazzjoni ta’ dan l-operatur fil-konfront tal-klijenti tiegħu. Għaldaqstant, jista’ jkun hemm differenza kbira bejn, minn naħa, l-ispejjeż addizzjonali li l-operatur storiku jsostni peress li hu jkompli jipprovdi l-linja fissa ta’ ċerti klijenti soċjali kkonnettjata sa minn numru ta’ snin u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minn operatur ġdid li jikkonnettja lil klijenti soċjali ġodda man-netwerk tiegħu.

66      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-benefiċċji tas-suq, il-Kummissjoni tqis li l-affermazzjoni li, fil-prinċipju, l-operaturi ma jgawdu minn ebda benefiċċju tas-suq indirett ma hija bbażata fuq ebda prova speċifika. Peress li l-Istitut qatt ma għamel kalkolu tal-ispejjeż netti, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu mwettaq għal dak li jirrigwarda Belgacom fl-2002 għandu jitqies li ma għadux jgħodd u mhux adattat, ma jista’ fl-ebda każ jiġi konkluż li l-obbligu li joffru tariffi soċjali ma tipprovdi benefiċċji tas-suq lil ebda operatur.

67      Wara li ddikjara li l-metodu ta’ kalkolu huwa perfettament konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/22, ir-Renju tal-Belġju jippreċiża li l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali, fis-sistema Belġjana, tikkorrispondi għad-differenza bejn, minn naħa, id-dħul li kieku jkollu l-fornitur tas-servizz universali f’kundizzjonijiet kummerċjali normali u, min-naħa l-oħra, id-dħul li għandu wara li jsir it-tnaqqis previst mil-liġi favur il-benefiċjarji tat-tariffa soċjali.

68      L-uniku telf finanzjarju li operatur seta’ jevita fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ servizz universali huwa t-tnaqqis tariffarju obbligatorju. Fil-fatt, indipendentement mit-tip ta’ tariffa applikata, l-operaturi joffru l-istess servizz għall-abbonati eżistenti kollha.

69      Peress li kull operatur ta’ telefonija pubbliku huwa obbligat iforni s-servizz universali lill-konsumaturi, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat vantaġġ kummerċjali indirett fir-rigward ta’ operatur. Fi kwalunkwe każ, jekk ikun hemm benefiċċji, dawn ikunu potenzjalment identiċi għall-operaturi kollha.

70      Barra minn hekk, skont l-Istat Membru konvenut, għalkemm il-fatt li l-operatur storiku kellu benefiċċju tas-suq kbir, meta mqabbel mal-operaturi l-oħra, iġġustifika l-adozzjoni tal-Artikolu 45a tal-Anness tal-Lġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, introdott mill-Artikolu 200 tal-Lġi tal-25 ta’ April 2007, li stabbilixxa mekkaniżmu ta’ tnaqqis tal-kumpens li jirċievi dan l-operatur storiku, dan il-mekkaniżmu ma jirrikonoxxix il-fatt li tali benefiċċju jeżisti għall-operaturi l-oħra wkoll.

71      Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li, fid-dawl tal-kliem tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ tipi ta’ spejjeż fil-kuntest tal-kalkolu tal-ispiża netta, jiġifieri, minn naħa, it-telf minħabba l-fatt li l-ispiża tas-servizz universali ma hijiex koperta mid-dħul, u min-naħa l-oħra, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tluq lilhinn mill-kundizzjonijiet kummerċjali normali.

72      Għaldaqstant, l-approċċ adottat mil-leġiżlatur Belġjan li jqis bħala spiża netta t-tnaqqis meta mqabbel mal-kundizzjonijiet kummerċjali normali li l-fornituri tas-servizz soċjali universali għandhom jagħtu lill-abbonati soċjlai, huwa konformi mal-kliem tat-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22. Skont ir-Renju tal-Belġju, approċċ oppost iwassal, fis-sistema liberalizzata Belġjana, għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni bejn impriżi tat-telekomunikazzjonijiet, peress li dawn ikunu kollha obbligati jagħtu t-tnaqqis soċjali, iżda jibbenefikaw minn kumpens differenti.

73      Fir-rigward tal-eżami tal-benefiċċji tas-suq, ir-Renju tal-Belġju jsostni, minn naħa, li kalkolu tal-ispiża netta twettaq fir-rigward ta’ Belgacom fid-dawl tal-benefiċċji tas-suq li din seta’ jkollha mill-forniment tas-servizz universali minħabba l-monopolju li kienet tgawdi minnu f’dak il-qasam f’dak iż-żmien u, min-naħa l-oħra, li mil-liberizzazzjoni tas-servizz universali, il-kalkolu annwali tal-ispiża netta jitwettaq meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens dovut lil kull operatur wara t-talba tiegħu għal kumpens. L-analiżi tas-sistema liberalizzata Belġjana turi li benefiċċji tas-suq indiretti li l-operaturi jista’ jkollhom mill-għoti ta’ tnaqqis soċjali jistgħu jkunu potenzjalment identiċi għall-operaturi kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22, l-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispiża sostnuta minn impriża maħtura meta hija tforni servizz universali u meta ma tfornix dan. Għal dan il-għan, skont l-istess dispożizzjoni hemm lok li ssir evalwazzjoni korretta tal-ispejjeż li l-impriża maħtura kienet tevita fin-nuqqas ta’ obbligi ta’ servizz universali, kieku kellha l-għażla li ma tissodisfax tali obbligi, u li ssir evalwazzjoni tal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli, għall-operatur ta’ servizz universali.

75      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 45a tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, l-ispiża netta tal-komponent soċjali tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li kieku jkollu operatur fil-kundizzjonijiet kummerċjali normali u dak li hu jdaħħal wara t-tnaqqis previst mill-imsemmija liġi favur il-benefiċjarji tat-tariffa soċjali.

76      Permezz tal-ewwel parti tal-ilment invokat, il-Kummissjoni ssostni li l-kalkolu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jiħux ikunsiderazzjoni l-ispejjeż reali li l-impriża maħtura kienet fil-fatt tevita kieku kellha l-għażla li ma tissodisfax l-obbligi ta’ servizz universali.

77      Għandu jiġi rrilevata li din il-parti tal-ilment tirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali stabbiliti mid-Direttiva 2002/22, li jikkonsistu f’li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali li l-impriża maħtura kellha ssostni minħabba l-obbligi marbuta ma’ dan is-servizz universali. Għaldaqstant, din il-parti tal-ilment hija fondata biss jekk il-metodu tal-kalkolu inkwistjoni jeskludi neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali.

78      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa paċifiku li l-metodu ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tas-servizzi b’tariffi soċjali stabbilit mil-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 huwa differenti minn dak użat għall-komponenti ta’ servizz universali l-oħra, bħall-“komponent ġeografiku fiss”, il-provvista ta’ telefons pubbliċi jew is-servizz universali ta’ informazzjoni dwar in-numri tat-telefons, li għalihom huwa previst, b’mod espliċitu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-“ispejjeż evitati”, fiha nnifisha ma hijex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment ta’ servizz b’tariffi soċjali jikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/22.

79      Barra minn hekk, id-dokumenti fil-fajl ssottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jippermettux li titqies bħala ineżatta l-affermazzjoni tar-Renju tal-Belġju li l-uniku telf finanzjarju li operatur seta’ jevita kieku ma kellux obbligi li jforni servizzi b’tariffi soċjali, huwa t-tnaqqis tariffarju obbligatorju, peress li indipendentement mit-tip ta’ tariffi applikata, l-operaturi joffru l-istess servizz għall-abbonati eżistenti kollha. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li, indipendentement mis-sitwazzjoni rispettiva ta’ dawn id-diversi operaturi, il-kontenut tad-diversi servizzi li joffru lil kull wieħed mill-abbonati tagħhom u, konsegwentement, l-istruttura tal-ispejjeż marbuta ma’ dan il-kontenut, bħala tali ma jidhrux mibdula mis-sempliċi fatt li ċerti minn dawn l-abbonati jistgħu jitolbu l-benefiċċju tat-tariffi soċjali.

80      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx li, billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni pprovdiet li l-ispiża netta tal-komponent soċjali tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li l-fornitur li jipprovdi servizzi b’tariffi soċjali jkollu fil-kundizzjonijiet kummerċjali normali u dak li fil-fatt idaħħal wara t-tnaqqis tariffarju, previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni, favur benefiċjarji ta’ tariffi soċjali, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż li l-impriża maħtura sabiex tforni s-servizz universali kienet tevita kieku kellha l-għażla li ma tissodisfax l-obbligi marbuta ma’dan is-servizz.

81      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

82      It-tieni parti tal-imsemmi lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-kalkolu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tas-suq li l-impriżi kkonċernati jgawdu minnhom mill-forniment ta’ servizzi b’tariffi soċjali, inklużi l-benefiċċji intanġibbli.

83      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li, sa fejn l-obbligu li jiġu fornuti servizzi b’tariffi soċjali huwa ta’ piż għall-operaturi kollha li joperaw fit-territorju Belġjan, il-benefiċċji tas-suq huma, fil-prinċipju, potenzjalment identiċi għal dawn l-operaturi kollha. Filwaqt li jagħmel dan, huwa ma jikkontestax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tas-suq li possibbilment jirriżultaw mill-forniment ta’ servizzi b’tariffi soċjali.

84      Madankollu, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(a) flimkien ma’ dawk tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li l-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali għandu jinkludi l-evlawazzjoni tal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli, li jirriżultaw minnha għall-operatur ikkonċernat. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-qafas regolatorju armonizzat li d-Direttiva 2002/22 trid tistabblixxi, huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija benefiċċji meta jistabbilixxu l-modalitajiet li bihom għandha tiġi kkalkolata l-ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni parti tat-tieni lment, huwa fondat.

86      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju,

–        minn naħa, billi naqas milli jipprevedi, fil-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tal-komponent soċjali tas-servizz universali, il-benefiċċji tas-suq li jgawdu minnhom l-impriżi li għandhom l-obbligu li jagħmlu dan il-forniment, inkluż il-benefiċċji intanġibbli, u

–        min-naħa l-oħra, billi kkonstata b’mod ġenerali u abbażi tal-kalkolu tal-ispejjeż netti tal-fornituri tas-servizz universali li qabel kien l-uniku fornitur ta’ dan is-servizz, li l-impriżi kollha li issa huma obbligati li jipprovdu l-imsemmi servizz huma fil-fatt suġġetti għal piż inġust minħabba dan il-forniment, u billi għamel dan mingħajr ma wettaq eżami partikolari, kemm tal-ispiża netta li tirrappreżenta l-forniment tas-servizz universali għal kull operatur ikkonċernat, kif ukoll tal-karatteristiċi kollha ta’ dan tal-aħħar, bħal-livell tat-tagħmir tiegħu jew tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/22, rispettivament.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 69(3), ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, b’mod partikolari, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom.

88      F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet fuq ċerti kapijiet tat-talbiet tagħha, hemm lok li r-Rejnu tal-Belġju jiġi kkundannat għall-żewġ terzi tal-ispejjeż u l-Kummissjoni tiġi kkundannata għat-terz l-ieħor.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Renju tal-Belġju,

–        minn naħa, billi naqas milli jipprevedi, fil-kalkolu tal-ispiża netta tal-forniment tal-komponent soċjali tas-servizz universali, il-benefiċċji tas-suq li jgawdu minnhom l-impriżi li għandhom l-obbligu li jagħmlu dan il-forniment, inkluż il-benefiċji intanġibbli, u

–        min-naħa l-oħra, billi kkonstata b’mod ġenerali u abbażi tal-kalkolu tal-ispejjeż netti tal-fornituri tas-servizz universali li qabel kien l-uniku fornitur ta’ dan is-servizz, li l-impriżi kollha li issa huma obbligati li jfornu l-imsemmi servizz huma fil-fatt suġġetti għal piż inġust minħabba dan il-forniment, u billi għamel dan mingħajr ma wettaq eżami partikolari, kemm tal-ispiża netta li tirrappreżenta l-forniment tas-servizz universali għal kull operatur ikkonċernat, kif ukoll tal-karatteristiċi kollha ta’ dan tal-aħħar, bħal-livell tat-tagħmir tiegħu jew tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), rispettivament.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għal żewġ terzi tal-ispejjeż. Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għat-terz l-ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.